5.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/1


Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-qafas għall-implimentazzjoni ta’ Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (l-ewwel qari)

2010/C 299/01

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ prijorità tas-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (STI)

1.

L-Artikolu 6(2) tat-test tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għandu jaqra kif ġej:

2.

Il-Kummissjoni għandha timmira li tadotta speċifikazzjonijiet għal waħda jew aktar mill-azzjonijiet ta’ prijorità sa … (1).

Sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara l-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa għal azzjoni ta’ prijorità, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, fejn meħtieġ, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 294 tat-TFUE, proposta dwar l-implimentazzjoni ta’ dik l-azzjoni ta’ prijorità, wara li twettaq analiżi tal-impatt li tinkludi analiżi kost-benefiċċju.

2.

Abbażi tal-informazzjoni attwalment disponibbli, il-Kummissjoni hija tal-fehma li għall-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa għall-azzjonijiet ta’ prijorità kif imsemmijin fl-Artikolu 3, tista’ tkun prevista l-iskeda ta’ żmien indikattiva li ġejja:

Tabella

Skeda ta’ żmien indikattiva għall-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet għal azzjonijiet ta’ prijorità

Speċifikazzjonijiet għal:

Mhux aktar tard minn:

il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali fl-UE kollha kif stipulat fl-Artikolu 3 (a)

2014

il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku fil-ħin reali fl-UE kollha kif stipulat fl-Artikolu 3 (b)

2013

id-data u l-proċeduri għall-forniment, fejn ikun possibbli, ta’ informazzjoni minima universali tat-traffiku relatata mas-sikurezza tat-toroq mingħajr ħlas għall-utenti kif stipulat fl-Artikolu 3 (c);

2012

il-forniment armonizzat ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha kif stipulat fl-Artikolu 3 (d);

2012

il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar postijiet ta’ parkeġġ bla periklu u sikuri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali kif stipulat fl-Artikolu 3 (e);

2012

il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar postijiet ta’ parkeġġ bla periklu u sikuri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali kif stipulat fl-Artikolu 3 (f);

2013

Din l-iskeda ta’ żmien indikattiva hija bbażata fuq l-ipotesi li l-ftehim dwar id-Direttiva dwar is-STI bejn il-PE u l-Kunsill jintlaħaq malajr permezz tat-tieni qari li jsir kmieni fil-bidu tal-2010.

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-responsabbiltà

L-implimentazzjoni u l-użu tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-STI jistgħu jqajmu numru ta’ kwistjonijiet ta’ responsabbiltà li jistgħu jkunu ostakolu kbir għall-penetrazzjoni wiesgħa fis-suq ta’ xi servizzi tas-STI. L-ittrattar ta’ dawn il-kwistjonijiet jikkostitwixxi waħda mill-azzjonijiet ta’ prijorità mressqa mill-Kummissjoni fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha dwar is-STI.

B'kont meħud tal-leġislazzjoni nazzjonali u Komunitarja eżistenti dwar ir-responsabbiltà, u partikolarment id-Direttiva 1999/34/KE, il-Kummissjoni ser tissorvelja b'attenzjoni l-iżviluppi fl-Istati Membri rigward l-implimentazzjoni u l-użu tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-STI. Jekk meħtieġ u adatt, il-Kummissjoni ser telabora linji gwida dwar ir-responsabbiltà, partikolarment li jiddeskrivu l-obbligi tal-partijiet interessati fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-użu tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-STI.

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni rigward in-notifika ta’ atti delegati

Il-Kummissjoni Ewropea tieħu nota li ħlief fil-każijiet fejn l-att leġislattiv jipprevedi proċedura ta’ urġenza, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jikkunsidraw li n-notifika ta’ atti delegati għandha tieħu f'kont il-perijodi ta’ btala tal-istituzzjonijiet (ix-xitwa, is-sajf u l-elezzjonijiet Ewropej), sabiex jiġi żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma kapaċi jeżerċitaw il-prerogattivi tagħhom fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-atti leġislattivi rilevanti, u tinsab lesta li taġixxi skont il-każ.

Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni rigward l-Artikolu 290 tat-TFUE

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jiddikjaraw li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe pożizzjoni futura tal-istituzzjonijiet fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 290 TFUE jew atti leġislattivi individwali li fihom tali dispożizzjonijiet.


(1)  ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data: 30 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.