13.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 188/15


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2010/C 188/10

Din il-publikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“ORAVSKÝ KORBÁČIK”

Nru tal-KE: SK-PGI-0005-0774-04.05.2009

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem:

“Oravský korbáčik”

2.   Stat membru jew pajjiż terz:

Ir-Repubblika Slovakka

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta' prodott:

Klassi 1.3

Ġobnijiet

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1:

“Oravský korbáčik” huwa ġobon imfawwar, affumikat jew le, f’forma ta' frosta żgħira (bis-Slovakk korbáčik) li hi twila bejn 10 u 50 ċentimetru. Hija magħmula bl-użu ta' metodu tradizzjonali. Meta jiffermenta, il-ġobon f'balla u parzjalment misjur jistamat fil-misħun u mbagħad jiġi mġebbed fi strixxi qishom spag, tradizzjonalment magħrufin bħala vojky, bi ħxuna ta' bejn żewġ (2) u għaxar (10) millimetri. Wara l-istrixxi jiġu mmaljati f'forma ta' frosta żgħira.

Il-proprjetajiet organolettiċi li huma karatteristiċi ta' dan il-ġobon jitqassmu permezz tan-nisġa li tixbaħ l-ispag tal-istrixxi meġbudin mill-ġobon imfawwar u permezz tal-għamla speċjali tal-frosta ffurmata bl-immaljar tal-istrixxi individwali.

Id-differenza bejn “Oravský korbáčik” affumikat u dak li mhuwiex tinsab l-aktar fil-kulur u fir-riħa tagħhom. L-“Oravský korbáčik” affumikat għandu kulur li jvarja minn safrani għal isfar lewn id-deheb u għandu dik ir-riħa karatteristika tal-affumikazzjoni u kontenut ftit aktar għoli ta' melħ (1 %). L-“Oravský korbáčik” li mhux affumikat għandu kulur li jvarja bejn l-abjad u dak l-abjad kulur il-krema, mingħajr ir-riħa tal-affumikazzjoni. In-nisġa u l-konsistenza taż-żewġ varjetajiet hija identika.

L-“Oravský korbáčik” jinbiegħ imgeżwer f'karta rqiqa għall-użu alimentari f'pakketti multipli li jvarjaw skont kemm hemm korbáčiky fih u skont il-piż tal-imballaġġ.

Proprjetajiet

Kulur: jvarja minn abjad sa safrani jew, fil-każ ta' varjetajiet affumikati, isfar lewn id-deheb;

Konsistenza: l-istrixxi individwali huma magħmulin minn fibri separati b'konsistenza elastika li hija soda iżda mhux iebsa, li tonqos fl-elastiċità malli l-ġobon jimmatura; il-prodott għandu kapaċità għolja li jiġġebbed minħabba n-nisġa li tixbaħ l-ispag b'fibri li jistgħu jiġu faċilment separati;

Riħa u togħma: ta' ħalib, pjaċevoli ta' ġobon, mielħa, ftit aċiduża u tipikament affumikata fil-każ ta' varjetajiet affumikati.

Kompożizzjoni: Materja niexfa: mhux inqas minn 40 % tal-piż;

Kontenut ta' xaħam fil-materja niexfa: mhux inqas minn 25 % tal-piż;

Melħ li jittiekel: mhux iżjed minn 4,5 % tal-piż għal varjetajiet li mhumiex affumikati u mhux iżjed minn 5,5 % tal-piż għal varjetajiet affumikati;

Proprjetajiet mikrobijoloġiċi

L-“Oravský korbáčik” huwa ġobon imfawwar li jsir minn ġobon f'balla li fih prinċipalment mikroflora tal-aċidu lattiku termoreżistenti tat-tip: Lactococcus, Streptococcus u Lactobacillus.

3.3.   Il-materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

L-“Oravský korbáčik” huwa magħmul bl-użu ta' ġobon f'balla, prodott mill-ħalib tal-baqra nej jew ħalib tal-baqra pasturizzat biż-żieda ta' kultivazzjoni tal-aċidu lattiku. It-tip ta' ħalib użat – nej jew pasturizzat – ma huwa bl-ebda mod relatat mal-proprjetajiet tal-prodott finali. Il-kwalità tal-ħalib hija vverifikata b'mod regolari u dokumentata fil-post tal-produtturi tal-ġobon f'balla, filwaqt li jiġu mmonitorjati l-parametri li ġejjin: sustanzi inibitorji, temperatura, aċidità, xaħam, piż speċifiku u materja niexfa bla xaħam.

In-numru totali ta' mikroorganiżmi u n-numru ta' ċelloli somatiċi huma stabbiliti minn laboratorji akkreditati.

