52010PC0782

/* KUMM/2010/0782 finali - NLE 2010/0376 */ Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1292/2007 li jimponi dazju definittiv ta’ antidumping fuq importazzjonijiet tat-tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li joriġinaw fl-Indja


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 20.12.2010

KUMM(2010) 782 finali

2010/0376 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1292/2007 li jimponi dazju definittiv ta’ antidumping fuq importazzjonijiet tat-tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li joriġinaw fl-Indja

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-kuntest tal-proposta |

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha Din il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[1] ('ir-Regolament bażiku') fil-proċediment kontra l-importazzjonijiet tat-tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li joriġinaw fl-Indja. |

Il-kuntest ġenerali Din il-proposta qiegħda ssir fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u hija r-riżultat ta’ investigazzjoni li saret b’konformità mar-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku. |

Il-miżuri li qegħdin fis-seħħ attwalment huma dazju ta' antidumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1292/2007 (ĠU L 288, 6.11.2007, p. 1.) fuq l-importazzjonijiet tat-tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li joriġinaw fl-Indja, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 15/2009 (ĠU L 6, 10.1.2009, p. 1.) u mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 806/2010 (ĠU L 242, 15.9.2010, p. 6.). Hemm ukoll dazji kumpensatorji fis-seħħ, imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 15/2009 (ĠU L 6, 10.1.2009, p. 1) |

Il-konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni Mhux applikabbli. |

Il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati u l-valutazzjoni tal-impatt |

Il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati |

Il-partijiet interessati kkonċernati mill-proċediment kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom matul l-investigazzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti bażiċi. |

Il-ġbir u l-użu tal-kompetenza esperta |

Ma kienx hemm bżonn ta' kompetenza esperta esterna. |

Il-valutazzjoni tal-impatt Din il-proposta hija r-riżultat tal-implimentazzjoni tar-Regolamenti bażiċi. Ir-Regolamenti bażiċi ma jipprevedux valutazzjoni tal-impatt ġenerali iżda fihom lista eżawrjenti ta’ kondizzjonijiet li għandhom jiġu vvalutati. |

L-elementi legali tal-proposta |

Sommarju tal-azzjoni proposta Fl-1 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni tat bidu għal investigazzjoni ta’ reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tat-tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li joriġinaw fl-Indja, li l-ambitu tagħha kien limitat għall-eżami tad-dumping f'dak li jirrigwardja Garware Polyester Ltd. ('l-applikant'). Ir-reviżjoni ġiet mibdija minħabba li l-applikant, produttur li jesporta fl-Indja, ipprovda biżżejjed evidenza prima facie li ċ-ċirkustanzi fir-rigward tad-dumping li abbażi tagħhom kienu stabbiliti l-miżuri nbidlu u li dawn il-bidliet huma ta' natura dejjiema. It-tqabbil tal-valur normali tal-applikant u l-prezz ta' esportazzjoni tiegħu lejn l-UE wera li l-kumpanija ma għamlitx bejgħ bi prezzijiet baxxi (dumping) fil-perjodu ta' investigazzjoni ta' reviżjoni. L-investigazzjoni wriet ukoll li ċ-ċirkostanzi mibdula li wasslu għall-bidu tar-reviżjoni jistgħu jitqiesu b'mod raġonevoli bħala ċirkostanzi ta' natura dejjiema billi l-applikant għamel bidliet sinifikanti fil-proċess u t-teknoloġija ta' produzzjoni tiegħu. Huwa għaldaqstant propost li l-Kunsill jadotta l-proposta annessa għal Regolament sabiex ir-rata ta' dazju li tapplika għal Garware Polyester Ltd. tinbidel għal 0%, li għandu jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sa mhux iżjed tard mil-1 ta’ Marzu 2011. |

Il-bażi legali Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu. |

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għalhekk ma japplikax. |

Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni li ġejja: |

Il-forma ta' azzjoni hija deskritta fir-Regolamenti bażiċi msemmija hawn fuq u ma tħalli ebda wisa' għal deċiżjoni nazzjonali. L-indikazzjoni ta’ kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jaqa’ fuq l-Unjoni, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini huwa mminimizzat u proporzjonat għall-għan tal-proposta mhijiex applikabbli. |

