/* KUMM/2010/0694 finali - NLE 2010/0337 */ Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO fir-rigward ta' deċiżjoni dwar il-Mekkaniżmu ta' Trasparenza għall-Arranġamenti ta' Kummerċ Preferenzjali
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 24.11.2010 KUMM(2010) 694 finali 2010/0337 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO fir-rigward ta' deċiżjoni dwar il-Mekkaniżmu ta' Trasparenza għall-Arranġamenti ta' Kummerċ Preferenzjali MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. Fil-laqgħa tiegħu tal-14-15 ta' Diċembru 2006 l-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) adotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-Mekkaniżmu ta' Trasparenza għall-Ftehimiet ta' Kummerċ Reġjonali (RTAs)[1]. 2. Fl-istess laqgħa l-Kunsill Ġenerali tad-WTO adotta Deċiżjoni fir-rigward tat-Trasparenza għall-Arranġamenti tal-Kummerċ Preferenzjali (PTA)[2], li skontha l-Kumitat dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (CTD) intalab jikkunsidra t-trasparenza għal arranġamenti preferenzjali skont il-paragrafu 2 tal-Klawżola ta' Abilitazzjoni – ħlief l-RTAs – u biex jirrapporta lura fi żmien sitt xhur għal azzjoni xierqa mill-Kunsill Ġenerali. Id-Deċiżjoni ġiet adottata bla ħsara għar-riżultati tad-deliberazzjonijiet tas-CTD. Għaldaqstant, abbażi tar-rapporti mill-President tas-CTD, il-Kunsill Ġenerali qabel li jestendi d-data tal-għeluq b'perjodi suċċessivi ta' sitt xhur biex is-CTD jikkunsidra din il-kwistjoni u jirrapporta lura biex tittieħed azzjoni xierqa. L-aħħar estensjoni, maqbula mill-Kunsill f'Lulju 2010, twassal sa Diċembru 2010. 3. Wara negozjati estensivi fis-CTD u konsultazzjonijiet informali, is-CTD ikkonkluda l-kunsiderazzjoni tiegħu tal-kwistjoni fit-80 Sessjoni Regolari tal-4 ta' Ottubru 2010[3] u qabel dwar Mekkaniżmu ta' trasparenza għall-Arranġamenti ta' Kummerċ Preferenzjali, li għandu jingħadda lill-Kunsill Ġenerali għall-adozzjoni. 4. B’rigward għat-trasparenza tal-PTA, l-għanijiet u l-pożizzjoni tagħna fin-negozjati jirriflettu l-importanza li l-UE tagħti biex inter alia : (1) tiżdied il-kuxjenza fl-iżviluppi tal-PTA madwar id-dinja; (2) tkun tista' tissorvelja u tivvaluta l-modi ta' kif il-PTAs ta' membri oħra jistgħu jinfluwenzaw il-kummerċ u l-investimenti tagħna filwaqt li jitqies ukoll il-fatt li kemm il-membri tad-WTO żviluppati u kemm dawk f'fażi ta' żvilupp jagħtu preferenzi. (3) tiżgura t-tħaddim aħjar tad-WTO b'mod ġenerali u reviżjoni tal-PTAs; u (4) tifhem aħjar l-impatt ta' PTAs u l-interazzjoni tagħhom mas-sistema ta' negozju multilaterali. L-abbozz maqbul huwa meqjus li jissodisfa dawn l-għanijiet. Huwa jikkomplementa l-Mekkaniżmu ta' Trasparenza dwar il-Ftehim ta' Kummerċ Reġjonali tad-WTO li diġà ġie adottat provviżorjament, li jindirizza l-ftehimiet preferenzjali reċiproki. 5. Għalkemm il-mekkaniżmu ta' Trasparenza tal-PTA se jeħtieġ li l-UE taqsam id-dejta fi skemi preferenzjali differenti, b'mod ġenerali, id-dejta meħtieġa mis-Segretarjat tad-WTO hija diġà disponibbli pubblikament minn sorsi u bażijiet ta' dejta differenti. Il-gwida u l-preżentazzjoni fattwali li jridu jiġu pprovduti mis-segretarjat tad-WTO għandhom jipprovdu preżentazzjoni iktar uniformi, konsistenti u komprensiva tal-PTAs. 6. Il-Mekkaniżmu ta' Trasparenza jittratta esklussivament kwistjonijiet proċedurali dwar kif il-PTAs ikunu nnotifikati u ppreżentati u meqjusa fattwalment fid-WTO, u għaldaqstant la jippreġudika s-sustanza tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Klawżola ta' abilitazzjoni jew strumenti oħra msemmija fil-Paragrafu 1(a), (b) jew (c) tal-Mekkaniżmu ta' Trasparenza, u lanqas ma jaffettwa bl-ebda mod id-drittijiet u d-dmirijiet tal-Membri skont il-Ftehimiet tad-WTO. 7. Biex jiġi żgurat li pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ minn dan il-mekkaniżmu, l-abbozz tat-test jipprevedi l-provvediment ta' appoġġ tekniku tas-Segretarjat tad-WTO għal pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw, u speċjalment il-pajjiżi l-inqas żviluppati, fl-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu ta' Trasparenza. 