52010PC0740




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 9.12.2010

KUMM(2010) 740 finali

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li temenda għat-tieni darba d-Deċiżjoni 2010/320/UE indirizzata lill-Greċja bil-ħsieb li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tagħti notifika lill-Greċja biex jittieħdu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit meqjusa bħala meħtieġa biex tissewwa l-qagħda ta’ żbilanċ eċċessiv

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li temenda għat-tieni darba d-Deċiżjoni 2010/320/UE tal-10 ta' Mejju 2010 indirizzata lill-Greċja bil-ħsieb li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tagħti notifika lill-Greċja biex jittieħdu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit meqjusa bħala meħtieġa biex tissewwa l-qagħda ta’ żbilanċ eċċessiv

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikolu 126(9) u l-Artikolu 136 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni li ngħatat mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) L-Artikolu 136(1)(a) TFUE jipprevedi l-possibiltà li jiġu adottati miżuri adattati speċifiċi għall-Istati Membri li l-valuta tagħhom hija l-euro bil-għan li jsaħħu l-koordinazzjoni u s-sorveljanza tad-dixxiplina baġitarja tagħhom.

(2) L-Artikolu 126 TFUE jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċ tal-gvern eċċessiv u jistabbilixxi l-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv. Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, li fil-parti korrettiva tiegħu jimplimenta l-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv, jipprovdi l-qafas li jsostni l-politiki tal-gvern għal ritorn immedjat għal pożizzjonijiet baġitarji sodi filwaqt li jqis il-qagħda ekonomika.

(3) Fis-27 ta’ April 2009, il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li kien jeżisti żbilanċ eċċessiv fil-Greċja.

(4) Fl-10 ta' Mejju 2010, il-Kunsill adotta Deċiżjoni indirizzata lill-Greċja skont l-Artikolu 126(9) u l-Artikolu 136, bil-ħsieb li tissaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tagħti notifika lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit meqjusa neċessarji biex tkun rimedjata s-sitwazzjoni ta' żbilanċ eċċessiv mhux aktar tard mid-data ta' skadenza fl-2014 (minn issa 'l quddiem "Id-Deċiżjoni")[1]. Il-Kunsill stabbilixxa l-perkors li ġej għall-korrezzjoni tad-defiċit : defiċits tal-gvern li ma jaqbżux EUR 18 508-il miljun fl-2010, EUR 17 065-il miljun fl-2011, EUR 14 916-il miljun fl-2012, EUR 11 399-il miljun fl-2013 u EUR 6 385 miljuni fl-2014.

(5) Skont il-previżjonijiet disponibbli meta l-Kunsill adotta d-Deċiżjoni, il-PDG reali kien mistenni li jiċkien b’4 % fl-2010 u 2½ % fl-2011, u jirkupra wara, b’rati ta’ tkabbir ta’ 1.1 % fl-2012, u 2.1 % fl-2013 u l-2014. Id-deflator tal-PDG kien mistenni li jkun 1.2 %, – -0.5 %, 1.0 %, 0.7 % u 1.0 % mill-2010 sal-2014, rispettivament. Minħabba l-iżviluppi ekonomiċi, il-PDG reali issa huwa mistenni li jiċkien b'4¼ % fl-2010 u bi 3 % fl-2011 u jirkupra wara b'rati ta' tkabbir ta' 1.1 % fl-2012, u 2.1 %fl-2013 u l-2014. Id-deflators tal-PDG issa huma mistennija li jkunu 3.0 %, 1.5 %, 0.4 %, 0.8 % u 1.2 % mill-2010 sal-2014, rispettivament.

(6) Fil-15 ta' Novembru 2010, il-Eurostat ivvalida l-istatistika tad-defiċit u d-dejn tal-Gvern Grieg[2], skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009[3]. F'dik l-okkażżjoni, is-serje tad-defiċiti u d-djun għas-snin 2006-2009 kienu riveduti 'l fuq. Il-proporzjon tad-defiċit tal-gvern mal-PDG għall-2009 kien rivedut minn 13.6 % tal-PDG għal 15.4 % tal-PDG, filwaqt li l-proporzjoni tad-dejn kien rivedut minn 115.1 % tal-PDG għal 126.8 % tal-PDG.

(7) Il-Greċja għamlet progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-miżuri mitluba mid-Deċiżjoni inkluż it-tnaqqis tad-defiċit tal-gvern. Madankollu, ir-reviżjoni msemmija qabel f'serje statistika flimkien mal-ġbir dgħajjef tad-dħul u problemi oħra bl-implimentazzjoni baġitarja, inkluż l-akkumulazzjoni ta' ammonti pagabbli, jimplikaw li l-limitu massimu tad-defiċit tal-gvern għall-2010 probabbilment mhux se jintlaħaq. Dan it-telf dovut għandu jkun irkuprat matul l-2011.

