14.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 190/37


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2010/C 190/08

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għall-oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

SOMMARJU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“ΠΡΑΣΙΝΕΣ ΕΛΙΕΣ ΧΑΛΚΙΔΙΚΗΣ” (PRASINES ELIES CHALKIDIKIS)

KE Nru: EL-PDO-0005-0539-27.03.2006

DPO ( X ) IĠP ( )

Dan is-sommarju jistabbilixxi l-karatteristiċi ewlenin tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott għall-finijiet tal-informazzjoni.

1.   Id-dipartiment responsabbli fl-Istat membru:

Isem:

Υπουργείο Αγροτικής Ανάπτυξης και Τροφίμων., Δ/νση Βιολογικής Γεωργίας,Τμήμα ΠΟΠ — ΠΓΕ — Ιδιότυπων και Παραδοσιακών Προϊόντων (Il-Ministeru tal-Iżvilupp Rurali u l-Ikel, id-Dipartiment tal-Biedja Organika, DPO/IĠP/it-Taqsima tal-Prodotti Speċjali u Tradizzjonali)

Indirizz:

Αχαρνών 29/Acharnon 29

104 39 Αθήνα/Athens

ΕΛΛΑΔΑ/GREECE

Tel.

+30 2102125152

Feks

E-mail:

ax29u030@minagric.gr

2.   Il-grupp:

Isem:

Κοινοπραξία Ενώσεων Αγροτικών Συνεταιρισμών Πολυγύρου και Χαλκιδικής (Assoċjazzjoni tal-Unjins tal-Kooperattivi tal-Bdiewa ta' Polygyros u Chalkidiki), bl-isem kummerċjali “Βιοκαλλιεργητική Χαλκιδικής” (Viokallieryitiki Chalkidikis)

Indirizz:

Κωνσταντινουπόλεως 13/Konstantinoupoleos 13

631 00 Πολύγυρος/Polygyros

ΕΛΛΑΔΑ/GREECE

Tel.

+30 2371023076

Feks

E-mail:

eas-pol@otenet.gr

Kompożizzjoni:

Produtturi/proċessuri ( X ) Oħrajn ( )

3.   It-tip ta' prodott:

Kategorija 1.6:

Frott, ħaxix u ċereali, friski u pproċessati

4.   L-ispeċifikazzjoni:

(sommarju tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

4.1.   Isem:

“Πράσινες Ελιές Χαλκιδικής”

(Prasines Elies Chalkidikis)

4.2.   Deskrizzjoni:

“Πράσινες Ελιές Χαλκιδικής” (Prasines Elies Chalkidikis) huma żebbuġ aħdar esklussivament mill-varjetajiet “Chondrolia Chalkidikis” u “Chalkidiki” tal-ispeċi Olea Europea. Iż-żebbuġ prodott minn dawn il-varjetajiet f'Chalkidiki huwa kkaratterizzat mid-daqs kbir tal-frotta bi proporzjon għoli ta' laħam sal-għadma, b'kulur aħdar jixgħel/isfar ħadrani, b'riħa sottili ta' frott u togħma kemxejn morra u taħraq u b'nuqqas ta' kwalunkwe sensazzjoni ta' żejt kemm minħabba l-adattament matul is-sekli tas-siġar taż-żebbuġ għall-kundizzjonijiet partikolari tal-ħamrija u tal-klima tar-reġjun, kif ukoll minħabba t-tekniki tal-kultivazzjoni applikati mill-produtturi taż-żebbuġ.

Iż-żebbuġ tat-tip Prasines Elies Chalkidikis jista' jinstab f'erba' tipi differenti:

(1)

Żebbuġ sħiħ.

(2)

Żebbuġ bla għadma.

(3)

Żebbuġ bla għadma mimli. Il-lewż, il-bżar aħmar, iz-zunnarija, il-ħjar tal-pikles u t-tewm jistgħu jintużaw bħala mili, u ż-żebbuġ jimtela bl-idejn. Il-prodotti użati għall-mili ma jistgħux jaqbżu l-15 % tal-piż taż-żebbuġ.

