|
9.4.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 91/7 |
Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni
tal-21 ta’ Jannar 2010
li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u t-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE
(Każ COMP/M.5529 – Oracle/Sun Microsystems)
(notifikata bid-dokument numru C(2010) 142 finali)
(il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
2010/C 91/05
Fil-21 ta’ Jannar 2010 il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f'każ ta' amalgamazzjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (1), u partikolarment l-Artikolu 8(1) ta' dak ir-Regolament. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni sħiħa hija disponibbli fl-ilsien awtentiku tal-każ u fl-ilsna proċedurali tal-Kummissjoni fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, fl-indirizz li ġej:
http://ec.europa.eu/comm/competition/index_en.html
I. IL-PARTIJIET
|
(1) |
L-Oracle Corporation (“Oracle” jew il-“parti notifikanti”, l-Istati Uniti tal-Amerika) hija kumpanija kkwotata pubblikament, li tiżviluppa u tqassam soluzzjonijiet ta' software għall-intrapriżi u servizzi relatati, inklużi middleware, databases u software għall-applikazzjoni tal-intrapriżi. |
|
(2) |
Is-Sun Microsystems, Inc. (“Sun”, l-Istati Uniti tal-Amerika) hija kumpanija kkwotata pubblikament attiva f'hardware (servers, desktops, mikroelettronika, u tagħmir għall-ħażna ta' informazzjoni) u software u servizzi relatati, inklużi sistemi operattivi, teknoloġija Java, middleware u software għad-databases. |
II. L-OPERAZZJONI
|
(3) |
Fit-30 ta' Lulju 2009, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (“ir-Regolament dwar l-Għaqdiet”) li permezz tagħha l-impriża Oracle takkwista fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll sħiħ tal-impriża Sun permezz tax-xiri ta' ishma. |
|
(4) |
It-tranżizzjoni proposta tikkonsisti fl-akkwist mill-Oracle tat-titoli li jġorru magħhom id-dritt tal-vot kollha tas-Sun għal madwar USD 7 400 miljun. Bħala riżultat tat-tranżizzjoni proposta, is-Sun se tiġi kkontrollata bi sħiħ mill-Oracle. Għaldaqstant l-operazzjoni tikkostitwixxi konċentrazzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Għaldaqstant it-tranżizzjoni proposta għandha dimensjoni Komunitarja skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. |
III. SOMMARJU
|
(5) |
Wara li eżaminat in-notifika, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni fit-3 ta' Settembru 2009 fejn kkonkludiet li l-operazzjoni taqa’ fl-ambitu tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u qajmet dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni u mat-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti bidu għal proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. |
|
(6) |
Fid-9 ta' Novembru 2009, intbagħtet Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet lill-parti notifikanti skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. L-Oracle wieġbet għal din id-Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet fit-3 ta’ Diċembru 2009. Fl-10 u fil-11 ta' Diċembru 2009, saret Seduta Orali fuq it-talba tal-parti notifikanti. |
|
(7) |
L-investigazzjoni ddettaljata mill-Kummissjoni wriet li t-tranżizzjoni proposta mhux se tostakola b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f'parti sostanzjali minnu. |
|
(8) |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta' approvazzjoni skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet fil-21 ta' Jannar 2010. |
IV. MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
A. DATABASES,
1. Il-prodott rilevanti u swieq ġeografiċi
|
9. |
L-Oracle u kif ukoll is-Sun huma attivi f'sistemi ta' ġestjoni tad-databases relazzjonali (“RDBMS”relational database management systems jew “id-databases”). Id-databases huma programmi tas-software mfassla biex jaħżnu, jorganizzaw, janalizzaw u jsibu l-informazzjoni miżmuma f'format elettroniku. |
