Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/006 PL/H.Cegielski-Poznań mill-Polonja) /* KUMM/2010/0631 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 5.11.2010 KUMM(2010) 631 finali Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/006 PL/H.Cegielski-Poznań mill-Polonja) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Il-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[1] jippermetti li jintuża l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) sal-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun, u dan apparti l-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju. Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-EGF huma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2]. Fit-8 ta' Marzu 2010, il-Polonja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2010/006 PL/H.Cegielski-Poznań għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF, wara telf ta' impjiegi f'H. Cegielski-Poznań u erba' mill-fornituri tagħha. Wara analiżi bir-reqqa ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament huma ssodisfati. TAQSIRA TAL-APPLIKAZZJONI U L-ANALIŻI Dejta ewlenija: | Nru ta’ Referenza tal-EGF | EGF/2010/006 | Stat Membru | Il-Polonja | Artikolu 2 | (a) | Intrapriża primarja | H. Cegielski-Poznań | Fornituri u produtturi iktar l-isfel fil-katina ta' produzzjoni | 4 | Perjodu ta’ referenza | 1.9.2009 – 1.1.2010 | Data ta' bidu għas-servizzi personalizzati | 3.11.2009 | Data tal-applikazzjoni | 8.3.2010 | Sensji matul il-perjodu ta’ referenza | 550 | - fl-impriża ewlenija | 371 | - fil-fornituri u l-produtturi iktar l-isfel fil-katina ta' produzzjoni | 179 | Sensji qabel il-perjodu ta' referenza | 75 | Sensji wara l-perjodu ta' referenza | 33 | Sensji totali eliġibbli | 658 | Ħaddiema bla xogħol fil-mira għas-sostenn | 189 | Nefqa għas-servizzi personalizzati (EUR) | 163 700 | Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF[3] (EUR) | 12 070 | Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF (%) | 6,9 | Baġit totali (EUR) | 175 770 | Il-kontribuzzjoni tal-EGF (65 %) (EUR) | 114 250 | 1. L-applikazzjoni tressqet quddiem il-Kummissjoni fit-8 ta' Marzu 2010 u kienet supplimentata b'tagħrif addizzjonali sal-10 ta’ Awwissu 2010. 2. L-applikazzjoni tissodisfa l-kondizzjonijiet għall-użu tal-EGF kif stabbilit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u ġiet sottomessa fi żmien il-perjodu speċifikat ta’ 10 ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament. Ir-rabta bejn is-sensji u t-tibdiliet strutturali ewlenin fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni jew il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali 3. Biex tkun stabbilita ir-rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, l-Polonja tispjega li H.Cegielski-Poznań huwa manifattur ta' magni diżil two-stroke użati fil-vapuri, kif ukoll fl-impjanti tal-enerġija. Jipproduċi ukoll blowers tal-arja radjali, kumpressuri bil-pistun u kumpressuri li jduru. Il-qofol tan-negozju ta' H.Cegielski-Poznań huwa l-manifattura ta' magni diżil tal-baħar taħt il-liċenzji ta' MAN Burmeister & Wain u Wärtsilä Switzerland Ltd (il-liċenzji huma validi sal-aħħar tal-2012). H.Cegielski-Poznań huwa l-uniku manifattur tal-magni tal-baħar Pollakk, u l-produzzjoni tiegħu għandha rabta fil-qrib mal-kundizzjoni tal-industrija tal-bini tal-bastimenti Ewropea, partikolarment dik tal-Ġermanja u tad-Danimarka. 