L-għażla tal-istrumenti |

L-istrument propost: Regolament tal-Kunsill. |

Mezzi oħrajn ma jkunux xierqa minħabba li r-Regolament bażiku ma jipprevedix għażliet alternattivi. |

L-implikazzjoni baġitarja |

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni. |

1. 2010/0376 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1292/2007 li jimponi dazju definittiv ta’ antidumping fuq importazzjonijiet tat-tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li joriġinaw fl-Indja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[2] ('ir-Regolament bażiku'), u b’mod partikolari Artikolu 9(4) u l-Artikolu 11(3), (5) u (6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea ('il-Kummissjoni') wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A. PROĊEDURA

2. Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri antidumping eżistenti

3. F’Awwissu 2001, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1676/2001[3], il-Kunsill impona dazju definittiv ta' antidumping fuq l-importazzjonijiet tat-tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li joriġinaw, inter alia , fl-Indja. Il-miżuri kienu jikkonsistu f’dazju antidumping ad valorem li jvarja bejn 0% u 62,6% impost fuq importazzjonijiet mingħand produtturi esportaturi msemmija individwalment, b’rata ta’ dazju residwa ta’ 53,3% fuq importazzjonijiet mingħand il-kumpaniji l-oħrajn kollha.

4. F’Marzu 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 366/2006[4], il-Kunsill emenda l-miżuri imposti mir-Regolament (KE) Nru 1676/2001. Id-dazju antidumping impost varja bejn 0% u 18%, wara li tqiesu s-sejbiet tar-reviżjoni ta’ skadenza tad-dazji kumpensatorji definittivi (ir-Regolament (KE) Nru 367/2006[5]).

5. F’Awwissu 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1288/2006[6], il-Kunsill, wara reviżjoni interim rigward is-sussidjar ta’ produttur tat-tertuqa PET Indjan, Garware Polyester Limited, emenda d-dazju antidumping definittiv impost fuq dik il-kumpanija permezz tar-Regolament (KE) Nru 1676/2001 imsemmi fil-premessa (1) hawn fuq.

6. F’Settembru 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1424/2006[7], fuq talba ta’ produttur esportatur ġdid, il-Kunsill emenda r-Regolament (KE) Nru 1676/2001 fir-rigward ta’ esportatur Indjan wieħed. Ir-Regolament emendat stabbilixxa marġini ta’ dumping ta’ 15,5% u rata ta’ dazju antidumping ta’ 3,5% għall-kumpanija kkonċernata wara li tqies il-marġini ta’ sussidju fuq l-esportazzjoni tal-kumpanija kif ġie aċċertat fl-investigazzjoni kontra s-sussidji li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 367/2006 imsemmi fuq. Billi l-kumpanija ma kellhiex dazju kumpensatorju individwali, ġiet applikata r-rata stabbilita għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

7. F’Novembru 2007, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1292/2007[8], il-Kunsill impona dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet tat-tertuqa PET li joriġinaw fl-Indja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. Bl-istess Regolament intemmet reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, li l-ambitu tagħha kien limitat għall-eżami tad-dumping fir-rigward ta' produttur esportatur Indjan wieħed.

8. F’Jannar 2009, permezz tar-Regolament (KE) Nru 15/2009[9], il-Kunsill, wara reviżjoni interim parzjali imnedija mill-Kummissjoni fuq l-inizjattiva tagħha fir-rigward tas-sussidju lil ħames produtturi Indjani tat-tertuqa PET, emenda d-dazju definittiv antidumping impost fuq dawn il-Kumpaniji bir-Regolament (KE) Nru 1292/2007 u d-dazji kumpensatorji definittivi imposti fuq dawn il-kumpaniji permezz tar-Regolament (KE) Nru 367/2006.

9. Ir-Regolament (KE) Nru 1292/2007 żamm ukoll l-estensjoni tal-miżuri għall-Brażil u l-Iżrael bl-eżenzjoni ta' ċerti kumpaniji. L-aħħar emenda għar-Regolament 1292/2007 f'dan ir-rigward saret permezz tar-Regolament 806/2010[10].