|
(10) |
Id-databases għandhom rwol importanti fit-tħaddim ta' ħafna intrapriżi u organizzazzjonijiet. Huma jappoġġaw firxa ta' applikazzjonijiet, sew jekk huma applikazzjonijiet li jinxtraw lesti kif ukoll li jkunu personalizzati internament f'azjenda, inklużi applikazzjonijiet tal-internet, ipproċessar ta' tranżizzjoni bl-internet (“OLTP”online transaction processing), ipproċessar analitiku bl-internet (“OLAP”online analytical processing) u ħażna tad-dejta. Id-databases jistgħu “jiġu integrati” wkoll fi prodott ieħor ta' hardware jew software u għaldaqstant mhux mibjugħa bħala prodott indipendenti lill-utent aħħari. |
|
(11) |
Id-databases huma mibjugħa jew fuq bażi propretarja fejn il-ħlas tal-liċenzja jintalab mill-klijent jew jistgħu jitniżżlu mill-internet bla ħlas bħala prodott “open source”, pereżempju taħt l-hekk imsejħa liċenzja GPL. |
|
(12) |
Għal bosta mill-prodotti tad-databases, l-Oracle titlob ħlas tal-liċenzja għas-software tad-databases tagħha u toffri kuntratt “ta' manutenzjoni”. Bħal ma jiġri mal-intrapriżi kollha tas-software, il-ħlas tal-liċenzja huwa normalment innegozjat abbżi “lista” tal-prezzijiet u jiġi aġġustat għar-raġunijiet tipiċi kollha, eżempju bħal volum. |
|
(13) |
Il-prodott tad-databases prinċipali tas-Sun huwa l-MySQL li hu disponibbli bħala prodott open source bla ħlas taħt liċenzja GPL. Is-Sun tikseb dħul dirett limitat permezz ta' (i) liċenzji kummerċjali lil klijenti li ma jkunux iridu jirrispettaw it-termini tal-liċenzja GPL, u (ii) permezz servizzi ta' appoġġ. Is-Sun, fil-websajt tagħha, tiddeskrivi l-MySQL bħala “id-database open source l-aktar popolari fid-dinja” b'aktar minn 11-il miljun installazzjoni attiva u li titniżżel mill-internet 60 000 kuljum. |
|
(14) |
L-investigazzjoni tas-suq mill-Kummissjoni wriet li d-databases huma prodotti differenzjati, iżda hemm katina ta' sostituzzjoni tad-databases. |
|
(15) |
Il-Kummissjoni kkonkludiet li s-suq rilevanti f’dan il-każ hu s-suq globali għall-RDBMS (jew “id-Databases”). Minħabba n-natura differenzjata tad-databases, il-Kummissjoni xorta eżaminat is-segmenti varji tas-suq tad-databases kollu għall-finijiet ta' valutazzjoni tal-effetti kompetittivi tat-tranżizzjoni proposta. |
2. Il-valutazzjoni tal-kompetizzjoni
|
(16) |
Il-Kummissjoni kkunsidrat li t-tranżizzjoni proposta normalment mhix se tostakola b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq globali tad-databases. |
Ishma tas-suq
|
(17) |
Is-suq tad-databases globali kellu daqs ta' madwar USD [20-22] biljun fl-2008, meta mqabbel ma' USD [18-20] biljun fl-2007. |
|
(18) |
Il-Gartner u IDC, żewġ impriżi ta' riċerka, jipprovdu l-ishma tas-suq globali li ġejjin abbażi d-dħul għas-sena 2008:
|
|||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
(19) |
Is-suq tad-databases huwa ferm ikkonċentrat: fl-2008, l-Oracle, IBM u Microsoft flimkien ikkontrollaw madwar [80-90] % tas-suq f'termini ta' dħul. Is-sehem tas-suq tad-dħul tal-Oracle huwa stmat bejn [40-50] % u [40-50] %. Is-sehem tas-suq tal-MySQL, meta kkalkulat abbażi tad-dħul, huwa vera żgħir. |
|
(20) |
Madanakollu, l-investigazzjoni mill-Kummissjoni wriet li l-ishma tas-suq abbażi tad-dħul mhumiex sostitut tajbin biex jirriflettu l-pożizzjoni kompetittiva tal-MySQL u databases open source oħrajn. Hekk kif il-MySQL titqassam fil-parti l-kbira taħt liċenzja GPL bla ħlas, il-maġġoranza tal-installazzjonijiet tagħha ma jwasslux għal dħul mid-databases għas-Sun. |
|
(21) |
Min-naħa l-oħra, m'hemmx dejta disponibbli, li tista' toqgħod fuqha, dwar id-daqs totali tas-suq tad-databases f'termini ta' tqassim, pereżempju mkejla skont in-numru ta' utenti, liċenzji attivi jew installazzjonijiet attivi. Skont Gartner, il-MySQL hija l-bażi tad-dejta open source l-aktar mqassma. Hija t-tielet l-aktar bażi tad-dejta mqassma, wara l-Microsoft SQL Server u l-Oracle, iżda qabel l-IBM DB2 u Sybase. Stħarriġ fl-2009 minn Evans Data Corporation, impriża tar-riċerka oħra, irrapporta li wara kollox il-MySQL kienet il-bażi tad-dejta l-aktar użata mill-iżviluppaturi u mill-amministraturi tal-IT fir-reġjun tal-EMEA (l-Ewropa, il-Lvant Nofsani, l-Amerika) is-sena l-oħra (45,6 %), wara biss il-Microsoft SQL Server (48,3 %) bl-Oracle li qiegħda fit-tielet post (25,7 %). |