Il-ġobon f'balla għandu mill-inqas 48 % materja niexfa tal-piż, b'mill-anqas 35 % tal-piż f'materja niexfa u b'pH li jvarja minn 4,9 sa 5,2.

Il-parti esterna tal-ġobon f'balla hija kumpatta u lixxa b'qoxra tajba u kulur abjad li jagħti għal kulur il-krema.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

Ma hemm l-ebda rekwiżiti partikulari ta' kwalità jew restrizzjonijiet fir-rigward tal-oriġini.

3.5.   Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata:

Il-kwalità tal-prodott ma tiddependix fuq l-oriġini tal-ġobon f'balla.

L-ewwel stadju

:

Tisjir bil-fwar: il-ġobon iffermentat b'mod naturali huwa l-ewwel imqatta' f'biċċiet żgħar, li jinħakku u jinstamtu fil-misħun (b’temperatura tal-ilma bejn 70 u 95 °C); il-ġobon jitħawwad bl-użu ta' paletta tal-injam jew b'apparat mekkaniku li jħawwad sakemm tifforma massa kompatta u elastika, magħrufa bħala parenina.

It-tieni stadju

:

Għaġna: Il-parenina tiġi magħġuna, imġebbda u mitwija bl-idejn biex tifforma massa ta' ġobon flessibli u lixxa li tista' tingħata forma mill-ewwel.

It-tielet stadju

:

Iffurmar: il-massa ta' ġobon tinġibed fi strixxi bl-idejn jew bl-użu ta' żewġ lembubi bil-qatgħat u li jiġu mdawra waħda kontra l-oħra. L-istrixxi jaqgħu immedjatament fl-ilma kiesaħ potabbli.

Ir-raba’ stadju

:

Tberrid: l-istrixxi tal-ġobon jitħallew jibirdu fl-ilma kiesaħ potabbli minn żewġ (2) sa għaxar(10) minuti, biex iżommu l-għamla tagħhom.

Il-ħames stadju

:

Tidwir: l-istrixxi bierda jiddawru fuq rukkell. Wara li jiġu mdawra, jinqatgħu minn tarf minnhom u jintrabtu min-nofs permezz ta' strixxa tal-ġobon.

Is-sitt stadju

:

Tmelliħ: l-istrixxi mqattgħin u marbutin jiġu mmelħin billi jitbillu f'soluzzjoni saturata tal-melħ, sabiex il-kontenut aħħari tal-melħ ma jkunx aktar minn 4,5 % tal-piż għal varjetajiet mhux affumikati jew 5,5 % tal-piż għal varjetajiet affumikati (il-ħin tat-tmelliħ jiddependi fuq il-ħxuna tal-istrixxi tal-ġobon u l-aċidità tal-ġobon użat).

Is-seba’ stadju

:

Tnixxif parzjali: sabiex jitneħħilhom l-ilma mielaħ li jkun żejjed, l-istrixxi tal-ġobon jiddendlu fuq pal tal-injam jew wieħed bla sadid biex jinxef l-ilma.

It-tmien stadju

:

Immaljar: mill-anqas żewġ strixxi, mitwija min-nofs, jiġu mmaljati sa żewġ terzi mit-tul tagħhom bl-idejn biex jiġu forma ta' frosta żgħira. F'dan il-punt jitwaħħlu flimkien permezz ta' waħda mill-istrixxi, biex il-malju ma jinħallx.

Id-disa’ stadju

:

(għall-varjetajiet affumikati)

Affumikazzjoni: il-ġobon jiġi affumikat permezz ta' duħħan kiesaħ dirett b'temperatura ta' bejn wieħed u ieħor 30 °C f'kamra apposta għall-affumikazzjoni li tradizzjonalment tkun tal-injam jew tal-metall jew f'kamra b'ċirkolazzjoni tal-arja furzata għall-affumikazzjoni b'duħħan li jiġi prodott minn injam iebes sakemm dan jieħu kulur isfar dehbi.

L-għaxar stadju

:

Imballaġġ: l-imballaġġ tal-ġobon isir f'karta għall-użu alimentari, li fuqha mbagħad titwaħħal tikketta bl-isem “Oravský korbáčik”.

3.6.   Regoli għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-imballaġġ, eċċ.:

L-“Oravský korbáčik” jinbiegħ f'pakketti li fihom kwantitajiet differenti. Pakkett bażiku fih minn ħames (5) sa għaxar (10) korbáčiky, iżda hemm disponibbli wkoll pakketti akbar li jkun fihom 50 korbáčiky, li tradizzjonalment jissemmew bħala zväzok (qabda).

