1.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 87/17


Avviż ta’ Tnedija ta' proċediment kontra s-sussidju li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta' ċerti vireg tal-azzar li ma jsaddadx li joriġinaw fl-Indja

2010/C 87/10

Il-Kummissjoni rċeviet ilment skont l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta' Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta' ċerti vireg tal-azzar li ma jsaddadx, li joriġinaw mill-Indja, qegħdin ikunu ssussidjati u b'hekk qegħdin jikkawżaw ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni.

1.   L-ilment

L-ilment tressaq fil-15 ta' Frar 2010 mill-Federazzjoni Ewropea tal-Industriji tal-Ħadid u l-Azzar (Eurofer) (“il-kwerelant”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f'dan il-każ ta' aktar minn 25 %, tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' ċerti vireg tal-azzar li ma jsaddadx.

2.   Il-prodott li qed jiġi investigat

Il-prodott suġġett għal din l-investigazzjoni huwa vireg u staneg tal-azzar li ma jsaddadx, mhux maħdumin aktar ħlief iffurmati fil-kiesaħ jew lesti fil-kiesaħ, għajr vireg u staneg tondi b’dijametru ta' 80 mm jew aktar (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

3.   L-allegazzjoni ta’ sussidju

Il-prodott li allegatament qed jiġi sussidjat huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina fl-Indja (“il-pajjiż ikkonċernat”), li attwalment jaqa' fil-kodoċi NM 7222 20 21, 7222 20 29, 7222 20 31, 7222 20 39, 7222 20 81 u 7222 20 89. Dawn il-Kodiċi NM qegħdin jingħataw biss bħala informazzjoni.

Qed jiġi allegat li l-manifatturi tal-prodott li qed jiġi investigat u li joriġina mill-Indja gawdew minn għadd ta’ sussidji mogħtija mill-Gvern tal-Indja u minn sussidji reġjonali. Is-sussidji jikkonsistu minn, inter alia, skemi li jagħtu benefiċċji lill-industriji allokati f'żoni ekonomiċi speċjali/unitajiet orjentati lejn l-esportazzjoni, l-iskema tal-ktejjeb li jintitola għad-dazju, l-iskema ta' awtorizzazzjoni bil-quddiem, l-iskema għall-promozzjoni ta' esportazzjoni ta' oġġetti kapitali, il-finanzjament tal-esportazzjoni qabel u wara t-trasport bil-baħar, garanziji ta' self mill-Gvern tal-Indja, l-eżenzjoni ta' kreditu ta' esportazzjoni mit-taxxi fuq l-interessi, skema ta' ċertifikat għar-riforniment bla dazju/skema ta' awtorizzazzjoni għal-importazzjoni bla dazju, skema ta' ħlas lura ta' dazju, inċentiv ta' taxxa fuq id-dħul għar-riċerka u l-iżvilupp, skemi mira u aktar (target plus) u sussidji reġjonali mill-Istat ta' Maharashtra (inter alia inċentiv ta' taxxa fuq il-bejgħ/taxxa fuq il-kummerċ, eżenzjoni mid-dazju fuq l-elettriku, ir-rimborż tal-iskema octroi, inċentiv speċjali fuq il-kapital) u mill-Istat ta' Gujarat (skemi ta' inċentivi industrijali).

Huwa allegat li dawn l-iskemi ta' hawn fuq huma sussidji billi dawn jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tal-Indja jew Gvernijiet reġjonali oħra u jikkonferixxu benefiċċju lid-destinatarji, jiġifieri lill-produtturi esportaturi tal-prodott li qed jiġi investigat. Huwa allegat li dawn huma kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni, u/jew limitati għal xi kumpaniji u/jew prodotti u/jew reġjuni speċifiċi, u għalhekk huma speċifiċi u kumpensatorji.

4.   L-allegazzjoni tal-ħsara

Il-kwerelant ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu b’mod ġenerali f’termini ta’ sehem mis-suq.

L-evidenza prima facie li pprovda l-kwerelant turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li hu li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa, fuq il-livelli tal-prezzijiet mitluba u fuq is-sehem tas-suq miżmum mill-industrija tal-Unjoni, bir-riżultat ta’ effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali, fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.

5.   Proċedura

Billi ġie ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li l-ilment sar mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex tiġi ġġustifikata t-tnedija ta’ proċediment, il-Kummissjoni b'dan qed tniedi investigazzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott li qed jiġi investigat li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat huwiex qed jiġi ssussidjat u jekk dan is-sussidju kkawżax ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Jekk il-konklużjonijiet ikunu pożittivi, l-investigazzjoni għandha teżamina huwiex fl-interess tal-Unjoni li timponi l-miżuri.

