22.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 133/5


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tas-17 ta' Marzu 2010

li tirrigwarda proċediment taħt l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-Żee

(Każ COMP/39.386 – Kuntratti fit-tul Franza)

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 1580)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2010/C 133/05

Fis-17 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar proċediment skont l-Artikolu 102 tat-TFUE. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (1), il-Kummissjoni qiegħda b’dan tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inklużi kwalunkwe penalitajiet imposti, wara li kkunsidrat l-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni tinsab fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni fl-indirizz li ġej:

http://ec.europa.eu/competition/antitrust/cases/

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Il-każ jirrigwarda l-grupp EDF. B'din id-Deċiżjoni, l-impenji offruti minn EDF S.A. għall-grupp EDF sħiħ saru vinkolanti għal EDF S.A. u għall-entitajiet legali li jinsabu taħt il-kontroll dirett u indirett tiegħu, inkluża s-sussidjarja tiegħu Electricité de Strasbourg S.A. skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

2.   DESKRIZZJONI TAL-KAŻ

(2)

Fit-18 ta' Lulju 2007, il-Kummissjoni tat bidu għal proċedimenti kontra EDF skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 bil-ħsieb li tadotta deċiżjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(3)

Fid-19 ta' Diċembru 2008, il-Kummissjoni bagħtet Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet, kif imsemmi fl-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 773/2004, li ddeskriviet it-tħassib tal-Kumissjoni. Skont id-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet il-Kummissjoni kellha suspett dwar EDF, bħala l-parteċipant dominanti fis-suq għall-fornitura tal-elettriku lil klijenti industrijali kbar u li abbuża mill-pożizzjoni dominanti tiegħu fit-tifsira tal-Artikolu 102 tat-TFUE billi:

kkonkluda kuntratti ta' fornitura li, minħabba l-ambitu ta' applikazzjoni, żmien u natura tagħhom, jillimitaw b'mod sinifikanti l-possibbiltajiet għall-impriżi l-oħra biex jikkonkludu kuntratti ta' fornitura tal-elettriku lil klijenti industrijali kbar fi Franza bħala l-fornitur prinċipali jew il-fornitur sekondarju;

inkludiet ċerti restrizzjonijiet fuq il-bejgħ mill-ġdid fil-kuntratti tagħha ta' fornitura lil klijenti industrijali kbar.

Il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn il-prattiki fixklu d-dħul ta' fornituri alternattivi fis-suq Franċiż u naqqsu l-likwidità fis-suq tan-negozju bl-ingrossa, u b’hekk dewwmu l-ftuħ effettiv tas-suq tal-elettriku fi Franza.

(4)

Fl-4 ta' Marzu 2009 (għal Electricité de Strasbourg SA) u fid-9 ta' Marzu 2009 (għal EDF SA), l-indirizzati tad-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet, ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub dwar id-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet. Fit-2 ta' April 2009, saret seduta orali li matulha EDF, kif ukoll tliet partijiet terzi interessati ressqu bil-fomm il-fehmiet tagħhom. EDF u ħames partijiet terzi interessati ressqu wkoll l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub lill-Kummissjoni.

(5)

Fl-14 ta' Ottubru 2009, EDF ressaq l-impenji skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, biex jissodisfa t-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni kif indirizzat fid-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet.

EDF, biex jindirizza t-tħassib tal-Kummissjoni dwar l-esklużjoni, ippropona li, bħala medja, 65 % tal-volumi kontrattati fuq is-suq rilevanti ser ikunu disponibbli kull sena għal kuntrattar mill-ġdid minn fornituri alternattivi fil-perjodu tal-impenji. Barra minn hekk, EDF jimpenja ruħu li ma jikkonkludix kuntratti ġodda b'perjodu ta' aktar minn ħames snin. Fil-proposti kummerċjali tiegħu lil dawk il-klijenti, EDF jimpenja ruħu wkoll biex joffri sistematikament mill-inqas kuntratt mhux esklussiv li jippermetti b'mod effettiv lill-klijenti biex jiksbu volumi ta' elettriku minn fornitur ieħor. L-impenn hu offrut għal perjodu ta' għaxar snin sakemm is-sehem tas-suq ta' EDF ma jaqax taħt l-40 % għal sentejn konsekuttivi.