L-imballaġġ tal-“Oravský korbáčik” irid isir fiż-żona ġeografika definita sabiex iżomm il-forma speċjali tiegħu, biex wieħed jevita li jinħall u biex tkun imħarsa l-kwalità tal-prodott.

Ma hemm l-ebda restrizzjoni ġeografika għall-imballaġġ mill-ġdid.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

Il-produtturi li jagħmlu l-“Oravský korbáčik” skont din l-ispeċifikazzjoni għandhom il-permess jużaw l-isem “Oravský korbáčik” għal skopijiet ta' tikkettar, pubbliċità u kummerċjalizzazzjoni.

Fuq it-tikketti mwaħħla fuq il-prodott għandhom jidhru id-dikjarazzjonijiet li ġejjin:

l-isem “Oravský korbáčik”, imqiegħed f'pożizzjoni prominenti,

jekk il-ġobon huwiex affumikat jew le,

il-kliem ‘indikazzjoni ġeografika protetta’ u s-simbolu tal-KE assoċjat ma' dan.

4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika:

L-“Oravský korbáčik” huwa prodott fil-baċin tax-xmara Orava (fir-reġjun Orava) fir-Repubblika Slovakka. Iż-żona ġeografika hija magħluqa bil-fruntiera mal-Polonja lejn it-Tramuntana u l-Lvant, bil-fruntiera tal-Punent tad-distretti ta' Námestovo u Dolný Kubín u bil-fruntiera tan-Nofsinhar tad-distretti ta' Dolný Kubín u Tvrdošín.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Orava huwa reġjun tipiku fil-muntanji b'kundizzjonijiet tajbin għat-trobbija u għall-mergħa tan-nagħaġ u l-baqar kif ukoll għall-ipproċessar tal-ħalib biex dan isir ġobon. In-nies tar-reġjun għadhom jagħmlu użu minn dawn il-karatteristiċi speċjali tal-ambjent muntanjuż, hekk kif dejjem għamlu minn mindu n-nies bdew joqgħodu f'din iż-żona. L-immaljar bl-idejn ta' ġobon imsajjar fuq il-fwar fil-forma ta' frosti żgħar hija kapaċità speċifika tan-nisa tar-reġjun ta' Orava li ma tistax issir b'magna.

Tradizzjonalment, jingħad li l-produzzjoni domestika tal-korbáčiky f'Orava ilha għaddejja mit-tieni nofs tas-seklu 19, bil-produzzjoni tat-tipi differenti ta' ġobon imfawwar, inkluż il-korbáčiky, li mbagħad kien jinbiegħ, u b'hekk kien l-uniku sors ta' dħul finanzjarju għall-bdiewa lokali tan-nagħaġ u l-baqar ta' dak iż-żmien.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

Dak li jagħmel l-“Oravský korbáčik” speċjali huwa l-forma tiegħu, li mhix forma li normalment ikollu l-ġobon jew prodott tal-ġobon. Din issir permezz ta' metodu tradizzjonali, kważi esklussivament manwali, li jinvolvi l-fawra tal-ġobon f'balla fil-misħun u t-tiġbid tal-istrixxi li imbagħad jiġu mmaljati f'forma ta' frosta żgħira. L-għaġna u t-tiġbid involut fl-ipproċessar manwali tal-ġobon mgħolli jagħtu lill-korbáčiky dik in-nisġa unika bħal spag tiegħu, li tagħmel il-prodott daqshekk uniku u speċjali.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew il-karatteristiċi l-oħra tal-prodott (għall-IĠP):

L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-“Oravský korbáčik” bħala indikazzjoni ġeografika protetta hija bbażata fuq il-forma speċjali tal-prodott, ir-reputazzjoni tiegħu u t-tradizzjoni.

Ir-reġjun Orava qiegħed fil-muntanji li jinsabu fil-Majjistral tas-Slovakkja, bi klima kiesħa u inospitabbli. Il-maġġoranza tal-abitanti kienu jgħixu mill-biedja u t-trobbija tal-annimali, tal-baqar, tal-mogħoż u tan-nagħaġ, u kienu jipproċessaw materja prima li kienu jipprovdu l-annimali, l-aktar il-ħalib, fi prodotti tal-ġobon ta' kwalità għolja f'forom differenti. “Iż-żona fejn jirgħu il-baqar Pinzgau u s-sistema l-aktar użata ta' mergħa fis-Sajf b'mod inevitabbli wasslu biex din ir-razza tkun l-aktar adattata għall-produzzjoni ta' ħalib organiku tax-xorb u prodotti tal-ħalib ta' kwalità. … Dawn l-azjendi agrikoli, minbarra li jgħinu b'mod sinifikattiv għall-iffurmar tal-pajsaġġ (ħsad taż-żoni li huma inaċċessibli għall-magni, il-mergħa ta' art mhux użata, it-tnixxif tal-ħuxlief fuq strutturi apposta għall-inxif), jipproduċu speċjalitajiet reġjonali mill-ħalib tal-baqra, bħall-magħruf ‘Oravský korbáčik’ …” (Slovenský pinzgauský dobytok – producent mlieka horských pasienkov).