5.1.    Proċedura għad-determinazzjoni tal-għoti ta' sussidju

Il-produtturi esportaturi (2) tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.1.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

(a)   It-teħid ta' kampjuni

Fid-dawl tan-numru potenzjalment kbir ta' produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li huma involuti f’din il-proċedura u biex titlesta l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li għandhom ikunu investigati għal numru raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). It-teħid ta’ kampjuni jsir skont l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b'dan jintalbu jippreżentaw rwieħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bit-tagħrif li ġej dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom:

l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks u l-persuna ta’ kuntatt,

il-qligħ fil-valuta lokali u l-volum f'tunnellati tal-prodott li qed jiġi investigat mibjugħ għall-esportazzjoni lill-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzoni (“PI”) bejn l-1 ta' April 2009 u l-31 ta' Marzu 2010 għal kull wieħed mis-27 Stat Membru (3) separatament u f'totali,

il-qligħ fil-valuta lokali u l-volum f’tunnellati tal-prodott li qed jiġi investigat mibjugħ fis-suq lokali matul il-PI mill-1 ta’ April 2009 sal-31 ta’ Marzu 2010 ,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija madwar id-dinja fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (4) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (għall-esportazzjoni u/jew domestiku) tal-prodott li qed jiġi investigat,

kull ieħor rilevanti li jista' jgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Il-produtturi esportaturi għandhom jindikaw ukoll jekk, f’każ li ma jintgħażlux biex ikunu parti mill-kampjun, jixtiqux jirċievu kwestjonarju sabiex jimlewh u b’hekk jasserixxu marġini individwali ta’ sussidju skont it-Taqsima (b) hawn taħt.

Billi tipprovdi t-tagħrif ta' hawn fuq, il-kumpanija taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan jimplika li trid twieġeb kwestjonarju u li taċċetta żjara fuq il-post tagħha sabiex tiġi vverifikata r-risposta tagħha (“verifika fuq il-post”). Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, jitqies li din ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għal produtturi esportaturi li ma jikkooperawx huma bbażati fuq fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għall-parti milli kieku tkun ikkooperat.

Sabiex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur ikkonċernat u tista’ tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jressqu xi tagħrif rilevanti ieħor rigward l-għażla tal-kampjun, għajr it-tagħrif mitlub hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jistgħu jiġu investigati b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi esportaturi jkunu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex ikunu fil-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data ta’ notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kumpaniji li jkunu aċċettaw li possibbilment jiġu inklużi fil-kampjun iżda li ma jkunux intgħażlu biex ikunu fil-kampjun għandhom jitqiesu li kkooperaw (“produtturi esportaturi mhux fil-kampjun li kkooperaw”). Bla ħsara għat-Taqsima (b) hawn taħt, id-dazju kompensatorju li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi mhux magħżula li kkooperaw ma għandux jaqbeż il-marġini medju b'piż differenzjat ta’ sussidju stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun.

(b)   Marġini individwali ta’ sussidju għall-kumpaniji li mhumiex inklużi fil-kampjun

Il-produtturi esportaturi li ma jintgħażlux għall-kampjun jistgħu jitolbu, skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament bażiku, li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-marġini individwali ta’ sussidju (“marġini individwali ta’ sussidju”). Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jitolbu marġini individwali ta’ sussidju għandhom jitolbu kwestjonarju skont it-Taqsima (a) ta’ hawn fuq u jibagħtuh lura mimli kif meħtieġ fl-iskadenzi stipulati hawn taħt. Il-kwestjonarju mwieġeb u komplut għandu jitressaq fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Madankollu, il-produtturi esportaturi li jitolbu marġini individwali ta’ sussidju għandhom ikunu jafu li l-Kummissjoni tista’ xorta waħda tiddeċiedi li ma tiddeterminax il-marġini individwali ta’ sussidju tagħhom jekk, pereżempju, in-numru ta’ produtturi esportaturi jkun tant kbir li tali determinazzjoni tkun diffiċli bla meħtieġ u ma tippermettix li l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

(c)   Il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur

Għandhom jintbagħtu kwestjonarji wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur ikkonċernat.

5.1.2.   L-investigazzjoni ta' importaturi mhux relatati  (5)  (6)

Fid-dawl ta' numru potenzjalment kbir ta’ importaturi li mhumiex relatati involuti f’dan il-proċediment u biex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas għal numru raġonevoli n-numru ta’ importaturi li mhumiex relatati li sejrin ikunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). It-teħid ta’ kampjuni jsir skont l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk iva, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, b’dan qed jintalbu jippreżentaw rwieħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu t-tagħrif li ġej dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom lill-Kummissjoni:

l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks u l-persuna ta’ kuntatt,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat,

il-volum f’tunnellati u l-valur f’EUR tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni u tal-bejgħ mill-ġdid li jsir fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu bejn l-1 ta' April 2009 u l-31 ta' Marzu 2010 tal-prodott importat li qed jiġi investigat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (7) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat,

kull tagħrif rilevanti ieħor li jista' jgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Billi tipprovdi t-tagħrif ta' hawn fuq, il-kumpanija taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan jimplika li trid twieġeb kwestjonarju u li taċċetta żjara fuq il-post tagħha sabiex tiġi vverifikata r-risposta tagħha (“verifika fuq il-post”). Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, jitqies li din ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għal importaturi li ma jikkooperawx huma bbażati fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għall-parti milli kieku tkun ikkooperat.

