52010PC0761

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 485/2008 dwar l-iskrutinju mill-Istati Membri fuq transazzjonijiet li jiffurmaw parti mis-sistema ta’ finanzjament tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija /* KUMM/2010/0761 finali - COD 2010/0366 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 17.12.2010

KUMM(2010) 761 finali

2010/0366 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 485/2008 dwar l-iskrutinju mill-Istati Membri fuq transazzjonijiet li jiffurmaw parti mis-sistema ta’ finanzjament tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Kuntest tal-proposta

- Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Sabiex is-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 485/2008[1] jiġu allinjati mad-differenzjazzjoni bejn is-setgħat delegati u ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni introdotti permezz tal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

- Kuntest ġenerali

L-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiddistingwu bejn żewġ tipi ta’ atti tal-Kummissjoni:

- L-Artikolu 290 tat-TFUE jippermetti lil-leġiżlatur jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali sabiex tissupplimenta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali ta’ att leġiżlattiv. Atti legali adottati mill-Kummissjoni b’dan il-mod huma msemmija fit-terminoloġija użata mit-Trattat bħala "atti delegati" (l-Artikolu 290(3)).

- L-Artikolu 291 tat-TFUE jippermetti lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri kollha ta’ liġi nazzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ atti tal-Unjoni legalment vinkolanti. Dawk l-atti jistgħu jagħtu setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fejn huma meħtieġa kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tagħhom. Atti legali adottati mill-Kummissjoni b’dan il-mod jissejħu fit-terminoloġija użata mit-Trattat bħala "atti ta' implimentazzjoni" (l-Artikolu 291(4)).

- Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

L-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

- Konsistenza mal-politiki l-oħrajn u l-għanijiet tal-Unjoni

Mhux applikabbli.

2. Konsultazzjoni tal-partijiet interessati u valutazzjoni tal-impatt

- Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

- Ġbir u użu ta’ għarfien espert

Ma kien hemm l-ebda ħtieġa ta’ konsultazzjoni tal-partijiet interessati jew ta’ għarfien espert estern minħabba li l-proposta li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 485/2008 jiġi allinjat mat-Trattat ta’ Lisbona hija kwistjoni interistituzzjonali li tikkonċerna lir-Regolamenti tal-Kunsill kollha. L-emendi li jimmiraw lejn is-simplifikazzjoni huma ta’ ambitu limitat u ta’ natura purament teknika.

- Valutazzjoni tal-impatt

Mhijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt minħabba li l-proposta li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 485/2008 jiġi allinjat mat-Trattat ta’ Lisbona hija kwistjoni interistituzzjonali li tikkonċerna lir-Regolamenti tal-Kunsill kollha. L-emendi li jimmiraw lejn is-simplifikazzjoni huma ta’ ambitu limitat u ta’ natura purament teknika.

3. Elementi legali tal-proposta

- Sommarju tal-azzjoni proposta

Tidentifika s-setgħat delegati u ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 485/2008 u tistabbilixxi l-proċedura korrispondenti għall-adozzjoni ta’ dawn l-atti.

- Bażi legali

L-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

- Prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-politika agrikola hija kompetenza kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri. Dan ifisser li sakemm l-UE ma tilleġiżlax fis-settur, l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom. Fir-rigward tal-kontrolli, l-assistenza u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni, għandu jiġi adottat approċċ Ewropew, u huwa ġustifikat li jiġu rinfurzati r-regoli uniformi dwar l-iskambju tal-informazzjoni.

- Prinċipju tal-proporzjonalità

Dan il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

- Għażla ta’ strumenti

Strument propost: Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Mezzi oħra ma jkunux adegwati għar-raġuni li ġejja: Regolament irid jiġi emendat b’Regolament.

4. Implikazzjonijiet baġitjarji

Din il-miżura ma tinvolvix xi nefqa addizzjonali tal-UE.

2010/0366 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 485/2008 dwar l-iskrutinju mill-Istati Membri fuq transazzjonijiet li jiffurmaw parti mis-sistema ta’ finanzjament tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42 u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[2],

Wara li ntbagħat l-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[3],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja[4],

Billi:

1. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 485/2008[5] jikkonferixxi setgħat lill-Kummissjoni sabiex timplimenta xi wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament.

2. Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 485/2008 għandhom jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-Trattat).

3. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat sabiex tissupplimenta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 485/2008. L-elementi li għalihom tista’ tkun eżerċitata dik is-setgħa għandhom ikunu definiti, flimkien mal-kundizzjonijiet li għalihom għandha tkun suġġetta dik id-delega.

4. Sabiex tiggarantixxi applikazzjoni uniformi tar-Regolament Nru 485/2008 fl-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-Trattat. B'mod partikolari l-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta regoli uniformi dwar l-iskambju ta’ informazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tadotta dawk l-atti ta' implimentazzjoni bl-għajnuna tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli stabbilit permezz tal-Artikolu 41d(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni[6] f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru XX/XXXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar … [għandu jitlesta wara l-adozzjoni tar-regolament dwar il-mekkaniżmi tal-kontroll, kif jissemma fl-Artikolu 291(3) tat-TFUE, li fil-preżent huwa s-suġġett ta' diskussjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill].

5. Ir-Regolament (KE) Nru 485/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 485/2008 huwa emendat kif ġej:

6. Fl-Artikolu 1(2), it-tieni sentenza tinbidel b'dan li ġej:

"Sabiex jiġu esklużi mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, dawk il-miżuri li min-natura tagħhom mhumiex adattati għall-kontroll ex-post permezz ta' skrutinju ta' dokumenti kummerċjali, il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti delegati f'konformità mal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 13a, 13b u 13c ta' dan ir-Regolament, tistabbilixxi lista ta' miżuri oħrajn li għalihom dan ir-Regolament ma japplikax."

7. L-Artikolu 7 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, it-tieni sentenza għandha titħassar;

(b) il-paragrafu 5 għandu jitħassar.

8. L-Artikolu 13 għandu jitħassar.

9. Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

"Artikolu 13a

Is-setgħat li tadotta l-atti delegati msemmija f’dan ir-Regolament għandhom jingħataw lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indefinit.

Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess waqt lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 13b

Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 13a tista’ tiġi rrevokata mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

L-istituzzjoni li tkun bdiet proċedura interna għal deċiżjoni dwar jekk għandhiex tiġi rrevokata d-delega ta’ setgħa, għandha tagħmel li tista’ biex tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali, billi tindika s-setgħat delegati li jistgħu jkunu soġġetti għal revoka u r-raġunijiet possibbli għal revoka.

Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delegazzjoni tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ immedjatament jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati diġà fis-seħħ. Għandha tiġi ppubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Artikolu 13c

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għall-att delegat f’perjodu ta’ żmien ta’ xahrejn mid-data tan-notifika. Fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill dan il-perjodu għandu jkun estiż b’xahar.

Jekk, mal-iskadenza ta’ dak il-perjodu, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu sabu oġġezzjoni għall-att delegat, dan għandu jiġi ppubblikat f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data ddikjarata fih.

L-att delegat jista’ jiġi ppubblikat f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma infurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma jqajmux oġġezzjonijiet.

Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal att delegat, dan ma jidħolx fis-seħħ. L-istituzzjoni li ssib oġġezzjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-oġġezzjoni għall-att delegat.

Artikolu 13d

Il-Kummissjoni, għandha, fejn meħtieġ, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 42d(2) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, tadotta d-dispożizzjonijiet li jimmiraw għal kisba ta' applikazzjoni uniformi ta' dan ir-Regolament fl-Unjoni, b'mod partikolari f'rabta ma' dan li ġej:

(a) il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet konġunti msemmija fl-Artikolu 7(1);

(b) dettalji u speċifikazzjonijiet fir-rigward tal-kontenut, il-forma u l-mod tat-tressiq tat-talbiet, il-kontenut, il-forma u l-mod tan-notifika u t-tressiq u l-iskambju tal-informazzjoni meħtieġa fil-qafas ta’ dan ir-Regolament;

(c) il-kundizzjonijiet u l-mezzi ta' pubblikazzjoni jew ir-regoli speċifiċi u l-kundizzjonijiet għat-tqassim jew id-disponibbiltà mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-informazzjoni meħtieġa fil-qafas ta' dan ir-Regolament."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi […],

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] ĠU L 143, 3.06.2008, p. 1.

[2] ĠU C […], […], p. […].

[3] ĠU C […], […], p. […].

[4] ĠU C […], […], p. […].

[5] ĠU L 143, 3.06.2008, p. 1.

[6] ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.