Bil-ħila u d-dehen tagħhom, in-nies tar-reġjun irnexxielhom jissaportu l-kundizzjonijiet ħarxa u b'hekk kisbu reputazzjoni tajba lil hinn mill-fruntieri ta' dan il-post.

Dokumenti storiċi jgħidu li ġobon tradizzjonali mfawwar prodott fir-reġjun ta' Orava; kien magħmul f''forma ta' frosta żgħira, bħal dawk magħmula mill-qasab li kienu tradizzjonalment jintisġu fl-Għid ġewwa s-Slovakkja, u l-verzjonijiet żgħar tal-ġobon ħadu l-isem korbáčik. Minbarra produttur tal-korbáčiky din iż-żona saret ukoll ċentru għall-bejgħ u x-xiri ta' ġobnijiet imfawra , hekk kif in-negozjanti bdew jingħataw l-isem skont it-tip ta' ġobon li kienu jinnegozzjaw fih (negozjant korbáčik, negozjant oštiepok, negozjant srdce eċċ.). “Fis-Slovakkja ta' Fuq, il-villaġġ ta' Zázrivá fir-reġjun ta' Orava għadu ċentru sinifikanti ta' negozju bħal dan. Negozjanti minn dak ir-reġjun kienu jinnegozjaw l-aktar fil-ġobon affumikat u mfawwar; ħadu isimhom skont it-tip ta' prodotti mibjugħa – negozjanti korbáčik, …”(Podolák, J. “Tradičné využitie produkcie ovčieho mlieka na Slovensku”, Etnologia Slavica, UK Bratislava, 1986).

Id-dokumenti storiċi jsemmu diversi professjonijiet bħal dawn. Sal-lum il-ġurnata, in-negozjanti korbáčiky ta' Orava, għadhom joffru l-prodotti tagħhom għall-bejgħ f'diversi swieq u f'okkażjonijiet speċjali, bħal tiġijiet, festini tal-magħmudija, il-Mieled, il-Karnival u l-Għid. Il-produzzjoni tal-Korbáčik dejjem żdiedet tul il-perjodi ta' vaganzi, xhieda ta' kemm il-prodott huwa popolari mal-klijenti. Dan jidher ċar mir-rekords ta' dawk li jimmanifatturaw.

Orava għadha żżomm il-karattru agrikolu tagħha. Ir-regoli li jiggvernaw il-produzzjoni tal-“Oravský korbáčik” ġew stabbiliti sa minn żmien bikri, f'nofs is-seklu li għadda. Ir-reputazzjoni u t-tradizzjoni tal-“Oravský korbáčik” huma ppruvati mhux biss bil-fatt li huma koperti bi trademark irreġistrat mal-uffiċju tal-proprjetà industrijali tar-Repubblika Slovakka, valida sat-22 ta' Frar 2006 (10 snin), iżda wkoll bl-artikoli miktuba dwarhom fil-gazzetti.

L-“Oravský korbáčik” hija tjubija kulinarja tradizzjonali magħrufa mhux biss mas-Slovakki, iżda wkoll mal-barranin li jżuru s-Slovakkja li jieħdu l-ispeċjalità f'pakketti lura d-dar magħhom bħala rigal. “Ħadt prodott tajjeb ħafna lokali tal-ġobon magħruf bħala Oravský korbáčik li kien fuq stand …” (“Great Escapes: Hiking in the High Tatras”. The Slovak Spectator, Vol. 10, No 28, 2004); “Nenúkajte Angličanov Oravskými korbáčikmi” (http://www.sme.sk); Slovakia-in, No 8-9, 2002, fl-artiklu “Slovensko a Slováci nemeckými očami” hemm miktub li “L-awtriċi, mara Ċeka li toqgħod il-Ġermanja, hija familjari mal-ġobnijiet imfawra eċċellenti msejħa Oravské korbáčiky, …”.

Referenza għall-pubblikazzjoni ta' din l-ispeċifikazzjoni:

(Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

http://www.upv.sk/pdf/specifkorbac_ek2.pdf


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.