|
(22) |
Dawn l-elementi wrew li s-sinifikat kompetittiv tal-MySQL huwa ħafna akbar meta mqabbel mas-sehem fis-suq tiegħu li huwa vera żgħir abbażi d-dħul. |
Speċifiċitajiet tas-suq tad-databases
|
(23) |
Is-suq għall-databases huwa kkaratterizzat minn ċertu livell ta' diskriminazzjoni tal-prezz. Karatteristika oħra tas-suq tas-software hi spiża marġinali baxxa ħafna għal-liċenzji tas-software. Din tiġġenera ekonomiji ta' skala sinifikanti, fejn lill-bejjiegħa tad-databases tagħtihom inċentivi b'saħħithom biex jilħqu volumi kbar ta' bejgħ. L-ekonomiji ta' skala b'saħħithom, flimkien ma' abbiltà sinifikanti biex jiddiskriminaw fil-prezz jimplikaw li l-kompetizzjoni x'aktarx se tkun b'saħħitha għall-bejgħ lil utenti li huma inqas esiġenti. |
|
(24) |
Speċifiċità oħra tas-suq tad-databases, min-naħa tal-klijent, hija r-relazzjoni sinifikanti mal-ispejjeż mitlufa speċifiċi assoċjata mal-adozzjoni ta' database partikolari, li tirriżulta fi spejjeż kbar tal-bidla. L-ispejjeż iqumu hekk kif il-klijent jinvesti fit-tagħlim speċifiku tad-databases u fl-iżvilupp ta' applikazzjonijiet maħduma speċifikament għall-bażi tad-dejta partikolari. Minħabba l-inċentivi tal-bejjiegħa biex iżidu l-prezz wara li l-klijent jintrabat mad-database tiegħu, dan jista' jirriżulta fi problema ta' ħlas. Il-klijenti tad-databases wara li jieħdu deċiżjonijiet ta' tqassim jeħtieġu li jiksbu appoġġ għal perjodi twal, xi drabi sa 15-il sena. Għaldaqstant ir-reputazzjoni u l-kredibbiltà tal-bejjiegħa tad-databases huma importanza kbira għal klijenti tad-databases. |
|
(25) |
Is-suq tad-databases, li jixbaħ is-swieq tas-software oħrajn, huwa kkaratterizzat b'effetti tan-netwerk b'saħħithom. Jeżistu ostakoli sinifikanti għad-dħul. |
Test legali u l-applikazzjoni tiegħu għall-każ speċifiku
|
(26) |
Il-Linji Gwida dwar l-Amalgamazzjoni Orizzontali jirrikonoxxu li x'impriżi, għalkemm ikollhom sehem tas-suq relattivament żgħir, jistgħu jkunu forza kompetittiva importanti. Amalgamazzjoni li tinvolvi impriża bħal din tista' tbiddel b'mod sinifikanti d-dinamiċi tal-kompetizzjoni, b'mod anti-kompetittiv, partikolarment meta s-suq ikun diġa’ kkonċentrat. |
|
(27) |
Permezz tat-tranżizzjoni proposta, l-Oracle, l-akbar bejjiegħ proprjetarju tad-databases, tista' takkwista l-MySQL, l-aktar database open source importanti. |
|
(28) |
Għaldaqstant, fl-investigazzjoni dettaljata tagħha, il-Kummissjoni vvalutat in-natura u l-grad tar-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata mill-MySQL qabel it-tranżizzjoni proposta, il-livell sa liema r-restrizzjoni kompetittiva titneħħa wara t-tranżizzjoni proposta, kif ukoll il-livell sa liema kompetituri attwali jew potenzjali oħrajn, tad-databases open source jew forks tal-MySQL jissostitwixxu din ir-restrizzjoni kompetittiva wara t-tranżizzjoni proposta. |
|
(29) |
Hemm speċifiċitajiet kbar ta' dan il-każ partikolari minħabba n-natura open source tal-MySQL li influwenzat il-valutazzjoni għal kull waħda mill-kwistjonijiet msemmija hawn fuq:
|
|
(30) |
Fl-investigazzjoni dettaljata tagħha, il-Kummissjoni analizzat bosta sorsi ta' informazzjoni, li inkludiet partikolarment dejta interna tas-sistema HQ Apps tal-Oracle(HQ Apps tinkludi l-komunikazzjonijiet bejn it-timijiet tal-bejgħ u l-kwartieri ġenerali tal-Oracle relatati ma' roħs mhux standard offrut mill-Oracle lill-klijenti tagħha), dokumenti interni tal-Oracle, Sun u partijiet terzi, stħarriġ, kif ukoll informazzjoni provduta mill-kompetituri u mill-klijenti tal-Oracle u tal-MySQL li wieġbu għall-kwestjonarji tal-Kummissjoni. |