(8) Fl-24 ta’ Novembru 2010, il-Greċja ppreżentat lill-Kunsill u l-Kummissjoni rapport li jiddeskrivi fil-qosor il-miżuri ta’ politika li ttieħdu biex jikkonformaw mad-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni vvalutat ir-rapport u kkonkludiet li l-Greċja qed tikkonforma b’mod sodisfaċenti mad-Deċiżjoni[4].

(9) Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, jidher xieraq li tiġi riveduta d-Deċiżjoni minn għadd ta’ aspetti, filwaqt li titħalla kif inhi l-iskadenza għall-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv u l-perkors ta’ aġġustament għad-defiċit tal-gvern u ż-żieda tad-dejn tal-gvern f'termini nominali.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2010/320/UE hija emendata kif ġej:

1. fl-Artikolu 1(3), it-tieni sentenza tiġi sostitwita b'dan li ġej:

'3. Abbażi tal-previżjonijiet ta' Novembru 2010 dwar il-PDG, il-perkors korrespondenti għall-proporzjon ta' dejn mal-PDG ma għandux ikun iktar minn 143 % fl-2010, 153 % fl-2011, 157 % fl-2012, 158 % fl-2013 u 156 % fl-2014.

2. fl-Artikolu 2(3) il-punt (k) huwa sostitwit b'dan li ġej:

'(k) ġestjoni aħjar tal-assi pubbliċi, bil-għan li jinġabru mill-inqas EUR 1 biljun fl-2011, u mill-inqas EUR 3 biljuni kull sena fl-2012 u l-2013; ir-rikavat mill-bejgħ tal-assi (assi immobiljari u assi finanzjarji) għandhom jintużaw biex jinfeda d-dejn u mhux se jnaqqas l-isforzi tal-konsolidazzjoni fiskali għall-konformità tal-limiti massimi tad-defiċit fl-Artikolu 1(2);'.

3. fl-Artikolu 2(3), il-punt (m) huwa sostitwit b'dan li ġej:

'(m) digriet li jipprojbixxi l-gvernijiet lokali milli jkollhom defiċits mill-inqas sal-2014; tnaqqis fit-trasferimenti lill-gvern lokali f'konformità mal-iffrankar ippjanat u t-trasferimenti ta' kompetenzi;'.

4. fl-Artikolu 2(3), il-punt (o) huwa sostitwit b'dan li ġej:

'(o) implimentazzjoni ta' sistema uniformi ta' preskrizzjoni elettronika; pubblikazzjoni tal-lista tal-prezzijiet kompluta għall-mediċini fis-suq; applikazzjoni tal-lista ta' mediċini li mhumiex rimborżati u lista ta' mediċini li jistgħu jinbigħu mingħajr preskrizzjoni; pubblikazzjoni tal-lista l-ġdida ta' mediċini rimburżati bl-użu tas-sistema ġdida ta' prezz ta' referenza; għall-użu tal-informazzjoni disponibbli permezz tal-preskrizzjoni elettronika u l-iskennjar għall-ġbir ta' roħs mill-kumpaniji farmaċewtiċi; introduzzjoni għal mekkaniżmu ta' monitoraġġ li jippermetti li n-nefqa farmaċewtika tkun ivvalutata kull xahar; infurzar ta' kopagamenti għal servizzi ambulatorji regolari ta' EUR 5 u l-estensjoni ta' kopagamenti ta' żjarat mhux mixtieqa lid-dipartimenti tal-emerġenza; pubblikazzjoni ta' kontijiet awditjati għall-isptarijiet u ċ-ċentri tas-saħħa; ħolqien ta' taskforce indipendenti ta' esperti tal-politika tas-saħħa li l-kompitu tagħhom huwa li sal-aħħar ta' Mejju 2011 jipproduċu rapport dettaljat għal riforma kumplessiva tas-sistema tas-saħħa li għandha l-għan li ttejjeb l-effiċjenza u l-effikaċja tas-sistema tas-saħħa;'.

5. fl-Artikolu 2(3), il-punt (p) għandu jitħassar u għandhom jiżdiedu l-punti li ġejjin:

'(q) tnaqqis ulterjuri fin-nefqa operazzjonali b'mill-inqas 5 % li jwassal għal iffrankar ta' mill-inqas EUR 100 miljun;

(r) tnaqqis ulterjuri fit-trasferimenti li jwassal għal iffrankar għall-gvern kollu ta' mill-inqas EUR 100 miljun. L-entitajiet pubbliċi benefiċjarji se jiżguraw tnaqqis addizzjonali fin-nefqa sabiex ma jkunx hemm akkumulazzjoni ta' arretrati;

(s) verifika tal-mezzi tal-benefiċċji tal-familja minn Jannar 2011 'il quddiem li se twassal għal iffrankar ta' mill-inqas EUR 150 miljun (nett mill-kosti amministrattivi rispettivi);

(t) tnaqqis mix-xiri ta' tagħmir militari (kunsinni) b'mill-inqas EUR 500 miljun meta mqabbel mal-livell reali tal-2010.

