Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda /* KUMM/2010/0730 finali - NLE 2010/0351*/
[pic] | Brussel 3.12.2010 KUMM(2010) 730 finali 2010/0351 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda SEG(2010) 1516 finali MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI L-Irlanda, reċentement, kienet taħt pressjoni dejjem akbar fir-rigward tas-swieq finanzjarji li tirrefletti t-tħassib li qed jiżdied dwar is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tal-pajjiż. Il-kriżi attwali kellha wkoll impatt dramatiku fuq il-finanzi pubbliċi tal-Irlanda. Miżuri ta' appoġġ għas-settur bankarju, inkluż injezzjonijiet kapitali sinifikanti, ikkontribwew, b'mod qawwi, lejn id-deterjorazzjoni tal-pożizzjoni tal-finanzi pubbliċi kkawżata mir-reċessjoni. It-tħassib attwali dwar is-suq jirrefletti, primarjament, il-ħolqa inseparabbli bejn is-solvenza tas-sovran Irlandiz u s-sistema bankarja f'din il-kriżi; din wasslet għal żieda qawwija fir-rendiment mill-bonds, filwaqt li s-sistema bankarja domestika hija effettivament maqtugħa mill-finanzjament mis-suq internazzjonali u saret dejjem aktar dipendenti fuq l-Eurosistema għall-finanzjament. Fid-dawl ta' dan it-tfixkil ekonomiku u finanzjarju gravi, l-Irlanda uffiċjalment talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri taż-żona euro u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) fil-21 ta' Novembru 2010 bl-għan li jiġi appoġġat programm ta' politika li jerġà jikseb il-kunfidenza u li jippermetti r-ritorn tal-ekonomija għal tkabbir sostenibbli kif ukoll li tiġi mħarsa l-istabbiltà finanzjarja fl-Irlanda, iż-żona euro u l-UE. L-abbozz tal-programm ta' aġġustament ekonomiku u finanzjarju li ġie mressaq lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, għandu l-għan li jerġa jikseb il-kunfidenza tas-suq finanzjarju fis-settur bankarju Irlandiż u s-sovran. Dan jinkludi tliet elementi ewlenin. L-ewwel, strateġija għas-settur finanzjarju li tinkludi tnaqqis fid-daqs, diżingranar kif ukoll riorganizzazzjoni tas-settur bankarju, flimkien ma' rikapitalizzazzjoni xierqa. It-tieni, strateġija ambizzjuża ta' konsolidazzjoni fiskali li tfassal miżuri dettaljati ta' konsolidazzjoni fiskali bl-għan li d-dejn gross pubbliku jitqiegħed, b'mod deċiż, fuq perkors li jwassal għat-tnaqqis tiegħu fuq perjodu medju ta' żmien. It-tielet, aġenda ambizzjuża ta' riforma strutturali, b'mod partikolari għas-suq tax-xogħol, bl-għan li jiġi ffaċilitat l-aġġustament u jissaħħaħ il-potenzjal ta' tkabbir tal-ekonomija. Il-programm ikopri l-perjodu 2010-2013. Il-pakkett finanzjarju tal-programm se jkopri bżonnijiet ta' finanzjament sa EUR 85 biljun, li jinkludi sa EUR 35 biljun f'appoġġ għas-sistema bankarja u sa EUR 50 biljun li jkopru bżonnijiet possibbli ta' finanzjament fiskali. Nofs il-miżuri ta' appoġġ bankarju (EUR 17½ biljun) se jiġu ffinanzjati minn kontribuzzjoni Irlandiża permezz ta' riżervi ta' flus tat-Teżor u investimenti tal-Fond Nazzjonali ta' Riserva għall-Pensjonijiet. L-Irlanda talbet ukoll sa EUR 22.5 biljun f'assistenza tal-Unjoni, fl-ambitu tal-mekkaniżmu Ewropew għall-istabbilizzazzjoni finanzjarja (EFSM) stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta' Mejju 2010. Din se tkun parti mill-appoġġ totali pprovdut mill-isħab Ewropej tal-Irlanda li jammonta għal EUR 45 biljun flimkien mas-self mill-FMI ta' SDR 19.5 biljun (madwar EUR 22.5 biljun) fl-ambitu tal-Faċilità ta' Fond Estiż. F'dan l-isfond, l-għoti ta' assistenza tal-Unjoni lill-Irlanda sa EUR 22.5 biljun, fl-ambitu tal-mekkaniżmu Ewropew għall-istabbilizzazzjoni finanzjarja (EFSM) stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta' Mejju 2010, ikun jista' jippermetti r-ritorn tal-ekonomija għal tkabbir sostenibbli, jiżgura l-funzjonament tajjeb tas-sistema bankarja u jħares l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni u fiż-żona euro. L-iżborż tal-assistenza tal-Unjoni jitqassam fi 13 -il ħlas parzjali u jkun marbut ma' kundizzjonijiet ta' politika ekonomika. Dan għandu jiġi pprovdut skont termini u kundizzjonijiet simili għal dawk tal-FMI. 2010/0351 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 122(2) tiegħu, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja[1], Billi: 1. L-Irlanda, reċentement, kienet taħt pressjoni dejjem akbar fir-rigward tas-swieq