10.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 304/5


Aġġornament tal-ammonti ta' referenza għall-qsim tal-fruntieri esterni kif imsemmi fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU C 247, 13.10.2006, p. 19, ĠU C 153, 6.7.2007, p. 22, ĠU C 182, 4.8.2007, p. 18, ĠU C 57, 1.3.2008, p. 38, ĠU C 134, 31.5.2008, p. 19, ĠU C 37, 14.2.2009, p. 8, ĠU C 35, 12.2.2010, p. 7)

2010/C 304/06

Il-pubblikazzjoni ta' ammonti ta' referenza għall-qsim tal-fruntieri esterni, kif imsemmija fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) hija bbażata fuq l-informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 34 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen.

Minbarra l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali, huwa disponibbli aġġornament ta' kull xahar fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Interni.

FRANZA

Sostituzzjoni tal-informazzjoni ppubblikata fil-ĠU C 153 6.7.2007

L-ammont ta' referenza għal mezzi adegwati ta' sussistenza għat-tul ta' żmien ippjanat tas-soġġorn ta' barrani jew għat-tranżitu tiegħu minn Franza għal destinazzjoni fi Stat terz huwa daqs l-ammont tal-paga minima garantita fi Franza (SMIC) ikkalkulat kuljum fuq il-bażi tar-rata ffissata fl-1 ta' Jannar tas-sena kurrenti.

Dan l-ammont jiġi stmat mill-ġdid b'mod regolari fuq il-bażi tal-indiċi tal-għoli tal-ħajja fi Franza:

b’mod awtomatiku meta l-indiċi tal-prezzijiet bl-imnut jiżdied b'aktar minn 2 %,

b'deċiżjoni tal-Gvern – wara konsultazzjoni mal-kummissjoni nazzjonali għan-negozjar kollettiv – sabiex tingħata żieda ogħla miż-żieda tal-prezzijiet bl-imnut.

Mill-1 ta' Jannar 2010, l-ammont ta' kuljum tal-SMIC (Paga Minima) hija ta' EUR 62,00.

Il-persuni li għandhom prova ta' akkomodazzjoni (“attestation d'accueil”) għandhom ikollhom ammont minimu ta' flus, ekwivalenti għan-nofs l-SMIC, sabiex joqogħdu fi Franza. Għalhekk dan l-ammont hu ta' EUR 31,00 kuljum.