Biex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jressqu xi tagħrif ieħor rigward l-għażla tal-kampjun, għajr it-tagħrif mitlub hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi kollha mhux relatati li huma magħrufa u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Biex tikseb it-tagħrif li tqis meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati li qegħdin fil-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet għandhom iressqu l-kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-kwestjonarju komplut għandu jkun fih tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija(i) tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija(i) fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat u dwar il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat.

5.2.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-ħsara

Ħsara tfisser ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni, jew theddid ta’ ħsara materjali lill-industrija, jew ritardjar materjali tat-twaqqif ta’ din l-industrija. Id-determinazzjoni tal-ħsara hija msejsa fuq evidenza pożittiva u tinvolvi determinazzjoni oġġettiva tal-volum ta’ importazzjonijiet sussidjati, l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fil-pajjiż li jimporta u l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Biex ikun stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx ħsara materjali, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.2.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’din il-proċedura u biex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi stabbiliti, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas għal numru raġonevoli l-għadd ta’ produtturi tal-Unjoni li se jkunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). It-teħid ta’ kampjuni jsir skont l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk iva, tagħżel kampjun, il-produtturi tal-Unjoni kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, b’dan qed jintalbu jippreżentaw rwieħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu t-tagħrif li ġej dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom lill-Kummissjoni:

l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks u l-persuna ta’ kuntatt,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija madwar id-dinja fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat,

il-valur tal-bejgħ f'EUR tal-prodott li qed jiġi investigat u li sar fis-suq tal-UE matul il-perjodu bejn l-1 ta' April 2009 u l-31 ta' Marzu 2010 ,

il-volum f'tunnellati tal-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat u li sar fis-suq tal-UE matul il-perjodu bejn l-1 ta' April 2009 u l-31 ta' Marzu 2010 ,

il-volum ta' produzzjoni f'tunnellati tal-prodott li qed jiġi investigat matul il-perjodu bejn l-1 ta' April 2009 u l-31 ta' Marzu 2010 ,

il-volum f’tunnellati importati fl-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat prodott fil-pajjiż ikkonċernat matul il-perjodu bejn l-1 ta’ April 2009 u l-31 ta’ Marzu 2010, jekk applikabbli,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (8) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat (kemm jekk prodott fl-Unjoni kif ukoll fil-pajjiż ikkonċernat),

kull tagħrif rilevanti ieħor li jista' jgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Billi tipprovdi t-tagħrif ta' hawn fuq, il-kumpanija taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan jimplika li trid twieġeb kwestjonarju u li taċċetta żjara fuq il-post tagħha sabiex tiġi vverifikata r-risposta tagħha (“verifika fuq il-post”). Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, jitqies li din ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għal produtturi tal-Unjoni li ma jikkooperawx huma msejsa fuq fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għall-parti milli kieku tkun ikkooperat.

Biex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja lil kwalunwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi.

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jressqu xi tagħrif rilevanti ieħor rigward l-għażla tal-kampjun, għajr it-tagħrif imniżżel hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi tal-Unjoni jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi tal-Unjoni kollha magħrufa u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni jkunu nnotifikati mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Biex tikseb it-tagħrif li tqis meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tibgħat il-kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni magħżula u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet għandhom iressqu kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-kwestjonarju komplut għandu jkun fih tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija(i) tagħhom, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija(i) tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija(i) fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat, l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat.

5.3.    Il-proċedura għall-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sussidju u ta' dannu kkawżat minħabba f’hekk, għandha tintlaħaq deċiżjoni dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri kompensatorji tmurx kontra l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti rappreżentattivi u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi huma mistiedna jippreżentaw rwieħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Biex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi għandhom juru, fil-limitu tal-iskadenza, li hemm konnessjoni oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

Il-partijiet li jippreżentaw rwieħhom fil-limitu ta’ żmien stipulat hawn fuq jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni b'tagħrif dwar jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri hijiex fl-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Dan it-tagħrif jista’ jingħata kemm f’format ħieles jew billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, it-tagħrif imressaq skont l-Artikolu 31 jiġi kkunsidrat biss jekk ikun appoġġjat minn evidenza fattwali fil-ħin li jitressaq.