finanzjarji, li tirrefletti t-tħassib li qed jiżdied dwar is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tal-Irlanda fid-dawl tal-miżuri komprensivi ta' appoġġ pubbliku lis-settur finanzjarju mdgħajjef. Minħabba l-esponiment eċċessiv għall-proġetti ta' proprjetà immobbli u ta' kostruzzjoni, is-sistema bankarja domestika ġarrbet telf kbir wara l-kollass ta' dawn is-setturi. Il-kriżi attwali tas-settur ekonomiku u bankarju kellha wkoll impatt dramatiku fuq il-finanzi pubbliċi tal-Irlanda, u b'hekk aggravat l-impatt tar-reċessjoni. It-tnaqqis fid-dħul fiskali kif ukoll iż-żieda fin-nefqa ċiklika, partikolarment, minħabba ż-żieda fil-qgħad, kollha kkontribwew għad-defiċit għoli tal-amministrazzjoni pubblika u għal żieda qawwija fid-dejn meta mqabbla mal-pożizzjonijiet favorevoli tagħhom qabel il-kriżi u dan minkejja l-implimentazzjoni, min-nofs l-2008, ta' ħames pakketti importanti ta' konsolidazzjoni fiskali. Miżuri ta' appoġġ għas-settur bankarju, inkluż injezzjonijiet kapitali sinifikanti, ikkontribwew, b'mod qawwi, lejn id-deterjorazzjoni tal-pożizzjoni tal-finanzi pubbliċi. It-tħassib attwali dwar is-suq jirrefletti, primarjament, il-ħolqa inseparabbli bejn is-solvenza tas-sovran Irlandiz u s-sistema bankarja f'din il-kriżi; din wasslet għal żieda qawwija fir-rendiment mill-bonds, filwaqt li s-sistema bankarja domestika hija effettivament maqtugħa mill-finanzjament mis-suq internazzjonali u kienet dejjem aktar dipendenti fuq l-Eurosistema għall-finanzjament. 2. Fid-dawl ta' dan it-tfixkil ekonomiku u finanzjarju gravi, l-Irlanda uffiċjalment talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri taż-żona euro u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) fil-21 ta' Novembru 2010 bl-għan li jiġi appoġġat ir-ritorn tal-ekonomija għal tkabbir sostenibbli, jiġi żgurat funzjonament tajjeb tas-sistema bankarja u tiġi mħarsa l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni u fiż-żona ewro. Fit-28 ta' Novembru 2010, intlaħaq ftehim fuq livell tekniku rigward pakkett komprensiv ta' politika għall-perjodu 2010-2013. 3. L-abbozz tal-programm ta' aġġustament ekonomiku u finanzjarju (minn issa 'l quddiem "il-programm") li ġie mressaq lill-Kummissjoni u lill-Kunsill għandu l-għan li jerġa jikseb il-kunfidenza tas-suq finanzjarju fis-settur bankarju Irlandiż u s-sovran, u b'hekk jippermetti lill-ekonomija terġa' lura għal tkabbir sostenibbli. Sabiex jintlaħqu dawn il-miri, il-programm jinkludi tliet elementi ewlenin. L-ewwel, strateġija għas-settur finanzjarju li tinkludi tnaqqis fundamentali fid-daqs, diżingranar kif ukoll riorganizzazzjoni tas-settur bankarju, flimkien ma' rikapitalizzazzjoni xierqa sal-livell meħtieġ. It-tieni, strateġija ambizzjuża ta' konsolidazzjoni fiskali, imsejsa fuq il-Pjan Nazzjonali ta' Rkupru 2011-2014 ippubblikat mill-awtoritajiet fl-24 ta' Novembru 2010. Il-pjan ifassal miżuri dettaljati ta' konsolidazzjoni fiskali bl-għan li d-dejn gross pubbliku jaqbad, b'mod deċiż, perkors li jwassal għat-tnaqqis tiegħu fuq perjodu medju ta' żmien . L-awtoritajiet huma impenjati li jnaqqsu d-defiċit għal inqas minn 3 % tal-PDG sal-2015, l-iskadenza riveduta stabbilita mill-Kunsill fis-[7] ta' Diċembru 2010. It-tielet, imsejjes ukoll fuq il-Pjan Nazzjonali ta' Rkupru, il-programm jistabbilixxi aġenda ambizzjuża ta' riforma strutturali, l-aktar għas-suq tax-xogħol, bl-għan li jiġi ffaċilitat l-aġġustament u jissaħħaħ il-potenzjal ta' tkabbir tal-ekonomija. L-awtoritajiet qed jitolbu assistenza finanzjarja mill-Unjoni, mill-Istati Membri taż-żona euro, self bilaterali mir-Renju Unit, l-Isvezja u d-Danimarka kif ukoll mill-FMI bħala appoġġ għal dan il-pakkett ta' politika ambizzjuż. 4. Fl-ambitu tal-projezzjonijiet attwali tal-Kummissjoni għat-tkabbir nominali tal-PDG (1.4 % fl-2011, 2.7 % fl-2012 u 3.8 % fl-2013), il-perkors għall-aġġustament fiskali speċifikat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill lill-Irlanda tas-[7] ta' Diċembru 2010, fl-ambitu tal-Artikolu 126(7) tat-Trattat, huwa konsistenti mal-perkors għal proporzjon ta' dejn mal-PDG ta' 98.9 % fl-2010, 113.5 % fl-2011, 120.0 % fl-2012 u 121.8 % fl-2013. Għaldaqstant, il-proporzjon tad-dejn mal-PDG ikun stabbilizzat fl-2013 u, minn hemm 'il quddiem, jaqbad perkors biex jitnaqqas, dejjem jekk ikun hemm progress ulterjuri fit-tnaqqsis tad-defiċit. Id-dinamiki tad-dejn huma effettwati minn bosta operazzjonijiet "barra mill-baġit", fejn huwa pprojettat li se jżidu l-proporzjon tad-dejn mal-PDG b'5.3 pps. fl-2011 u 0.8 pps. tal-PDG fl-2012 u jnaqqsuh b'1.3 pps. tal-PDG fl-2013. Dawn jinkludu injezzjoni kapitali fil-banek ipprojettata għall-2011, tnaqqis fir-riservi ta' flus u d-differenzi bejn il-pagamenti ta' mgħax abbażi tad-dovuti u abbażi ta' xi tħallas. 5. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, b'koordinazzjoni mal-BĊE, hija li l-Irlanda teħtieġ finanzjament b'ammont totali ta' EUR 85 biljun għall-perjodu bejn Diċembru 2010 u tmiem l-2013. Minkejja l-aġġustament fiskali sinifikanti, id-distakk fil-finanzjament għas-sovran jista' jammonta sa EUR 50 biljun matul il-perjodu tal-programm. Dan jassumi li d-dejn fit-tul se jiġġedded b'rata ta' 0 % sal-aħħar tal-2011, 20 % fl-2012 u 80 % fl-2013. Qed isiru wkoll ipoteżi dwar tiġdid ta' dejn fuq perjodu ta' żmien qasir. L-istrateġija għas-settur finanzjarju inkluża fil-programm biex tinkiseb lura l-kunfidenza fis-sistema bankarja Irlandiża fuq bażi sostenibbli tinkludi skema ta' appoġġ bankarju sa EUR 35 biljun. Din tinkludi injezzjoni kapitali immedjata sa EUR 10 biljun fil-banek magħżula sabiex il-proporzjon tal-kapital ewlieni Tier-1 tagħhom jilħaq livell ta' 12 %, filwaqt li jiġu ffinanzjati miżuri bikrija ta' appoġġ għat-diżingranar u jitqies telf impost fuq self addizzjonali li għandu jiġi trasferit lill-Aġenzija Nazzjonali ta' Ġestjoni tal-Assi (National Asset Management Agency (NAMA). Il-provvisti ulterjuri ta' kapital kontinġenti ta' EUR 25 biljun għandhom jiżguraw li l-banek huma kapaċi li jissodisfaw rekwiżiti attwali u futuri ta' kapital. Madankollu, ħtiġijiet attwali ta' finanzjament jistgħu jkunu sostanzjalment inqas, b'mod partikolari, jekk il-kundizzjonijiet tas-suq jitjiebu b'mod sinifikanti u ma jseħħ l-ebda telf bankarju gravi mhux mistenni waqt il-perjodu tal-programm. 6. Il-programm ikun iffinanzjat permezz ta' kontribuzzjonijiet minn sorsi esterni u l-użu tal-ilqugħ finanzjarji Irlandiżi. L-assistenza tal-Unjoni lill-Irlanda tista' tilħaq sa EUR 22.5 biljun fl-ambitu tal-mekkaniżmu Ewropew għall-istabbilizzazzjoni finanzjarja (EFSM) stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta' Mejju 2010. Din tkun parti mill-appoġġ totali pprovdut mill-isħab Ewropej tal-Irlanda li jammonta għal EUR 45 biljun. Flimkien mal-appoġġ mogħti mill-EFSM, is-self lill-Irlanda mill-pajjiżi sħab tal-UE jinkludi kontribuzzjonijiet mill-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EUR 17.7 biljun), u appoġġ ta' self bilaterali mir-Renju Unit, l-Isvezja u d-Danimarka (total ta' EUR 4.8 biljun). Flimkien ma' dan, l-Irlanda talbet self mill-FMI ta' SDR 19.5 biljun (madwar EUR 22.5 biljun) fl-ambitu tal-Faċilità ta' Fond Estiż. Il-kontribuzzjoni Irlandiża tkun ta' EUR 17.5 biljun li se tiġi ffinanzjata minn kontribuzzjoni Irlandiża permezz tar-riserva ta' flus eżistenti tat-Teżor u kontribuzzjonijiet mill-Fond ta' Riserva Nazzjonali għall-Pensjonijiet (NPRF). L-appoġġ mill-EFSM irid jiġi pprovdut fuq termini u kundizzjonijiet simili għal dawk tal-FMI. 7. Il-Kunsill għandu jirrevedi fuq bażi regolari l-politika ekonomika implimentata mill-Irlanda, b'mod partikolari, fil-kuntest tar-reviżjonijiet annwali tal-aġġornament mill-Irlanda tal-programm ta' stabbiltà u l-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta' Riforma, kif ukoll fl-ambitu tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv. 8. L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha tkun ġestita mill-Kummissjoni. Il-kundizzjonijiet ekonomiċi speċifiċi miftehma mal-Irlanda għandhom jiġu stipulati f'Memorandum ta' Ftehim. It-termini finanzjarji dettaljati għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni fil-Ftehim dwar Faċilità ta' Self. 9. Il-Kummissjoni għandha tivverifika f’intervalli regolari li l-kundizzjonijijet ta’ politika ekonomika marbutin mal-assistenza jiġu ssodisfati permezz ta’ missjonijiet u rappurtar regolari mill-awtoritajiet Irlandiżi kull tliet xhur. 10. Matul l-implimentazzjoni tal-programm, il-Kummissjoni għandha tipprovdi konsulenza politika addizzjonali kif ukoll assistenza teknika f’oqsma speċifiċi. 