|
(31) |
Rigward is-sitwazzjoni ta' qabel it-tranżizzjoni proposta, l-investigazzjoni mill-Kummissjoni wriet li l-MySQL hija l-akbar bażi tad-dejta open source. Deher ukoll li l-MySQL għandha l-potenzjal li teżerċita restrizzjoni kompetittiva importanti u li qed tikber konstantament fuq l-Oracle u bejjiegħa proprjetarji tad-databases oħrajn minħabba, fost affarijiet oħra, l-arkitettura modulari speċifika tagħha, il-mudell ta' negozju tagħha jirriżulta fi prezzijiet baxxi u nuqqas ta' restrizzjoni, u vantaġġi oħrajn li jiġġeneraw min-natura open source tagħha. In-natura ta' din ir-restrizzjoni għandha aspett dinamiku wkoll hekk kif l-arkitettura modulari speċifika tal-MySQL tiffavorixxi innovazzjoni minn partijiet terzi li qed jiżviluppaw storage engines li jsaħħu l-funzjonalitajiet tal-MySQL għal xi applikazzjonijiet speċifiċi ta' livell ogħla. |
|
(32) |
Għaldaqstant l-investigazzjoni mill-Kummissjoni wriet li l-MySQL għandha l-potenzjal li tkun forza kompetittiva importanti li tirristrinġi lill-Oracle f'ċertu segmenti importanti (partikolarment l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (“SME”) jew segment ta' livell baxx u xi partijiet tas-segment integrat). Madanakollu, il-Kummissjoni, sabet li l-MySQL attwalment ma tirristrinġix lill-Oracle fis-segmenti kollha tas-suq tad-databases (partikolarment fis-segment ta' livell għoli). Barra minn hekk, l-Oracle se tkompli taffaċċja l-pressjoni kompetittiva minn numru ta' bejjiegħa proprjetarji tad-databases oħrajn inklużi l-Microsoft, IBM u Sybase. |
|
(33) |
Wara l-amalgamazzjoni proposta jista' jkun mistenni li l-bażi tad-dejta tal-Oracle u l-MySQL se jieqfu jikkompetu hekk kif ser ikunu offruti mill-istess bejjiegħ. Ġew espressi xi tħassib li l-Oracle tista' tieqaf milli toffri l-MySQL taħt liċenzja GPL, tista' tiddegrada jew tieqaf tiżviluppa l-verżjoni GPL tal-MySQL, jew tista' tiprevjeni restrizzjoni minn storage engines ta' partijiet terzi billi timmodifika l-interfaċċa jew tirrifjuta li tagħti lill-bejjiegħa tal-istorage engine il-liċenzji kummerċjali li jistgħu jippermettulhom li jpoġġu fis-suq il-verżjonijiet proprjetarji tal-istorage engines li jaħdmu bil-MySQL. |
|
(34) |
Madanakollu, l-investigazzjoni mill-Kummissjoni sabet li l-abbiltà probabbli u l-inċentitvi tal-Oracle biex tiddegrada u telimina l-MySQL wara l-amalgamazzjoni proposta jistgħu jiġu ristretti minħabba n-natura open source tal-MySQL. |
|
(35) |
Bħala parti mill-għaxar wegħdiet li l-Oracle għamlet pubblikament vis-à-vis l-utenti, klijenti u żviluppaturi tal-MySQL wara s-Seduta Orali, l-Oracle ħabbret li se tibqa’ ssaħħaħ il-MySQL u tagħmel verżjonijiet sussegwenti tal-MySQL, inkluża l-Verżjoni 6, disponibbli taħt il-GPL. Barra minn hekk, l-Oracle ser iżżomm u ser ittejjeb perjodikament l-Pluggable Storage Engine Architecture tal-MySQL biex tippermetti lill-utenti l-flessibbiltà biex jagħżlu minn portafoll ta' storage engines fornuti minn entitajiet lokali jew minn partijiet terzi. Kif ukoll, l-Oracle mhux se teħtieġ il-liċenzji kummerċjali minn bejjiegħa tal-istorage engine tal-partijiet terzi biex timplimenta l-interfaċċi tal-iprogrammar tal-applikazzjoni disponibbli bħala parti tal-Pluggable Storage Engine Architecture tal-MySQL. Malli jintemm il-Ftehim MySQL OEM attwali tagħhom, l-Oracle għandha toffri lill-bejjiegħa tal-istorage engine, li attwalment għandhom liċenzja kummerċjali tal-MySQL mis-Sun, estensjoni tal-ftehim tagħom fuq l-istess termini u kondizzjonijiet għal perjodu li ma jaqbiżx l-10 ta' Diċembru 2014. |
|
(36) |
L-Oracle ħabbret li se tikkonforma ma' dawn il-punti madwar id-dinja kollha sal-ħames anniversarju tal-għeluq tat-tranżizzjoni proposta. |
|
(37) |