(u) tnaqqis fin-nefqa fuq prodotti farmaċewtiċi mill-fondi tas-sigurtà soċjali b'EUR 900 miljun minħabba tnaqqis ulterjuri fil-prezzijiet tal-mediċini u minħabba proċeduri ġodda tal-akkwist pubbliku; u mill-isptarijiet (inkluż wkoll in-nefqa fuq it-tagħmir) b'mill-inqas EUR 350 miljun;

(v) tibdil fil-maniġment, l-ipprezzar u l-pagi tal-intrapriżi pubbliċi li se jwassal għal iffrankar ta' mill-inqas EUR 800 miljun;

(w) ekwalizzazzjoni tat-tassazzjoni fuq iż-żejt tat-tisħin u d-dijżil wara l-1 ta' Ottubru 2011, bl-għan li jkunu miġġielda l-frodi li se trendi EUR 600 miljun fl-2011 (impatt ta' sena sħiħa ta' mill-inqas EUR 900 miljun) netti mill-miżuri speċifiċi li jipproteġu l-faxex tal-popolazzjoni li għandhom inqas dħul;

(x) żieda fir-rati mnaqqsa tal-VAT minn 5.5 % għal 6.5 % u minn 11 % għal 13 %, li se trendi mill-inqas EUR 880 miljun; u tnaqqis fir-rata tal-VAT applikabbli għall-mediċini u l-akkomodazzjoni fil-lukandi minn 11 % għal 6.5 % b'kost li ma jaqbizx EUR 250 miljun, nett mill-iffrankar għall-fondi tas-sigurtà soċjali u l-isptarijiet li jirriżulta mir-rata iktar baxxa tal-VAT fuq il-mediċini;

(y) intensifikazjoni tal-ġlieda kontra l-kutrabandu tal-fjuwil (mill-inqas EUR 190 miljun);

(z) żieda fit-tariffi tal-qrati (mill-inqas EUR 100 miljun);

(aa) implimentazzjoni ta' pjan ta' azzjoni għall-ġbir tal-arretrati tat-taxxa (mill-inqas EUR 200 miljun);

(bb) it-tħaffif tal-ġbir tal-penali tat-taxxa (mill-inqas EUR 400 miljun);

(cc) il-ġbir tad-dħul li jirriżulta mill-qafas ġdid tat-tilwim u l-proċeduri legali fiskali (mill-inqas EUR 300 miljun);

(dd) dħul mit-tiġdid tal-liċenzji tat-telekomunikazzjonijiet li waslu biex jiskadu (mill-inqas EUR 350 miljun);

(ee) dħul minn konċessjonijiet (mill-inqas EUR 250 miljun).

(ff) pjan ta' ristrutturazzjoni għan-netwerk tat-trasportazzjoni ta' Ateni (OASA). L-għan tal-pjan għandu jkun li jitnaqqas it-telf operazzjonali tal-kumpanija u jagħmilha ekonomikament vijabbli. Il-pjan għandu jinkludi tnaqqis drastiku fin-nefqa operazzjonali tal-kumpanija u żidiet fit-tariffi. L-azzjonijiet meħtieġa għandhom jiġu implimentati mhux aktar tard minn Jannar 2011.

(gg) att li jillimita r-reklutaġġ fl-amministrazzjoni pubblika kollha għal proporzjon ta' mhux iktar minn reklutaġġ wieħed (1) għal kull 5 persuni li jirtiraw jew jitkeċċew mingħajr eċċezzjonijiet settorjali u inkluż persunal trasferit minn intrapriżi pubbliċi taħt ristrutturazzjoni għal entitajiet pubbliċi.

6. Fl-Artikolu 2(4), qed jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(c) ikklerjar ta' arretrati akkumulati fis-snin preċedenti.

(d) pjan multiannwali għall-konsolidazzjoni fiskali strutturali inklużi miżuri ta' mill-inqas 5 % tal-PDG li jiżguraw il-miri tad-defiċit sal-2014;

(e) pjan kontra l-evażjoni li jinkludi indikaturi ta' prestazzjoni kwantitattivi li jżommu responsabbli l-amministrazzjoni tad-dħul; leġiżlazzjoni li tissimplifika l-kwistjoni tal-amministrazzjoni fiskali u l-proċessi ta' appell ġudizzjarju u l-atti u l-proċeduri meħtieġa sabiex ikunu indirizzati aħjar imġiba skorretta, korruzzjoni u prestazzjoni ħażina ta' uffiċjali fiskali, inkluża l-prosekuzzjoni f'każijiet ta' ksur ta' doveri;

(f) pjan ta' azzjoni dettaljat bi skeda li tikkompleta u timplimenta s-sistema ta' remunerazzjoni simplifikata.