11. L-operazzjonijiet li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni tgħin fil-finanzjament tagħhom għandhom ikunu kompattibbli mal-politika tal-Unjoni u jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Interventi ta' appoġġ għall-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jitwettqu skont ir-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. 12. L-assistenza għandha tiġi pprovduta bl-għan li tiġi appoġġata l-implimentazzjoni b'suċċess tal-programm. ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 13. L-Unjoni għandha tagħmel disponibbli self lill-Irlanda li jammonta għal massimu ta' EUR 22.5 biljun, b'maturità medja massima ta' 7.5 snin. 14. L-assistenza finanzjarja għandha tkun disponibbli għal tliet snin, li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. 15. L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni għall-Irlanda f’massimu ta’ 13 -il ħlas parzjali. L-iżborż ta' kull ħlas parzjali jista' jsir f'parti waħda jew aktar. Il-maturitajiet tal-partijiet taħt l-ewwel ħlas parzjali ma jistgħux ikunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F'każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta' partijiet ulterjuri se jkunu stabbiliti b'tali mod li l-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tintlaħaq ladarba jsir l-iżborż tal-ħlasijiet parzjali kollha. 16. L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat suġġett għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar is-Self u l-Memorandum ta’ Ftehim. 17. L-Irlanda għandha tħallas il-kost attwali tal-finanzjament tal-Unjoni għal kull parti flimkien ma' marġini ta' 292.5 punti bażi, li jirriżultaw f'kundizzjonijiet simili għal dawk tal-appoġġ mill-FMI. 18. Flimkien ma' dan, l-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 407/2010 għandhom jitħallsu mill-Irlanda. 19. Jekk meħtieġ sabiex jiġi ffinanzjat is-self, għandu jkun permess l-użu prudenti ta’ skambji tar-rata tal-interess ma’ kontropartijiet tal-ogħla kwalità ta’ kreditu . 20. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi fuq id-daqs u r-rilaxx ta' ħlasijiet parzjali ulterjuri. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs ta' kull parti. Artikolu 2 21. L-assistenza għandha tiġi ġestita mill-Kummissjoni b’mod konsistenti mal-impenji tal-Irlanda u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, b’mod partikolari r-Rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Irlanda fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma kif ukoll l-implimentazzjoni tal-Patt dwar l-Istabbiltà u t-Tkabbir. 22. Il-Kummissjoni għandha taqbel mal-awtoritajiet tal-Irlanda dwar il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ politika ekonomika marbutin mal-assistenza finanzjarja, kif stipulati fl-Artikolu 3. Dawk il-kundizzjonijiet għandhom jiġu stipulati f’Memorandum ta’ Ftehim konsistenti mal-impenji u r-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1. It-termini finanzjarja dettaljati għandhom jiġu stipulati fi Ftehim dwar Faċilità ta' Self li jiġi miftiehem mal-Kummissjoni. 23. Il-Kummissjoni għandha tivverifika f’intervalli regolari li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijijet ta’ politika ekonomika marbuta mal-assistenza. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet Irlandiżi għandhom ipoġġu kull tagħrif meħtieġ għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u jikkooperaw bis-sħiħ magħha. Il-KEF għandu jinżamm mgħarraf mill-Kummissjoni dwar il-possibbiltà ta’ rifinanzjament tas-self jew ir-ristrutturar tal-kundizzjonijiet finanzjarji. 24. L-Irlanda għandha tkun lesta tadotta u timplimenta miżuri addizzjonali ta' konsolidazzjoni biex tiżgura l-istabbiltà makrofinanzjarja, jekk ikun il-każ li dawn il-miżuri jkunu neċessarji matul il-programm ta' assistenza. L-awtoritajiet Irlandiżi għandhom jikkonsultaw lill-Kummissjoni qabel jadottaw xi miżuri addizzjonali bħal dawn. Artikolu 3 25. Il-programm ta' aġġustament ippreparat mill-awtoritajiet Irlandiżi huwa hawnhekk approvat. 26. L-iżborż ta’ kull ħlas parzjali ulterjuri għandu jsir fuq il-bażi ta’ implimentazzjoni sodisfaċenti tal-programm ta' aġġustament tal-Gvern Irlandiż inkluż fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-Irlanda, fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ politika ekonomika stabbiliti fil-Memorandum ta’ Ftehim. Dawn għandhom jinkludu, inter alia , il-miżuri pprovduti fil-paragrafi 4 sa 9 ta' dan l-Artikolu. 27. Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika m'għandhux jaqbeż l-10.6 % tal-PDG ipprojettat għall-2011, 8.6 % tal-PDG fl-2012 u 7.5 % tal-PDG fl-2013, sabiex l-Irlanda titqiegħed fuq il-perkors li jwassal għal tnaqqis fid-defiċit għal taħt it-3 % tal-PDG sal-2015. Il-perkors ipprojettat għad-defiċit annwali ma jinkludix l-effett dirett possibbli ta' miżuri potenzjali ta' appoġġ lill-banek fil-kuntest tal-istrateġija tal-gvern għas-settur finanzjarju kif stabbilita fil-Memorandum ta' Politika Ekonomika u Finanzjarja (MEFP) u speċifikata fil-Memorandum ta' Ftehim li għandu jiġi ffirmat mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet Irlandiżi. Minbarra dan, il-perkors huwa konsistenti mal-opinjoni preliminari tal-Eurostat dwar it-trattament kontabilistiku taż-żmien ta' reġistrazzjoni (ESA 95) tal-pagamenti ta' imgħax fuq ċedoli pagabbli lill-Anglo-Irish Bank[2], b'tali mod li reviżjoni ta' dik l-opinjoni tirriżulta f'reviżjoni tal-perkors għad-defiċit. 28. Il-miżuri speċifikati fil-paragrafi 7 sa 9 hawn taħt għandhom jiġu adottati mill-Irlanda qabel tmiem is-sena indikata, bl-iskadenzi eżatti għas-snin 2011-2013 speċifikati fil-Memorandum ta' Ftehim li għandu jiġi iffirmat bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Irlandiżi. L-Irlanda għandha tkun lesta li twettaq miżuri addizzjonali ta' konsolidazzjoni biex tnaqqas id-defiċit għal inqas minn 3 % tal-PDG sal-2015 f'każ li jseħħu riskji negattivi għall-miri għad-defiċit imsemmija fil-paragrafu 3. 29. Bl-għan li tinkiseb lura l-kunfidenza fis-settur finanzjarju, l-Irlanda se tirrikapitalizza b'mod xieraq, twettaq diżingranar malajr u tirristruttura bir-reqqa s-sistema bankarja kif stabbilit fil-Memorandum ta' Ftehim. B'mod partikolari, l-Irlanda għandha: (a) tieħu azzjoni sabiex tiżgura li l-Allied Irish Banks, il-Bank of Ireland, l-Educational Building Society u l-Irish Life and Permanent jiġu rrikapitalizzati, jekk meħtieġ, fil-forma ta' ekwità sabiex jiġi żgurat li jinżamm ir-rekwiżit ta' kapital minimu ta' 10.5 % tal-kapital ewlieni Tier-1, abbażi tar-riżultati tal-Analiżi dwar l-Adegwatezza Kapitali Prudenzjali għall-2011. (b) timplimenta fl-iqsar żmien possibbli ż-żvestiment tal-partiċipazzjonijiiet fil-banek li nkisbu matul il-kriżi, b'tali mod li jkun kompatibbli mal-istabbiltà finanzjarja u mal-kunsiderazzjonijiet dwar il-finanzi pubbliċi. (c) timplimenta pjan speċifiku għas-soluzzjoni tal-Anglo Irish Bank u l-Irish Nationwide Building Society li jipprova jiminimizza t-telf ta' kapital b'konsegwenza tas-soluzzjoni ta' dawn l-istituzzjonijiet ta' kreditu li mhumiex vijabbli. 30. L-Irlanda għandha tadotta l-miżuri li ġejjin qabel tmiem l-2010: L-adozzjoni ta' baġit għall-2011 li jinkludi miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali b'ammont totali ta' EUR 6 biljun bl-għan li jitnaqqas id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika fil-qafas ta' żmien imsemmi fl-Artikolu 3(3). Il-baġit għandu jinkludi miżuri ta' dħul sabiex jinġabru, mill-inqas, EUR 1,400 miljun fl-2011, u li għandhom jinkludu t-tnaqqis tal-faxex tat-taxxa fuq l-introjtu u krediti jew miżuri ekwivalenti li jrendu EUR 945 miljun fl-2011; tnaqqis fil-ħelsien mit-taxxa fuq il-pensjoni u tnaqqis ieħor marbut mal-pensjoni li jrendu EUR 155 miljun fl-2011; tnaqqis fl-infiq ġenerali fuq it-taxxa li jrendi EUR 220 miljun fl-2011; żieda fis-sisa u miżuri fiskali mixxellanji li jrendu EUR 80 miljun fl-2011. Flimkien ma' dawn, il-baġit għandu jispeċifika li l-gvern se jfassal metodi biex irendi, mill-inqas, EUR 700 miljun f'miżuri ta' darba u miżuri oħra matul l-2011. Il-baġit se jinkludi wkoll tnaqqis fin-nefqa kurrenti fl-2011 ta' mill-inqas, EUR 2,090 miljun, inkluż: tnaqqis fin-nefqa għal protezzjoni soċjali; tnaqqis fl-impjiegi mas-servizz pubbliku; tnaqqis fil-pensjonijiet eżisteni għas-servizz pubbliku fuq bażi progressiva b'medja li taqbeż l-4 %; tfaddil fuq infiq ieħor inkluż tnaqqis fl-infiq fuq oġġetti u servizzi u f'pagamenti oħra ta' trasferiment; Tnaqqis ta' mill-inqas EUR 1,800 miljun fin-nefqa kapitali pubblika meta mqabbla mal-pjanijiet għall-2011. F'ċirkostanzi eċċezzjonali, għandhom jiġu kkunsidrati miżuri oħra li jżidu tfaddil komparabbli