8. Il-Mekkaniżmu ta' Trasparenza tal-PTA huwa mistenni jkun adottat formalment mill-Kunsill Ġenerali tad-WTO fil-laqgħa tagħhom tal-[14-15 ta' Diċembru 2010]. Dan il-Mekkaniżmu ta' Trasparenza mbagħad japplika fuq bażi provviżorja sakemm jiġi approvat mill-Membri tad-WTO fl-applikazzjoni permanenti tiegħu Skont id-dispożizzjonijiet tiegħu l-Membri jirrevedu l-Mekkaniżmu wara tliet snin, u jekk ikun hemm bżonn jimmodifikaw il-Mekkaniżmu fid-dawl tal-esperjenza miksuba mit-tħaddim provviżorju tiegħu. 9. Dakinhar tal-adozzjoni fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO l-erbgħa kosponsors u l-UE jagħmlu stqarrija fejn jingħad li tul in-negozjati ġie kkunsidrat li deċiżjoni dwar l-applikazzjoni permanenti tal-mekkaniżmi tkun tqis l-istat tal-RTA-TM. 2010/0337 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO fir-rigward ta' deċiżjoni dwar il-Mekkaniżmu ta' Trasparenza għall-Arranġamenti ta' Kummerċ Preferenzjali IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea, Billi: (1) Il-Membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) qablu f'laqgħa tal-Kunsill Ġenerali tal-14-15 ta' Diċembru 2006 li jmexxu negozjati bil-mira, inter alia , li jiċċaraw u jtejbu d-dixxiplini u l-proċeduri li japplikaw għall-Arranġamenti tal-Kummerċ Preferenzjali. (2) It-tisħiħ tat-trasparenza tal-Ftehimiet tal-Kummerċ Preferenzjali u l-effetti tagħhom huwa ta’ interess sistematiku u jkun ta’ benefiċċju għall-Membri kollha tad-WTO, (3) Il-Kunsill Ġenerali tad-WTO (29 ta' Lulju 2010) ta żmien sa Diċembru 2010 biex jitlestew in-negozjati tal-Mekkaniżmu ta' Trasparenza għall-Arranġamenti ta' Kummerċ Preferenzjali. (4) Il-Kumitat dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp ikkonkluda l-kunsiderazzjoni tiegħu tal-kwistjoni fit-80 Sessjoni Regolari tal-4 ta' Ottubru 2010 u qabel li jgħaddi lill-Kunsill Ġenerali tad-WTO l-Mekkaniżmu ta' Trasparenza għall-Arranġamenti ta' Kummerċ Preferenzjali għall-adozzjoni, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu Uniku Il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fir-rigward tal-Mekkaniżmu ta’ Trasparenza għall-Ftehimiet ta’ Kummerċ Preferenzjali mehmuża ma’ din id-deċiżjoni hi li tappoġġja l-adozzjoni tiegħu Magħmul fi […], Għall-Kunsill Il-President ANNESS MEKKANIŻMU TA’ TRASPARENZA GĦALL-FTEHIMIET TA' KUMMERĊ PREFERENZJALI A. Kopertura 1. Il-mekkaniżmu ta' trasparenza għandu japplika għall-Arranġamenti ta' Kummerċ Preferenzjali (PTAs) li ġejjin: (a) PTAs li jaqgħu fl-ambitu tal-paragrafu 2 tad-Deċiżjoni tat-28 ta' Novembru 1979 dwar Trattament Differenzjali u Iktar Favorevoli, Reċiproċità u Parteċipazzjoni Iktar Sħiħa tal-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw ("Klawżola ta' Abilitazzjoni"), bl-eċċezzjoni tal-ftehimiet tal-kummerċ reġjonali skont il-paragrafu 2(c)[4] kif deskritti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tal-14 ta' Diċembru 2006 (Mekkaniżmu ta' Trasparenza għall-Ftehimiet ta' Kummerċ Reġjonali). (b) PTAs li jieħdu l-forma ta' trattament preferenzjali mogħti minn kwalunkwe Membru lill-prodotti tal-pajjiżi l-inqas żviluppati. (c) Kull trattament preferenzjali mhux reċiproku ieħor li jkun awtorizzat skont il-Ftehim tad-WTO. 2. Il-fini ta' dan il-Mekkaniżmu huwa li jsaħħaħ it-trasparenza tal-PTA li jkun qed jitqies. Dawn il-proċeduri la jippreġudikaw is-sustanza tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Klawżola ta' Abilitazzjoni