15.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 310/211


ID-DIKJARAZZJONI INDIPENDENTI TA’ ASSIGURAZZJONI MILL-QORTI TAL-AWDITURI FUQ IL-FEI

2010/C 310/02

Id-Dikjarazzjoni indipendenti ta' Assigurazzjoni mill-Qorti tal-Awdituri dwar it-tmien, id-disa’ u l-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEI) għas-sena finanzjarja 2009

I.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 141 tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-għaxar FEI, li japplika wkoll għall-FEI ta' qabel, il-Qorti vverifikat:

a)

il-“Kontijiet annwali finali għas-sena finanzjarja 2009 tat-tmien, id-disa’ u l-għaxar Fondi Ewropej għall-Iżvilupp” li jinkludu r-rendikonti finanzjarji konsolidati (1) u r-rapport konsolidat dwar l-implimentazzjoni finanzjarja tat-tmien, id-disa’ u l-għaxar FEI; u

b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi fi ħdan il-qafas legali tal-FEI fir-rigward tal-parti tar-riżorsi tal-FEI li għall-ġestjoni finanzjarja tagħha hi responsabbli l-Kummissjoni (2).

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

II.

Skont ir-Regolamenti Finanzjarji applikabbli għat-tmien, id-disa’ u l-għaxar FEI, il-maniġment (3) hu responsabbli għall-preparazzjoni u għall-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali finali tal-FEI u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi:

a)

Ir-responsabbiltà tal-maniġment dwar il-kontijiet annwali finali tal-FEI tinkludi tfassil, implimentazzjoni u żamma ta' kontroll intern rilevanti għall-preparazzjoni u l-preżentazzjoni ġusta ta' rendikonti finanzjarji li huma ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali, kemm jekk minħabba frodi jew żball, għażla u applikazzjoni ta' politiki ta' kontabilità xierqa, abbażi tar-regoli ta' kontabilità adottati mill-uffiċjal ta' kontabilità tal-FEI (4), u li jsiru stimi ta' kontabilità li huma raġonevoli fiċ-ċirkostanzi. Il-Kummissjoni tapprova l-kontijiet annwali finali tal-FEI.

b)

Il-mod li bih il-maniġment jeżerċita r-responsabbiltà tiegħu għal legalità u regolarità ta' tranżazzjonijiet ta' bażi jiddependi fuq il-metodu ta' implimentazzjoni tal-FEI. Fil-każ ta' ġestjoni ċentralizzata u diretta, kompiti ta' implimentazzjoni jsiru mid-dipartimenti tal-Kummissjoni. Taħt ġestjoni deċentralizzata kompiti ta' implimentazzjoni huma delegati lill-pajjiżi terzi u taħt ġestjoni ċentralizzata indiretta lil korpi oħra. Fil-każ ta' ġestjoni konġunta, kompiti ta' implimentazzjoni jinqasmu bejn il-Kummissjoni u organizzazzjonijiet internazzjonali. Kompiti ta' implimentazzjoni jridu jikkonformaw mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja soda, li jeħtieġ tfassil, implimentazzjoni u żamma ta' kontroll intern effettiv u effiċjenti li jinkludi sorveljanza adegwata u miżuri xierqa biex jipprevjeni irregolaritajiet u frodi u, jekk neċessarju, proċedimenti legali biex jirkupraw fondi mħallsa jew użati b’mod ħażin. Ikun xi jkun il-metodu ta' implimentazzjoni applikat, il-Kummissjoni għandha r-responsabbiltà aħħarija għal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma l-bażi tal-kontijiet tal-FEI.

Ir-responsabbiltà tal-awditur

III.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hi li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, lill-Parlament u lill-Kunsill b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni fir-rigward tal-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi. Il-Qorti wettqet il-verifika tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Verifika u Kodiċi tal-Etika tal-IFAC u l-INTOSAI. Dawn l-istandards jeħtieġu li l-Qorti tippjana u twettaq il-verifika biex tikseb assigurazzjoni raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali finali tal-FEI humiex ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet ta' bażi, meħuda b’mod globali, humiex legali u regolari.

IV.

Fil-kuntest deskritt taħt il-paragrafu III, verifika tinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza ta' verifika dwar l-ammonti u l-informazzjoni mogħtija fil-kontijiet finali konsolidati u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq l-evalwazzjoni tal-awditur, li tinkludi evalwazzjoni tar-riskji ta' dikjarazzjoni żbaljata materjali fil-kontijet finali konsolidati u ta' nuqqas ta' konformità materjali tat-tranżazzjonijiet ta' bażi mar-rekwiżiti tal-qafas legali tal-FEI, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball. Meta jagħmel dawk il-valutazzjonijiet tar-riskju, l-awditur jikkunsidra l-kontroll intern rilevanti għall-preparazzjoni u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet finali konsolidati, u s-sistemi ta' sorveljanza u kontroll implimentati biex jassiguraw il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, sabiex jitfasslu proċeduri tal-verifika li huma xierqa fiċ-ċirkostanzi. Verifika f’dan il-kuntest tinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politika tal-kontabilità użata u tar-raġonevolezza tal-estimi tal-kontabilità, kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni ġenerali tal-kontijiet finali konsolidati u r-rapporti ta' attività annwali.

V.

Il-Qorti tikkunsidra li l-evidenza tal-verifika li nkisbet hija biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom ibbażati l-kontijiet

Id-9 ta' Settembru 2010

Vitor Manuel da SILVA CALDEIRA

President

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

12, rue Alcide De Gasperi, 1615 Luxembourg


(1)  Ir-rendikonti finanzjarji konsolidati jinkludu l-karta ta' bilanċ, ir-rendikont tar-riżultat ekonomiku, ir-rendikont ta' fluss ta' likwidità u t-tabella ta' oġġetti pagabbli lill-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp.

(2)  Skont l-Artikoli 2, 3, 4, 125(4) u 134 tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-għaxar FEI din id-Dikjarazzjoni ta' Assigurazzjoni ma testendix għall-parti tar-riżorsi tal-FEI li huma ġestiti mill-BEI u li għalihom hu responsabbli.

(3)  Fil-livell tal-Kummissjoni l-maniġment jinkludi l-Membri tal-Istituzzjoni, l-Uffiċjali li Jawtorizza minn delegazzjoni u sottodelegazzjoni, l-Uffiċjal tal-Kontabilità u l-persunal ewlieni ta' unitajiet ta' finanzi, verifika jew kontroll. Fil-livell ta' Stati Benefiċjarji, il-maniġment jinkludi Uffiċjali Nazzjonali li Jawtorizza, Uffiċjali ta' Kontabilità, Aġenti li Jħallsu u l-persunal ewlieni ta' organizzazzjonijiet ta' implimentazzjoni.

(4)  Ir-regoli ta' kontabilità adottati mill-uffiċjal ta' kontabilità tal-FEI huma ġejjin mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali ta' Kontabilisti jew, fin-nuqqas tagħhom, Standards Internazzjonali ta' Kontabilità (IAS)/ Standards Internazzjonali għall-Irrappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità. Skont ir-Regolament Finanzjarju, ir-“Rendikonti finanzjarji konsolidati” għas-sena finanzjarja 2009 huma ppreparati abbażi ta' dawn ir-regoli ta' kontabilità adottati mill-uffiċjal ta' kontabilità tal-FEI, li jadattaw il-prinċipji tal-kontabilità bbażata fuq id-dovuti għall-ambjent speċifiku tal-Komunitajiet, filwaqt li r-rapporti konsolidati dwar l-implimentazzjoni tal-FEI jkomplu jkunu bbażati primarjament fuq movimenti tal-flus kontanti.