16.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 38/7


Avviż għall-attenzjoni tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi li għalihom japplikaw miżuri restrittivi previsti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2004/161/PESK

2010/C 38/07

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

L-informazzjoni li ġejja tinġieb għall-attenzjoni tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi li jidhru fl-Anness għall-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2004/161/PESK.

B'segwitu għal reviżjoni tal-lista ta' persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplikaw miżuri restrittivi previsti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2004/161/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddetermina li l-persuni, l-entitajiet u l-korpi li jidhru fl-Anness imsemmi hawn fuq jissodisfaw il-kriterji mniżżlin f'dik il-Pożizzjoni Komuni u għaldaqstant għandhom jibqgħu soġġetti għall-miżuri restrittivi kif estiżi bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/92/PESK (1)

Tinġibed l-attenzjoni tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi kkonċernati għall-possibbiltà li ssir applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru(i) rilevanti kif indikat fis-siti elettroniċi fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 314/2004, sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni biex jintużaw il-fondi ffriżati għal ħtiġijiet bażiċi jew ħlasijiet speċifiċi (ara l-Artikolu 7 tar-Regolament).

Il-persuni, l-entitajiet u l-korpi kkonċernati jistgħu jippreżentaw talba lill-Kunsill, flimkien ma' dokumentazzjoni ta' appoġġ, li d-deċiżjoni biex dawn jiġu inklużi fil-lista msemmija hawn fuq għandha terġa' tiġi kkunsidrata. Kwalunkwe tali talba trid tintbagħat fl-indirizz li ġej:

Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Segretarjat Ġenerali

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Tinġibed ukoll l-attenzjoni tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi ikkonċernati għall-possibbiltà li jikkontestaw id-Deċiżjoni tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, konformement mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 275 (2) u l-Artikolu 263 (4) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 41, 16.2.2010, p. 6.