52010PC0688

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar l-allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles /* KUMM/2010/0688 finali - NLE 2010/0333 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 25.11.2010

KUMM(2010) 688 finali

2010/0333 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar l-allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

Abbażi tal-mandat rilevanti mogħti mill-Kunsill[1], il-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, innegozjat mar-Repubblika tas-Seychelles bl-għan li jiġġedded il-Protokoll tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles. Wara dawn in-negozjati, fit-3 ta’ Ġunju 2010 ġie inizjalat Protokoll ġdid, li fid-29 ta' Ottubru 2010 ġie emendat permezz ta' skambju ta' ittri. Dan il-Protokoll ikopri perjodu ta' tliet snin li jibda mill-adozzjoni tad-deċiżjoni rilevanti tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Protokoll u l-applikazzjoni provviżorja tiegħu, wara li jiskadi l-Protokoll attwali, fis-17 ta' Jannar 2011.

Din il-proċedura dwar l-allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri skont dan il-Protokoll qed tiġi mnedija b'mod parallel mal-proċeduri dwar id-deċiżjoni tal-Kunsill, bil-kunsens tal-Parlament Ewropew, dwar il-konklużjoni tal-Protokoll il-ġdid, u d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-istess Protokoll.

Il-Protokoll il-ġdid jipprovdi lis-sajjieda tal-UE b'opportunitajiet ta' sajd fiż-żona ta' sajd tas-Seychelles permezz ta' 48 bastiment tas-sajd bil-purse seine u 12-il bastiment tas-sajd bil-konz tal-wiċċ. F'konformità mat-Trattat, il-metodu għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd bejn l-Istati Membri għandu jiġi ddefinit.

Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill jadotta dan ir-Regolament.

2010/0333 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar l-allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43 (3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[2],

Billi:

1. Fit-3 ta' Ġunju 2010 ġie inizjalat Protokoll ġdid tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles, li lill-bastimenti tal-UE jagħtihom opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet li fihom is-Seychelles għandu s-sovranità u l-ġuriżdizzjoni fir-rigward tas-sajd,

2. Fil-[…], il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni XXX/2010/UE[3] dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll il-ġdid,

3. Il-mod li bih jiġu allokati l-opportunitajiet ta’ sajd bejn l-Istati Membri għandu jiġi ddefinit għat-tul ta' żmien tal-Protokoll,

4. Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta' bastimenti ta' pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93 u (KE) Nru 1627/94 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 3317/94, f'każ li jkun jidher li l-għadd ta' opportunitajiet tas-sajd allokati lill-Unjoni skont Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd ma ġewx użati bis-sħiħ, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati. Nuqqas ta' tweġiba sal-iskadenza li tiġi ffissata mill-Kunsill għandu jitqies bħala konferma li l-bastimenti tal-Istat Membru kkonċernat mhux qed jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet tas-sajd tagħhom fil-perjodu speċifikat. Huwa importanti li din l-iskadenza tiġi ffissata.

5. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f 'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jkun applikabbli mit-18 ta' Jannar 2011.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

6. L-opportunitajiet ta' sajd stabbiliti fil-Protokoll tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles għandhom jiġu allokati fost l-Istati Membri kif ġej:

a) Sajd b'bastimenti bil-purse seine għat-tonn

Spanja | 22 bastiment |

Franza | 23 bastiment |

L-Italja | 3 bastimenti |

b) Sajd b'bastimenti bil-konz tal-wiċċ

Spanja | 2 bastimenti |

Franza | 5 bastimenti |

Il-Portugall | 5 bastimenti |

7. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim tas-Sħubija dwar is-Sajd u tal-Protokoll, għandu japplika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta' bastimenti ta' pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità[4].

8. Jekk it-talbiet għall-awtorizzazzjoni tas-sajd mill-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 ma jkoprux l-opportunitajiet kollha tas-sajd stabbiliti bil-Protokoll, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra t-talbiet għall-awtorizzazzjoni tas-sajd minn kwalunkwe Stat Membru ieħor, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008. Għall-fini tal-Artikolu 10(1) ta' dak ir-Regolament, l-iskadenza qed tiġi ffissata bħala għaxart ijiem ta' xogħol.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f 'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Għandu jkun applikabbli mit-18 ta' Jannar 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 9755/2010, tal-31 ta’ Mejju 2010.

[2] ĠU C , , p. .

[3] ĠU L….

[4] ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33.