jew ta' ebda strument ieħor kif imsemmi f'1(a), (b) jew (c), u lanqas ma jaffettwaw bl-ebda mod id-drittijiet u d-dmirijiet tal-Ftehimiet tad-WTO. B. Notifika 3. In-notifika meħtieġa għal PTA għandha ssir malajr kemm jista' jkun; dan se jiġri meta jkun prattikabbli qabel l-applikazzjoni tat-trattament preferenzjali mill-Membru notifikant[5] u mhux aktar tard minn tliet xhur wara li l-PTA tidħol fis-seħħ. 4. Il-Membri notifikanti għandhom jispeċifikaw skont liema dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet fil-paragrafu 1 ikunu qed jiġu nnotifikati l-PTAs. Il-Membru li jkun qed jinnotifika PTA għandu jipprovdi t-test sħiħ tal-leġiżlazzjoni relatata u kwalunkwe strumenti relatati (eż regolamenti, annessi, skedi, protokolli), f'waħda mil-lingwi uffiċjali tad-WTO u f'format aċċessibbli elettronikament, inkluż meta jkun xieraq, ħoloq tal-internet. C. Proċeduri għat-Tisħiħ fit-Trasparenza 5. Malli ssir in-notifika, il-PTA għandu jitqies mill-Kumitat dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (CTD) skont il-proċeduri stabbiliti fil-paragrafi 6 sa 13 hawn taħt. 6. Il-konsiderazzjoni mis-CTD ta’ PTA nnotifikat għandha tkun normalment konkluża f’perjodu li ma jaqbiżx it-12-il xahar wara d-data tan-notifika. 7. Biex jgħinu lill-Membri fil-konsiderazzjoni tagħhom ta' PTA: (a) il-Membru notifikant għandu jpoġġi għad-dispożizzjoni tas-Segretarjat tad-WTO d-dejta kif speċifikata fl-Anness 1, f'format aċċessibbli elettronikament. Jekk il-PTA jkopri bosta sottoskemi d-dejta għandha tkun iddettaljata biżżejjed li tippermetti analiżi skont is-sottoskema. Għandha tiġi pprovduta dejta diżaggregata, jekk tkun disponibbli għal dawn is-sottoskemi. (b) is-Segretarjat tad-WTO għandu jħejji gwida li tindika fejn tista' ssib tipi speċifiċi ta' tagħrif, billi jsegwi l-mudell li jinsab fl-Anness 2. Il-gwida għandha ssir disponibbli malajr kemm jista' jkun wara n-notifika. Il-Membri għandhom ikunu liberi li jippreżentaw il-gwida huma stess meta jinnotifikaw il-PTAs. (c) is-Segretarjat tad-WTO għandu jħejji preżentazzjoni fattwali tal-PTA, fuq ir-responsabilità tiegħu stess u b'konsultazzjoni sħiħa mal-Membru notifikant, qabel ma tiġi ċċirkolata mal-Membri. Bħala parti minn dawn it-tħejjijiet, il-Membri li qed jirċievu l-benefiċċji permezz tal-PTA għandhom, fuq talba, jingħataw l-opportunità li jaraw u jibagħtu l-kummenti dwar abbozz tal-preżentazzjoni fattwali, f'limitu ta' żmien speċifikat, filwaqt li jiġu rispettati l-iskadenzi permessi għall-konsultazzjonijiet finali mal-Membru notifikant. 8. Id-dejta msemmija fil-paragrafu 7(a) għandha ssir disponibbli mill-iktar fis possibbli. Normalment, iż-żmien meta tintbagħat id-data ma jistax jaqbeż l-għaxar ġimgħat - jew 20 ġimgħa fil-każ ta' PTAs innotifikati minn pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw - wara d-data tan-notifika tal-PTA. 9. Il-gwida u l-preżentazzjoni fattwali prevista fil-paragrafu 7(b) u 7(c) għandha tkun ibbażata primarjament fuq it-tagħrif ipprovdut mill-Membru notifikant; jekk ikun hemm bżonn, is-Segretarjat tad-WTO jista’ juża wkoll dejta disponibbli minn sorsi oħra, b'konsultazzjoni sħiħa mal-Membru Notifikant u wara li jitqiesu l-fehmiet tal-Membri Notifikanti bl-għan li tittejjeb il-preċiżjoni fattwali. Fit-tħejjija tal-preżentazzjoni fattwali, is-Segretarjat għandu juża bħala bażi l-elementi li jinsabu fl-Anness 3. Barra minn hekk, is-Segretarjat jista' jinkludi wkoll fil-preżentazzjoni fattwali, skont il-ħtieġa, l-elementi li ġejjin: tagħrif fl-isfond, ambitu u kopertura (prodotti u pajjiżi), eċċezzjonijiet, dispożizzjonijiet tal-S&D, regoli speċifiċi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-iskema (gradwazzjoni, eliġibilità għal preferenzi addizzjonali), regoli ta' oriġini, dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kummerċ tal-prodotti (IP, xogħol, ambjent, TBT, SPS, rimedji kummerċjali, jekk applikabbli), proċeduri speċifiċi relatati mad-dwana, kompożizzjoni ta' importazzjonijiet ta' merkanzija minn membru benefiċjarju, rispett tat-TRQs, relazzjoni ma' PTAs oħra tal-istess Membru Notifkant u importazzjonijiet skont il-PTA fl-aħħar tliet snin, jekk applikabbli. Fit-tħejjija tal-preżentazzjoni fattwali, is-Segretarjat tad-WTO għandu joqgħod lura minn kull ġudizzju fuq il-valur dwar kwalunkwe kwistjoni. 