(4)

Żebbuġ mitħun.

It-tipi kollha jistgħu jitħawru bir-riegnu, is-sagħtar, il-weraq tar-rand, il-karfus, it-tewm, il-kappar u l-bżar aħmar. Il-ħwawar ma jistgħux jaqbżu t-2,5 % tal-piż taż-żebbuġ.

L-ingredjenti użati għall-mili u biex jitħawwar iż-żebbuġ huma prodotti li joriġinaw mill-Prefettura ta' Chalkidiki.

Meta l-prodott ikun rilaxxat għall-konsum għandu jkollu l-karatteristiċi li ġejjin:

Tipi ta' żebbuġ

Parametri

Sħiħ

Bla għadma

Bla għadma u mimli

Mitħun

Karatteristiċi fiżiċi tal-frotta

Frott f'għamla ta' ċilindru/kon li jispiċċa f'forma ta' ponta, b'qoxra soda u tleqq u kulur aħdar jixgħel/isfar ħadrani.

Laħam konsistenti u mmerraq

Laħam kemxejn imxaqqaq, b'għadam sħiħ, immerraq

Karatteristiċi organolettiċi tal-frotta

Riħa sottili ta'frott, nuqqas ta' togħma żejtnija.

Togħma kemxejn morra u taħraq. Jekk iż-żebbuġ jitħawwar, it-togħmiet tat-taħwir għandhom jingħarfu.

Togħma kemxejn morra u taħraq, ikkumplimentata bit-togħma tal-ingredjenti tal-mili.

Togħma kemxejn morra u taħraq. Jekk iż-żebbuġ jitħawwar, it-togħmiet tat-taħwir għandhom jingħarfu.

Karatteristiċi tal-kwalità tal-frotta

Iż-żebbuġ kollu jappartjeni għall-kategoriji tal-kwalità “Extra” u “Magħżul” u d-daqs minimu aċċettat huwa ta' 181/200 frotta għal kull kilogramma. Il-frott difettuż fiż-żewġ kategoriji jammonta għal inqas minn 7 % tal-piż nett taż-żebbuġ.

Karatteristiċi tas-salmura

Is-salmura fiha mill-inqas 8 % klorur tas-sodju, għandha pH ta' bejn 3,8 u 4,0 u aċidità minima (% ta' aċidu lattiku) ta' 0,8 %.

Piż nett tal-frotta ppreservata fis-salmura

Mill-inqas 65 % tal-piż tal-prodott finali.

Mill-inqas 55 % tal-piż tal-prodott finali.

Mill-inqas 65 % tal-piż tal-prodott finali.

Għall-parametri tal-kwalità l-oħrajn u s-sustanzi miżjuda waqt l-ipproċessar u l-ippakkjar, id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-oġġetti tal-ikel, l-istandards internazzjonali tal-OIC u dawk tal-Kummissjoni Codex Alimentarius japplikaw.

4.3.   Żona ġeografika:

Iż-żona ġeografika minn fejn joriġina ż-żebbuġ aħdar ta' Chalkidiki hija l-Prefettura ta' Chalkidiki, li tmiss mal-Majjistral tal-Prefettura ta' Thessaloniki u fid-direzzjonijiet l-oħra tmiss mal-Baħar Eġew. Ġeografikament, hija tinkorpora l-peniżola ta' Chalkidiki bil-forma karatteristika tat-tliet peniżoli (“is-swaba” ta' Chalkidiki), minbarra l-peniżola fil-Lvant estrem Mount Athos li ma tinsabx fil-Prefettura ta' Chalkidiki għax hija komunità awtonoma.