B’konformità mad-dikjarazzjoni pubblika tagħha, l-Oracle diġà ħadet passi biex timplimenta wħud mill-wegħdiet billi immedjatament tibgħat ittri lil bejjiegħa tal-istorage engine tal-partijiet terzi li fihom l-Oracle wegħdet li se temenda t-termini kontrattwali eżistenti billi tirriproduċi l-kontenut rilevanti tad-dikkjarazzjoni pubblika tagħha. Għaldaqstant dawn l-elementi jorbtu legalment lill-Oracle. |
|
(38) |
Id-dikkjarazzjoni pubblika li saret mill-Oracle ma tikkostitwix rimedji formali. Il-Kummissjoni għandha prattika, li ilha stabbilita u li hi konsistenti, dwar ir-rimedji li huma meħtieġa biex tiġi awtorizzata amalgamazzjoni ladarba t-tħassib dwar il-kompetizzjoni jiġi kkjarifikat fi tmiem l-investigazzjoni. Dawn il-prinċipji japplikaw bi sħiħ kull meta l-Kummissjoni tkun identifikat it-tħassib dwar il-kompetizzjoni. Madanakollu, is-sitwazzjoni hi differenti meta l-fatti tal-każ jippermettu lill-Kummissjoni biex tasal għall-konklużjoni li l-amalgamazzjoni mhix se tagħti lok għal tħassib dwar il-kompetizzjoni. |
|
(39) |
Id-dikjarazzjoni pubblika li saret mill-Oracle fl-14 ta' Diċembru 2009, indirizzat lill-pubbliku ġenerali u partikolarment lill-komunità open source u l-azzjonijiet sussegwenti li diġà ttieħdu biex jiġu implimentati wħud mill-wegħdiet għaldaqstant jikkostitwixxu elementi fattwali li l-Kummisssjoni kellha tikkunsidra, flimkien mal-elementi kollha l-oħra fil-fajl tagħha, fil-valutazzjoni tagħha tal-impatt probabbli tat-tranżizzjoni fuq is-suq tad-databases. |
|
(40) |
Minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott open source tal-MySQL, il-Kummissjoni sabet li l-Oracle se tibqa’ toffri u ssaħħaħ il-MySQL taħt il-GPL wara t-tranżizzjoni proposta. Rigward ir-restrizzjoni dinamika potenzjali eżerċitata mill-MySQL, il-wedgħiet pubbliċi li jindirizzaw il-bejjiegħa tal-istorage engine għandhom probabbiltà kbira li ser inaqsu l-abbiltà tal-Oracle għal karatteristiċi żvantaġġużi tal-prodotti li huma abbażi l-MySQL, inklużi dawk il-prodotti li jikkompetu fis-suq mal-databases tal-Oracle. |
|
(41) |
L-investigazzjoni mill-Kummissjoni wriet ukoll li wara t-tranżizzjoni proposta databases open source oħrajn, partikolarment il-PostgreSQL, għandhom il-potenzjal li jirrestrinġu lill-Oracle f'livell sinifikanti u għaldaqstant ibidlu r-restrizzjoni kompetittiva li attwalment hi eżerċitata mill-MySQL b'mezz f'waqtu u suffiċjenti. |
|
(42) |
Fl-aħħar, l-investigazzjoni mill-Kummissjoni ssuġġeriet li ma tistax teskludi li jiżviluppaw ukoll forks tal-MySQL biex jeżerċitaw restrizzjoni fuq l-Oracle sa ċertu livell. |
Konklużjoni
|
(43) |
B’hekk il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tranżizzjoni proposta mhix se tostakola b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva b'relazzjoni mas-suq globali għall-databases. |
B. MIDDLEWARE
1. Il-prodott rilevanti u s-swieq ġeografiċi
|
(44) |
Sew l-Oracle kif ukoll is-Sun huma attivi fis-settur tal-middleware. Il-middleware jirreferi għal kategorija wiesgħa ta' prodotti tas-software li jipprovdu infrastruttura għal applikazzjonijiet. |
|
(45) |
Fid-deċiżjoni ta' dan l-aħħar tal-Oracle/BEA, il-Kummissjoni ħalliet miftuħa d-definizzjoni tas-suq tal-prodott iżda ddikjarat li l-investigazzjoni tas-suq ikkonfermat li l-middleware jista' jinqasam f'sub-segmenti skont l-użu aħħari tal-prodott. |
|
(46) |
F'dan il-każ, id-definizjoni tas-suq tal-prodott eżatta b'relazzjoni mal-middleware tista' titħalla miftuħa, hekk kif it-tranżizzjoni proposta ma tat lok għal ebda dubji serji dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni taħt kwalunkwe definizjoni tas-suq tal-prodott alternattiva. |
|
(47) |
Rigward id-definizzjoni tas-suq ġeografika, ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni li dan jinkludi d-dinja kollha. |
2. L-evalwazzjoni Kompetittiva
|
(48) |
Fl-2007 is-suq tal-middleware kollu ta' madwar id-dinja kien ta' madwar EUR 9,7 biljun. It-tabella ta' hawn taħt tiddeskrivi l-istimi s-sehem tas-suq globali tal-IDC (abbażi d-dħul) għall-Oracle, Sun u l-kompetituri prinċipali tagħhom għall-2006 u 2007.
