3.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 326/9


Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2010 dwar l-inizjattiva Żgħażagħ f'Moviment – approċċ integrat bi tweġiba għall-isfidi li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ

2010/C 326/05

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

WARA LI KKUNSIDRA:

1.

L-istrateġija Ewropa 2020, li tistabbilixxi objettivi ambizzjużi għal tkabbir bil-għaqal, inklużiv u sostenibbli li għandhom jintlaħqu matul id-deċennju li jmiss, li tenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa għal azzjoni biex jittejbu l-livelli tal-edukazzjoni, jiżdiedu r-rati tal-impjieg u għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, u li tidentifika mira ewlenija speċifika rigward l-edukazzjoni (1), kif ukoll oħrajn relatati mal-impjieg (2), l-inklużjoni soċjali (3), u r-riċerka u l-innovazzjoni (4);

2.

il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”) (5), li jibqa’ l-bażi għal tali kooperazzjoni u li jikkomplementa l-Istrateġija Ewropa 2020 billi jenfasizza l-kontribut kruċjali li jagħtu l-edukazzjoni u t-taħriġ biex jegħlbu l-bosta sfidi soċjoekonomiċi, demografiċi, ambjentali u teknoloġiċi li qiegħda tiffaċċja l-Ewropa llum, u li jistabbilixxu erba’ objettivi strateġiċi (6) li għandhom l-għan li jiżguraw prosperità ekonomika sostenibbli u impjegabbiltà, kif ukoll is-sodisfazzjon personali, soċjali u professjonali taċ-ċittadini kollha;

3.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2009 dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ (7), li tirrikonoxxi li l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni professjonali ta' rġiel u nisa żgħażagħ hija parti essenzjali fil-kisba tal-objettivi tal-istrateġija tal-Ewropa għat-tkabbir u l-impjiegi, filwaqt li fl-istess ħin ikunu promossi s-sodisfazzjon personali, il-koeżjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva. Huwa ta' importanza kruċjali li n-nisa u l-irġiel żgħażagħ kollha jkollhom il-possibbiltà li jisfruttaw il-potenzjal tagħhom bl-aħjar mod. Għalhekk ir-Riżoluzzjoni tappella għal inizjattivi speċifiċi fil-qasam taż-żgħażagħ — jiġifieri politiki u azzjonijiet li huma mmirati speċifikament lejn iż-żgħażagħ f'oqsma bħat-tagħlim mhux formali, il-parteċipazzjoni, l-attivitajiet volontarji, il-ħidma maż-żgħażagħ, il-mobbiltà u l-informazzjoni, l-inklużjoni soċjali, il-kultura u s-saħħa. Din tappella wkoll għal inizjattivi ta' integrazzjoni — jiġifieri inizjattivi li jippermettu approċċ transettorjali bejn il-politiki taż-żgħażagħ u oqsma oħra ta' politika rilevanti.

4.

Fl-Istrateġija Ewropa 2020, l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea għandhom jimplimentaw ir-riformi mmirati lejn tkabbir intelliġenti u inklużiv, jiġifieri tkabbir stimolat mill-għarfien u l-innovazzjoni li jippermetti l-parteċipazzjoni sħiħa. Dawn għandhom jimmiraw lejn titjib fil-kwalità tal-edukazzjon u t-taħriġ, lejn it-tisħiħ tar-riċerka u l-promozzjoni tal-innovazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien madwar l-UE. Dawn għandhom iħeġġu l-ispirtu intraprenditorjali u jgħinu biex jittraduċu ideat kreattivi fi prodotti innovattivi, servizzi u proċessi li jistgħu joħolqu tkabbir, impjiegi ta' kwalità u sostenibbli, koeżjoni territorjali, ekonomika u soċjali, u jindirizzaw b'mod aktar effiċjenti u effettiv l-isfidi relatati mas-soċjetà Ewropea u globali.