47 % tal-erja tal-Prefettura, jiġifieri 137 160 ettaru, hija meħuda mill-boskijiet u minn żoni bis-siġar, filwaqt li 32,7 %, jiġifieri 95 500 ettaru, hija art agrikola. Iż-żoni msoqqija jammontaw għal 20 000 ettaru u jikkorrispondu għal 21 % tal-art li tinħarat. Iż-żona tal-pjantazzjoni taż-żebbuġ ta' Chalkidiki tammonta għal 23 000 ettaru.

4.4.   Prova tal-oriġini:

Iż-żebbuġ tat-tip Prasines Elies Chalkidikis jitkabbar, jiġi pproċessat u ppakkjat fil-Prefettura ta' Chalkidiki. Il-produtturi u l-imsaġar taż-żebbuġ huma rreġistrati fir-Reġistru tal-Kultivazzjoni taż-Żebbuġ tal-Prefettura u fis-Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u Kontroll (IACS), u jiġu aġġornati kull sena. Il-kwantità u l-oriġini tal-materja prima dejjem jiġu ċċertifikati mal-wasla tagħhom fl-unità tal-ipproċessar bir-rekords tal-kontabbiltà meħtieġa, li fihom jinżammu wkoll ir-reġistri rilevanti tal-produtturi u l-fornituri. Kull unità tal-ipproċessar hija rreġistrata bl-isem tan-negozju tagħha u bid-dettalji tal-uffiċċju prinċipali fir-reġistru rilevanti tal-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija ta’ Chalkidiki, u fir-reġistru rilevanti tal-OPEKEPE (Aġenzija għall-Ħlas u l-Kontroll għall-Għajnuna Komunitarja ta' Gwida u Garanzija) b'kodiċi uniku.

4.5.   Metodu tal-produzzjoni:

1.   Il-kultivazzjoni u l-ħsad taż-żebbuġ

F’Chalkidiki, kważi l-imsaġar kollha taż-żebbuġ jitħawlu billi jintuża tip ta' tħawwil bejn il-metodu tradizzjonali u modern, b'distanzi bejn is-siġar ta' 6 × 6,5, 6,5 × 6,5 u 6 × 7 m. Ħafna produtturi, permezz tal-organizzazzjonijiet tagħhom, japplikaw sistema dokumentata ta' ġestjoni integrata tal-uċuħ tar-raba’. Sabiex il-produtturi jkunu jistgħu jittrattaw il-fenomenu li l-uċuħ tar-raba’ jvarjaw minn sena għal oħra, imma wkoll sabiex jiksbu frott kbir u ta' kwalità għolja, is-siġar jinżabru u jitneħħielhom iż-żahar fix-xitwa u fis-sajf sistematikament.

L-ammont ta' produzzjoni, bħala medja, ikun madwar 9 000 kg/ettaru fis-sena.

Il-ħsad isir matul il-perjodu li jibda mill-15 ta' Settembru sa mill-10 sal-15 ta' Ottubru kull sena, meta l-frott ikun fl-istadju xieraq tal-maturazzjoni tiegħu u jkollu l-kulur mixtieq, skont il-monitoraġġ tal-maturazzjoni applikat mill-produtturi u l-organizzazzjonijiet tagħhom. Il-produtturi jaqtgħu l-frott bl-idejn billi jużaw is-slielem u mbagħad ipoġġuh f'kaxxi tal-plastik u li ġo fihom jittrasportaw ukoll il-prodott lejn l-unitajiet tal-ipproċessar. Il-frotta għandha tkun mingħajr weraq, injam u kwalunkwe ħaġa oħra u għandu jkollha kulur uniformi aħdar/isfar ħadrani, ma għandux ikollha dbabar, grif, ħsara mill-insetti u mard jew tkun ittieklet mill-għasafar, eċċ. Fl-unitajiet tal-ipproċessar, iż-żebbuġ jintiżen u jiġi aċċettat permezz ta' formola ta' aċċettazzjoni tal-kwalità u l-kwantità.

