16.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/5


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji gwida tal-aqwa prattiki tal-UE għat-tħaddim ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni volontarji għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

2010/C 341/04

1.   DAĦLA

Matul dawn l-aħħar snin kien hemm żieda sostanzjali fl-iskemi ta’ ċertifikazzjoni volontarja għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel. Inventarju ppreparat għall-Kummissjoni fl-2010 (1) jelenka aktar minn 440 skema differenti, li l-maġġoranza tagħhom ġew stabbiliti matul dawn l-aħħar għaxar snin.

Skemi ta’ ċertifikazzjoni għal prodotti agrikoli u għal oġġetti tal-ikel jipprovdu assigurazzjoni (permezz ta’ mekkaniżmu ta’ ċertifikazzjoni) li ċerti karatteristiċi jew attributi tal-prodott, jew il-metodu jew is-sistema ta’ produzzjoni tiegħu, stabbiliti fi speċifikazzjoni, ġew osservati. Dawn ikopru firxa wiesgħa ta’ inizjattivi differenti li jiffunzjonaw fi stadji differenti tal-katina tal-provvista tal-ikel (qabel ma jidħlu jew wara li joħorġu mir-razzett; ikopru l-katina tal-provvista tal-ikel kollha jew parti minnha; jaffettwaw is-setturi kollha jew segment wieħed biss tas-suq, eċċ.). Huma jistgħu joperaw fil-livell ta’ negozju għal negozju (B2B) (meta s-supermarket jew in-negozju tal-ipproċessar ikun ir-riċevitur finali intenzjonat tal-informazzjoni) jew f'livell ta’ negozju għal konsumatur (B2C). Dawn jistgħu jużaw logos, għalkemm ħafna, speċjalment l-iskemi B2B, ma jagħmlux hekk.

Waqt li l-iskemi taċ-ċertifikazzjoni skont id-definizzjoni tagħhom jużaw ċertifikazzjoni ta’ parti terza, hemm skemi oħrajn fis-suq li joperaw abbażi ta’ tikketta jew logo (spiss irreġistrat bħala trejdmark) mingħajr ma jinvolvu xi mekkaniżmu ta’ ċertifikazzjoni. Il-konformità ma’ dawn l-iskemi ssir permezz ta’ awtodikjarazzjoni jew permezz ta’ għażla mis-sid tal-iskema. B’mod konformi mad-definizzjonijiet pprovduti fit-taqsima 2, dawn l-iskemi sejra ssir referenza għalihom bħala “skemi ta’ awtodikjarazzjoni”. L-użu taċ-ċertifikazzjoni jkun xieraq l-aktar meta l-ftehimiet magħmula jkunu kumplessi, stabbiliti fi speċifikazzjonijiet dettaljati u jiġu kkontrollati perjodikament. L-awtodikjarazzjoni hija aktar xierqa għal pretensjonijiet pjuttost iktar diretti (kwistjoni waħda).

L-iżvilupp tal-iskemi ta’ ċertifikazzjoni huwa xprunat prinċipalment minn fatturi bħad-domanda tas-soċjetà għal ċerti karatteristiċi (2) tal-prodott jew għall-proċess tal-produzzjoni tiegħu fuq naħa waħda (l-aktar għall-iskemi B2C), u x-xewqa tal-operaturi li jiżguraw li l-fornituri tagħhom jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifikati, fuq in-naħa l-oħra (l-aktar għall-iskemi B2B). Fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel (3) ipoġġi r-responsabbiltà primarja biex ikun żgurat li l-ikel u l-għalf jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-liġi dwar l-ikel u biex ikun ivverifikat li tali rekwiżiti huma ssodisfati, f’idejn l-operatur tan-negozju tal-ikel u l-għalf. B’mod partikolari, l-operaturi l-kbar fil-katina tal-provvista tal-ikel ta’ spiss jiddependu fuq l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni sabiex jissodisfaw lilhom infushom li prodott jissodisfa r-rekwiżiti u biex jipproteġu r-reputazzjoni u r-responsabbiltà tagħhom fil-każ ta’ inċident relatat mas-sikurezza tal-ikel.

Huwa evidenti li ċertifikazzjoni privata mhijiex meħtieġa biex turi konformità mar-rekwiżiti legali. Kwalunkwe skema ta’ ċertifikazzjoni privata għas-settur agrikolu u tal-ikel trid tibqa’ volontarja. Meta l-operaturi jużaw ċertifikazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti bażiċi sabiex iħaffu t-transazzjonijiet ma’ atturi oħra matul il-katina tal-ikel, għandu jkun ċar li din il-prattika ma tistax tintuża biex issir differenzazzjoni bejn il-prodotti fis-suq.

L-iskemi ta’ ċertifikazzjoni jistgħu jġibu benefiċċji:

lil atturi intermedjarji fil-katina tal-provvista tal-ikel, billi jiżguraw l-istandards u b'hekk jipproteġu r-responsabbiltà u r-reputazzjoni fir-rigward tal-prodott u l-indikazzjonijiet ta’ fuq it-tikketta;

lill-produtturi, billi jżidu l-aċċess għas-suq, is-sehem fis-suq u l-marġini tal-prodott għal prodotti ċċertifikati u, potenzjalment anki billi jżidu l-effiċjenza u jnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet; u

lill-konsumaturi, billi jipprovdu informazzjoni kredibbli u affidabbli rigward l-attributi tal-prodott u l-proċess.