5.4.    Sottomissjonijiet oħra bil-miktub

Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-avviż, il-partijiet interessati kollha b'dan huma mistiedna juru fehmiethom, iressqu t-tagħrif u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, dan it-tagħrif flimkien mal-evidenza ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.5.    Il-possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għas-smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba tista’ titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għas-smigħ għandha titressaq fil-limiti ta’ żmien stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.6.    Il-proċedura għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza

Is-sottomissjonijiet kollha, inkluż it-tagħrif imressaq għall-għażla tal-kampjuni, il-kwestjonarji mimlija u kwalunkwe aġġornament tagħhom, li jsiru mill-partijiet interessati għandhom isiru bil-miktub kemm fuq karta kif ukoll f’format elettroniku, u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numru tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Jekk parti interessata ma tkunx tista’ tipprovdi s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f’format elettroniku għal raġunijiet tekniċi, din għandha tinforma lill-Kummissjoni minnufih.

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluż it-tagħrif mitlub f’dan l-avviż, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati “Ristretti” (9).

Il-partijiet interessati li jipprovdu tagħrif “Ristrett” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali ta' dan skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament bażiku, li għandhom ikunu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tat-tagħrif imressaq b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi tagħrif kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tiegħu fil-format u fil-kwalità mitluba, dan it-tagħrif kunfidenzjali jista’ jiġi injorat.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N-105 04/092

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Faks +32 22956505

6.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fl-iskadenzi stipulati, jew b’mod sinifikanti tfixkel l-investigazzjoni, is-sejbiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li kwalunkwe parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, it-tagħrif għandu jiġi injorat u għandhom jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u s-sejbiet għalhekk ikunu msejsa fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

7.   L-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ tad-DĠ Kummerċ. L-uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ jaġixxi ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ jirrevedi t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-iskadenzi u t-talbiet għas-smigħ minn terzi persuni. L-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet ta’ difiża tal-partijiet interessati jiġu eżerċitati b’mod sħiħ.

Talba għal seduta mal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ għandhom isiru bil-miktub u għandhom jispeċifikaw għal liema raġunijiet qegħdin isiru. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba tista’ titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għas-smigħ għandha titressaq fil-limiti ta’ żmien stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ jipprovdi wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost oħrajn, is-sussidju, il-ħsara, ir-rabta kawżali u l-interess tal-Unjoni. Smigħ bħal dan, bħala regola, isir mhux aktar tard mill-aħħar tar-raba’ ġimgħa wara l-iżvelar tas-sejbiet provviżorji.

Għal aktar tagħrif u dettalji ta’ kuntatt il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-internet tal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ fuq il-websajt tad-DĠ Kummerċ: (http://ec.europa.eu/trade/issues/respectrules/ho/index_en.htm).

8.   L-iskeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni għandha tingħalaq, skont l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, fi żmien 13-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri provviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn disa’ xhur mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   L-ipproċessar tad-dejta personali

Kwalunkwe dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi pproċessata b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (10).


(1)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

(2)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott taħt investigazzjoni lejn is-suq tal-Unjoni kemm direttament kif ukoll permezz ta’ parti terza, inkluż kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ intern jew fl-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat. L-esportaturi li mhumiex produtturi normalment ma jkunux intitolati għal rata ta’ dazju individwali.

(3)  Is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huma: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, u l-Ungerija.

(4)  Skont l-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni għandhom jitqiesu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta' xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala soċji fin-negozju; (c) ikunu impjegat u l-persuna li timpjegah; (d) kull persuna li direttament jew indirettament tippossjedi, tikkontrolla jew ikollha 5 % jew aktar tal-ishma jew tal-kwoti ta' ishma li jivvutaw jew it-tnejn; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament, jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien ikunu direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) ikunu membri tal-istess familja. Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom biss ir-relazzjonijiet li ġejjin: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess żewġ ġenituri jew aħwa minn genitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenituri jew ulied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (Il-Ġurnal Uffiċjali L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

(5)  Importaturi li ma jkunux relatati mal-produtturi esportaturi biss jistgħu jintgħażlu għall-kampjun. L-importaturi li jkunu relatati mal-produtturi esportaturi għandhom jimlew l-Anness 1 mal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. Għad-definizzjoni ta’ parti relatata ara n-nota 4 ta’ qiegħ il-paġna.

(6)  Id-dejta pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ wkoll tintuża fir-rigward ta’ aspetti ta’ din l-investigazzjoni għajr għad-determinazzjoni ta' sussidju.

(7)  Għad-definizzjoni ta’ parti relatata ara n-nota 4 ta’ qiegħ il-paġna.

(8)  Għad-definizzjoni ta’ parti relatata ara n-nota 4 ta’ qiegħ il-paġna.

(9)  Dan id-dokument huwa wieħed kunfidenzjali skont l-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93) u l-Artikolu 12 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji. Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(10)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.