27.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/20


Avviż lill-intrapriżi li biħsiebhom jimportaw jew jesportaw sustanzi kkontrollati li jnaqqsu s-saff tal-ożonu lejn jew mill-Unjoni Ewropea fl-2011 u lill-intrapriżi li fl-2011 biħsiebhom jitolbu kwota għal dawn is-sustanzi bl-intenzjoni għall-użi fil-laboratorji u analitiċi

2010/C 107/12

I.

Dan l-Avviż huwa indirizzat lill-intrapriżi li huma kkonċernati bir-Regolament (KE) Nru 1005/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (1) (ir-Regolament) u li biħsiebhom jimportaw jew jesportaw lejn u mill-Unjoni Ewropea, jew li għall-2011 biħsiebhom jitolbu kwota għall-użi fil-laboratorji u analitiċi, kwalunkwe sustanza minn dawk li ġejjin koperta bir-Regolament matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2011 sal-31 ta' Diċembru 2011:

Grupp I

:

CFC 11, 12, 113, 114 jew 115

Grupp II

:

CFCs oħrajn kompletament aloġenati

Grupp III

:

alonju 1211, 1301 jew 2402

Grupp IV

:

tetraklorur tal-karbonju

Grupp V

:

1,1,1 trikloroetan

Grupp VI

:

bromur tal-metil

Grupp VII

:

idrobromofluworokarboni

Grupp VIII

:

idroklorofluworokarboni

Grupp IX

:

bromoklorometan

Dibromodifluworometan (alon-1202).

II.

Bħala regola ġenerali, il-produzzjoni, l-importazzjoni u l-esportazzjoni tas-sustanzi msemmija fil-punt I huma projbiti, bl-eċċezzjoni ta' każijiet speċifiċi previsti mir-Regolament.

III.

Kwalunkwe importazzjoni jew esportazzjoni eżentata mir-regola ta' projbizzjoni ġenerali dwar l-importazzjoni jew l-esportazzjoni teħtieġ liċenzja maħruġa mill-Kummissjoni, ħlief għall-każijiet ta' tranżitu, ħżin temporanju, ħżin tad-dwana jew il-proċedura taż-żona ħielsa kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 450/2008, li ma jdumux iktar minn 45 jum. L-importazzjoni jew l-esportazzjoni tad-Dibromodifluworometan ukoll hija eżentata mir-rekwiżit tal-liċenzja.

IV.

Kwalunkwe produzzjoni ta' sustanzi kkontrollati għall-użi fil-laboratorji u analitiċi teħtieġ l-awtorizzazzjoni minn qabel.

V.

It-talba għal kwota għall-użi fil-laboratorji u analitiċi ssegwi l-istess proċedura li tintuża għall-importazzjoni kif indikat hawn taħt. Il-kwoti se jiġu allokati b'konformità mal-Artikolu 10(6) fir-Regolament.

VI.

Kwalunkwe intrapriża li tixtieq timporta jew tesporta sustanzi kkontrollati fl-2011 u li ma talbitx biex tinħareġ liċenzja ta' awtorizzazzjoni għall-importazzjoni jew l-esportazzjoni fis-snin preċendenti, teħtieġ li tinnotifika lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mill-1 ta' Lulju 2010 billi tressaq il-formola ta' reġistrazzjoni disponibbli fuq l-internet: http://ec.europa.eu/environment/ozone/ods.htm. Wara r-reġistrazzjoni, l-intrapriżi jeħtieġ li jsegwu l-proċedura spjegata fil-paragrafu VII.

VII.

L-intrapriżi li talbu biex tinħarġilhom liċenzja għall-importazzjoni jew awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni fis-snin preċedenti għandhom jimlew u jressqu l-formola tad-dikjarazzjoni rilevanti disponibbli fuq l-internet permezz tal-bażi tad-dejta Main-ODS (http://ec.europa.eu/environment/ozone/ods.htm).