10. L-applikant ta' din ir-reviżjoni interim - Garware Polyester Limited huwa attwalment soġġett għal dazju antidumping definittiv ta' 14,7%.

11. Miżuri kumpensatorji eżistenti

12. Għandu wkoll jiġi indikat li Garware Polyester Limited huwa soġġett għal dazju kumpensatorju ta' 5,4% fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 15/2009 imsemmi fil-premessa (6).

13. Talba għal reviżjoni interim parzjali

14. F'Awwissu 2009, il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. It-talba, li l-ambitu tagħha kien limitat għall-eżami tad-dumping, tressqet minn Garware Polyester Limited, produttur esportatur mill-Indja ('Garware' jew 'l-applikant'). Fit-talba tiegħu, l-applikant qal li ċ-ċirkostanzi li abbażi tagħhom ġew imposti l-miżuri nbidlu, u li dawn il-bidliet huma ta’ natura dejjiema. L-applikant ipprovda evidenza prima facie li l-impożizzjoni kontinwa tal-miżura fil-livell attwali tagħha ma għadhiex meħtieġa biex tpaċi d-dumping.

15. Il-bidu ta' reviżjoni

16. Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika l-bidu ta’ reviżjoni interim parzjali, il-Kummissjoni ħabbret permezz ta' notifika ppubblikata fl-1 ta' Diċembru 2009 f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea [11] ('in-Notifika tal-Inizzazzjoni') , il-bidu ta’ reviżjoni parzjali interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, li l-ambitu tagħha huwa limitat għall-eżami tad-dumping fir-rigward tal-applikant.

17. L-investigazzjoni tar-reviżjoni interim parzjali tivvaluta wkoll il-bżonn, skont is-sejbiet tar-reviżjoni, li tiġi emendata r-rata ta' dazju li bħalissa hija applikata fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma ssemmewx individwalment fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 1292/2007, jiġifieri r-rata tad-dazju antidumping li tapplika għall-'kumpaniji l-oħra kollha' fl-Indja.

18. L-investigazzjoni

19. L-investigazzjoni tal-livell ta’ dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2008 sat-30 ta’ Settembru 2009 ('perjodu tal-investigazzjoni għar-reviżjoni' jew 'PIR').

20. Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lill-applikant, lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur u lill-industrija tal-Unjoni, dwar il-bidu tal-investigazzjoni ta' reviżjoni interim parzjali. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu fehmiethom bil-miktub u li jinstemgħu.

21. Biex tikseb l-informazzjoni meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-applikant u rċeviet tweġiba fiż-żmien ta' skadenza stipulat għal dan l-għan.

22. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għad-determinazzjoni tad-dumping. Saret żjara ta' verifika fil-bini tal-applikant.

B. IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

23. Il-prodott ikkonċernat

24. Il-prodott ikkonċernat f'din ir-reviżjoni huwa l-istess bħal dak definit fir-Regolament li jimponi l-miżuri fis-seħħ (ir-Regolament (KE) Nru 1292/2007, kif emendat l-aħħar), jiġifieri t-tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET), li toriġina fl-Indja, li attwalment taqa’ fi ħdan il-kodiċijiet NM ex 3920 62 19 u ex 3920 62 90.

25. Il-prodott simili

26. Bħal fl-investigazzjonijiet preċedenti, din l-investigazzjoni wriet li t-tertuqa PET prodotta fl-Indja u esportata lejn l-Unjoni u t-tertuqa PET prodotta u mibjugħa lokalment fis-suq Indjan, kif ukoll it-tertuqa PET prodotta u mibjugħa fl-UE mill-produtturi tal-UE għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi bażiċi.

27. Dawn il-prodotti għalhekk jitqiesu bħala simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C. DUMPING

(a) Il-valur normali

28. Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-bejgħ domestiku tal-prodotti simili tal-applikant lil klijenti indipendenti kienx rappreżentattiv, jiġifieri jekk il-volum totali ta’ tali bejgħ kienx daqs minn tal-inqas 5% tal-volum totali tal-bejgħ ta' esportazzjonijiet korrispondenti lejn l-Unjoni.