Xi partijiet interessati argumentaw li l-iskemi ta' ċertifikazzjoni jista’ jkollhom dawn l-iżvantaġġi:

theddid għas-suq uniku (4);

mistoqsijiet rigward it-trasparenza tar-rekwiżiti tal-iskemi u rigward il-kredibbiltà tal-indikazzjonijiet, b’mod partikolari għal skemi li jiċċertifikaw konformità mar-rekwiżiti tal-linja bażi;

potenzjal għall-ingann tal-konsumaturi;

spejjeż u piżijiet fuq il-bdiewa, b’mod partikolari meta jkollhom jissieħbu f’diversi skemi biex jissodisfaw it-talbiet mingħand ix-xerrejja tagħhom;

ir-riskju ta’ rifjut mis-suq tal-produtturi li ma jipparteċipawx fl-iskemi ta’ ċertifikazzjoni ewlenin; u

impatt fuq il-kummerċ internazzjonali, speċjalment mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (5).

Il-Kummissjoni nnotat li l-kwistjoni tal-konfużjoni tal-konsumatur minħabba skemi differenti b’objettivi simili qiegħda tiġi indirizzata minn inizjattivi privati (6) li għandhom l-għan li joħolqu “kodiċi ta’ prattika tajba” għall-organizzazzjonijiet privati li jistabbilixxu l-istandards prinċipalment fil-qasam soċjali u ambjentali. Barra minn hekk, ċerti komponenti ta’ skemi eżistenti diġà wettqu passi biex jallinjaw ir-rekwiżiti ma’ skemi simili għalihom u xi skemi ta’ ċertifikazzjoni eżistenti (prinċipalment fil-livell B2B) feġġew minn proċess ta’ armonizzazzjoni ta’ diversi standards individwali.

1.1.   Tipi ta' skemi

Hemm diversità kbira ta’ skemi fir-rigward tal-ambitu, l-objettivi, l-istruttura u l-metodi operattivi tagħhom. Kif imsemmi qabel, distinzjoni importanti bejn l-iskemi hija jekk jiddependux jew le fuq proċedura ta’ ċertifikazzjoni ta’ parti terza, u b’hekk jitqassmu fi skemi ta’ awtodikjarazzjoni fuq naħa waħda u skemi ta’ ċertifikazzjoni fuq in-naħa l-oħra. Hemm distinzjoni oħra bejn l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni fuq il-bażi ta’ jekk joperawx fil-livell ta’ negozju għal negozju (B2B) jew jekk jimmirawx li jipprovdu informazzjoni mill-katina tan-negozju għall-konsumatur (B2C).

Kriterju ta’ klassifikazzjoni importanti ieħor jappartjeni għal jekk l-iskema tevalwax il-prodotti u l-proċessi (prinċipalment B2C), jew is-sistemi ta’ ġestjoni (prinċipalment B2B). Fir-rigward tar-rekwiżiti speċifikati, l-iskemi jistgħu jiċċertifikaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti minn awtoritajiet governattivi (il-linja bażi), jew jistgħu jżidu kriterji li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti legali ('il fuq mil-linja bażi). Mhux dejjem faċli li ssir distinzjoni bejn it-tnejn: fuq naħa waħda, l-iskemi ta’ spiss jikkombinaw il-kriterji tal-linja bażi f’xi oqsma ma’ rekwiżiti ogħla f’oqsma oħra; fuq in-naħa l-oħra, ċerti rekwiżiti tal-linja bażi, b’mod partikolari fil-qasam ambjentali u tal-biedja jirrikjedu li l-operaturi jużaw prattika tajba u l-aqwa prattika, u jagħmlu ġudizzji tal-valur rigward l-attenzjoni xierqa, sabiex l-azzjonijiet konkreti li jridu jittieħdu jistgħu jkunu differenti bejn l-atturi u bejn l-Istati Membri. Tabilħaqq, ir-rekwiżiti tekniċi ta’ xi skemi ta’ ċertifikazzjoni jintużaw mill-operaturi biex jinterpretaw u jagħmlu aktar konkreti dawn l-obbligi ġenerali.

It-tabella li ġejja turi din il-klassifikazzjoni:

Klassifikazzjoni tal-iskemi

It-tip ta’ ċertifikazzjoni

Awtodikjarazzjoni

Ċertifikazzjoni (ċertifikazzjoni minn parti terza)

Udjenza:

B2C

B2C

B2B

Oġġetti tar-rekwiżiti speċifikati:

Prodotti u proċessi

Prinċipalment prodotti (inklużi s-servizzi) u proċessi

Prinċipalment sistemi ta’ ġestjoni

Il-kontenut tar-rekwiżiti:

Ġeneralment ’il fuq mil-linja bażi

Ġeneralment ’il fuq mil-linja bażi

Il-linja bażi u ’l fuq mil-linja bażi

Il-linji gwida se jiffokaw fuq l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni kif spjegat fin-naħa tal-lemin tat-tabella ta’ hawn fuq.

1.2.   Għan tal-linji gwida

Fil-Komunikazzjoni tagħha rigward il-politika dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli (7), il-Kummissjoni ddikjarat li fid-dawl tal-iżviluppi u l-inizjattivi fis-settur privat, f’dan l-istadju azzjoni leġiżlattiva ma kinitx iġġustifikata biex ikunu indirizzati l-iżvantaġġi potenzjali fl-iskemi ta’ ċertifikazzjoni (8). Minflok dan, fuq il-bażi tal-kummenti mill-partijiet interessati, il-Kummissjoni żviluppat linji gwida għal skemi ta’ ċertifikazzjoni għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel f’konsultazzjoni mal-Grupp Konsultattiv dwar il-Kwalità (9).