4. Is-CESA (l-Assoċjazzjoni tal-Komunità tat-Tarznari Ewropej) ħejjiet stima approssimattiva dwar ir-Rekwiżiti Dinjin għall-Bini tal-Bastimenti sal-2014, li tiddikjara li l-kriżi finanzjarja globali kienet bidlet bosta mill-kundizzjonijiet u stennijiet għall-iżvilupp futur tas-suq. Taħlita ta' fatturi wasslet għal tnaqqis fir-rekwiżiti għall-bini tal-bastimenti u sat-tmiem tal-2008 / bidu tal-2009, it-tqegħid ta' ordnijiet ġodda waqaf kważi għal kollox. Barra minn hekk, madwar 10 % tal-ordnijiet għal bastimenti ġodda huma mistennija li jiġu kkanċellati. Id-data tal-kunsinna ta' ħafna mill-bastimenti ordnati ser tiġi posposta. 5. Is-CESA tat stima li fl-2011 madwar 30 % tal-flotta ser tkun żejda u li għalhekk madwar 53 miljun tunnellata piż mejjet (dwt) minn total fil-ktieb tal-ordnijiet ta' 566 miljun dwt sejrin jiġu kkanċellati. Il-kriżi diġà kkawżat għadd kbir ta' bastimenti mhux attivi kif ukoll bastimenti li joperaw b'veloċità baxxa madwar id-dinja. Fil-ġejjieni, l-industrija tal-bini tal-bastimenti hija mistennija tersaq lejn żoni ta' spiża baxxa, l-aktar fl-Asja, li kienu qegħdin iżidu s-sehem tagħhom fis-suq b'mod spettakolari fis-snin ta' qabel il-kriżi (sors: Lloyds Register Fairplay, kif ikkwotat mis-CESA). Għalhekk il-possibbiltà li l-kumpaniji kkonċernati b'din l-applikazzjoni jistgħu potenzjalment imorru lura għal produzzjoni normali fit-tmiem tal-kriżi hija żgħira. Prova tan-numru ta' sensji u konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(a) 6. Il-Polonja ressqet din l-applikazzjoni skont il-kriterji tal-intervent tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li jirrikjedi mill-inqas 500 sensja tul perjodu ta’ erba’ xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li jingħataw is-sensja mill-fornituri u l-produtturi iktar l-isfel fil-katina ta' produzzjoni. 7. L-applikazzjoni tiddikjara 550 sensja f'H.Cegielski-Poznań u erbgħa mill-fornituri tagħha waqt il-perjodu ta' referenza mill-1 ta' Settembru 2009 sal-1 ta' Jannar 2010. Dawn is-sensji kollha ġew ikkalkolati skont it-tieni inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Spjegazzjoni tan-natura mhux prevista ta’ dawk is-sensji 8. L-awtoritajiet Pollakki jargumentaw li s-severità tal-kriżi globali tal-kreditu u l-impatt li rriżulta fuq is-swieq finanzjarji kien impossibli li jiġi previst. Anke jekk is-sehem tal-UE fis-suq dinji tal-bini tal-bastimenti ilu jonqos għal xi snin (minn 24,0 % fl-2001 għal 14,8 % fl-2008 skont is-CGT), dan it-tnaqqis żdied ħafna meta bdiet il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, biex is-sehem tal-UE tal-produzzjoni globali ta' bastimenti niżel minn 14,8 % fl-2008 għal 8,1 % sal-31 ta' Awwissu 2009. Identifikazzjoni tal-intrapriżi li taw is-sensji u l-ħaddiema fil-mira għall-għajnuna 9. L-applikazzjoni tikkwota total ta' 550 sensja f'H.Cegielski-Poznań u erbgħa mill-fornituri tagħha waqt il-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur. It-tqassim tal-għadd totali ta' 658 ħaddiem inklużi 108 ħaddiema oħra li ngħataw is-sensja waqt u wara l-perjodu ta' referenza huwa: Kumpanija | Għadd | Metodu | H.Cegielski-Poznań | 371 | 2 | H.Cegielski-Logocentrum Sp. z o.o. | 25 | 2 | H.Cegielski-Logocentrum Sp. z o.o. | 35 | 2 | Arwimont Spółdzielnia Pracy | 15 | 2 | Sulzer Chemtech Polska Sp. z o.o. | 212 | 2 | 10. Minn dan it-total ta' 658 ħaddiem, 189 huma fil-mira biex jirċievu l-għajnuna. L-469 ħaddiem li mhumiex identifikati ma kinux reġistrati bħala qiegħda fl-uffiċċju tax-xogħol lokali tagħhom u għalhekk huma kkonsidrati li jew diġà sabu impjieg ġdid jew bdew impjieg indipendenti, jew emigraw jew irtiraw. 