JILQA’:

il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Żgħażagħ f'Moviment: Inizjattiva biex jinħareġ il-potenzjal taż-żgħażagħ biex jinkiseb it-tkabbir bil-għaqal, sostenibbli u inklużiv fl-Unjoni Ewropea (8), li tpoġġi liż-żgħażagħ fiċ-ċentru ta' aġenda qafas għall-UE,

WAQT LI JISTENNA B'INTERESS LI:

jitqiesu l-proposti li jinsabu fl-inizjattiva, li tinkludi azzjonijiet ġodda ewlenin kif ukoll ir-rinfurzar tal-attivitajiet eżistenti, kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll f'dak Ewropew, bil-ħsieb li jgħinu liż-żgħażagħ iwieġbu għall-bosta sfidi soċjoekonomiċi li jiffaċċjaw u biex jirnexxu fis-soċjetà tal-għarfien,

JIRRIKONOXXI LI:

1.

Filwaqt li l-prosperità tal-Ewropa tiddependi fil-biċċa l-kbira miż-żgħażagħ tagħha, għad hemm bosta minnhom li qegħdin jiffaċċjaw diffikultajiet konsiderevoli biex jissodisfaw il-potenzjal tagħhom u jagħtu l-kontribut tagħhom lis-soċjetà: numru kbir minnhom jitilqu mill-iskola mingħajr kwalifiki jew b'ħiliet insuffiċjenti, ma jirnexxilhomx isibu impjieg u jsibu ruħhom f'riskju ta' esklużjoni soċjali, u konsegwentement dan jinvolvi spejjeż kbar kemm għall-individwu kif ukoll għas-soċjetà fl-intier tagħha. Biex din is-sitwazzjoni tiġi rrimedjata meħtieġ approċċ transettorjali aktar integrat għall-politiki dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ, l-impjiegi u dawk soċjali li jibnu fuq il-punti tajbin attwali u jiżviluppaw miżuri ġodda u effettivi.

2.

L-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-istrumenti nazzjonali dwar it-tagħlim tul il-ħajja, li huma importanti peress li jippermettu mhux biss liż-żgħażagħ, iżda wkoll lill-adulti, biex jiksbu, jżommu u jiżviluppaw l-għarfien, ħiliet u kompetenzi permezz tal-karrieri tagħhom, tibqa’ sfida għal bosta Stati Membri. B'mod partikolari, meħtieġa aktar opportunitajiet ta' tagħlim flessibbli li jippermettu mobbiltà bejn sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ differenti, kif ukoll bejn ambjenti ta' tagħlim formali, mhux formali u informali, għal nisa u rġiel fi stadji differenti ta' ħajjithom, u li jistgħu jattiraw lil studenti mhux tradizzjonali.

3.

Fis-snin li ġejjin għadd dejjem akbar ta' impjiegi ser jeħtieġu livell għoli ta' kwalifiki (9), madankollu l-UE għandha perċentwali aktar baxxa ta' persuni b'livell ta' kwalifiki terzjarju jew ekwivalenti (10), kif ukoll proporzjon aktar baxx ta' riċerkaturi, mill-kompetituri tagħha. Barra minn hekk, il-kapaċità ta' innovazzjoni tal-Ewropa ser teħtieġ sħubiji ta' għarfien u rabtiet aktar b'saħħithom bejn id-dinja tal-edukazzjoni u t-taħriġ, tar-riċerka u tan-negozju, sabiex it-triangolu tal-għarfien jissaħħaħ. Din ser tipprovdi wkoll mezz biex jiġi żgurat li dawk li għandhom impjiegi ta' ftit kwalifiki jkunu f'pożizzjoni aħjar biex jaddattaw għad-domandi li qed jinbidlu tas-suq tax-xogħol.

4.