EDF, biex jindirizza t-tħassib tal-Kummissjoni rigward ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ mill-ġdid, jimpenja li jabbolixxi dawn ir-restrizzjonijiet, jinforma lill-klijenti tiegħu li dawn ir-restrizzjonijiet fil-kuntratt huma nulli u bla effett, u jimpenja li jassisti lill-klijenti tiegħu li jkunu jridu jbiegħu mill-ġdid l-elettriku taħt ċerti kundizzjonijiet. Dan l-impenn hu applikabbli għal għaxar snin mingħajr possibbiltà li jintemm qabel.

(6)

Fl-4 ta’ Novembru 2009, ġie ppubblikat avviż f Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 li jagħti sommarju tat-tħassib tal-Kummissjoni kif ukoll tal-impenji proposti u jistieden lill-partijiet terzi biex iressqu l-osservazzjonijiet dwar l-impenji. Normalment, dawk li jwieġbu laqgħu l-impenji u għarfu li kienu rilevanti u xierqa biex isolvu t-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikati mill-Kummissjoni. L-osservazzjonijiet ma pprovdewx raġunijiet biex ikun hemm dubju dwar il-kwalità tal-impenji iżda ppermettew biex titjieb l-effikaċja tagħhom.

(7)

Fl-10 u fl-14 ta' Diċembru 2009, il-Kummissjoni infurmat lil EDF dwar l-osservazzjonijiet li rċeviet wara l-pubblikazzjoni tal-avviż. Fis-26 ta' Jannar 2010, EDF ressaq impenji riveduti, filwaqt li kkunsidra ir-reazzjonijiet tat-test tas-suq.

(8)

Minħabba t-tħassib espress mid-Dikjarazzjonijiet tal-Oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni, l-argumenti mressqa minn EDF fit-tweġiba tiegħu u l-konsultazzjoni pubblika li saret skont l-Artikolu 27(4), tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni tqis li l-impenji ta' EDF, kif modifikati, huma xierqa u meħtieġa biex isolvu l-problemi tal-kompetizzjoni identifikati mill-Kummissjoni fis-suq Franċiż tal-fornitura tal-elettriku lill-klijenti industrjiali kbar, mingħajr ma jkunu disproporzjonati.

L-impenji finali ta' EDF jippermettu b'mod proporzjonat li jtemmu l-esklużjoni tas-suq Franċiż għall-fornitura tal-elettriku lil klijenti industrijali kbar fi Franza u, għaldaqstant, jiggarantixxu possibbiltà reali lill-klijenti biex jiksbu fornitura minn fornituri alternattivi u, għal dan tal-aħħar, opportunità reali li jidħlu jew jespandu fis-suq. Barra minn hekk, l-impenji, billi jabbolixxu kwalunkwe restrizzjoni fuq il-bejgħ mill-ġdid tal-elettriku fornut minn EDF, jew anke billi jiffaċilitaw bejgħ mill-ġdid bħal dan taħt ċerti kundizzjonijiet, se jippermettu lill-klijenti kkonċernati biex jamministraw b'aktar faċilità u b'aktar flessibbiltà l-provvisti tagħhom tal-elettriku, u jistgħu, fl-aħħar mill-aħħar, jirrinfurzaw il-likwidità tas-suq Franċiż tal-bejgħ bl-ingrossa.

(9)

Fid-dawl ta' dawn l-impenji, ma hemmx aktar raġunijiet għal azzjoni mill-Kummissjoni u, mingħajr ħsara lill-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003; il-proċedimenti f'dan il-każ għandhom għalhekk jintemmu. Id-deċiżjoni għandha tkun vinkolanti sal-1 ta' Jannar 2020.

(10)

Fl-1 ta' Marzu 2010, il-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-Prattiki Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ltaqa’ u ta opinjoni favorevoli. Fit-3 ta' Marzu 2010 l-Uffiċjal tas-Smigħ ressaq ir-rapport finali tiegħu.


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.