10. Il-preżentazzjoni fattwali tas-Segretarjat tad-WTO ma għandux jintuża bħala bażi għall-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim jew biex jinħolqu drittijiet u dmirijiet ġodda għall-Membri. 11. Bħala regola, laqgħa formali unika tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp – Sessjoni Ddedikata se tkun mirfugħa biex jitqiesu kull PTA nnotifikat; kull skambju ta’ tagħrif addizzjonali għandu jsir bil-miktub. 12. Il-preżentazzjoni fattwali tas-Segretarjat tad-WTO, kif ukoll kull tagħrif addizzjonali mibgħut mill-Membru notifikant, għandu jiġi ċċirkolat fil-lingwi uffiċjali kollha tad-WTO mhux inqas minn 13-il ġimgħa qabel il-laqgħa ddedikata għall-kunsiderazzjoni tal-PTA. Il-mistoqsijiet jew il-kummenti bil-miktub tal-Membri dwar il-PTA li jkun qed jitqies għandhom jintbagħtu lill-Membru notifikant permezz tas-Segretarjat tad-WTO tal-inqas tmien ġimgħat qabel il-laqgħa korrispondenti; il-Membru notifikant għandu jwieġeb normalment għal dawk il-mistoqsijiet u kummenti fi żmien ħames ġimgħat minn meta jaslulu. is-Segretarjat tad-WTO għandu jiċċirkola dawn il-mistoqsijiet jew kummenti, flimkien mat-tweġibiet, lill-Membri kollha mill-inqas tlett ijiem tax-xogħol qabel il-laqgħa korrispondenti. 13. Il-materjal bil-miktub kollu li jkun intbagħat, kif ukoll il-minuti tal-laqgħa tas-CTD iddedikata għall-konsiderazzjoni ta’ PTA nnotifikat se jkun iċċirkolat fil-pront fil-lingwi uffiċjali kollha tad-WTO u jkunu disponibbli fuq il-websajt tad-WTO. 14. Kwalunkwe Membru jista', f'kull ħin, iwassal għall-attenzjoni tad-CTD kwalunkwe suġġeriment għat-titjib tal-operat ġenerali ta' dawn il-proċeduri, inklużi l-elaborazzjoni, il-format jew il-kontenut ta' preżentazzjonijiet fattwali mis-Segretarjat. D. Rappurtaġġ u Notifika Sussegwenti 15. Il-bidliet li jaffettwaw l-implimentazzjoni ta' PTA matul sena kalendarja għandhom ikunu nnotifikat fuq bażi annwali, sa mhux iktar tard mit-30 ta' Ġunju tas-sena kalendarja ta' eżatt wara. L-elementi li jridu jiġu nnotifikati f'format aċċessibbli elettronikament jinkludu: (a) Il-bidliet legali li jsiru, inklużi l-modifiki ta' kwalunkwe test ta' spjegazzjoni relatat, kif ukoll l-iskedi, l-annessi u l-protokolli korrispendenti, f'waħda mil-lingwi uffiċjali tad-WTO, kif applikabbli. (b) Bidliet fl-implimentazzjoni tal-PTA, li jinkludu, imma mhumiex limitati għal, lista ta' benefiċjarji gradwati u l-perjodu ta' gradwazzjoni, u ta' eżenzjonijiet ta' pajjiżi/prodotti speċifiċi, jekk xieraq[6]. (c) Bidliet fit-tariffi preferenzjali għal kull sieħeb benefiċjarju applikati skont il-PTA, fil-livell tal-linja tariffarja. 16. Il-Membru notifikant għandu jinnotifika d-dejta dwar l-importazzjonijiet għal kull wieħed mis-sħab benefiċjarji fuq bażi annwalli fil-livell tal-linja tariffarja, fil-valur tal-importazzjonijiet totali, l-importazzjonijiet li daħlu skont l-MFN u l-importazzjonijiet li daħlu skont il-benefiċċji tal-PTA[7] sa mhux iktar tard mill-31 ta' Ottubru għal dejta tas-sena preċedenti. 