26.5.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 135/15 |
Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Mejju 2010 dwar il-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp reġjonali u lokali
2010/C 135/05
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
WAQT LI JFAKKAR:
l-isfond politiku rilevanti kif imniżżel fl-Anness għal dawn il-konklużjonijiet.
l-isfidi, kemm ekonomiċi kif ukoll soċjali, iffaċċjati mill-Unjoni Ewropea u l-ħtieġa għal strateġija Ewropea biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi.
il-valur intrinsiku tal-kultura, kif ukoll l-importanza tagħha bħala mutur ewlieni għall-ekonomija tas-suq kompetittiva, innovattiva u inklużiva u bħala mezz għall-koeżjoni soċjali.
ir-rikkezza kulturali u d-diversità partikolari tar-reġjuni u l-ibliet tal-Ewropa, minħabba l-prossimità tagħhom għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini u l-partijiet interessati lokali u tar-rwol tagħhom bħala pjattaformi għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.
il-kontribut tal-kultura u l-industriji kulturali u kreattivi għall-iżvilupp lokali u reġjonali billi jagħmlu r-reġjuni Ewropej aktar attraenti u jiżviluppaw it-turiżmu sostenibbli, waqt li joħolqu opportunitajiet ġodda ta' impjiegi u prodotti u servizzi innovattivi, u jgħinu fl-iżvilupp ta' ħiliet u kompetenzi ġodda.
JAQBEL li:
— |
hemm rabta evidenti bejn il-kultura, il-kreattività u l-innovazzjoni li tikkontribwixxi għall-progress soċjali u ekonomiku. Għalhekk, huwa essenzjali li jkun hemm konsolidazzjoni tal-kontribut tal-kultura, speċjalment l-industriji kulturali u kreattivi, mal-“istrateġija Ewropa 2020” għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. |
JIKKUNSIDRA LI SABIEX JISSAĦĦAĦ IL-KONTRIBUT TAL-KULTURA GĦALL-IŻVILUPP LOKALI U REĠJONALI JEĦTIEĠ LI:
— |
ikun hemm integrazzjoni tal-kultura bħala element strateġiku u trasversali fil-politiki Ewropej u nazzjonali għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tar-reġjuni u l-ibliet Ewropej. |
— |
jitħeġġeġ investiment strateġiku fil-kultura u fl-industriji kulturali u kreattivi, partikolarment l-SMEs, fil-livell lokali u reġjonali, sabiex jitrawmu soċjetajiet kreattivi u dinamiċi. |
— |
jitrawwem il-kontribut tal-kultura għat-turiżmu sostenibbli, bħala fattur prinċipali għall-attrazzjoni lokali u reġjonali u l-iżvilupp ekonomiku, kif ukoll bħala mutur biex tiġi enfasizzata l-importanza tal-wirt kulturali fl-Ewropa. |
— |
ikun hemm sensibilizzazzjoni fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar politiki lokali u reġjonali li jiżviluppaw kompetenzi ġodda permezz ta' kultura u kreattività adattati għall-ambjent attwali li qiegħed jinbidel b'mod mgħaġġel, bil-ħsieb li jiġu żviluppati ħiliet ġodda, jitjieb il-kapital uman u titrawwem il-koeżjoni soċjali. |
— |
jissaħħu inizjattivi kulturali transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali bħala mezz biex ikun hemm rabta bejn il-popli u r-reġjuni differenti tal-Ewropa u tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. |
JIDENTIFIKA L-OQSMA TA' PRIJORITÀ LI ĠEJJIN B'KONSIDERAZZJONI DOVUTA GĦALL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ:
1. Integrazzjoni tal-kultura fil-politiki ta' żvilupp lokali u reġjonali
l-Istati Membri u l-Kummissjoni huma mistiedna biex:
(a) |