Dawn il-linji gwida huma mfassla biex jiddeskrivu l-qafas legali eżistenti u jgħinu fit-titjib tat-trasparenza, il-kredibbiltà u l-effikaċja tal-iskemi ta’ ċertifikazzjoni volontarji u biex jiżguraw li ma jkunux f’kunflitt mar-rekwiżiti regolatorji. Huma jenfasizzaw l-aħjar prattika fit-tħaddim ta’ tali skemi, u b’hekk joffru gwida dwar kif:

tkun evitata l-konfużjoni tal-konsumaturi u tiżdied it-trasparenza u ċ-ċarezza tar-rekwiżiti tal-iskemi;

jitnaqqas il-piż amministrattiv u finanzjarju fuq il-bdiewa u l-produtturi, inklużi dawk fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; u

tkun żgurata l-konformità mar-regoli tas-suq intern u l-prinċipji taċ-ċertifikazzjoni tal-UE.

Il-linji gwida huma primarjament indirizzati għall-iżviluppaturi u għall-operaturi tal-iskemi.

L-użu tal-linji gwida huwa volontarju. Il-konformità ma’ dawn il-linji gwida ma tfissirx li l-Kummissjoni tkun approvat ir-rekwiżiti stabbiliti minn dawn l-iskemi. Il-linji gwida preżenti la għandhom status legali fl-UE u lanqas ma għandhom l-intenzjoni li jbiddlu r-rekwiżiti taħt il-leġiżlazzjoni tal-UE.

Finalment, dawn il-linji gwida ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala interpretazzjoni legali tal-leġiżlazzjoni tal-UE minħabba li dawn l-interpretazzjonijiet huma fil-kompetenza esklussiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

2.   AMBITU U DEFINIZZJONIJIET

2.1.   Ambitu

Il-linji gwida huma applikabbli għal skemi ta' ċertifikazzjoni volontarji li jkopru:

prodotti agrikoli, kemm dawk intenzjonati għall-konsum mill-bniedem kif ukoll dawk li mhumiex (inkluż l-għalf);

oġġetti tal-ikel koperti bl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002; u

proċessi u sistemi ta’ ġestjoni relatati mal-produzzjoni u mal-ipproċessar tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel.

Il-linji gwida ma japplikawx għall-kontrolli uffiċjali mwettqa mill-awtoritajiet pubbliċi.

2.2.   Definizzjonijiet tat-termini  (10)

1.   Rekwiżit speċifikat: ħtieġa jew aspettattiva li hija ddikjarata.

2.   Valutazzjoni tal-konformità: turija li rekwiżiti speċifikati relatati ma’ prodott, proċess, sistema, persuna jew korp huma ssodisfati.

3.   Analiżi: verifika tal-adattabbiltà, l-adegwatezza u l-effikaċja tal-attivitajiet tal-għażla u tad-determinazzjoni, u r-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet, fir-rigward tat-twettiq ta’ rekwiżiti speċifikati.

4.   Ċertifikazzjoni: il-ħruġ ta’ dikjarazzjoni, ibbażata fuq deċiżjoni li ssegwi analiżi li turi li twettqu r-rekwiżiti speċifikati.

5.   Dikjarazzjoni: ċertifikazzjoni mill-ewwel parti. Għall-iskopijiet ta’ dawn il-linji gwida, it-terminu “skemi ta’ awtodikjarazzjoni” huwa użat għal skemi kollettivi u indikazzjonijiet tat-tikketti li mhumiex iċċertifikati, u li jiddependu fuq l-awtodikjarazzjoni tal-produttur.

6.   Ċertifikazzjoni: ċertifikazzjoni minn parti terza relatata ma’ prodotti, proċessi, sistemi jew persuni.

7.   Akkreditazzjoni: ċertifikazzjoni minn parti terza relatata ma’ korp li twassal wirja formali tal-kompetenza tiegħu biex iwettaq kompiti speċifiċi. Fl-UE (11), akkreditazzjoni għandha tfisser ċertifikazzjoni minn korp ta’ akkreditazzjoni nazzjonali illi korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti bi standards armonizzati u, fejn applikabbli, kwalunkwe rekwiżit addizzjonali, inklużi dawk stabbiliti fl-iskema settorjali rilevanti, biex iwettqu attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità.

8.   Spezzjoni: eżami tad-disinn ta’ prodott, prodott, proċess jew installazzjoni u d-determinazzjoni tal-konformità tagħhom ma’ rekwiżiti speċifiċi jew, abbażi ta’ ġudizzju professjonali, ma’ rekwiżiti ġenerali.

9.   Verifika: proċess sistematiku, indipendenti, iddokumentat għall-ksib ta’ rekords, dikjarazzjonijiet tal-fatti jew informazzjoni rilevanti oħra u l-valutazzjoni tagħhom b’mod oġġettiv biex ikun stabbilit kemm huma ssodisfati r-rekwiżiti speċifikati.