17. Il-Membru notifikant ma għandux ikun mistenni jipprovdi t-tagħrif annwali meħtieġ mill-paragrafi 15 u 16 jekk ikun ġa bagħtu lill-Bażi ta' Dejta Integrata, jew ikun ipprovdih b'mod ieħor lis-Segretarjat f'format elettroniku xieraq[8]. Għandhom ikunu biżżejjed ir-referenzi għal websajts rilevanti aċċessibbli pubblikament fejn dan it-tagħrif jista' jkun f'format aċċessibbli elettronikament[9] u f'waħda mil-lingwi uffiċjali tad-WTO. 18. Meta pajjiż Membru li qiegħed jiżviluppa jkollu d-diffikultajiet tekniċi biex jissodisfa r-rekwiżiti ta' notifika skont il-paragrafu 16, il-Membru ma jkunx mistenni li jagħmel hekk sal-31 ta' Lulju 2013. Il-Membru jista' jibgħat ħarsa ġenerali tal-passi li jridu jittieħdu biex jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti ta' notifika għas-CTD sal-31 ta' Lulju 2012. 19. Il-komunikazzjonijiet mibgħuta skont il-paragrafu 15 se jkunu disponibbli fuq il-websajt tad-WTO. Id-dejta li trid tiġi nnotifikata skont il-paragrafu 16 se tkun disponibbli mill-ewwel fil-Bażi ta' Dejta Integrata b'konformità mal-politika ta' disseminazzjoni adottata għall-IDB[10]. Id-dejta li trid tiġi nnotifikata mhix se tippreġudika l-istatus legali tal-PTA li jkun qed jitqies. E. Dispożizzjonijiet oħra 20. Il-Kumitat dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp għandu l-istruzzjonijiet biex jimplimenta dan il-Mekkaniżmu ta' Trasparenza. Sabiex iwettaq il-funzjonijiet stabbiliti b’dan il-Mekkaniżmu, is-CTD għandu jiltaqa’ f’sessjoni ddedikata. 21. Għal kull PTA fis-seħħ meta dawn il-proċeduri ta' trasparenza jiġu adottati, is-Segretarjat tad-WTO għandu jħejji riassunt fattwali[11], b'konsultazzjoni sħiħa mal-Membru notfikant. 22. Fuq talba, is-Segretarjat tad-WTO irid, u kwalunkwe Membru jista', jipprovdi l-appoġġ tekniku lill-pajjiżi Membri li qegħdin jiżviluppaw, u speċjalment lill-pajjiżi l-inqas żviluppati, fl-implimentazzjoni ta' dan il-Mekkaniżmu, b'mod partikolari - imma mhux limitat għalhekk - fir-rigward tat-tħejjija ta’ dejta relatata ma’ PTA u tagħrif ieħor li jrid jintbagħat lis-Segretarjat tad-WTO, kif ukoll fir-rigward ta' aċċess għat-tagħrif ipprovdut minn Membru notifikant. 23. Kwalunkwe Membru jista’, f'kull ħin, iwassal għall-attenzjoni tas-CTD kull tagħrif dwar kwalunkwe PTA li jqis li kellu jintbagħat lill-Membri fil-qafas ta' dawn il-proċeduri. 24. Is-Segretarjat tad-WTO għandu jżomm bażi ta' dejta elettronika aġġornata dwar il-PTAs individwali. Din il-bażi ta' dejta għandha tinkludi tagħrif tariffarju u relatat mal-kummerċ, u jagħti aċċess għall-materjal kollu bil-miktub relatat mal-PTAs innotifikati disponibbli fid-WTO. Il-bażi ta' dejta għandha tkun strutturata b’tali mod li jkun faċilment aċċessibbli mill-pubbliku. L-aċċess għad-dejta msemmija fil-paragrafu 17 għandu jsegwi l-politika ta' tqassim adottata għall-IDB[12]. 25. Fir-rigward tal-PTAs diġà nnotifikati skont id-dispożizzjonijiet ta' trasparenza rilevanti tad-WTO u fis-seħħ, dawn se jkunu suġġetti għall-proċeduri skont it-taqsimiet D sa E hawn fuq. F. Riapprezzament tal-Mekkaniżmu 26. Dan il-Mekkaniżmu se japplika fuq bażi provviżorja sakemm il-Membri japprovaw l-applikazzjoni permanenti tiegħu. Il-Membri se jirrevedu l-Mekkaniżmu wara tliet snin, u jekk ikun hemm bżonn jimmodifikaw il-Mekkaniżmu fid-dawl tal-esperjenza miksuba mit-tħaddim provviżorju tiegħu. ANNESS 1 Notifika Inizjali tal-PTAs skont il-Membri Notifikanti 1. Il-Membru notifikant għandu jinnotifika lid-WTO bit-tagħrif mitlub f'dan l-Anness. Il-Membru notifikant ma għandux ikun mistenni jipprovdi t-tagħrif meħtieġ f'dan l-Anness jekk id-dejta korrispondenti tkun diġà ntbagħtet fil-Bażi ta' Dejta Integrata, jew tkun ġiet ipprovduta b'mod ieħor lis-Segretarjat f'format elettroniku xieraq[13]. 