29. Il-Kummissjoni mbagħad identifikat dawk it-tipi tal-prodott simili mibjugħa lokalment mill-kumpanija li kienu identiċi jew komparabbli direttament mat-tipi mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

30. Sar eżami ulterjuri fuq jekk il-bejgħ lokali tal-applikant kienx rappreżentattiv għal kull tip ta' prodott, jiġifieri jekk il-bejgħ lokali ta' kull tip ta' prodott kienx jikkostitwixxi mill-inqas 5% tal-volum tal-bejgħ tal-istess tip ta' prodott tal-Unjoni. Fil-każ ta' dawk it-tipi ta' prodotti mibjugħa fi kwantitajiet rappreżentattivi, imbagħad ġie eżaminat jekk tali bejgħ sarx f'sitwazzjoni ta' kummerċ normali, skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.

31. L-eżami dwar jekk il-bejgħ lokali ta’ kull tip ta’ prodott, mibjugħ lokalment fi kwantitajiet rappreżentattivi, jistax jitqies bħala li sar f'sitwazzjoni ta' kummerċ normali, sar billi ġie stabbilit il-proporzjon ta’ bejgħ bi profitt lil klijenti indipendenti tat-tip inkwistjoni. Fil-każijiet kollha fejn il-bejgħ domestiku tat-tip ta' prodott partikolari sar fi kwantitajiet suffiċjenti u f'sitwazzjoni ta' kummerċ normali, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz lokali effettiv, ikkalkulat bħala medja peżata tal-bejgħ lokali kollu ta' dak it-tip li sar matul il-PIR.

32. Għal dawk it-tipi ta’ prodotti li fadal fejn il-bejgħ lokali ma kienx rappreżentattiv jew ma nbiegħux f'sitwazzjoni ta' kummerċ normali, il-valur normali ġie mibni skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku. Il-valur normali ġie mibni biż-żieda mal-kosts tal-manifattura tat-tipi esportati, aġġustati fejn meħtieġa, ta’ perċentwali raġonevoli għall-ispejjeż ta’ bejgħ, ġenerali u amministrattivi u ta' marġini raġjonevoli ta’ qligħ, fuq il-bażi tad-dejta attwali relatata mal-produzzjoni u l-bejgħ, f'sitwazzjoni ta’ kummerċ normali, tal-prodott simili, mill-produttur esportatur investigat skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku.

(b) Il-prezz tal-esportazzjoni

33. Peress li l-bejgħ tal-esportazzjoni kollu tal-produttur Indjan li qiegħed jikkoopera u li jesporta lejn l-Unjoni sar direttament lil klijenti indipendenti, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet li effettivament tħallsu jew li jistgħu jitħallsu għall-prodott ikkonċernat skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

(c) Tqabbil

34. It-tqabbil bejn il-valur normali medju peżat u l-prezz medju peżat tal-esportazzjonijiet sar fuq il-bażi ta' kif joħroġ mill-fabbrika u fl-istess livell ta' kummerċ. Sabiex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, tqiesu d-differenzi fil-fatturi li kienu ppruvati li jaffetwaw il-prezzijiet u t-tqabbil tal-prezzijiet. Għan dan l-għan, ingħatat konċessjoni xierqa f'forma ta' aġġustamenti għad-differenzi fl-ispejjeż tat-trasport, l-assigurazzjoni, l-immaniġġar, it-tagħbija u l-ispejjeż anċillari, il-kummissjonijiet, l-ispejjeż finanzjarji u l-ispejjeż tal-ippakkjar imħallsa mill-applikant fejn applikabbli u ġġustifikat.

(d) Il-marġini tad-dumping

35. Kif stipulat fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-valur medju normali peżat skont it-tip ġie mqabbel mal-prezz medju peżat tal-esportazzjoni tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat. Dan it-tqabbil ma weriex l-eżistenza ta' dumping.

D. IN-NATURA DEJJIEMA TAĊ-ĊIRKUSTANZI MIBDULA

36. Skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat ukoll jekk kienx raġonevoli li wieħed iqis li ċ-ċirkustanzi mibdula għandhom natura dejjiema.