3.   DISPOŻIZZJONIJIET LEGALI EŻISTENTI FIL-LIVELL TAL-UE

3.1.   Regoli relatati mat-tħaddim tal-iskemi

Skemi ta’ ċertifikazzjoni li joperaw fl-UE huma soġġetti għad-dipożizzjonijiet bażiċi tal-UE li ġejjin:

Regoli dwar is-suq intern. Il-fornituri ta’ servizz ta’ ċertifikazzjoni jistgħu jibbenefikaw mil-libertà tal-istabbiliment u mil-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi kif stabbilit fl-Artikoli 49 u 56 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewopea (TFUE) u fid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva dwar is-Servizzi (12). Ma għandhomx jiffaċċjaw restrizzjonijiet mhux iġġustifikati meta jiġu stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Bl-istess mod, ma għandhomx jiffaċċjaw restrizzjonijiet mhux iġġustifikati meta jipprovdu s-servizzi b’mod transkonfinali. L-iskemi ta’ ċerifikazzjoni lanqas għandhom jirriżultaw f’ostakli defacto għall-kummerċ fl-oġġetti fis-suq intern.

Regoli dwar l-involviment tal-istat fl-iskemi. Skemi ta’ ċertifikazzjoni appoġġati minn korpi pubbliċi, bħalma huma l-awtoritajiet reġjonali jew nazzjonali, ma jistgħux iwasslu għal restrizzjonijiet ibbażati fuq l-oriġini nazzjonali tal-produtturi jew b’xi mod ieħor ixekklu s-suq uniku. Kwalunkwe appoġġ għal skemi ta’ ċertifikazzjoni mogħti minn Stat Membru jew permezz tar-riżorsi tal-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107 tat-TFUE, għandu jkun konformi mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat.

Regoli dwar il-kompetizzjoni. L-iskemi ta’ ċertifikazzjoni ma jistgħux iwasslu għal imġiba antikompetittiva, inkluż b’mod partikolari fuq bażi mhux eżawrjenti:

ftehimiet orizzontali jew vertikali li jillimitaw il-kompetizzjoni;

għeluq ta’ intrapriżi li jikkompetu magħhom minn intrapriża waħda jew aktar b’saħħa sinifikanti fis-suq (pereżempju l-ostakolar tal-aċċess tax-xerrejja li huma kompetituri għalihom għall-fornimenti u/jew l-aċċess ta’ fornituri li huma kompetituri għalihom għall-kanali ta’ distribuzzjoni);

l-ostakolar tal-aċċess għall-iskema ta’ ċertifikazzjoni minn operaturi tas-suq li jikkonformaw mal-prerekwiżiti applikabbli.

l-ostakolar tal-partijiet għall-iskema jew partijiet terzi oħrajn milli jiżviluppaw, jipproduċu u jikkummerċjalizzaw prodotti alternattivi li ma jikkonformawx mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-iskema

Informazzjoni għall-konsumatur u r-rekwiżiti tat-tikkettar (13). It-tikkettar, ir-riklamar u l-preżentazzjoni ta’ oġġetti tal-ikel ma għandhomx ikunu tali li jistgħu jingannaw lix-xerrej sa livell materjali, b’mod partikolari:

rigward il-karatteristiċi tal-oġġetti tal-ikel u, b’mod partikolari, rigward in-natura, l-identità, il-karatteristiċi, il-kompożizzjoni, il-kwantità, id-durabbiltà, l-oriġini jew il-provenjenza tagħhom, il-metodu tal-manifattura jew il-produzzjoni;

billi jattribwixxu effetti jew karatteristiċi lill-oġġetti tal-ikel li dawn ma jippossedux;

billi jissuġġerixxu li l-oġġetti tal-ikel għandhom karatteristiċi speċjali meta fil-fatt l-oġġetti tal-ikel simili kollha jkollhom tali karatteristiċi.

L-iskemi li jiċċertifikaw il-konformità mar-rekwiżiti legali biss ma jistgħux jissuġġerixxu b’xi mod li l-prodotti ċċertifikati għandhom karatteristiċi speċjali li huma differenti minn dawk ta’ prodotti simili. L-effett tal-iskemi ma għandux jiġi skreditat jew jiskredita prodotti oħrajn fis-suq, u lanqas il-kredibbiltà tal-kontrolli uffiċjali.

Barra minn hekk, it-tikkettar, ir-riklamar u l-preżentazzjoni tal-ikel ma għandhomx ikunu b'tali mod li jiżgwidaw lill-konsumaturi skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Inġusti (14).

L-UE tqis l-obbligi internazzjonali tagħha, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Ftehim tad-WTO dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ, meta tintroduċi proċedura ta’ valutazzjoni rigward il-konformità f’leġiżlazzjoni partikolari.

3.2.   Regoli relatati mal-kontenut tal-iskemi

Barra minn hekk, teżisti leġiżlazzjoni speċifika dwar ħafna suġġetti koperti bir-rekwiżiti tal-iskemi ta’ ċertifikazzjoni (pereżempju rekwiżiti regolatorji għas-sikurezza tal-ikel u l-iġjene (15); il-biedja organika; il-benesseri tal-annimali; il-ħarsien ambjentali; l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għal prodotti speċifiċi).

Fl-oqsma fejn jeżistu standards jew leġiżlazzjoni rilevanti, l-indikazzjonijiet għandhom iqisu u jkunu konsistenti ma’ tali standards jew leġiżlazzjoni u għandhom jagħmlu referenza għalihom fl-ispeċifikazzjonijiet (pereżempju jekk skema tkun qed tagħmel indikazzjonijiet ta’ biedja organika, din għandha tkun ibbażata fuq ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 (16); skemi li jagħmlu indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa għandhom ikunu konformi mar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 (17), u għandhom jgħaddu mill-valutazzjoni xjentifika meħtieġa mill-EFSA).