ma' dawk imsemmija hawn fuq, b'konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni. 31. L-Irlanda għandha tadotta l-miżuri li ġejjin sal-aħħar tal-2011: (a) Tnaqqis ta' 10 % fil-paga ta' impjegati ġodda mas-servizz pubbliku. Il-Gvern għandu jikkunsidra wkoll aġġustament xieraq, li jinkludi l-kost tal-pagi tas-servizz pubbliku, sabiex jiġu kkumpensati nuqqasijiet potenzjali fit-tfaddil ipprojettat bħala riżultat ta' ineffiċjenzi amministrattivi u tnaqqis fin-numri tas-servizz pubbliku. (b) L-adozzjoni ta' baġit għall-2012 li jinkludi miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali fl-ammont totali ta' EUR 3.6 biljun bl-għan li jitnaqqas id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika fil-qafas ta' żmien imsemmi fl-Artikolu 1(3). L-abbozz tal-baġit għandu jinkludi, b'mod partikolari, miżuri ta' dħul li jrendu EUR 1.5 biljun f'sena sħiħa inkluż, inter alia , tnaqqis fil-faxex tat-taxxa fuq l-introjtu personali u krediti; tnaqqis fil-ħelsien mit-taxxa fuq pensjonijiet privati; tnaqqis fl-infiq ġenerali fuq it-taxxa; taxxa ġdida dwar il-proprjetà; riforma fit-taxxa fuq il-qligħ kapitali u t-taxxa fuq l-akkwisti kapitali; żieda fit-taxxa fuq il-karbonju. Dan il-baġit għandu jipprovdi għal tnaqqis fl-infiq fl-2012 ta' EUR 2.1 biljun, inkluż tnaqqis fin-nefqa soċjali; tnaqqis fl-impjiegi mas-settur pubbliku; aġġustamenti fil-pensjonijiet tas-settur pubbliku u fin-nefqa fi programmi oħra; u tnaqqis fl-infiq kapitali. (c) Il-finalizzazzjoni ta' valutazzjoni indipendenti tat-trasferiment tar-responsabbiltà tal-provvista tas-servizzi tal-ilma mill-awtoritajiet lokali lil entità għall-provvista tal-ilma, u l-preparazzjoni ta' proposti għall-implimentazzjoni bl-għan li tibda tkun responsabbli għall-iffatturar mill-2012/2013. (d) L-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni sabiex tiżdied l-età tal-pensjoni tal-istat għal 66 sena fl-2014, 67 fl-2021 u 68 fl-2028, bl-għan li tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Minbarra dan, id-drittijiet għall-pensjoni għall-impjegati ġodda mas-servizz pubbliku għandhom jiġu riformati b'effett mill-2011. Dan għandhu jinkludi reviżjoni tal-irtirar aċċellerat għal ċerti kategoriji ta' impjegati pubbliċi u indiċjar tal-pensjonijiet għall-prezzijiet tal-konsumatur. Il-pensjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq introjti medji matul il-karriera. L-età tal-irtirar għal impjegati ġodda għandha tkun marbuta mal-età tal-irtirar għall-pensjoni tal-istat. (e) L-adozzjoni ta' miżuri li jsaħħu strateġija baġitarja kredibbli u l-qafas baġitarju. L-Irlanda għandha tadotta u timplimenta r-regola fiskali li kwalunkwe dħul addizzjonali mhux ippjanat matul l-2011-l-2015, se jiġi allokat għat-tnaqqis tad-defiċit u d-dejn. Skont il-proposta stabbilita fil-Pjan ta' Rkupru Nazzjonali 2011-2014, l-Irlanda għandha tistabbilixxi kunsill baġitarju konsultattiv li jipprovdi valutazzjoni indipendenti dwar il-pożizzjoni u previżjonijiet baġitarji tal-Gvern. L-Irlanda għandha tadotta Liġi dwar ir-Responsabbiltà Fiskali li tintroduċi qafas ta' infiq fuq perjodu ta' żmien medju b'limiti multiannwali vinkolanti fuq l-infiq f'kull qasam. Din għandha ssir billi jitqiesu kwalunkwe riformi dwar governanza ekonomika riveduta fuq il-livell tal-UE u tibni fuq ir-riformi eżistenti. (f) L-Irlanda għandha tadotta bidliet leġiżlattivi biex jitneħħew restrizzjonijiet fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni f'setturi protetti inklużi, il-professjoni legali, is-servizzi mediċi u l-professjonijiet relatati mal-farmaċewtika. (g) Ir-rikapitalizzazzjoni tal-banek domestiċi Irlandiżi sa livell inizjali ta' 12 % ta' kapital ewlieni Tier 1, billi jitqiesu telf impost fuq self addizzjonali li għandu jiġi trasferit lin-NAMA u finanzjament ta' diżingranar bikri billi jkunu disponibbli EUR 10 biljun fis-sistema. Ir-rikapitalizzazzjoni għandha tieħu l-forma ta' ishma ta' ekwità (jew strumenti ekwivalent għall-Educational Building Society). (h) L-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni li tirriforma l-paga minima b'tali mod li tkattar il-ħolqien tal-impjiegi and taġixxi b'mod li tipprevjeni distorsjonijiet ikkaġunati minn pagi minimi settorjali, u impenn, bi ftehim mal-Kummissjoni, li titwettaq reviżjoni indipendenti tal-qafas ta' Ftehimiet ta' Impjiegi