2. Il-Membru li jkun qed jinnotifika PTA għandu jibgħat id-dejta li ġejja, fil-livell tal-linja tariffarja:[14] (a) Lista sħiħa ta' dazji preferenzjali skont il-PTA għal kull sieħeb benefiċjarju. (b) Lista tariffarja sħiħa tar-rati ta' dazju tal-Membru notifikant applikati fis-sena tal-implimentazzjoni tal-PTA u fis-sena ta' qabel. (c) Fejn ikun applikabbli, dejta oħra (eż. kwoti tar-rati tariffarji, restrizzjonijiet staġjonali, salvagwardji speċjali u, jekk ikun hemm, ekwivalenti għal dazji mhux ad valorem ). (d) Regoli tal-oriġini preferenzjali speċifiċi għall-prodott kif definit fil-PTA. (e) Id-dejta ta' importazzjoni mill-aħħar tliet snin ta' qabel in-notifika minn kull wieħed mis-sħab benefiċjarji, fil-valur tal-importazzjonijiet totali, tal-importazzjonijiet li ddaħħlu fl-MFN u l-importazzjonijiet li ddaħħlu mill-benefiċċji tal-PTA[15]. 3. Il-Membru notifikant għandu jforni wkoll tagħrif ġenerali ieħor kif iħossu xieraq għall-kjarifika ulterjuri tal-PTA, jew jindika kwalunkwe ħolqiet tal-internet minn fejn tista' ssib waħda, kif muri fl-eżempju ta' hawn taħt:[16] (a) Għad-dettalji applikabbli għall-kriterji ta' gradazzjoni u għal degradazzjoni, u għall-applikazzjoni tagħhom (kwalunkwe dispożizzjonijiet li jitolbu notifika bikrija/preċedenti tal-prodotti/pajjiżi li jridu jiġu ggradati; skeda għall-proċeduri relatati mal-gradazzjoni). (b) Indikaturi ta' kopertura ta' prodotti u eċċezzjonijiet tal-arranġament. (c) Kopertura tal-pajjiżi eliġibbli. (d) Gwidi tekniki għall-utilizzazzjoni tal-PTA minn benefiċjarji potenzjali. (e) Kwalunkwe noti ta' spjegazzjoni disponibbli u materjal ta' referenza ta' malajr għall-karatteristiċi tal-PTA u r-regolamenti tal-implimentazzjoni. ANNESS 2 Gwida għall-PTAs A - INFORMAZZJONI BAŻIKA: | 1) Membru notifikant: (Isem il-Membru Notifikant) | 2) Id-data ta' meta daħlet fis-seħħ il-PTA: (Daħħal id-data u l-ħolqa għas-sors rilevanti) | 3) Data tal-aħħar aġġornament tal-PTA: (Daħħal id-data u l-ħolqa għas-sors rilevanti) | 4) Data ta' notifika għad-WTO u simbolu tad-dokumenti tad-WTO: (Daħħal id-data u l-ħolqa għas-sors rilevanti u daħħal is-simbolu tad-dokument u l-ħolqa korrelatata) | 5) Data ta' skadenza tal-PTA: (Daħħal id-data u l-ħolqa għas-sors rilevanti) | 6) Għadd ta’ Benefiċjarji: (Daħħal id-data attwali tal-Benefiċjarji u l-ħolqa għas-sors rilevanti) | 7) Għadd ta' Prodotti Eliġibbli (linji tariffarji): (Daħħal id-data attwali tal-prodotti eliġibbli (linji tariffarji) u l-ħolqa għas-sors rilevanti) | 8) Promulgazzjoni ta' PTA, Leġiżlazzjoni Relatata u Pubblikazzjoni tal-modifiki tal-PTA: (Daħħal l-isem/in-numru tal-liġijiet fi ħdan il-Membru notifikant u l-ħolqa korrelatata) | 9) L-awtorità/ajiet li jagħtu t-trattament benefiċjarju: (Semmi liema awtorità hija intitolata tagħti t-trattament benefiċjarju u daħħal il-ħolqa għas-sors rilevanti) | 10) L-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-ġestjoni tal-PTA: (Semmi liema awtorità hija intitolata ġġestixxi t-trattament benefiċjarju u daħħal il-ħolqa għas-sors rilevanti) | B – REFERENZI GĦALL-INFORMAZZJONI DWAR: | I. IL-BENEFIĊJARJI | (a) Lista ta' Benefiċjarji: (Daħħal il-ħolqa fejn wieħed jista' jsib il-lista sħiħa tal-benefiċjarji) | (b) Eliġibilità: (Semmi d-dokument, l-artikolu/taqsima fejn wieħed jista' jsib il-kriterji ta' eliġibilità u daħħal il-ħolqa relatata speċifika) | (c) Restrizzjonijiet għall-Eliġibilità: (Semmi d-dokument, l-artikolu/taqsima fejn wieħed jista' jsib ir-restrizzjonijiet għall-eliġibilità u daħħal il-ħolqa relatata speċifika) | (d) Modifika għal-Lista ta' Benefiċjarji: (Semmi d-dokument, l-artikolu/taqsima fejn wieħed jista' jsib il-kriterji għall-modifika tal-benefiċjarji u daħħal il-ħolqa relatata speċifika) | II. L-AMBITU TAL-PRODOTTI (SKONT IL-KLASSIFIKAZZJONI TAL-PRODOTTI TAL-MEMBRU NOTIFIKANT) | (a) Lista ta' Prodotti Eliġibbli: (Daħħal il-ħolqa fejn wieħed jista' jsib il-lista sħiħa tal-prodotti eliġibbli) | (b) Prodotti ineliġibbli: (Daħħal il-ħolqa fejn wieħed jista' jsib