B'mod partikolari. fir-rigward tas-sikurezza tal-ikel u l-iġjene:

L-iskemi ma jistgħux jippreġudikaw jew jimmiraw li jissostitwixxu l-istandards u/jew rekwiżiti uffiċjali eżistenti, u lanqas m’għandhom jippruvaw jissostitwixxu l-kontrolli uffiċjali mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti għall-iskopijiet ta’ verifika uffiċjali tal-konformità mal-istandards u r-rekwiżiti uffiċjali obbligatorji.

Prodott ikkummerċjalizzat taħt skemi li stabbilixxew standards ta' sikurezza u iġjene lil hinn mir-rekwiżiti legali ma jistgħux jiġi reklamati jew promossi b'tali mod li jiskreditaw jew għandhom it-tendenza li jiskreditaw is-sikurezza ta' prodotti oħrajn fis-suq jew il-kredibbiltà tal-kontrolli uffiċjali.

3.3.   Regoli li jirregolaw il-valutazzjoni tal-konformità, iċ-ċertifikazzjoni u l-akkreditazzjoni

Ir-regoli dwar l-organizzazzjoni u t-tħaddim tal-akkreditazzjoni tal-korpi li jwettqu attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità fil-qasam irregolat ġew stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 765/2008. Waqt li dan ir-Regolament ma fihx rekwiżit biex il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità jiġu akkreditati, tali rekwiżit huwa parti minn xi leġiżlazzjoni oħra tal-UE (18).

Barra minn hekk, ir-regoli rikonoxxuti fuq livell internazzjonali għat-tħaddim ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni ta’ prodott/proċess jew sistema huma stabbiliti fil-Gwida 65 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istandards (ISO) (EN 45011) jew ISO 17021, rispettivament. Waqt li skemi ta’ ċertifikazzjoni ta’ prodott/proċess jew sistema huma inizjattivi volontarji, sabiex jagħtu ċertifikati ta’ prodott/proċess jew sistema taħt akkreditazzjoni, il-korpi ta’ ċertifikazzjoni jridu jkunu akkreditati taħt EN 45011/ISO 65 jew ISO 17021.

Madankollu, dan ta’ hawn fuq huwa mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti applikabbli kollha tal-liġi dwar l-ikel tal-UE, inklużi l-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002:

“Il-liġi dwar l-ikel għandha ssegwi wieħed jew aktar mill-għanijiet ġenerali ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u s-saħħa u l-protezzjoni tal-interessi tal-konsumatur, inklużi prattiki ġusti fin-negozju tal-ikel, waqt li jingħata kont ta', fejn japplika, il-protezzjoni tas-saħħa u l-benesseri tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti u l-ambjent”.

Fi ħdan dan il-qafas, ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 (19) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali jinkludi ċerti regoli għad-delegazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ kompiti ta’ kontroll uffiċjali lil partijiet terzi indipendenti (inklużi l-obbligi rigward l-akkreditazzjoni u r-rappurtar).

Il-garanziji mogħtija mill-attivitajiet ta’ kontroll uffiċjali huma l-linja bażi, li ’l fuq minnha jistgħu joperaw skemi ta’ ċertifikazzjoni speċifiċi fuq bażi volontarja, waqt li wieħed iżomm f'moħħu li kwalunkwe ksur jaqa’ taħt il-liġi tal-ikel. Il-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti tal-linja bażi permezz tal-iskemi ta’ ċertifikazzjoni ma teżentax lill-awtoritajiet ta’ kontroll uffiċjali mir-responsabbiltà tagħhom.

4.   RAKKOMANDAZZJONIJIET RIGWARD IL-PARTEĊIPAZZJONI FL-ISKEMA U L-IŻVLUPP TAL-ISKEMA

1.

L-iskemi għandhom ikunu miftuħin bi kriterji trasparenti u mhux diskriminatorji għall-parteċipanti kollha li huma lesti u li huma kapaċi jkunu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet.

2.

L-iskemi għandu jkollhom struttura superviżorja li tippermetti l-kontribuzzjoni tal-partijiet interessati kollha kkonċernati fil-katina tal-ikel (il-bdiewa u l-organizzazzjonijiet tagħhom (20), il-bejjiegħa agrikoli u agro-alimentari, l-industrija tal-ikel, il-bejjiegħa bl-ingrossa, il-bejjiegħa bl-imnut u l-konsumaturi, kif jixraq) fl-iżvilupp tal-iskema u fit-teħid tad-deċiżjonijiet b’mod rappreżentattiv u bbilanċjat. Il-mekkaniżmi għall-parteċipazzjoni mill-partijiet interessati u l-organizzazzjonijiet involuti għandhom ikunu ddokumentati u disponibbli pubblikament.

3.

Il-maniġers tal-iskemi li joperaw f’pajjiżi u f’reġjuni differenti għandhom iħaffu l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kkonċernati kollha minn dawn ir-reġjuni fl-iżvilupp tal-iskemi.

4.

Ir-rekwiżiti tal-iskemi għandhom ikunu żviluppati minn kumitati tekniċi ta’ esperti u sottomessi lil grupp usa’ ta’ partijiet interessati għat-tidħil.

5.