Fil-każ tad-dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni, għandha tintbagħat kopja ffirmata kif xieraq tad-dikjarazzjoni finali lill-Kummissjoni wara li jitlesta l-proċess ta' dikjarazzjoni fuq l-internet:

Il-Kummissjoni Ewropea

Id-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent

Unità ENV.C.4 – Emissjonijiet industrijali u protezzjoni tas-saff tal-ożonu

BU-1 2/147

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Feks +32 22920692

Indirizz tal-posta elettronika: env-ods@ec.europa.eu

Il-Kummissjoni tħeġġeġ it-tressiq tal-kopji ffirmati kif xieraq permezz tal-posta elettronika.

VIII.

Il-formoli ta' dikjarazzjoni fil-bażi tad-dejta ODS se jkunu disponibbli mill-1 ta' Ġunju 2010.

IX.

Il-Kummissjoni se tqis biss bħala validi l-formoli ta' dikjarazzjoni mimlija kif suppost (fil-każ ta' dikjarazzjonijiet ta' importazzjoni: il-kopji ffirmati) u li huma mingħajr żbalji li jaslu għandha sal-31 ta' Lulju 2010.

L-intrapriżi huma mħeġġa jressqu d-dikjarazzjoni tagħhom kemm jista' jkun malajr u suffiċjentament qabel l-iskadenza sabiex ikun hemm ċans li jsiru l-korrezzjonijiet potenzjali fi ħdan il-perjodu ta' dikjarazzjoni.

It-tressiq ta' dikjarazzjoni weħidha ma tagħti l-ebda dritt sabiex isiru l-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet.

X.

Qabel ma ssir importazzjoni jew esportazzjoni fl-2011, soġġetta għall-ħruġ ta' liċenzja (ara l-punt III) l-intrapriżi jeħtieġu jkunu ressqu dikjarazzjoni korrispondenti u jkunu applikaw biex tinħarġilhom liċenzja mill-Kummissjoni billi jimlew l-applikazzjoni disponibbli fuq l-internet fil-bażi tad-dejta Main-ODS tal-internet.

XI.

Sabiex tkun ivverifikata n-natura tas-sustanza u l-iskop tal-importazzjoni jew l-esportazzjoni kif deskritt mill-intrapriża fit-talba għall-ħruġ tal-liċenzja, il-Kummissjoni tista' titlob lill-applikant iressaq tagħrif addizzjonali.

XII.

Il-liċenzja tinħareġ jekk il-Kummissjoni tkun sodisfatta li t-talba hija konformi mad-dikjarazzjoni u tinsab f'konformità mar-rekwiżiti legali. L-applikant għandu jiġi mgħarraf bil-posta elettronika dwar jekk tkunx ġiet aċċettata t-talba għall-ħruġ tal-liċenzja. Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tirtira liċenzja tal-esportazzjoni meta s-sustanza li tkun se tiġi esportata ma tkunx kif deskritta jew ma tistax tintuża għall-iskopijiet mitluba jew ma tistax tiġi esportata b'konformità mar-Regolament.

Il-Kummissjoni tista' tirrifjuta talba għal liċenzja, meta l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż li qiegħed jimporta jkunu informaw lill-Kummissjoni li l-importazzjoni tas-sustanza kkontrollata jkollha impatt avvers fuq l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' kontroll fis-seħħ tal-pajjiż li qiegħed jimporta sabiex ikun konformi mal-obbligi tiegħu skont il-Protokoll jew tista' twassal għal qbiż tal-limiti kwantitattivi skont il-Protokoll għal dak il-pajjiż.

XIII.

L-importazzjonijiet għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fl-Unjoni Ewropea huma soġġetti għal-limiti kwantitattivi, determinati mill-Kummissjoni abbażi tad-dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni għas-sustanzi kkontrollati għall-użi li ġejjin:

(a)

użi fil-laboratorju u analitiċi (soġġetti għal kwota ta' produzzjoni/importazzjoni u limitazzjoni kwantitattiva; ara l-punti IV. u V. ta' hawn fuq),

(b)

użi kritiċi (aloni),

(c)

użi bħala materja prima,

(d)

użi bħala aġenti tal-ipproċessar.


(1)  ĠU L 286, 31.10.2009, p. 1.