(g) titjib fis-sistemi ta' kontabbiltà u fatturazzjoni tal-isptarijiet permezz ta’: finalizzazzjoni tal-introduzzjoni ta' sistemi kontabilistika abbażi tad-dovuti b'entrati doppji korrispondenti fl-isptarijiet kollha; l-użu ta' sistema ta' kodiċi uniformi u reġistru komuni għall-provvisti tal-mediċina; il-kalkolu ta' stokkijiet u flussi ta' provvisti mediċi fl-isptarijiet kollha bl-użu ta' sistema ta' kodiċi uniformi għall-provvisti tal-mediċina; il-ġbir ta' kopagamenti mill-pazjenti fil-faċilitajiet kollha tal-NHS; il-fatturar fil-ħin tal-kosti tat-trattament (mhux iktar tard minn xahrejn) għall-fondi tas-sigurtà soċjali Griegi, Stati Membri oħra u assiguraturi privati tas-saħħa; l-iżgurar li mill-inqas 50 % tal-volum tal-mediċini użati mill-isptarijiet pubbliċi sal-aħħar tal-2011 hija komposta minn mediċini ġeneriċi u mingħajr brevetti billi jsir obbligatorju li l-isptarijiet pubbliċi kollha jakkwistaw prodotti farmaċewtiċi b'sustanza attiva;

(h) bl-għan li jkun immaniġġat l-iskart u l-immaniġġar ħażin tal-kumpaniji proprjetà tal-istat u biex jiġu frankati EUR 800 miljun, il-Greċja għandha tadotta att sal-aħħar ta' Frar 2011 li: tnaqqas ir-remunerazzjoni fl-intrapriżi privati b'mill-inqas 10 % fil-livell tal-kumpaniji, tillimita r-remunerazzjoni sekondarja għal 10 % tar-remunerazzjoni primarja, tistabbilixxi limitu massimu ta' EUR 4 000 fix-xahar bħal dħul gross (12-il pagament fis-sena) iżżid it-tariffi tat-trasport urban b'mill-inqas 30 %; iżżid tariffi oħra; tistabbilixxi azzjonijiet li jnaqqsu n-nefqa operazzjonali fil-kumpaniji pubbliċi bejn 15 u 25 %; U tadotta att għar-ristrutturar tan-netwerk tat-trasport urban ta' Ateni (OASA);

(i) qafas regolatorju ġdid li jiffaċilita l-konklużjoni tal-ftehimiet ta' konċessjoni għall-ajruporti reġjonali;

(j) l-istabbiliment ta' taskforce indipendenti għall-politika tal-edukazzjoni li jkollha l-għan li żżid l-effiċjenza tas-sistema pubblika tal-edukazzjoni (edukazzjoni primarja, sekondarja u għolja) u li tagħmel użu iktar effiċjenti tar-riżorsi.

7. Fl-Artikolu 2(5), il-punt (b) jinbidel b’dan li ġej:

“(b) valutazzjoni tar-riżultati tal-ewwel fażi tar-reviżjoni funzjonali indipendenti ta' amministrazzjoni ċentrali, inklużi rakkomandazzjonijiet tal-politika operazzjonali; tiġi kompluta r-reviżjoni tal-programmi soċjali eżistenti;';

8. Fl-Artikolu 2(5), qed jiżdiedu l-punti li ġejjin:

'(h) il-promozzjoni ulterjuri tal-użu ta' mediċini ġeneriċi permezz ta': preskrizzjoni elettronika obbligatorja minn sustanza attiva;'

9. fl-Artikolu 2(7), il-punt (c) għandu jitħassar u għandhom jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(d) sistema ta' kost ibbażata fuq il-każijiet fl-isptar għandha tintuża għall-finijiet baġitarji mill-2013 'il quddiem;

(e) atti għall-implimentazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet operazzjonali tal-ewwel fażi tar-reviżjoni funzjonali tal-amministrazzjoni pubblika fuq livell ċentrali u tar-reviżjoni sħiħa tal-programmi soċjali eżistenti.

(f) l-Awtorità Unika għall-Akkwist Pubbliku tibda l-operazzjonijiet tagħha bir-riżorsi neċessarji sabiex taqdi l-mandat, l-għanijiet, il-kompetenzi u s-setgħat tagħha fil-Pjan ta' Azzjoni.'

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett fl-istess ġurnata tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President

[1] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/320/UE (ĠU L 145, 11.6.2010, p. 6).

[2] Eurostat News Release 170/2010 tal-15/11/2010.

[3] ĠU L 145, 10.6.2009.

[4] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2010) finali ... ta' [9] ta' Diċembru 2010