Il-maniġers tal-iskemi għandhom jiżguraw il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kkonċernati fl-iżvilupp tal-kriterji u l-listi ta' kontroll tal-ispezzjonijiet, kif ukoll fit-tfassil u d-determinazzjoni tal-limiti għas-sanzjonijiet.

6.

Il-maniġers tal-iskemi għandhom jadottaw approċċ ta’ żvilupp kontinwu fejn jeżistu mekkaniżmi ta’ rispons biex ir-regoli u r-rekwiżiti jiġu riveduti regolarment b’mod parteċipattiv. B’mod partikolari, il-parteċipanti fl-iskemi għandhom ikunu involuti fl-iżvilupp tal-ġejjieni tal-iskema.

7.

It-tibdiliet fir-rekwiżiti tal-iskemi għandhom isiru biss meta jkunu ġġustifikati, sabiex ikunu evitati spejjeż ta’ addattament mingħajr ħtieġa għall-parteċipanti tal-iskemi. Il-parteċipanti tal-iskemi jridu jingħataw avviż xieraq rigward kwalunkwe bidla fir-rekwiżiti tal-iskemi.

8.

L-iskemi għandhom jinkludu informazzjoni ta’ kuntatt rigward id-dokumentazzjoni kollha assoċjata mal-iskemi (inkluż fuq websajt) u jistabbilixxu proċess għall-wasla u t-tweġiba ta’ kummenti dwar l-iskemi.

5.   RAKKOMANDAZZJONIJIET RIGWARD IR-REKWIŻITI TAL-ISKEMI U L-INDIKAZZJONIJIET KORRISPONDENTI

5.1.   Iċ-ċarezza u t-trasparenza tar-rekwiżiti tal-iskemi u l-indikazzjonijiet magħmula

1.

L-iskemi għandhom jiddikjaraw b’mod ċar l-objettivi soċjali, ambjentali, ekonomiċi u/jew legali.

2.

L-indikazzjonijiet u r-rekwiżiti għandhom ikunu marbuta b’mod ċar mal-objettivi tal-iskemi.

3.

L-ambitu tal-iskemi fir-rigward tal-prodotti u/jew il-proċessi għandu jkun iddefinit b’mod ċar.

4.

L-ispeċifikazzjonijiet tal-iskemi (21), inkluż sommarju pubbliku, għandhom ikunu disponibbli b’mod liberu (pereżempju fuq websajt).

5.

L-iskemi li joperaw f’pajjiżi differenti għandhom jipprovdu traduzzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet jekk issir talba ġġustifikata kif jixraq minn parteċipanti potenzjali jew minn korpi ta’ ċertifikazzjoni.

6.

L-ispeċifikazzjonijiet tal-iskemi għandhom ikunu ċari, iddettaljati biżżejjed u jinftiehmu mingħajr diffikultà.

7.

L-iskemi li jużaw logos jew tikketti għandhom jipprovdu informazzjoni dwar fejn il-konsumaturi jistgħu jsibu aktar dettalji rigward l-iskema, pereżempju l-indirizz ta’ websajt, fuq l-imballaġġ tal-prodott jew fil-punt tal-bejgħ.

8.

L-iskemi għandhom jiddikjaraw b’mod ċar (pereżempju fuq il-websajt tagħhom) li huma jitolbu ċertifikazzjoni minn korp indipendenti u jipprovdu d-dettalji tal-kuntatt ta’ korpi ta’ ċertifikazzjoni li jipprovdu dan is-servizz.

5.2.   Il-bażi tal-evidenza tal-indikazzjonijiet u r-rekwiżiti tal-iskemi

1.

L-indikazzjonijiet kollha għandhom ikunu bbażati fuq evidenza oġġettiva u verifikabbli u dokumentazzjoni xjentifikament soda. Dawn id-dokumenti għandhom ikunu disponibbli liberament, pereżempju fuq websajt (22).

2.

L-iskemi li joperaw f’pajjiżi u f’reġjuni differenti għandhom jaddattaw ir-rekwiżiti tagħhom f’konformità mal-kundizzjonijiet agroekoloġiċi, soċjoekonomiċi u ġurdiċi u l-prattiċi agrikoli lokali rilevanti, waqt li jiżguraw riżultati konsistenti f’kuntesti differenti.

3.

L-iskemi għandhom jindikaw b’mod ċar (pereżempju fuq websajt) jekk, meta u sa liema punt l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom imorrux lil hinn mir-rekwiżiti legali rilevanti, inklużi fl-oqsma tar-rappurtar u l-ispezzjonijiet, jekk ikunu applikabbli.

6.   RAKKOMANDAZZJONIJIET RIGWARD IĊ-ĊERTIFIKAZZJONI U L-ISPEZZJONIJIET

6.1.   L-imparzjalità u l-indipendenza taċ-ċertifikazzjoni

1.

Iċ-ċertifikazzjoni ta' konformità mar-rekwiżiti tal-iskema għandha ssir minn entità indipendenti akkreditata:

minn korp ta’ akkreditazzjoni nazzjonali maħtur minn Stat Membru skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008, f'konformità ma' standards u gwidi Ewropej jew Internazzjonali rilevanti li jistabbilixxu rekwiżiti ġenerali għall-korpijiet li joperaw sistemi ta' ċertifikazzjoni tal-prodotti jew

minn firmatarju ta' korp ta’ akkreditazzjoni għall-arranġament ta’ rikonoxximent multilaterali (MLA) għaċ-ċertifikazzjoni ta’ prodott tal-Forum ta’ Akkreditazzjoni Internazzjonali (IAF).