Isaħħu r-rwol tal-kultura fil-politiki ta' żvilupp integrati lokali u reġjonali inklużi l-infrastruttura, ir-riġenerazzjoni urbana, id-diversifikazzjoni rurali, is-servizzi, l-intraprenditorija, it-turiżmu, ir-riċerka u l-innovazzjoni, it-titjib tal-kapital uman, l-inklużjoni soċjali u l-kooperazzjoni interreġjonali. |
(b) |
Isaħħu s-sinerġiji vertikali u orizzontali bejn is-settur kulturali u s-setturi l-oħra, kif ukoll is-sħubiji bejn il-partijiet interessati pubbliċi u privati. |
(c) |
Jappoġġaw approċċ ibbażat fuq l-evidenza għall-investiment kulturali fil-livell lokali u dak reġjonali, waqt li jsir użu tal-istrumenti ta' evalwazzjoni u tal-valutazzjoni tal-impatt. |
(d) |
Jippromwovu kooperazzjoni akbar u skambju ta' prattiki tajba bejn l-Istati Membri, ir-reġjuni, l-ibliet u l-partijiet interessati Ewropej. |
(e) |
Jippromwovu informazzjoni u sensibilizzazzjoni akbar dwar il-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp reġjonali u lokali. |
(f) |
Jiffaċilitaw intendiment aħjar tal-qafas regolatorju u tal-proċeduri ta' implimentazzjoni tal-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni, li jinvolvu speċifikament il-partijiet interessati kulturali f'setturi kemm pubbliċi kif ukoll privati, inkluża s-soċjetà ċivili, u li jgħinu biex ikun hemm sensibilizzazzjoni tad-dimensjoni kulturali fost dawk responsabbli għall-politiki lokali u reġjonali għall-iżvilupp. |
L-Istati Membri huma mistiedna biex:
(a) |
Jinkludu l-partijiet interessati kulturali f'approċċ integrat minn isfel għal fuq (bottom-up) għal għat-tfassil ta' programmi għall-iżvilupp lokali u reġjonali, inkluż fil-kuntest tal-politika Ewropea ta' koeżjoni kif adatt. |
(b) |
Jassoċjaw lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura sabiex il-politika dwar il-kultura twieġeb għall-aspettattivi u l-ħtiġijiet tar-reġjuni u l-ibliet Ewropej. |
(c) |
Iħeġġu strateġiji ta' żvilupp lokali integrati mmirati biex jikkumpensaw għal differenzi ġeografiċi fl-aċċess għall-kultura fost iċ-ċittadini. |
Il-Kummissjoni hija mistiedna biex:
(a) |
Tiġbor u xxerred l-aħjar prattiki fil-livell Ewropew u tiżviluppa strumenti għall-iskambju ta' informazzjoni fil-livell Ewropew. |
2. Tipprovdi stimolu għal ambjent favorevoli fil-livell lokali u dak reġjonali għal żvilupp aħjar ta' industriji kulturali u kreattivi, speċjalment l-SMEs
l-Istati Membri u l-Kummissjoni huma mistiedna biex:
(a) |
Jieħdu vantaġġ aħjar tal-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni u programmi ta' finanzjament rilevanti oħra bil-ħsieb li jottimizzaw l-appoġġ għall-industriji kulturali u kreattivi, inkluż permezz tal-iffaċilitar tal-aċċess għall-informazzjoni dwar opportunitajiet ta' finanzjament u forniment ta' servizzi ta' konsulenza. |
(b) |
Jiffavorixxu l-ħolqien ta' inkubaturi tal-industrija kulturali u kreattivi fil-livell lokali u reġjonali, u b'hekk isaħħu l-intraprenditorija. |
(c) |
Jesploraw il-modi biex jippromwovu mudelli ġodda tan-negozju u biex jikkonsolidaw raggruppamenti kreattivi u ċentri ta' riċerka dwar in-negozju billi jittieħed vantaġġ mill-opportunitajiet offruti mill-applikazzjoni u l-użu tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT), |
(d) |
Jappoġġaw u jsaħħu l-aċċess ta' SMEs kulturali u kreattivi għal kanali ta' distribuzzjoni diġitali u fiżiċi, permezz ta' politika li tħeġġeġ l-aktar distribuzzjoni wiesgħa possibbli u ċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet, filwaqt li tkun żgurata rimunerazzjoni ġusta għall-atturi involuti fil-katina tal-ħolqien. |