Reġistrati u l-Ordnijiet ta' Regolamentazzjoni ta' Impjiegi. (i) Riforma tas-sistema tal-benefiċċju tal-qgħad sabiex jissaħħu l-inċentivi għal ħruġ bikri mill-qgħad. Miżuri ta' attivazzjoni għandhom jiġu msaħħa billi jiġu identifikati aħjar il-ħtiġijiet ta' dawk li qegħdin ifittxu mpjieg, u jiġu żviluppati sanzjonijiet biex jiġu żgurati t-tfittxija għal impjieg u t-taħriġ min-naħa tal-benefiċarji; din għandha tkun appoġġata minn monitoraġġ aktar effettiv. Il-mekkaniżmu tas-sanzjonijiet għandu jkun stabbilit b'tali mod li jwassal għal telf effettiv fl-introjtu mingħajr ma jippenalizza b'mod eċċessiv. (j) Il-pubblikazzjoni ta' reviżjoni bir-reqqa tas-sistema ta' dejn personali u l-bidu tal-ħidma fuq riforma ta' leġiżlazzjoni li se tibbilanċja l-interessi kemm tal-kredituri kif ukoll tad-debituri. (k) Il-preparazzjoni ta' rapport li jipprovdi valutazzjoni indipendenti tas-setturi tal-elettriku u tal-gass sabiex jassiti l-bżonn ta' finanzjament pubbliku kif ukoll sabiex tiżdied il-kompetizzjoni. L-awtoritajiet għandhom jikkonsultaw lill-Kummissjoni dwar ir-riżultat ta' din il-valutazzjoni bl-għan li jiġu stabbiliti miri xierqa. (l) Sabiex tissaħħaħ il-kompetizzjoni fis-swieq miftuħa, il-leġiżlazzjoni għandha tiġi riformata sabiex tiġġenera deterrenza aktar kredibbli billi jkunu previsti l-impożizzjoni possibbli ta' multi jew sanzjonijiet oħra f' każijiet li jikkonċernaw il-kompetizzjoni. Flimkien ma' dan, ikun meħtieġ li l-awtoritajiet dwar il-kompetizzjoni jidentifikaw setturi li huma effettivament barra mill-ambitu tal-liġi dwar il-kompetizzjoni u li jidentifikaw proċessi sabiex jiġu indirizzati dawk l-esklużjonijiet. (m) Sabiex jiġi mħeġġeġ it-tkabbir fis-settur tal-bejjiegħa, il-gvern se jwettaq studju biex jeżamina l-impatt ekonomiku tal-eliminazzjoni tad-distakk attwali fid-daqs tas-siti tal-bejgħ bl-għan li tissaħħaħ il-kompetizzjoni u jonqsu l-prezzijiet għall-konsumaturi. L-implimentazzjoni tal-politika tal-istudju se tiġi diskussi mal-Kummissjoni. 32. L-Irlanda għandha tadotta l-miżuri li ġejjin sal-aħħar tal-2012: (b) L-adozzjoni ta' baġit għall-2013, inkluż miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali li jammontaw, mill-inqas, għal EUR 3.1 biljun bl-għan li jitnaqqas id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika fil-qafas ta' żmien imsemmi fl-Artikolu 1(3). B'mod partikolari, il-baġit għandu jinkludi miżuri ta' dħul sabiex jinġabar, mill-inqas, EUR 1.1 biljun (li jinkludi r-riport mill-2012), inkluż: tnaqqis fil-faxex ta' taxxa fuq l-introjtu personali u krediti; tnaqqis fil-ħelsien mit-taxxa fuq pensjonijiet privati; tnaqqis fl-infiq ġenerali fuq it-taxxa u l-introduzzjoni ta' taxxa fuq il-proprjetà. Il-baġit għandu jinkludi wkoll tnaqqis fin-nefqa fl-2013 ta' mill-inqas, EUR 2 biljun, inkluż: tnaqqis fin-nefqa għal protezzjoni soċjali; tnaqqis fl-impjiegi mas-servizz pubbliku; aġġustament fil-pensjonijiet tas-servizz pubbliku; tnaqqis fil-infiq f'programmi oħra; u tnaqqis fl-infiq kapitali. (b) It-tressiq ta' leġiżlazzjoni lill-Parlament sabiex issir riforma tas-sistema tad-dejn personali bl-għan li jiġi żgurat bilanċ aħjar bejn l-interessi tal-kredituri kif ukoll tad-debituri. 33. Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni, bla xkiel, tal-kundizzjonalità tal-programm u sabiex l-iżbilanċi jerġgħu lura f'livelli sostenibbli, il-Kummissjoni għandha tipprovdi pariri u gwida kontinwi dwar riformi fiskali, dawk tas-suq finanzjarju kif ukoll dawk strutturali u fi ħdan il-qafas ta' programm ta' assistenza għandha, flimkiem mal-FMI u b'koordinazzjoni mal-BĊE, tirrevedi perjodikament l-effikaċja u l-impatt ekonomiku u soċjali tal-miżuri miftiehma u tirrakkomanda korrezzjonijiet meħtieġa bl-għan li jissaħħu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, jiġi żgurat il-konsolidazzjoni fiskali meħtieġ u jiġi minimizzat impatt soċjali li jagħmel ħsara, b'mod partikolari, fir-rigward tal-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetà Irlandiża. Artikolu 4 L-Irlanda għandha tiftaħ kont speċjali mal-Bank Ċentrali tal-Irlanda għall-ġestjoni tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni. Artikolu 5 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda. Artikolu 6 Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . Magħmul fi Brussel, Għall-Kunsill Il-President DIKJARAZZJONI TAL-IMPATT BAĠITARJU (cf. l-Artikolu 16 tar-Regoli Interni) QASAM POLITIKU: TITOLU 01 – L-AFFARIJIET EKONOMIĊI U FINANZJARJI ATTVITÀ: OPERAZZJONIJIET U STRUMENTI FINANZJARJI TITOLU TAL-AZZJONI: MEKKANIżMU EWROPEW TA' STABBILIZZAZZJONI FINANZJARJA - ASSISTENZA FINANZJARJA LILL-IRLANDA 1. ISEM TAL-PROPOSTA: INTESTATURA TAL-BAĠIT IKKONĊERNATA U TITOLU 01 04 01 03 Garanzija tal-Unjoni Ewropea għal self tal-Unjoni li sar għal assistenza finanzjarja taħt il-mekkaniżmu Ewropew ta' stabilizzazzjoni finanzjarja 2. BAŻI LEGALI: L-Artikolu 122(2) tat-Trattat Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 407/210. 