2.

L-iskemi għandhom ikunu miftuħin għal ċertifikazzjoni minn kwalunkwe korp ta’ ċertifikazzjoni kkwalifikat u akkreditat, mingħajr l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet ġeografiċi.

6.2.   L-ispezzjonijiet

Bħala prinċipju ġenerali, l-ispezzjonijiet għandhom ikunu effettivi, ċari, trasparenti, ibbażati fuq proċeduri ddokumentati u għandhom jirrelataw ma’ kriterji verifikabbli li jkunu l-bażi għall-indikazzjonijiet magħmula mill-iskema ta’ ċertifikazzjoni. Riżultati ta’ spezzjonijiet mhux sodisfaċenti għandhom iwasslu għal azzjoni xierqa.

1.

Għandhom jitwettqu spezzjonijiet regolari tal-parteċipanti tal-iskemi. Għandu jkun hemm proċeduri ċari u ddokumentati għall-ispezzjonijiet, li jinkludu l-frekwenza, it-teħid ta’ kampjuni u testijiet tal-laboratorju/analitiċi f’parametri relatati mal-ambitu tal-iskema taċ-ċertifikazzjoni.

2.

Il-frekwenza tal-ispezzjonijiet għandha tqis ir-riżultati ta’ spezzjonijiet preċedenti, ir-riskji inerenti tal-prodott jew il-proċess jew is-sistema ta’ ġestjoni, kif ukoll l-eżistenza ta’ verifiki interni f’organizzazzjonijiet kollettivi ta’ produtturi li jistgħu jikkumplimentaw l-ispezzjonijet ta’ parti terza. Il-frekwenza minima tal-ispezzjonijiet għandha tkun iddeterminata mis-superviżur tal-iskema għall-parteċipanti kollha tal-iskema.

3.

Għandu jkun hemm evalwazzjoni sistematika tar-riżultati tal-ispezzjonijiet.

4.

Spezzjonijiet għall-għarrieda u spezzjonijiet b’avviż ta’ ftit ħin għandhom jintużaw bħala regola ġenerali (pereżempju fi żmien 48 siegħa).

5.

L-ispezzjonijiet u l-verifiki għandhom ikunu bbażati fuq linji gwida, listi ta’ kontroll u pjanijiet disponibbli pubblikament. Il-kriterji tal-ispezzjonijiet għandhom ikunu marbuta mill-qrib mar-rekwiżiti tal-iskema u mal-indikazzjonijiet korrispondenti.

6.

Għandu jkun hemm proċeduri ċari u ddokumentati għat-trattament ta’ nuqqas ta’ konformità li huma implimentati b’mod effettiv. Għandhom ikunu ddefiniti l-kriterji ta' tkeċċija li jistgħu jwasslu għal:

nuqqas ta’ ħruġ jew l-irtirar taċ-ċertifikat,

irtirar tas-sħubija, jew

rappurtar lill-korp ta’ infurzar uffiċjali rilevanti.

Dawn il-kriterji ta' tkeċċija għandhom jinkludu mill-inqas in-nuqqas ta’ twettiq tar-rekwiżiti bażiċi ġuridiċi fil-qasam kopert miċ-ċertifikazzjoni. Il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità b’implikazzjonijiet negattivi għall-protezzjoni tas-saħħa għandhom jiġu nnotifikati lill-awtoritajiet rilevanti skont ir-rekwiżiti regolatorji.

7.

L-ispezzjonijiet għandhom jiffukaw fuq l-analiżi ta’ kriterji verifikabbli li huma l-bażi tal-indikazzjonijiet magħmula mill-iskemi ta’ ċertifikazzjoni.

6.3.   L-ispejjeż

1.

Il-maniġers tal-iskemi għandhom jagħmlu l-ħlas tas-sħubija disponibbli għall-pubbliku (jekk ikun hemm) u għandhom jirrikjedu lill-korpi ta’ ċertifikazzjoni tagħhom li jippubblikaw l-ispejjeż assoċjati maċ-ċertifikazzjoni u l-ispezzjonijiet għal tipi differenti ta’ parteċipanti tal-iskemi.

2.

Id-diskrepanzi potenzjali fil-ħlas imposti fuq parteċipanti differenti tal-iskemi għandhom ikunu ġġustifikati u proporzjonati. M’għandhomx iservu biex jiskoraġġixxu ċerti gruppi ta’ parteċipanti potenzjali, pereżempju minn pajjiżi oħra, milli jissieħbu fl-iskema kkonċernata.

3.

Kwalunkwe tnaqqis fl-ispejjeż li jirriżulta minn rikonoxximent u punti ta’ referenza reċiproċi għandu jgħaddi għand l-operaturi soġġetti għall-ispezzjonijiet u l-verifiki.

6.4.   Il-kwalifiki tal-awdituri/spetturi

Bħala prinċipju ġenerali, l-awdituri/spetturi għandhom ikunu imparzjali, ikkwalifikati u kompetenti.

L-awdituri li jwettqu l-verifiki taċ-ċertifikazzjoni għandu jkollhom l-għarfien rilevanti fis-settur speċifiku u għandhom jaħdmu ma’ korpi ta’ ċertifikazzjoni li huma akkreditati skont l-istandards u l-gwidi Ewropej jew internazzjonali rilevanti għall-iskemi ta’ ċertifikazzjoni u għall-iskemi ta' ċertifikazzjoni ta’ sistemi ta’ ġestjoni. Il-ħiliet ta’ awditur meħtieġa għandhom jiġu deskritti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-iskemi.