|
|
(49) |
L-investigazzjoni tas-suq uriet li s-Sun mhix parteċipant sinifikatament kompetittiv fil-qasam tal-middleware kollu. Bosta klijenti ma jikkonsidrawx lill-Oracle u Sun bħala kompetituri qrib f'dan is-segment. Is-suq tal-middleware hu kompetittiv u l-entità amalgamata se tibqa’ taffaċċja kompetizzjoni minn numru ta' parteċipanti tas-suq sinifikanti. |
|
(50) |
Rigward is-sub-segmenti differenti tal-middleware, fl-2007 l-ishma tas-suq flimkien tal-Oracle u tas-Sun qabżu l-15 % biss fl-offerta ta' (i) middleware għall-applikazzjonijiet server, (ii) portali għall-impriżi, u (iii) middleware għall-integrazzjoni u proċess ta' awtomazzjoni (u enterprise service bus (ESB) u business process management software (BPMS) aktar speċifiċi). |
|
(51) |
Is-sehem tas-suq tal-Oracle fis-software għall-applikazzjoni server huwa madwar [20-30] % u s-sehem tas-suq tas-Sun huwa [0-5] %. Is-sehem tal-Oracle fis-segment tal-portali tal-intrapriża huwa ftit aktar minn [20-30] % u ż-żieda tas-sehem tas-suq tal-Oracle li tirriżulta mit-tranżizzjoni proposta se tkun żgħira. Fis-segment tal-ESB is-sehem tas-suq tal-Oracle huwa madwar [10-20] % u s-sehem tas-suq tas-Sun huwa madwar [5-10] % li jwassal għal sehem tas-suq totali ta' madwar [20-30] %. Fis-segment tal-BPMS is-sehem tas-suq tal-Oracle huwa madwar [10-20] %, filwaqt li s-sehem tas-suq tas-Sun huwa madwar [0-5] %. |
|
(52) |
F’dawn l-oqsma wkoll, l-ishma tas-suq jibqgħu moderati (anki jekk jiġi kkunsidrat il-fatt li n-numri rrapportati għas-sehem tas-suq tas-Sun jistgħu ma jkunux totalment preċizi minħabba n-natura open source ta' bosta mill-offerti tal-prodott tagħha). Barra minn hekk, il-prodotti tas-Sun mhumiex l-eqreb sostituti għall-prodotti tal-Oracle f'dawn is-segmenti u s-segmenti huma kompetittivi ma' bosta kompetituri kbar li huma attivi f'dawn is-segmenti. |
Konklużjoni
|
(53) |
B’hekk il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tranżizzjoni proposta mhix se tostakola b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva b'relazzjoni mas-suq globali għall-middleware jew kwalunkwe waħda mis-sub-segmenti possibbli tagħha. |
C. JAVA
1. Il-Prodott rilevanti u swieq ġeografiċi
|
(54) |
Java hija “ambjent ta' żvilupp” li nħolqot mis-Sun madwar 20 sena ilu. Ambjent ta' żvilupp huwa pjattaforma ta' software li tippermetti lill-iżviluppaturi jibnu u jaqsmu applikazzjonijiet ta' software. Karatteristika kbira tal-ambjent ta' żvilupp tal-Java hija dik li hija “miftuħa” fis-sens li hija indipendenti mis-sistema operattiva enfasizzata jew hardware li fuqhom jiġu operati l-applikazzjoni bbażati fuq il-Java. |
|
(55) |
Għalkemm l-implimentazzjonijiet ta' open source ta' ħafna partijiet tal-Java huma disponibbli, is-Sun tikkontrolla d-drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali (PI) relatati l-aktar importanti li jeħtieġu li jiġu liċenzjlati mill-iżviluppaturi tas-software, partikolarment mill-iżviluppaturi tal-middleware u tas-Softwer għall-Applikazzjoni tal-Impriża (SAI). Għaldaqstant is-Sun tikkontrolla dħul importanti għal impriżi li qed jiżviluppaw software bil-lingwaġġ tal-Java. L-ambjent ta' żvilupp prinċipali ieħor huwa .NET, l-ambjent magħluq u proprjetarju tal-Microsoft, li jista' jintuża biss għall-iżvilupp ta' software li jaħdem fuq il-Windows. |
|
(56) |
Ma kien hemm l-ebda preċedent tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni ta' suq għall-pjattaformi ta' żvilupp. Għall-finijiet tad-deċiżjoni attwali, id-definizzjoni tas-suq tal-prodott tista' titħalla miftuħa, kif ukoll għas-segment l-aktar ristrett, li hija l-liċenzjar tad-drittijiet tal-PI tal-JAVA, ma tqajjem l-ebda tħassib ta' kompetizzjoni. Il-liċenzjar tad-drittijiet tal-PI tal-Java jista' jiġi kkunsidrat li jsir fuq bażi globali. |
