13.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 36/7


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tas-16 ta’ Diċembru 2009

Li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 102 tat-trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE

(Kaz COMP/39.530 – Microsoft (tying))

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 10033)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2010/C 36/06

Fis-16 ta' Diċembru 2009, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 102 tat-Trattat tal-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (1), il-Kummissjoni se tippubblika hawn taħt l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut ewlieni tad-Deċiżjoni. Id-Deċiżjoni hi disponibbli fis-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni fl-indirizz li ġej:

http://ec.europa.eu/competition/antitrust/cases/

(1)

Il-każ jirrigwarda lil Microsoft Corporation (minn hawn ’il quddiem “Microsoft”) u r-rabta tagħha potenzjalment illegali tal-web browser tagħha, Internet Explorer mas-sistema operattiva tal-PC tal-klijent dominanti, “Windows”.

1.   Tħassib preliminari dwar il-kompetizzjoni

(2)

F’Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet tal-14 ta’ Jannar 2009 il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari li l-kriterju għall-irbit illegali f’dan il-każ ġew issodisfati (2):

i)

Microsoft ma kkontestatx li għandha pożizzjoni dominanti fis-suq tas-sistema operattiva tal-PC tal-klijent bis-sistema operattiva tagħha Windows.

ii)

Il-Kummissjoni kkunsidrat proviżorjament li Internet Explorer u Windows kienu prodotti separati.

iii)

Il-Kummissjoni għandha l-fehma preliminari li, qabel kien imniedi Windows 7, il-manifatturi tal-kompjuters u l-utenti ma setgħux jakkwistaw Windows b’mod tekniku u legali mingħajr Internet Explorer. Ma kienx teknikament possibli la għal Manifatturi tat-Tagħmir Oriġinali (“MTOs”) u lanqas għall-utenti li jisseparaw Internet Explorer minn Windows, u l-ftehimiet ta’ liċenzjar żammew lill-MTOs milli jbigħu Windows mingħajr Internet Explorer.

iv)

Il-Kummissjoni b’mod proviżorju kkunsidrat ukoll li r-rabta setgħet teskludi l-kompetizzjoni fuq il-merti bejn il-web browsers.

(3)

Il-Kummissjoni kellha fehma preliminari li Internet Explorer kienet tgawdi minn vantaġġ ta’ distribuzzjoni li l-web browsers l-oħra ma setgħux jikkompetu miegħu u li kien hemm ostakli għad-downloading ta' web browsers mill-internet. Il-Kummissjoni b’mod preliminari kkunsidrat ukoll li, minbarra r-rinforz tal-pożizzjoni ta’ Microsoft fis-suq għas-sistemi operattivi tal-PC tal-klijenti, ir-rabta ta’ Internet Explorer ma’ Windows ħolqot inċentivi artifiċjali għall-web developers u għad-diżinjaturi tas-softwer biex jottimizzaw il-prodotti tagħhom primarjament għal Internet Explorer.

2.   Deċiżjoni ta’ impenn

(4)

Microsoft ipproponiet impenji biex jindirizzaw it-tħassib preliminari tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni.

(5)

Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2009 skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 il-Kummissjoni għamlet dawn l-impenji vinkolanti fuq Microsoft. L-impenji prinċipali jistgħu jiġu mqassra kif ġej:

(6)

L-ewwel, Microsoft qablet li tagħmel disponibbli mekkaniżmu fil-Windows fiż-Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”) li jkun jippermetti lill-MTOs u l-utenti li jkunu jistgħu jitfu u jixegħlu l-Internet Explorer.

(7)

It-tieni, skont l-impenji proposti minn Microsoft, l-MTOs ser ikunu ħielsa li jinstallaw minn qabel kwalunkwe web browser(s) tal-għażla tagħhom fuq il-PCs li jesportaw u jissettjawh bħala l-web browser awtomatiku. Microsoft ma għandhiex tiskarta l-impenji bi kwalunkwe mezz u ma għandhiex tirritalja kontra MTOs li jinstallaw web browsers li jikkompetu mal-web browser tagħha.

(8)

Microsoft offriet li tiddistribwixxi choice screen għal aġġornament ta’ software lill-utenti ta’ Windows PCs fiż-ŻEE permezz ta’ Windows Update. L-utenti ta’ Windows XP, Vista u 7 li għandhom Internet Explorer bħala l-web browser awtomatiku (irrelevanti kif seħħ dan) u li abbonaw ma’ Windows Update ikunu 'ppreżentati b’dan iċ-choice screen, li joffrilhom għażla ta’ web browsers, u li jippreżentalhom ħoloq li fihom ikunu jistgħu jiksbu aktar informazzjoni dwar il-web browsers ippreżentati fuq l-iskrin.

(9)

Id-deċiżjoni ssib li, fid-dawl tal-impenji li bihom qed torbot lil Microsoft, m'għadx fadal aktar raġunijiet għal azzjoni mill-Kummissjoni. Id-deċiżjoni għandha torbot lil Microsoft għall-perjodu totali ta’ ħames snin mid-data tal-adozzjoni.


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(2)  Il-Kawża T-201/04 Microsoft v il-Kummissjoni [2007] ECR II-3601, f’paragrafi 842, 869 u 1058. Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ta' infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 tat-Trattat KE għal imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti”, ĠU C 45, 24.2.2009, f’paragrafu 50.