6.5.   Id-dispożizzjonijiet għall-produtturi ta’ skala żgħira

L-iskemi għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw u jippromwovu l-parteċipazzjoni ta’ produtturi fuq skala żgħira (speċjalment mill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, jekk ikun rilevanti) fl-iskemi.

7.   RAKKOMANDAZZJONIJIET RIGWARD IR-RIKONOXXIMENT REĊIPROKU U PUNTI TA’ REFERENZA/KOINĊIDENZI MA’ SKEMI OĦRA

1.

Meta skemi jkunu qed jidħlu f’settur ġdid u/jew jespandu fl-ambitu tagħhom, għandha tkun iġġustifikata l-ħtieġa għall-iskema. Fejn ikun possibbli, il-maniġers tal-iskemi għandhom jagħmlu referenza espliċita (pereżempju fil-websajt tagħhom) għal skemi rilevanti oħrajn li joperaw fl-istess settur, qasam politiku u reġjun ġeografiku u jidentifikaw fejn l-approċċi jikkonverġu u fejn jaqblu. Huma għandhom ifittxu b’mod attiv il-possibilitajiet ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ partijiet jew tat-totalità tar-rekwiżiti tal-iskemi.

2.

Fl-oqsma fejn l-iskemi ġew identifikati li jikkoinċidu parzjalment jew totalment mar-rekwiżiti ta’ skemi oħrajn, l-iskemi għandhom jinkludu r-rikonoxximent jew l-aċċettazzjoni parzjali jew totali tal-ispezzjonijiet u l-verifiki li diġà twettqu taħt dawk l-iskemi (bl-għan li l-istess rekwiżiti ma jiġux ivverifikati mill-ġdid).

3.

Jekk l-aċċettazzjoni reċiproka ma tistax tinkiseb, il-maniġers tal-iskemi għandhom jippromwovu verifiki kkombinati bbażati fuq listi ta' kontroll ta’ verifika kkombinati (jiġifieri lista ta' kontroll unika kkombinata u verifika unika kkombinata għal żewġ skemi differenti jew aktar).

4.

Il-maniġers tal-iskemi li jikkoinċidu fir-rekwiżiti tagħhom għandhom, sa fejn ikun prattikament u legalment possibbli, jarmonizzaw ukoll il-protokolli tal-verifiki u r-rekwiżiti tad-dokumentazzjoni tagħhom.


(1)  Studju mwettaq minn Areté għad-DĠ AGRI; ara http://ec.europa.eu/agriculture/quality/index_en.htm

(2)  Pereżempju: il-benesseri tal-annimali; is-sostennibbiltà ambjentali; il-kummerċ ġust.

(3)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(4)  Fil-Komunikazzjoni “Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar” (COM(2009) 591), il-Kummissjoni ddikjarat l-intenzjoni tagħha li tirrevedi l-istandards ambjentali u l-iskemi tat-tikkettar tal-oriġini magħżula li jistgħu jxekklu l-kummerċ transkonfinali.

(5)  Il-kwistjoni tal-istandards privati ġiet diskussa fil-Kumitat SPS tad-WTO.

(6)  Pereżempju l-Alleanza ISEAL ((http://www.isealalliance.org).

(7)  COM(2009) 234.

(8)  Din il-konklużjoni kienet ibbażata fuq valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt li eżaminat għażliet differenti biex isir progress (ara “Skemi ta’ ċertifikazzjoni għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel”; http://ec.europa.eu/agriculture/quality/policy/com2009_234/ia_annex_d_en.pdf).

(9)  Grupp Konsultattiv dwar “Il-Kwalità tal-Produzzjoni Agrikola”, stabbilit taħt id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/391/KE; (ĠU L 120, 24.4.2004, p. 50).

(10)  Abbażi ta’ EN ISO/IEC 17000 “Valutazzjoni tal-konformità – Vokabularju u prinċipji ġenerali”.

(11)  L-Artikolu 2(10) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti; (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(12)  Id-Direttiva 2006/123/KE tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern; ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

(13)  L-Artikolu 2(1) (a) tad-Direttiva 2000/13/KE fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel; ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29.

(14)  Id-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern; ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22 u gwida għall-implimentazzjoni tagħha: SEC(2009) 1666.

(15)  Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel; Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali u r-Regolament (KE) Nru 854/2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġiniw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman; (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).

(16)  ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

(17)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.

(18)  Pereżempju l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel jirrikjedi li “Il-korpi ta’ ċertifikazzjoni ta’ prodott imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jikkonformaw ma’ u, mill-1 ta’ Mejju 2010 jkunu akkreditati f’konformità mal-istandard Ewropew EN 45011 jew ISO/IEC Gwida 65 (Rekwiżiti ġenerali għall-korpi li joperaw sistemi ta’ ċertifikazzjoni ta’ prodott)”.

(19)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(20)  Eżempju l-koperattivi.

(21)  Jistgħu jkunu meħtieġa eċċezzjonijiet meta l-ispeċifikazzjonijiet tal-iskemi jkunu bbażati fuq standards li mhumiex disponibbli liberament (pereżempju l-istandards ISO u EN).

(22)  Għandha ssir eċċezzjoni għal informazzjoni kunfidenzjali u/jew proprjetarja, li għandha tkun indikata b’mod ċar.