37. F'dan ir-rigward l-investigazzjoni wriet li wara l-investigazzjoni preċedenti, jiġifieri r-reviżjoni ta' skadenza msemmija fil-premessa (5), Garware għamlet bidliet sinifikanti fil-proċess u fit-teknoloġija ta' produzzjoni tiegħu. Minflok it-tereftalat tad-dimetil (DMT) il-kumpanija bdiet tuża l-aċidu tereftaliku ppurifikat (PTA) bħala l-materja prima ewlenija. Matul il-perjodu ta' investigazzjoni ta' dik ir-reviżjoni ta' skadenza, Garware kien l-uniku produttur esportatur Indjan li kien għadu qiegħed juża t-teknoloġija l-antika bbażata fuq id-DMT. Din il-bidla fit-teknoloġija kif ukoll l-investiment f'impjant ġdid għall-manifattura taċ-ċipep irriżultat fi tnaqqis sinifikanti tal-ispejjeż tal-manifattura bejn ir-reviżjoni ta' skadenza preċedenti u r-reviżjoni attwali. Dan it-tnaqqis fl-ispejjeż għandu impatt dirett fuq il-marġni tad-dumping. Din il-bidla fiċ-ċirkustanzi għalhekk tista' titqies bħala waħda li għandha natura dejjiema.

38. Għandu jiġi indikat ukoll li marġni indikattiv ta' dumping, ikkalukulat għall-bejgħ tal-esportazzjoni tal-applikant lill-pajjiżi terzi fil-PIR, kien negattiv. F'termini ta' volum, dan il-bejgħ kien ħafna ogħla mill-bejgħ tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

39. Għalhekk tqies li ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-bidu ta’ din ir-reviżjoni interim mhumiex probabbli li jinbidlu fil-futur qrib b’mod li jaffettwaw is-sejbiet tar-reviżjoni interim. Għalhekk ġie konkluż li ċ-ċirkostanzi mibdula huma ta' natura dejjiema u li l-applikazzjoni tal-miżura fil-livell attwali tagħha ma għadhiex aktar ġustifikata.

E. IL-MIŻURI ANTIDUMPING

40. Fid-dawl tar-riżultati ta’ din l-investigazzjoni ta' reviżjoni, jitqies xieraq li d-dazju antidumping applikabbli fuq l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat minn Garware jiġi emendat għal 0%.

41. Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku u t-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament (KE) Nru 597/2009[12], l-ebda prodott ma għandu jkun soġġett kemm għal dazju antidumping kif ukoll għal dazji kumpensatorji għall-fini li tiġi indirizzata sitwazzjoni waħda, u l-istess, u li tirriżulta minn dumping jew mill-issussidjar għall-esportazzjoni. Kif imsemmi fil-premessa 5 hawn fuq, l-applikant huwa soġġett għal dazju kumpensatorju. Billi d-dazju antidumping stabbilit għall-applikant huwa ta' 0% fir-rigward tal-prodott ikkonċernat, din is-sitwazzjoni ma tirriżultax f'dan il-każ.

42. Il-partijiet interessati kienu infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom kien hemm il-ħsieb li tiġi proposta emenda għar-rata tad-dazju li tapplika għall-applikant u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Il-partijiet interessati ma ppreżentaw l-ebda kumment.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-punt li jikkonċerna lil Garware Polyester Limited, fit-tabella fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 1292/2007, għandu jinbidel b'dan li ġej:

Garware Polyester Limited, Garware House, 50-A, Swami Nityanand Marg, Vile Parle (East), Mumbai 400 057, India | 0,0 | A028 |

"

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

[2] ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

[3] ĠU L 227, 23.8.2001, p. 1.

[4] ĠU L 68, 8.3.2006, p. 6.

[5] ĠU L 68, 8.3.2006, p. 15.

[6] ĠU L 236, 31.08.2006, p. 1.

[7] ĠU L 270, 29.9.2006, p. 1.

[8] ĠU L 288, 6.11.2007, p. 1.

[9] ĠU L 6, 10.1.2009, p. 1.

[10] ĠU L 242, 15.9.2010, p. 6.

[11] ĠU C 291, 1.12.2009, p. 28.

[12] ĠU L 188, 18.07.2009 p. 93.