2.   L-ipproċessar

Wara l-aċċettazzjoni, iż-żebbuġ jintbagħat f'tankijiet sabiex isir il-proċess biex ma jibqax morr. Għal din iir-raġuni tiżdied taħlita ta’ soda kawstika ta' bejn 1,5 sa 2 %, f'konformità mat-temperatura u l-istadju tal-maturità taż-żebbuġa. Dan l-istadju jdum 12-il siegħa. Wara li titneħħa t-taħlita tas-soda kawstika permezz ta' tliet tlaħliħiet, fit-tank jiżdied l-ilma u ż-żebbuġ jibqa’ hemm għal 8 siegħat. Imbagħad l-ilma jinbidel darbtejn jew tliet darbiet, kull darba wara 8 siegħat. Għall-proċess ta' maturazzjoni, jista' japplika wkoll il-metodu naturali, billi jintuża ilma b'tibdiliet simili tal-ilma fit-tankijiet. Fiż-żewġ metodi tingħata attenzjoni biex iż-żebbuġ jinżamm kemxejn morr.

Fi tmiem il-proċedura, iż-żebbuġ jiġi trasferit f'tankijiet għall-fermentazzjoni u miegħu jżidulu taħlita ta' salmura ta' 8,5 %. Isir kontroll regolari tal-kontenut tas-salmura u tal-pH, u jiżdied il-melħ meta u fejn ikun meħtieġ. Iż-żebbuġ jibqa' f'dan l-istadju sakemm is-salmura tistabbilizza għal 8,5 %. Il-proċess tal-fermentazzjoni diġà mibdi fl-istadju preċedenti u ż-żmien li jieħu jiddependu mill-istadju tal-maturazzjoni tal-frotta u mit-temperaturi ambjentali, u jvarjaw minn xahrejn għal erba’ xhur.

It-tneħħija tal-għadma ssir mekkanikament. Fuq naħa minnhom taż-żebbuġa ssir qatgħa laterali u mbagħad issir qatgħa f'forma ta' salib fuq in-naħa taz-zokk. L-għadma titneħħa bl-għajnuna tal-ilma u bil-pressjoni mekkanika. Għall-għasir taż-żebbuġ tintuża pressa mekkanika ħafifa li la tagħmel ħsara lil-laħam u lanqas tkisser l-għadma taż-żebbuġ.

Iż-żebbuġ li jkun se jimtela jintbagħat fuq il-bankijiet tax-xogħol fejn il-ħaddiema nisa ta' esperjenza jimlewh b'idejhom. Il-mili taż-żebbuġ huwa prattika tradizzjonali f'Chalkidiki u jintużaw il-lewż jew biċċiet żgħar tal-bżar aħmar, iz-zunnarija, il-ħjar tal-pikles u t-tewm.

Iż-żebbuġ jista' jitħawwar bil-pjanti aromatiċi tar-reġjun (ir-riegnu, is-sagħtar, il-kappar, il-weraq tar-rand, it-tewm, il-karfus u l-bżar aħmar).

3.   L-għażla u l-klassifikazzjoni tal-kwalità skont id-daqs – l-ippakkjar

Wara l-fermentazzjoni u t-tneħħija tal-għadam, iż-żebbuġ jitneħħa mit-tankijiet u jitpoġġa fuq il-bankijiet tax-xogħol, fejn il-ħaddiema b'esperjenza jiċċekkjaw viżwalment il-frott u jneħħu manwalment il-frott l-imħassar u dak li jkollu d-dbabar, u inġenerali jneħħu l-frott kollu li jkun fi stat ta' deterjorament. Permezz ta' ċintorin li jdur, il-frott imbagħad jiġi ttrasportat lejn tagħmir li jagħżel u hemmhekk issir l-għażla skont id-daqs u jitpoġġa f'kontenituri.

