28.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 353/17


Konferma tal-wasla – Avviż ta' qabel l-għeluq rigward għadd kbir ta' lmenti rreġistrati taħt ir-referenza Nru CHAP/2010/310 – Għadd kbir ta' ittri dwar ġestjoni kollettiva fi Spanja

2010/C 353/14

Il-Kummissjoni Ewropea rċeviet, u qed tkompli tirċievi, sensiela ta' ittri bbażati fuq formola standard rigward ksur possibbli minn Spanja tal-Artikolu 106, f'rabta mal-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) rigward il-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali fi Spanja. Il-Kummissjoni Ewropea rreġistrat u se tkompli tirreġistra dawn l-ittri taħt Nru CHAP/2010/310.

Meta wieħed iqis l-għadd kbir ħafna ta' ittri li waslulha dwar dan is-suġġett, il-Kummissjoni, bil-ħsieb li tinforma lil dawk kollha kkonċernati filwaqt li tagħmel l-aktar użu ekonomiku possibbli mir-riżorsi amministrattivi li għandha, qed tippubblika l-avviż preżenti fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sabiex tikkonferma l-wasla tal-ittri u tinforma lil kull min bagħathom bir-riżultati tal-eżaminazzjoni tal-ittri mis-servizzi tal-Kummissjoni. Dan l-avviż qed jiġi ppubblikat ukoll fil-websajt li ġejja tal-Kummissjoni:

http://ec.europa.eu/community_law/complaints/receipt/index_fr.htm

L-ittri kollha li waslu ġibdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għal Rapport mill-Awtorità Spanjola tal-Kompetizzjoni (CNC) bit-titlu “Informe sobre la gestión colectiva de derechos de propiedad intelectual” ta' Diċembru 2009 (1). B'referenza għar-rapport, l-ittri jitolbu lill-Kummissjoni tiftaħ proċedimenti kontra Spanja għal ksur tal-Artikolu 106, flimkien mal-Artikolu 102 TFUE. Ma tingħata l-ebda informazzjoni aktar fl-ittri.

L-iskop tar-rapport CNC huwa li janalizza s-settur ta' ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur fi Spanja mill-angolu tal-kompetizzjoni, u li jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar modi kif jittejjeb il-qafas leġiżlattiv u biex titħajjar aktar il-kompetizzjoni bejn soċjetajiet kollettriċi. Ir-Rapport jirreferi għal każi ta' possibbiltà ta' mġiba antikompetittiva minn soċjetajiet kollettriċi fi Spanja, li jista' jkun li jaqgħu taħt l-Artikoli 101 u/jew 102 TFUE (u l-Artikoli 1 u/jew 2 tal-Liġi Spanjola tal-Kompetizzjoni). Madankollu, ma jingħataw l-ebda dettalji fejn tidħol l-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 106 TFUE, peress li din il-kwistjoni taqa' 'l barra mill-ambitu tar-Rapport.

Is-servizzi tal-Kummissjoni jixtiequ jinfurmaw lil dawk li ppreżentaw l-ilmenti li huma ma għandhomx il-ħsieb li jipproponu lill-Kummissjoni tniedi proċedimenti kontra Spanja abbażi tal-ittri li waslulha. Is-CNC għamlet għadd ta' rakkomandazzjonijiet ta' titjib tal-qafas leġiżlattiv sabiex dan ikun jiffavorixxi aktar il-kompetizzjoni bejn is-soċjetajiet kollettriċi. Issa huwa l-kompitu tal-awtoritajiet kompetenti fi Spanja li jeżaminaw dawn ir-rakkomandazzjonijiet u jiġbdu l-konklużjonijiet xierqa. Barra minn dan, is-CNC nnifsu bħalissa qed jieħu ħsieb każijiet dwar allegat ksur minn soċjetajiet kollettriċi tal-Artikoli 101 u/jew 102 TFUE (u/jew id-dispożizzjonijiet ekwivalenti tal-liġi Spanjola). Għaldaqstant, u fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni li tgawdi l-Kummissjoni meta tiddeċiedi li tibda' proċedimenti ta' ksur kontra xi Stat Membru skont l-Artikolu 106 TFUE, ma jkunx użu xieraq tar-riżorsi tal-Kummissjoni li tagħmel investigazzjoni abbażi tal-ittri li waslulha.

Dan ma jagħmel l-ebda ħsara għad-dritt ta' dawk li ressqu l-ilmenti milli jissottomettu lmenti oħra lill-awtoritajiet kompetenti jekk jemmnu li s-soċjetajiet tal-ġbir kisru l-Artikoli 101 u/jew 102 TFUE. Bl-istess mod, ma hemm xejn li jwaqqaf lill-Kummissjoni milli tieħu azzjoni kontra Spanja fi stadju aktar tard, f'każ li tirċievi informazzjoni li tindika li jkun seta' seħħ ksur tal-Artikolu 106 TFUE.

Dawk li jressqu l-ilmenti jistgħu, jekk ikunu jridu, jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-għeluq propost tal-proċedura jew xi aspett ieħor tal-każ li jkunu jqisu xieraq fi żmien tletin jum mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż. Kwalunkwe kumment li jasal wara dan il-perjodu ma jiġix ikkunsidrat.


(1)  Jista' jiġi kkonsultat hawnhekk: http://www.cncompetencia.es/Inicio/Informes/Estudios/tabid/228/Default.aspx