3. ĊIFRI GLOBALI GĦAS-SENA FINANZJARJA (F'EURO) Din il-partita tikkostitwixxi l-istruttura għall-garanzija mogħtija mill-Unjoni Ewropea. Din għandha tippermetti lill-Kummissjoni l-manutenzjoni tad-djun (somma kapitali ewlenija, interessi u spejjeż oħra) f’każ li d-debitur (l-Irlanda) jonqos milli jħallas. L-entrata baġitarja (“p.m.”) tirrifletti l-garanzija baġitarja li tiġi attivata biss fil-każ li l-garanzija effettivament tintuża. Normalment il-garanzija tal-baġit ma ssirx sejħa għaliha. 3a – Sena kurrenti Mhux applikabbli CA | Approprjazzjoni inizjali għas-sena finanzjarja (baġit) | Trasferimenti | Approprjazzjonijiet addizzjonali | Approprjazzjonijiet totali | Approprjazzjonijiet diġà mwarrba minn programm ta' ħidma ieħor | Bilanċ disponibbli | Ammont għall-azzjoni proposta | 3b - Riporti Mhux applikabbli CA | Riporti | Approprjazzjonijiet diġà mwarrba minn programm ta' ħidma ieħor | Bilanċ disponibbli | Ammont għall-azzjoni proposta | 3c – Is-sena finanzjarja li jmiss Mhux applikabbli CA | Approprjazzjoni inizjali għas-sena finanzjarja (baġit) | p.m. | Trasferimenti | Approprjazzjonijiet addizzjonali | Approprjazzjoni totali | Approprjazzjonijiet diġà mwarrba minn programm ta' ħidma ieħor | Bilanċ disponibbli | Ammont għall-azzjoni proposta | p.m. | 4. DESKRIZZJONI TAL-AZZJONI L-assistenza finanzjarja għall-perjodu medju ta' żmien proposta biex tingħata lill-Irlanda (li għandha tiġi ffinanzjata mis-self tal-Unjoni fis-swieq kapitali internazzjonali) tikkonsisti f'self tal-Unjoni li jammonta għal EUR 22.5 biljun. Dan se jkun ipprovdut fil-kuntest ta' pakkett ta' finanzjament internazzjonali. B'mod partikolari, is-self lill-Irlanda mill-pajjiżi sħab tal-UE għandu jinkludi kontribuzzjoni mill-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EUR 17.7 biljun), u appoġġ ta' self bilaterali mir-Renju Unit, l-Isvezja u d-Danimarka (EUR 4.8 biljun). Flimkien ma' dan, l-Irlanda talbet self mill-FMI ta' SDR 19.5 biljun (madwar EUR 22.5 biljun) fl-ambitu tal-Faċilità ta' Fond Estiż. Il-kontribuzzjoni Irlandiża tkun ta' EUR 17.5 biljun li se jiġu ffinanzjati minn kontribuzzjoni Irlandiżi permezz tar-riserva ta' flus eżistenti tat-Teżor u kontribuzzjonijiet mill-Fond ta' Riserva Nazzjonali għall-Pensjonijiet (NPRF). L-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni lill-Irlanda huwa intenzjonat li jappoġġa r-ritorn tal-ekonomija għal tkabbir sostenibbli u jiżgura l-funzjonament tajjeb tas-sistema bankarja. Fl-istess waqt, l-assistenza tagħmel kontribuzzjoni lejn il-ħarsien tal-istabbiltà finanzjarja fl-UE u fiż-Żona Euro billi tikseb lura l-kunfidenza. Is-self tal-Unjoni miġbur mis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji bl-iskop li jingħata s-self lill-Irlanda huwa kopert mill-baġit tal-Unjoni. Fil-prinċipju, l-ammont li għandu jissellef lill-Irlanda jammonta għal EUR 22.5 biljun. L-istruttura għall-garanzija pprovduta mill-baġit tal-Unjoni Ewropea se tippermetti lill-Kummissjoni twettaq manutenzjoni tad-dejn f’każ li l-Irlanda ma tkunx tista’ tħallsu. Sabiex tonora l-obbligi tagħha, il-Kummissjoni tista’ tuża r-riżorsi ta’ likwidità tagħha stess biex tmantni d-dejn provviżorjament. F’dan il-każ, japplika l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat-22 ta' Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 130, 31.5.2000, p. 1). 5. METODU TA’ KALKOLU ADOTTAT Mhux applikabbli. 6. SKEDA TAL- PAGAMENTI (F’EURO) Mhux applikabbli. Intestatura | Approprjazzjonijiet | Pagamenti | Sena n | Sena n+1 | Sena n + 2 | Sena n + 3 | Snin finanzjarji sussegwenti | Sena n | Sena n+1 | Sena n | Sena n+1 | Total | [1] ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1. [2] Ara .