L-Istati Membri huma mistiedna biex:
(a) |
Jinkoraġġixxu ambjent regolatorju favorevoli għal SMEs kulturali u kreattivi u biex jesploraw modi innovattivi għal aċċess għall-finanzjament, kemm pubbliku kif ukoll privat. |
(b) |
Jippromwovu komunikazzjoni aħjar bejn l-industriji kulturali u kreattivi u s-servizzi finanzjarji billi jinkoraġġixxu l-ġestjoni tan-negozju, ir-riċerka u l-innovazzjoni, taħriġ finanzjarju u ta' informazzjoni għall-kumpanniji, għal min jimpjega u għan-nies li jaħdmu fis-settur kulturali. |
Il-Kummissjoni hija mistiedna biex:
(a) |
Tagħti aktar importanza lill-industriji kulturali u kreattivi f'inizjattivi ta' politika ċentrali, strateġiji rilevanti u programmi tal-Unjoni Ewropea. |
3. Tapprofondixxi l-kontribut tal-kultura għat-turiżmu sostenibbli:
l-Istati Membri u l-Kummissjoni huma mistiedna biex:
(a) |
Jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' turiżmu kulturali, bħala element prinċipali ta' turiżmu sostenibbli, u biex jagħtu l-attenzjoni dovuta għall-ħarsien tal-ambjent, il-wirt kulturali, il-pajżaġġ u l-kwalità tal-ħajja. |
L-Istati Membri huma mistiedna biex:
(a) |
Irawmu r-rivitalizzazzjoni tar-riżorsi li huma intrinsiki għal reġjun, b'attenzjoni speċjali fuq il-wirt kulturali (tanġibbli u intanġibbli), l-espressjonijiet kulturali u l-attivitajiet relatati. |
(b) |
Jippromwovu attivitajiet kulturali li jqisu u jirrispettaw l-ispeċifiċitajiet ta' reġjun u li jrawmu d-dehra tiegħu filwaqt li jippermettu l-involviment u l-parteċipazzjoni tal-popolazzjoni lokali. |
(c) |
Jiżviluppaw ulterjorment, fil-kuntest tal-edukazzjoni ambjentali, sensibilizzazzjoni akbar tal-ħtieġa tal-ħarsien tal-wirt kulturali u naturali, bil-ħsieb li jiġu inkoraġġuti attitudnijiet responsabbli fost it-turisti u dawk li jipprovdu servizzi turistiċi. |
4. Jippromwovu l-kreattività fl-edukazzjoni u t-taħriġ bil-ħsieb li jiġu żviluppati ħiliet ġodda, li jtejbu l-kapital uman u li jrawmu l-koeżjoni soċjali
l-Istati Membri u l-Kummissjoni huma mistiedna biex:
(a) |
Jippromwovu l-kreattività u l-innovazzjoni fis-settur tal-edukazzjoni u dak tan-negozju permezz ta' netwerks bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, iċ-ċentri tar-riċerka, l-atturi kulturali u l-intrapriżi. |
(b) |
Jintensifikaw ir-rabtiet bejn is-setturi tal-kultura, tal-edukazzjoni u tan-negozju fil-livell lokali u reġjonali sabiex jiffaċilitaw l-integrazzjoni taż-żgħażagħ u tan-nies b'anqas opportunitajiet fis-suq tax-xogħol u jgħammruhom bil-ħiliet ta' komunikazzjoni u dawk intraprenditorjali li huma meħtieġa f'ambjent soċjoekonomiku li qed jevolvi. |
L-Istati Membri huma mistiedna biex:
(a) |
Flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali rilevanti, jivvalutaw il-ħiliet potenzjali meħtieġa ta' reġjun u biex jidentifikaw modi li bihom il-kultura tista' tikkontribwixxi għal politiki mmirati lejn it-titjib tal-kapital uman lokali. |
(b) |
Irawmu edukazzjoni kulturali u tal-arti bħala elementi importanti fit-tagħlim tul il-ħajja. |
Il-Kummissjoni hija mistiedna biex:
(a) |
Telenka l-ħiliet u l-ħtiġijiet meħtieġa għas-setturi kulturali u kreattivi fil-kuntest tal-isfidi ġodda derivati mill-bidla diġitali, il-bidliet demografiċi, u ċ-ċirkostanzi ekonomiċi li qed jevolvu. |
(b) |
Timmobilizza l-istrumenti eżistenti sabiex tappoġġa l-mobbiltà fit-tagħlim għall-professjonisti fis-setturi kulturali u kreattivi, inkluż għal intraprendituri żgħażagħ, u biex tinkoraġġixxi forom ġodda ta' tagħlim (jiġifieri inizjattivi ta' tagħlim transkonfinali u bejn il-pari). |