2. L-evalwazzjoni Kompetittiva
|
(57) |
L-investigazzjoni tas-suq ikkonfermat li l-liċenzji tal-Java huma dħul importanti għall-programmaturi tas-software. L-importanza tal-Java hi relatata mal-approċċ standardizzat wiesgħa tagħha, li huwa fattur importanti tas-saħħa tagħha kontra l-pjattaforma propretarja .NET. |
|
(58) |
Deher li kwalunkwe strateġija ta' esklużjoni possibbli li ttieħdet mill-Oracle kien serikollha impatt limitat fuq kompetituri tas-SAI ’l isfel fil-katina, peress li d-dipendenza tagħhom fuq liċenzja kummerċjali tal-Java hija limitata. Min-naħa l-oħra, il-kompetituri tal-Oracle għall-prodotti tal-middleware jeħtieġu liċenzji kummerċjali għall-Java Technology Compatibility Kits (TCK) – jew għall-modifika tal-kodiċi tas-sors ta' Implimentazzjoni ta' Referenza jew għall-implimentation indipendenti – sabiex jitqassmu b'mod kummerċjali prodotti tas-software li huma ċċertifikati li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjoni tal-pjataforma tal-Java. Il-verżjonijiet li huma disponibbli bla ħlas tal-implimentazzjoni tal-prodotti tal-middleware J2EE (OpenJDK jew verżjonijiet li jiġu eżekwiti bil-binarji) mhumiex biżżejjed għall-ħtiġijiet tagħhom. |
|
(59) |
L-abbiltà li jieħdu sehem fi kwalunkwe strateġija ta' esklużjoni tiddependi fundamentalment fuq il-qafas legali u proċedwali li taħtu topera il-JCP u li għaliha l-Oracle se tkun marbuta wara t-tranżizzjoni proposta. |
|
(60) |
L-ilmenti u s-sottomissjonijiet mingħand dawk li wieġbu għall-investigazzjoni tas-suq kienu abbażi tal-ipoteżi li l-Oracle, ladarba li tikseb il-kontroll tas-Sun, se “tikkontrolla” wkoll il-JCP u, bħala konsegwenza, il-liċenzjar tad-drittijiet tal-PI relatati mal-Java, partikolarment b'relazzjoni mat-TCKs. Il-Kummissjoni vvalutat l-ipoteżijiet li saru mill-kwerelanti fid-dawl tar-regoli li jiggvernaw il-JCP u kkonkludiet li, abbażi l-qafas attwali, m'hemm l-ebda raġuni li tikkonkludi li l-entità amalgamata ser ikollha l-abbiltà li tieħu sehem fi strateġija ta' esklużjoni. |
|
(61) |
Matul l-investigazzjoni tas-suq numru ta' bejjiegħa tas-software esprimew il-fehma li l-Oracle ser ikollha wkoll l-inċentiv li teskludi xi informazzjoni billi tgħolli l-ispejjeż tal-kompetituri li jixtiequ l-aċċess għall-Java. Dan kien għax l-Oracle għandha portafoll tal-prodott differenti meta mqabbel ma' tas-Sun. L-Oracle hija fornitur prinċipali ta' databases, middleware u applikazzjonijiet ta' software u l-Java hija fattur importanti partikolarment għall-middleware u applikazzjonijiet ta' software. |
|
(62) |
Fil-valutazzjoni tal-inċentivi għall-esklużjoni ta' informazzjoni l-Kummissjoni kkunsidrat il-benefiċċji u l-ispejjeż potenzjali għall-entità amalgamata minn imġiba bħal din. Esklużjoni effettiva minn aċċess sħiħ lill-Java tista' tirriżulta, fi tnaqqis tal-abbiltà tal-kompetituri li jeżerċitaw restrizzjoni kompetittiva fuq l-entità amalgamata, għax il-klijenti jistgħu jagħtu valur inqas tal-prodotti tas-software li mhumiex konformi mal-Java, irrispettivament tal-funzjonalità tagħhom. |
|
(63) |
Min-naħa l-oħra, l-ispejjeż tal-entità amalgamata biex teskludi lill-kompetituri huma potenzjalment sinifikanti. Bl-esklużjoni, l-entità amalgamata tista' ssofri telf ta' dħul (limitat) li jikkorrispondi mal-liċenzji tal-Java li attwalment huma mogħtija lill-kompetituri li jistgħu jiġu esklużi. Aktar importanti, l-esklużjoni x'aktarx tista' tirriżulta f'telf tal-appoġġ li l-Java qed tgawdi attwalment fost il-klijenti. Din l-industrija hija kkarratterizzata minn effetti ta' netwerk b'saħħithom li jistgħu jintilfu bit-telf tal-appoġġ komunitarju lill-Java. Dan jista' jirriżulta fi tnaqqis sinifikanti tal-valur tal-applikazzjonijiet konformi mal-Java u l-Java bħala qafas ta' żvilupp ta' applikazzjoni nnifsu. Hemm