il-lista sħiħa tal-prodotti mhux eliġibbli) | (d) Modifika għal-Lista ta' Prodotti Eliġibbli: (Semmi d-dokument, l-artikolu/taqsima fejn wieħed jista' jsib id-dispożizzjonijiet relatati għall-modifika tal-eliġibilità u daħħal il-ħolqa relatata speċifika) | III. TRATTAMENT TA' PTA | (a) Trattament Tariffarju: (Semmi d-dokument, l-artikolu/taqsima fejn wieħed jista' jsib id-dispożizzjonijiet relatati għal trattament tariffarju u daħħal il-ħolqa relatata speċifika) | (b) Eċċezzjonijiet: (Semmi d-dokument, l-artikolu/taqsima fejn wieħed jista' jsib id-dispożizzjonijiet relatati għal eċċezzjonijiet għat-trattament tariffarju u daħħal il-ħolqa relatata speċifika) | (c) Trattament Preferenzjali Differenti: (Semmi d-dokument, l-artikolu/taqsima fejn wieħed jista' jsib id-dispożizzjonijiet relatati għal tipi differenti ta' trattament preferenzjali u daħħal il-ħolqa relatata speċifika) | (d) Talba għal Trattament Preferenzjali: (Daħħal il-ħolqa għal fejn hemm l-ispjegazzjoni dwar il-proċeduri biex jintalab trattament preferenzjali) | IV. IR-REGOLI TA' ORIĠINI (INKLUŻI R-REKWIŻITI U R-RESTRIZZJONIJIET) | (Semmi d-dokument, l-artikolu/taqsima fejn wieħed jista' jsib ir-regoli tal-oriġini, inklużi r-rekwiżiti għall-konsiderazzjoni tal-oriġini u r-restrizzjonijiet. Daħħal il-ħolqa relatata speċifika) | V. VOLUM KUMMERĊJALI PREFERENZJALI FL-AĦĦAR 3 (TLIET) SNIN (f'miljuni ta' USD) | (Daħħal il-ħolqa relatata fejn ikun possibbli li ssib l-istatistika kummerċjali rilevanti u speċifika l-aċċess għar-rekwiżiti tal-websajt jekk jeżistu) | ANNESS 3 Astratt Fattwali għall-PTAs fis-Seħħ Bħalissa I. MEMBRU NOTIFIKANT | (Isem il-Membru Notifikant) | II. DATA TA' DĦUL FIS-SEĦĦ / L-AĦĦAR TIĠDID | (Daħħal id-data u l-ħolqa għas-sors rilevanti) | III. DATA TA' SKADENZA | (Daħħal id-data u l-ħolqa għas-sors rilevanti) | IV. DOKUMENTI WTO/GATT RELATATI U ĦOLQIET GĦAL-LEĠIŻLAZZJONI NAZZJONALI | (Daħħal in-numru tad-dokument u l-ħolqa korrelatata) | (Daħħal l-isem/in-numru tal-liġi(jiet) u l-ħolqa korrelatata) | V. GĦADD TA' BENEFIĊJARJI | (Daħħal l-għadd ta' bħalissa u l-ħolqa għas-sors rilevanti) | - Il-kriteriji ta’ eliġibilità: (Daħħal spjegazzjoni tal-kriterji ta' eliġibilità u l-ħolqa korrelatata) | VI. L-GĦADD TA' PRODOTTI KOPERTI (SKONT IL-KLASSIFIKAZZJONI TAL-PRODOTTI TAL-MEMBRU NOTIFIKANT) | (Daħħal l-għadd ta' bħalissa u l-ħolqa għas-sors rilevanti) | - Eċċezzjonijiet: (Daħħal l-għadd ta' bħalissa u l-ħolqa għas-sors rilevanti) | VII. TRATTAMENT PREFERENZJALI | (Semmi d-dokument, l-artikolu/taqsima fejn wieħed jista' jsib id-dispożizzjonijiet relatati għal trattament preferenzjali u daħħal il-ħolqa relatata speċifika) | VIII. REGOLI TAL-ORIĠINI | (Semmi d-dokument, l-artikolu/taqsima fejn wieħed jista' jsib ir-regoli tal-oriġini, inklużi r-rekwiżiti għall-konsiderazzjoni tal-oriġini u r-restrizzjonijiet. Daħħal il-ħolqa relatata speċifika) | IX. DEJTA DWAR IL-KUMMERĊ PREFERENZJALI (f'miljuni ta' USD) | Kapitoli (US)HS Sena – 1 Sena – 2 Sena – 3 Total | [1] Deċiżjoni tad-WTO WT/L/671. [2] Id-Deċiżjoni kienet iċċirkolata bħala WT/L/672. [3] WT/COMTD/71 tal-11 Ottubru 2010. [4] Għal ċarezza ikbar, peress li ġiet innotifikata lill-GATT/WTO taħt il-paragrafu 2(c) tal-Klawżola ta' Abilitazzjoni, is-Sistema Globali tal-Preferenzi fil-Kummerċ (GSTP) mhix koperta minn dan il-Mekkaniżmu, imma minflok, hija koperta mid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tal-14 ta' Diċembru 2006 (Mekkaniżmu ta' Trasparenza għall-Ftehimiet ta' Kummerċ Reġjonali). [5] Il-Membru Notifikant huwa l-Membru li jagħti l-preferenzi mhux reċiproki. [6] [Pereżempju, bidliet fl-għadd ta' benefiċjarji; applikazzjonijiet ġodda għal trattament preferenzjali; degradazzjoni ta' pajjiżi, setturi u/jew prodotti; bidliet ġejjin