Minbarra li tissodisfa l-objettivi personali u soċjoekonomiċi, il-mobbiltà fit-tagħlim tista' tipprovdi mod utli biex issaħħaħ l-impjegabbiltà u biex jinkisbu jew jissaħħu l-kompetenzi professjonali, pedagoġiċi, lingwistiċi, interpersonali u interkulturali. Hija tista' tikkontribwixxi wkoll għal titjib fil-kwalità tal-istituzzjonijiet edukattivi u l-kooperazzjoni bejniethom. Għalkemm il-programmi u l-istrumenti ta' politika tal-UE taw kontribut sinifikanti f'dan il-qasam, għad hemm potenzjal konsiderevoli mhux esplorat għall-mobbiltà fit-tagħlim, li spiss wisq jibqa’ l-eċċezzjoni. L-opportunitajiet tal-mobbiltà fit-tagħlim f'kuntest edukattiv formali għandhom jiġu inkoraġġuti b'mod attiv għal gruppi bħal studenti adulti żgħażagħ, għalliema, ħarrieġa u persunal edukattiv. L-adulti żgħażagħ għandhom ukoll ikunu jistgħu jibbenefikaw minn tali opportunitajiet f'ambjenti ta' tagħlim mhux formali jew informali. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġu esplorati forom innovattivi ġodda ta' mobbiltà bħal din, inkluża l-mobbiltà virtwali, filwaqt li għandu jitwessa’ l-aċċess għaliha, b'attenzjoni partikolari għal gruppi u sessi żvantaġġati.

GĦALDAQSTANT JAQBEL LI:

1.

Filwaqt li jaħdmu biex jiksbu l-għanijiet tal-inizjattiva Żgħażagħ f'Moviment, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw fil-kuntest ġenerali tal-Istrateġija Ewropa 2020, filwaqt li jiżguraw konsistenza mal-arranġamenti eżistenti, b'mod partikolari dawk li saru taħt il-qafas strateġiku “ET 2020” għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ, l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi u l-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ. L-implimentazzjoni tal-azzjonijiet, il-proċeduri ta' monitoraġġ u rappurtar għandhom jitwettqu kollha fi ħdan dawn l-oqfsa u f'konformità mal-prinċipji u l-objettivi ġenerali rispettivi tagħhom. Jeħtieġ li l-azzjonijiet jiġu kkoordinati mill-qrib, bl-involviment u l-kooperazzjoni tal-partijiet interessati rilevanti f'kull livell, inkluż permezz tad-djalogu strutturat.

2.

Il-Linji Gwida Integrati Ewropa 2020  (11) jipprevedu qafas għal azzjonijiet ta' politika kkoordinati, li l-maġġoranza tagħhom jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Permezz tal-monitoraġġ adatt, it-tagħlim bejn il-pari u t-tħejjija tal-kontribut għall-Kunsill Ewropew, il-Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport (EYCS) għandu jkollu rwol prinċipali fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva Żgħażagħ f'Moviment u l-Istrateġija aktar ġenerali Ewropa 2020, inkluż il-kompitu speċifiku li jinkisbu l-miri ewlenin tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

3.

Huma meħtieġa sforzi addizzjonali biex iż-żgħażagħ jiġu megħjuna jegħlbu l-bosta sfidi soċjoekonomiċi li jiffaċċjaw. Madankollu, fi żmien ta' restrizzjoni baġitarja, dawn l-isforzi għandhom ikunu ffokati fuq l-għamla tal-aħjar użu u r-razzjonalizzazzjoni tal-objettivi ta' politika u l-investimenti, billi norbtu dawn aktar mill-qrib mal-għanijiet tal-Ewropa 2020 u mal-prijoritajiet tal-qafas strateġiku “ET 2020”.

4.

Waqt li l-ambitu tagħhom jestendi lil hinn minn dak tal-inizjattiva Żgħażagħ f'Moviment, huwa ċar li l-programmi eżistenti tal-UE bħat-Tagħlim Tul il-Ħajja, Erasmus Mundus u l-programmi Żgħażagħ Attivi jagħtu kontribut importanti fil-kisba tal-għanijiet ta' din l-inizjattiva, kif ukoll dawk tal-Istrateġija Ewropa 2020 b'mod ġenerali. Kemm l-ambitu wiesa’ tal-programmi kif ukoll il-kontribut tagħhom għall-inizjattiva għandhom ikunu rikonoxxuti meta tiġi ddisinjata l-ġenerazzjoni ta' programmi li jmiss.