Normalment iż-żebbuġ jiġi ppakkjat f'kontenituri tal-plastik magħmulin minn materjal li ma jagħmilx ħsara lill-konsumaturi u li ma jaffettwax lill-prodott, f'bottijiet tal-landa u f'vażetti tal-ħġieġ, irrispettivament mill-piż tal-kontenut. Il-kontenituri jimtlew bis-salmura, u magħha jista' jiżdied sa 0,2 % aċidu askorbiku biex jippreserva l-prodott.

Il-frott jista' jiġi ppakkjat ukoll f'unitajiet barra mill-Prefettura ta' Chalkidiki fejn il-prodott jintbagħat fi stat ipproċessat, sakemm tkun żgurata t-traċċabbiltà abbażi tad-dokumenti tat-trasport, ir-reġistri tal-kontabbiltà rilevanti u r-regoli tat-tikkettar li jinsabu fil-paragrafu 4.8.

4.6.   Rabta:

1.   Naturali

Mill-perspettiva agrikola, il-ħamrija fil-Prefettura ta' Chalkidiki hija adattata perfettament għat-tkabbir taż-żebbuġ minħabba li s-siġar jikbru u jagħtu l-frott fil-firxa sħiħa tal-art, mill-blat bajdani fqir fil-muntanji sal-ħamrija alluvjali fertili b'oriġini tal-ġir fil-pjanuri.

Il-karatteristiċi tal-klima f'Chalkidiki huma partikolarment favorevoli għas-siġar taż-żebbuġ; għalkemm tinsab fit-Tramuntana tal-Ġreċja, il-kosta estiża ta' Chalkidiki max-xtut tal-Baħar Eġew (630 km ta' kosta) tfisser li hija tinsab fl-istess firxa ta' temperaturi minimi u massimi bħar-reġjuni li jipproduċu ż-żebbuġ li jinsabu iktar 'l isfel bħal Messinia, Etoloakarnania u Attica. Barra minn hekk, hija tgawdi minn ammont kbir ta' xita, b'medja ta' xita annwali ta' bejn 450 mm (fil-pjanuri) u 850 mm (fil-muntanji).

Raġuni oħra għaliex il-klima ta' Chalkidiki hija favorevoli għat-tkabbir taż-żebbuġ hija li skont l-altitudni, hija kkaratterizzata minn xtiewi bejn moderati u kesħin u sjuf bejn moderati u sħan u nixfin b'għadd kbir ta' siegħat ta' xemx u tranżazzjoni twila bejn staġun u ieħor. It-temperatura medja matul is-sajf ma taqbiżx it-22 °C,u l-iktar temperaturi baxxi fix-xitwa rari jinżlu għal – 10 °C, anke fil-muntanji, u dan kollu joħloq kundizzjonijiet ideali għal żebbuġ ta' suċċess.

Minbarra d-daqs kbir tiegħu, iż-żebbuġ tat-tip Prasines Elies Chalkidikis huwa kkaratterizzat minn qoxra soda u tleqq b'kulur aħdar jixgħel/isfar ħadrani, polpa rikka, konsistenti u fina, riħa sottili ta' frott u togħma xi ftit morra u taħraq.

Il-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima f'Chalkidiki kif ukoll it-tekniki tat-tkabbir u l-ipproċessar taż-żebbuġ itejbu l-karatteristiċi ta' kwalità tal-prodott imsemmija hawn fuq bil-mod li ġej:

Il-perjodu twil ta' temperaturi relattivament baxxi fi żmien il-ħsad flimkien mat-tekniki tat-tkabbir, speċjalment iż-żbir u t-tneħħija taż-żahar, iżidu l-potenzjal tal-varjetajiet li jgħinu sabiex il-produzzjoni tkun stabbli u ż-żebbuġ jikber f'daqs kbir ħafna bi proporzjon għoli ta' polpa sal-għadma.