5. Tisħiħ tal-kooperazzjoni kulturali transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali
l-Istati Membri u l-Kummissjoni huma mistiedna biex:
(a) |
Jiffaċilitaw il-kooperazzjoni kulturali u l-mobbiltà ta' operaturi kulturali fost ir-reġjuni differenti tal-Ewropa. |
(b) |
Jappoġġaw l-iżvilupp ta' proġetti u attivitajiet kulturali transkonfinali u interreġjonali li jenfasizzaw l-ispeċifiċitajiet lokali ta' territorju u jfittxu li jinvolvu liċ-ċittadini tagħhom. |
L-Istati Membri huma mistiedna biex:
(a) |
Irawmu l-użu ta' strumenti għall-politika ta' koeżjoni sabiex isaħħu l-kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali. |
Il-Kummissjoni hija mistiedna biex:
(a) |
Tkompli tappoġġa inizjattivi kulturali fi ħdan strumenti għall-politika ta' koeżjoni li jaġixxu ta' katalista għal prattiki tajbin, skambji u laboratorji tal-innovazzjoni. |
(b) |
Ixxerred ma kullimkien fost il-partijiet interessati studji u eżempji ta' prattiki tajba rilevanti. |
JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI BIEX:
Jikkunsidraw dawn il-prijoritajiet meta jfasslu u jimplimentaw politiki għall-iżvilupp attwali u futuri, lokali u reġjonali, u meta jimplimentaw il-politika Ewropea ta' koeżjoni f'konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom.
ANNESS
Fl-adozzjoni ta' dawn il-konklużjonijiet, il-Kunsill ifakkar b'mod partikolari fl-isfond li ġej:
— |
Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali (20 ta' Ottubru 2005), |
— |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999, |
— |
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kontribut tas-settur kulturali u kreattiv għall-kisba tal-objettivi ta' Lisbona (24 ta' Mejju 2007), |
— |
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni. Aġenda għal turiżmu Ewropew sostenibbli u kompetittiv (19 ta' Ottubru 2007), |
— |
Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar Aġenda Ewropea għall-Kultura (16 ta' Novembru 2007), |
— |
Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew (13-14 ta' Marzu 2008) fejn ġie rikonoxxut li fattur ewlieni għat-tkabbir fil-futur kien l-iżvilupp sħiħ tal-potenzjal għall-innovazzjoni u l-kreattività taċ-ċittadini Ewropej mibni fuq il-kultura Ewropea u l-eċċellenza Ewropea fix-xjenza (7652/08), |
— |
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Kompetenzi Interkulturali (22 ta' Mejju 2008), |
— |
Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2008-2010, |
— |
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Kultura bħala Katalista għall-Kreattività u l-Innovazzjoni (12 ta' Mejju 2009), |
— |
Ewropa 2020 – Strateġija Ewropea għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv (3 ta' Marzu 2010), |
— |
Green Paper dwar it-tħeġġiġ tal-potenzjal ta' industriji kulturali u kreattivi (27 ta' April 2010). |
Studji:
— |
Applikazzjoni tal-Artikolu 151.4 tat-Trattat KE: Użu ta' fondi strutturali fil-qasam tal-kultura matul il-perijodu 1994-1999 (dok. 6929/04), |
— |
L-Ekonomija tal-Kultura fl-Ewropa. Editur: KEA European Affairs (13 ta' Novembru 2006), |
— |
L-Impatt tal-Kultura fuq il-Kreattività. Editur: KEA European Affairs (Ġunju 2009), |
— |
Il-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp ekonomiku lokali u reġjonali bħala parti mill-politika reġjonali Ewropea (April 2010). |