5.

Għandha tiġi inkoraġġuta b'mod attiv aktar mobbiltà, inkluż il-mobbiltà ma' pajjiżi terzi u ma' pajjiżi kandidati, bl-użu ta' programmi u mekkaniżmi adatti. Il-mobbiltà fit-tagħlim għandu wkoll ikollha dimensjoni kwalitattiva, u għandha tkun ibbażata fuq kooperazzjoni żviluppata sew bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Bil-ħsieb li jiżdiedu l-kwalità u d-diversità tal-mobbiltà, għandu jiġi esplorat il-potenzjal offrut minn forom eżistenti oħra ta' kooperazzjoni. Madankollu, il-mobbiltà m'għandhiex titqies bħala għan fih innifsu, iżda pjuttost bħala mezz biex tissaħħaħ il-kisba ta' għarfien, ħiliet u kompetenzi u biex jingħelbu l-isfidi personali u soċjali.

JAQBEL ULTERJORMENT LI:

Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi deskritti, meħtieġa miżuri kemm fl-Istati Membri kif ukoll fil-livell Ewropew li — filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju tas-solidarjetà — ser jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi u l-miri ewlenin aktar wesgħin tal-Istrateġija Ewropa 2020, kif ukoll tal-inizjattivi ewlenin assoċjati tiegħu.

Fil-qafas tal-inizjattiva ewlenija Żgħażagħ f'Moviment, għandhom jitqiesu l-linji ta' azzjoni li ġejjin:

 

B’attenzjoni speċifika għall-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ:

Il-promozzjoni tal-implimentazzjoni sħiħa ta' strateġiji integrati ta' tagħlim tul il-ħajja,

L-iżgurar tal-kisba tal-kompetenzi ewlenin li kull individwu, b'mod partikolari dawk li ġejjin minn sfond żvantaġġat, jeħtieġ għas-suċċess f'soċjetà mmexxija mill-għarfien,

Iż-żieda tal-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti,

It-titjib fil-kwalità u l-attrattiva tal-edukazzjoni fil-livelli kollha, partikolarment fl-edukazzjoni għolja u fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali,

Il-promozzjoni tal-benefiċċji tal-mobbiltà fit-tagħlim f'termini ta' aktar għarfien, ħiliet u esperjenza.

 

B’attenzjoni speċifika għall-qasam taż-żgħażagħ:

Il-promozzjoni ta' approċċ intersettorjali bejn il-politiki taż-żgħażagħ u oqsma ta' politika rilevanti oħra,

Ir-rinfurzar kemm tal-kwalità kif ukoll tal-kwantità tal-mobbiltà għaż-żgħażagħ kollha, b'mod partikolari dawk b'inqas opportunitajiet, f'ambjenti ta' tagħlim mhux formali u informali,

Il-promozzjoni ta' riżultati ta' tagħlim mhux formali u informali u t-titjib tar-rikonoxximent tagħhom, sabiex iż-żgħażagħ adulti jkollhom aċċess aktar faċli għall-edukazzjoni u t-taħriġ formali u għas-suq tax-xogħol,

L-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika.

 

B’attenzjoni speċifika għall-qasam tal-impjiegi:

Il-politiki dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-impjiegi għandhom ikopru b'mod ikkoordinat sew is-sekwenza ta' passi li ż-żgħażagħ jeħtieġ li jieħdu fit-trazizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol. Il-politiki dwar l-impjiegi għandhom jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u għat-titjib tal-prospetti tal-impjiegi taż-żgħażagħ, bħala kontribut ewlieni għall-mira tal-impjiegi ta' 75 % stabbilita fl-Istrateġija Ewropa 2020 għall-impjiegi u t-tkabbir.

GĦALDAQSTANT JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FIL-LIMITI TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM:

Biex jimplimentaw bis-sħiħ l-azzjonijiet eżistenti u jiżviluppaw inizjattivi ta' politika futuri li għandhom l-għan li jiksbu l-objettivi wesgħin tal-inizjattiva Żgħażagħ f'Moviment fil-kuntest wiesa’ tal-Istrateġija Ewropa 2020, kif ukoll biex tintlaħaq il-mira ewlenija tal-UE li tirrigwarda speċifikament l-edukazzjoni u t-taħriġ.

Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom:

1.

Jiżguraw kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-oqsma ta' politika relatati kollha, b'mod partikolari l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, l-affarijiet soċjali, l-impjiegi, ir-riċerka u l-innovazzjoni, bil-ħsieb li tiġi esplorata l-possibbiltà ta' objettivi komuni;

2.

Jiżguraw li l-Kunsill EYCS u formazzjonijiet rilevanti oħra tal-Kunsill jagħmlu l-parti sħiħa tagħhom fl-Istrateġija Ewropa 2020, b'mod partikolari billi jipprovdu kontribut regolari lill-Kunsill Ewropew dwar il-progress lejn il-miri ewlenin tal-UE;

3.

Jirrazzjonalizzaw u jiżguraw l-użu sħiħ u effiċjenti tal-programmi u l-baġits tal-UE, inkluż — fejn adatt — billi jorbtu dawn mar-riżorsi nazzjonali u dawk reġjonali u billi jikkunsidraw l-użu ta' fondi strutturali u ta' koeżjoni Ewropej u l-Bank Ewropew tal-Investiment;

4.

Ifittxu li jimmassimizzaw il-potenzjal ta' sorsi ġodda oħra u possibbli ta' finanzjament għall-promozzjoni tal-mobbiltà fit-tagħlim u l-impjiegi;

5.

Iqisu l-implikazzjonijiet ta' dawn il-konklużjonijiet għall-ġenerazzjoni li jmiss tal-programmi tal-UE u l-Qafas Finanzjarju li jmiss tal-UE.


(1)  Il-mira tikkonċerna żewġ oqsma: Li r-rata ta' tluq bikri mill-iskola titnaqqas għal inqas minn 10 %, u li jiżdied għal mill-inqas 40 % l-proporzjon ta' dawk bejn it-30 u l-34 sena li jkunu kisbu livell ta' edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti.

(2)  Li r-rata tal-impjiegi għan-nisa u l-irġel ta' bejn l-20 u l-64 sena tasal sa 75 %, inkluż permezz ta' parteċipazzjoni akbar miż-żgħażagħ, il-ħaddiema aktar avvanzati fl-età u l-ħaddiema bi ftit kwalifiki u permezz tal-integrazzjoni aħjar tal-migranti legali.

(3)  Li mill-inqas 20 miljun persuna jinħarġu mir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni.

(4)  Li jittejbu l-kondizzjonijiet għar-riċerka u l-iżvilupp, b'mod partikolari bl-għan li l-livelli ta' investiment pubbliku u privat flimkien f'dan is-settur jitwasslu għal 3 % tal-PDG.

(5)  ĠU C 119, 28.5.2009.

(6)  Objettiv 1: Li jsiru realtà t-tagħlim tul il-ħajja u l-mobbiltà; Objettiv 2: It-titjib tal-kwalità u l-effiċjenza tal-edukazzjoni u t-taħriġ; Objettiv 3: Il-promozzjoni tal-ekwità, il-koeżjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva; Objettiv 4: It-tisħiħ tal-kreattività u l-innovazzjoni, inkluża l-intraprenditorija, fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

(7)  ĠU C 311, 19.12.2009.

(8)  Dok. 13726/10.

(9)  Il-proporzjon ta' impjiegi li jeħtieġu kwalifiki ta' livell għoli ser jiżdied minn 29 % fl-2010 għal madwar 35 % fl-2020 (stimi tas-Cedefop).

(10)  Il-proporzjon ta' nies fl-UE b'livell ta' edukazzjoni terzjarju jew ekwivalenti fl-2009 kien ta' 32,3 % (Eurostat).

(11)  Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Linji Gwida għal-Linji Politiċi tal-Istati Membri dwar l-Impjiegi: Parti II tal-Linji Gwida Integrati għall-Ewropa 2020.