Bħala riżultat tal-oriġini prattikament tal-ħamrija mħallta bil-ġir, iż-żebbuġ huwa rikk fil-komponimenti volatili, li jsawru t-togħma kemxejn ta' frott tiegħu.

Grazzi għall-għadd kbir ta' siegħat ta' xemx u t-temperaturi moderati matul is-sajf, kif ukoll il-monitoraġġ tal-maturazzjoni mill-produtturi u l-organizzazzjonijiet tagħhom, meta jinqata', iż-żebbuġ ikun aħdar jixgħel, ikollu laħam immerraq u jkollu konsistenza tajba sabiex l-għadma titneħħa mingħajr ħsara jew deterjorament.

It-tekniki tat-tkabbir, partikolarment l-irrigazzjoni u l-monitoraġġ tal-maturazzjoni, ifissru li ż-żebbuġ iżomm kontenut baxx ta' żejt, li jikkontribwixxi għan-nuqqas ta' dik it-togħma ta' żejt, għall-karatteristiċi aromatiċi distinti, kif ukoll biex tkun evitata l-ossidazzjoni u, bħala riżultat, il-preservazzjoni aħjar taż-żebbuġ.

Il-metodu tradizzjonali tal-ħsad bl-idejn jiżgura li ż-żebbuġ ikun fl-aqwa kundizzjoni naturali u li l-ipproċessar ulterjuri jkun suċċess, filwaqt li l-għażla manwali u l-mili taż-żebbuġ jiżguraw l-aqwa prodott finali awtentiku.

B’mod simili, bil-prattiki tradizzjonali mħallta, l-unitajiet tal-ipproċessar adottaw tekniki tal-ipproċessar għall-karatteristiċi speċifiċi tal-varjetajiet differenti biex jegħlbu d-diffikultajiet bil-żebbuġ waqt il-fermentazzjoni, biex ma jbiddlux il-karatteristiċi organolettiċi tiegħu, u biex jirnexxu fil-produzzjoni stabbli ta' prodott uniformi magħruf fil-Greċja kollha għat-togħma kemxejn morra u taħraq tiegħu. Il-fatt li wħud mill-unitajiet huma orjentati lejn l-esportazzjoni jfisser li ż-żebbuġ tat-tip Prasines Elies Chalkidikis wasal f'ħafna pajjiżi 'l barra mill-Greċja.

2.   Storika

Xi referenzi għall-imsaġar taż-żebbuġ f'Chalkidiki jmorru lura sal-1415: l-imsaġar taż-żebbuġ ta' Andronicus, fil-monasteru ta' Agios Pavlos (San Pawl) ta' Kassandra, is-siġar antiki taż-żebbuġ imxerrdin fil-monasteru ta' Vatopedi f'Souflari ta' Kalamaria (Nea Triylia), l-istess fil-viċinanzi f'Daoutlou (Eleochoria) u l-imsaġar taż-żebbuġ tal-monasteru ta' Iviron fil-gżira ta' Kafkania ta' Olympiada. Fil-kumplament ta' Chalkidiki kien hemm siġar taż-żebbuġ domestikati eżistenti, u l-preżenza tagħhom ta' spiss kienet isservi bħala isem il-postijiet. Jidher li l-frott minn dawn is-siġar taż-żebbuġ kien jintuża l-iktar għall-preparazzjoni taż-żebbuġ li jittiekel.

F’nofs is-seklu 19, in-nies ta' Chalcidicean bdew jassoċċjaw ruħhom b'mod iktar sistematiku mat-tkabbir taż-żebbuġ, it-tilqim tas-siġar taż-żebbuġ slavaġ, u fuq skala iżgħar, it-trapjantazzjoni tas-siġar domestikati. Din it-tendenza aktarx li kienet minħabba l-kundizzjonijiet favorevoli tat-taxxa maħluqa bir-“Regolament dwar l-liċenzjar ta' msaġar ġodda taż-żebbuġ” ippromulgat fl-1863. Sal-1887 Christakis Zografos kien diġà stabbilixxa l-masġar enormi taż-żebbuġ ta' Portaria, b'erja tal-wiċċ madwar 500 ettaru u iktar minn 32 000 siġra. Fl-istess żmien, Hatsis Osman stabbilixxa mitħna kbira taż-żejt taħdem bil-fwar f'Yerakini ta' Polygyros, li tat bidu għall-immodernizzar ta' mtieħen simili f'Chalkidiki.