kompetituri sinifikanti (eżempju Microsoft), li ma jibbażawx bil-kbir il-propożizzjoni ta' valur tagħhom fuq il-Java u fuq il-konformità tal-Java, u li jistgħu jibbenefikaw minn esklużjoni bħal din. Għaldaqstant l-esklużjoni u t-telf li jirriżulta fit-termini tal-effetti tan-netwerk se jaffetwaw b'mod żvantaġġuż il-kompetittività tal-prodotti tas-software tal-entità amalgamata nnifisha. Barra minn hekk, wara attentati biex jiġu esklużi xi kompetituri, jista' jiġru li jitfaċċaw forks tal-Java, hekk kif il-bejjiegħa tas-software jistgħu jduru għal prodotti alternattivi. Dan jista' jirriżulta fi frammentazzjoni u tkissir tal-istandard tal-Java, li jirriżulta fit-telf tal-effetti tan-netwerk u jitnaqqas il-valur tal-konformità tal-Java għall-applikazzjonijiet. |
|
(64) |
Fl-aħħar, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien wisq improbabbli li l-benefiċċji tal-esklużjoni tal-aċċess għall-Java setgħu jaqbżu l-ispejjeż ta' mġiba bħal din għall-entità amalgamata u li, għaldaqstant, l-entità amalgamata mhu ser ikollha l-ebda inċentiv għal esklużjoni. |
Konklużjoni
|
(65) |
B’hekk il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tranżizzjoni proposta mhix se tostakola b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva b'relazzjoni mal-illiċenzjar tad-drittijiet tal-PI marbuta mal-ambjent ta' żvilupp tal-Java u tas-swieq kollha ’l isfel fil-katina għall-middleware u għas-SAI. |
D. IT STACK
1. Il-prodott rilevanti u swieq ġeografiċi
|
(66) |
L-Oracle u s-Sun huma attivi wkoll f'partijiet oħrajn tal-IT stack, li huma s-swieq għal servers, soluzzjonijiet għall-ħażna ta' dejta, sistemi operattivi u SAI. Għaldaqstant il-Kummissjoni vvalutat jekk l-amalgamazzjoni mhix se twassal jew le għal kwalunkwe effett negattiv vertikali jew ta' konglomerat. Id-definizzjoni tas-suq tal-prodott preċiża għal dawn is-swieq tista' tibqa’ miftuħa. Is-swieq ġeografiċi rilevanti huma globali. |
2. L-evalwazzjoni Kompetittiva
|
(67) |
L-ishma tas-suq tal-Oracle u tas-Sun (abbażi l-IDC) fl-2007 kienu kif deskritti hawn taħt:
|
|
(68) |
L-entità amalgamata tista' tkun l-unika impriża flimkien mal-IBM li tkun preżenti fl-elementi kollha tal-istack teknoloġiku. |
|
(69) |
Il-Kummissjoni sabet li l-esklużjoni tal-bejjiegħa tad-databases li jikkompetu mill-aċċess għall-klijenti li jużaw is-sistema operattiva tas-Sun mhix probabbli minħabba li s-sehem tas-suq tas-Sun fis-sistemi operattivi hu baxx, jiġifieri taħt il-[5-10] %. Fil-fatt, l-investigazzjoni tas-suq uriet li l-maġġornaza tal-klijenti kkunsidraw li l-Oracle mhix ser ikollha l-inċentiv għal esklużjoni. |
|
(70) |
Il-Kummissjoni sabet ukoll li hu improbabbli li l-Oracle se tiddegrada l-interoperabilità ta' wieħed mill-prodotti tagħha f'saff wieħed tal-istack teknoloġiku bi prodott minn kompetituri f'saffi oħrajn. Bħal ma jiġri fis-saffi kollha, barra d-databases, is-sehem tas-suq tal-entità amalgamata hu limitat, ma jidhirx li prassi bħal din tibbenefika l-entità amalgamata. Dan ġie kkonfermat bl-investigazzjoni tas-suq. |
Konklużjoni
|
(71) |
B’hekk il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tranżizzjoni proposta mhix se tostakola b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva minħabba l-preżenza tal-entità amalgamata fl-IT stack. |
V. KONKLUŻJONI
|
(72) |
Għal dawn ir-raġunijiet li ssemmew hawn fuq, id-deċiżjoni kkonkludiet li t-tranżizzjoni proposta mhix se tostakola b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni effetiva fis-suq komuni jew f'parti sostanzjali minnha. |
|
(73) |
Bħala konsegwenza l-Kummissjoni ddkjarat il-konċentrazzjoni bħala kumpatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE, b'konformità mal-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet u l-Artiolu 57 tal-Ftehim taż-ŻEE. |