minn ċirkustanzi staġjonali; promulgazzjoni ta' salvagwardji speċjali; rispett tal-kwoti tar-rata tat-tariffi; bidliet li jiġu miċ-ċirkostanzi relatati mal-estensjoni ta' trattament preferenzjali ieħor, jekk applikabbli.] Din in-nota f'qiegħ il-paġna qiegħda għall-finijiet tan-negozjati biss u għandha titneħħa mit-test wara li n-negozjati jiġu fi tmiemhom. [7] Jekk il-Membru Notifikant ikun diġà bagħat id-dejta korrispondenti lill-UNCTAD, il-forniment ta' kopja ta' din id-dejta lid-WTO tkun aċċettabbli, sakemm tkun tissodisfa r-rekwiżiti tan-notifika msemmija fil-paragrafu 16. [8] Sottomissjonijiet tad-dejta jistgħu jiġu fornuti f’formati ta’ bażi ta' dejta fuq PC, formati ta’ spreadsheets, jew formati delimitati fit-test; l-użu ta’ formati ta' word-processing għandu jiġi evitat, jekk ikun possibbli. Bil-kunsens tal-Membru Notifikant, dejta kummerċjali u tariffarja mibgħuta fil-kuntest tas-sottomissjonijiet annwali tista' sussegwentement tiġi inkluża fil-Bażi ta' Dejta Integrata (IDB) tad-WTO jekk tkun tissodisfa l-formati ta' dejta tal-IDB. F'dan ir-rigward, ara d-dokument G/MA/IDB/W/6 għal-Linji Gwida għall-Forniment ta' Sottomissjonijiet ta' PC IDB u d-dokument G/MA/238 u l-addendi tiegħu rigward it-tqassim ta' dejta tal-IDB. [9] "Format aċċessibbli elettronikament" tfisser li settijiet sħaħ ta' dejta ta' dejta annwali ta' Membru jistgħu jitniżżlu mingħajr restrizzjonijiet mhux meħtieġa (jiġifieri l-ebda limitazzjonijiet fuq l-għadd ta' linji tariffarji jew rekords li jistgħu jitniżżlu) u f'formati li jkunu tajbin għall-ipproċessar f'format ta' bażi ta' dejta mis-Segretarjat tad-WTO. [10] Dokument G/MA/238. [11] Ara l-mudell fl-Anness 3. [12] Dokument G/MA/238. [13] Sottomissjonijiet tad-dejta jistgħu jiġu fornuti f’formati ta’ bażi ta' dejta fuq PC, formati ta’ spreadsheets, jew formati delimitati fit-test; l-użu ta’ formati ta' word-processing għandu jiġi evitat, jekk ikun possibbli. Dejta kummerċjali u tariffarja mibgħuta fil-kuntest ta' notifika ta' PTA tista' sussegwentement tiġi inkluża fil-Bażi ta' Dejta Integrata (IDB) jekk tkun tissodisfa formati ta' dejta IDB. F'dan ir-rigward, ara d-dokument G/MA/IDB/W/6 għal-Linji Gwida għall-Forniment ta' Sottomissjonijiet ta' PC IDB u d-dokument G/MA/238 u l-addendi tiegħu rigward it-tqassim ta' dejta tal-IDB. Jekk il-Membru Notifikant ikun diġà bagħat id-dejta korrispondenti lill-UNCTAD, il-forniment ta' kopja ta' din id-dejta lid-WTO tkun aċċettabbli, sakemm tkun tissodisfa r-rekwiżiti tan-notifika msemmija f'dan l-anness. [14] Referenzi għal-“livell tal-linja tat-tariffi” għandu jinftiehem li jfisser it-tqassim dettaljat tan-nomenklatura tad-dwana nazzjonali (il-kodiċi HS ma’, pereżempju, 8, 10 jew iżjed ċifri). Huwa kruċjali li l-elementi tad-data kollha fornuti jużaw l-istess nomenklatura tad-dwana nazzjonali jew huma assoċjati ma’ tabelli ta’ konverżjoni korrispondenti. [15] Il-membri jagħrfu li għall-ewwel notifika li trid issir wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Mekkaniżmu d-dejta li tappartjeni għal 2(e) se tintbagħat lill-Membru notifikant biss jekk tkun diġà disponibbli. [16] Inkluż imma mhux limitat għal, (a) il-kriterji u r-restrizzjonijiet għall-eliġibilità, il-modifika u l-lista tal-benefiċjarji; (b) trattament ta' tariffa, trattament preferenzjali differenti, eċċezzjonijeit għat-trattament ta' preferenza; (c) lista ta' benefiċjarji, għadd ta' benefiċjarji, storjat ta' pajjiżi esklużi mit-trattament ta' preferenza; (d) manwali mill-UNCTAD (pereżempju http://www.unctad.org/en/docs/itcdtsbmisc42rev3_en.pdf u http://www.unctad.org/en/docs/itcdtsbmisc25rev2_en.pdf); u (e) mill-gvernijiet Membri (http://www.ustr.gov/assets/Trade_Development/Preference_Programs/GSP/asset_upload_file406_10685.pdf ).