Ir-rabta każwali ta' Chalkidiki mas-siġar taż-żebbuġ u l-frotta tagħhom tixhidha wkoll il-kultivazzjoni ta' żmien ilu u l-produzzjoni tal-prodotti taż-żebbuġ fir-reġjun, kif turi l-evidenza storika ddokumentata u l-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet folkloristiċi numerużi sal-ġurnata tal-lum. F'Chalkidiki, għal mill-inqas dawn l-aħħar żewġ sekli, iż-żebbuġ kien punt ta' referenza importanti tal-ħajja ekonomika, l-attività soċjali u t-tradizzjonijiet kulturali tal-abitanti.

4.7.   Entità tal-ispezzjoni:

Isem:

Οργανισμός Πιστοποίησης και Επίβλεψης Γεωργικών Προϊόντων (Ο.Π.Ε.ΓΕ.Π.) (Organizzazzjoni għaċ-Ċertifikazzjoni u l-Ispezzjoni tal-Prodotti Agrikoli – AGROCERT)

Indirizz:

Πατησίων & Άνδρου 1/Patisson u Androu 1

112 57 Αθήνα/Athens

ΕΛΛΑΔΑ/GREECE

Tel.

+30 2108231277

Feks

+30 210 8231438

E-mail:

info@agrocert.gr

Isem:

Νομαρχιακή Αυτοδιοίκηση Χαλκιδικής (l-Awtorità tal-Prefettura ta' Chalkidiki), Διεύθυνση Αγροτικής Ανάπτυξης (id-Direttorat għall-Iżvilupp Rurali)

Indirizz:

631 00 Πολύγυρος/Polygyros

ΕΛΛΑΔΑ/GREECE

Tel.

+30 2371039314

Feks

+30 2371339207

E-mail:

agro6@halkidiki.gov.gr

4.8.   It-tikkettar:

Minbarra d-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Πράσινες Ελιές Χαλκιδικής” (Prasines Elies Chalkidikis) u l-immarkar rilevanti, it-tikketti għandhom juru l-indikazzjonijiet li ġejjin biex jagħmluha possibbli li tiġi vverifikata l-oriġini u li l-prodott ikun protett:

in-numru tal-kodiċi li juri s-sena tal-produzzjoni, l-unità tal-ipproċessar, il-lott u l-unità tal-ipproċessar finali jekk l-ippakkjar finali jsir minn unità differenti.

l-iskadenza minima tal-prodott jekk ikun prodott finalment ippakkjat.

il-logo b'isem il-prodott bl-alfabett Grieg jew Latin, li jkopri immaġni ovali li jkollha mappa ta' Chalkidiki minn litografija tal-1829 tas-Soċjetà Brittanika għat-Tixrid ta' Għarfien Siewi bħala sfond u fergħa taż-żebbuġ biż-żebbuġ aħdar fuq quddiem.

Image

Meta ż-żebbuġ tat-tip Prasines Elies Chalkidikis jintuża għall-produzzjoni ta' pejst, tista' tintuża l-indikazzjoni “Πάστα από “Πράσινες Ελιές Χαλκιδικής ΠΟΠ” ” (Pejst magħmul miż-żebbuġ tat-tip Prasines Elies Chalkidikis DPO), jekk il-pejst isir biss bl-użu taż-żebbuġ tat-tip Prasines Elies Chalkidikis flimkien ma' mhux iktar minn 7 % żejt extra verġni taż-żebbuġa biss.


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.