11. It-tqassim tal-ħaddiema fil-mira huwa kif ġej: Kategorija | Għadd | Persentaġġ | Irġiel | 156 | 82,5 | Nisa | 33 | 17,5 | Ċittadini tal-UE | 189 | 100,0 | Ċittadini minn barra l-UE | 0 | 0,0 | 15 sa 24 sena | 7 | 3,7 | 25 sa 54 sena | 154 | 81,5 | 55 sa 54 sena | 28 | 14,8 | Età ’l fuq minn 64 sena | 0 | 0 | Persuna waħda kellha problema tas-saħħa fit-tul / diżabilità. 12. F'termini ta' kategoriji professjonali, it-tqassim huwa kif ġej: Kategorija | Għadd | Persentaġġ | Maniġers korporattivi | 7 | 3,7 | Professjonisti tax-xjenza tal-fiżika, tal-matematika u tal-inġinerija | 25 | 13,2 | Professjonisti oħra | 4 | 2,1 | Professjonisti assoċjati tax-xjenza tal-fiżika, tal-matematika u tal-inġinerija | 17 | 9,0 | Professjonisti assoċjati oħra | 8 | 4,2 | Skrivani | 13 | 6,9 | Skrivani li jieħdu ħsieb il-klijenti | 2 | 1,1 | Ħaddiema fis-snajja' tal-estrazzjoni u tal-bini | 7 | 3,7 | Ħaddiema fis-snajja' tal-metall, fil-makkinarju u fi snajja' oħra relatati | 77 | 40,8 | Ħaddiema fis-snajja' tal-preċiżjoni, tal-artiġjanat, tal-istampar u snajja' relatati | 2 | 1,1 | Operaturi ta' impjanti immobbli u operaturi relatati | 1 | 0,5 | Operaturi u muntaturi ta' magni | 12 | 6,3 | Sewwieqa u operaturi ta' impjanti mobbli | 6 | 3,2 | Ħaddiema fil-qasam tal-minjieri, tal-bini, tal-manifattura u tat-trasport | 8 | 4,2 | Total | 189 | 100,0 | 13. Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, il-Polonja kkonfermat li ġiet applikata politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll ta' nondiskriminazzjoni, u li din se tkompli tapplika matul l-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-EGF u, b'mod partikolari, fir-rigward tal-aċċess għalih. Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u tal-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu 14. Is-sensji li ngħataw f'H.Cegielski-Poznań seħħew fil-belt ta' Poznań kif ukoll fil-belt ta' Poviat f'Poznań, fejn ir-rata tal-qagħad kienet inqas mill-kumplament tal-Polonja (3,3 % kontra 9,1 % f'Wielkopolskie kollu, jew 11,9 % fil-Polonja). Fl-istess ħin, il-qagħad fiz-zona żdied l-iktar fiz-zona affetwata, fejn in-numru ta' nies qiegħda kważi rdoppja (+89 %) minn 7 942 fl-aħħar tal-2008 għal 15 024 fl-aħħar tal-2009. Din iż-żieda kienet konsiderevolment ogħla minn dik ta' Wielkopolskie Voivodship (+46 %) jew minn tal-Polonja kollha(+28 %). 15. Fiż-żona konċernata, l-appoġġ lill-persuni affettwati minn dawn is-sensji huwa pprovdut mill-Marixxal ta' Wielkopolskie Voivodship, l-uffiċċju tal-Viċi Sindku ta' Poznań, u mill-Uffiċini tax-Xogħol ta' Voivodship u Poviat f'Poznań. Il-Kunsill tax-Xogħol ta' Poznań Voivodship huwa sieħeb fil-proġett, li jinkludi kemm l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem kif ukoll it-trejdjunjins attivi tar-reġjun. L-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali 16. Fl-istess żmien meta fis-swieq tax-xogħol tal-ibliet ta' Poznań u Poviat bdew jinħassu s-sensji ta' H.Cegielski-Poznań, l-għadd ta' offerti għax-xogħol beda jonqos, b'inqas opportunitajiet għal impjiegi ġodda għal dawk li ħadu s-sensja. Dawk li jħaddmu kellhom inaqqsu l-ispejjeż tal-operat (partikolarment dawk relatati mal-persunal) biex ikunu jistgħu ikampaw f'din is-sitwazzjoni ekonomika diffiċli. Skont informazzjoni ppreżentata mill-PLO ta' Poznań, fl-2009 (fit-territorju konċernat) l-offerti għax-xogħlijiet fil-parti l-kbira tagħhom kienu fis-setturi bħall-: kummerċ, servizzi finanzjarji, protezzjoni tal-propjetà, l-industrija tal-kostruzzjoni u s-servizzi. Għalhekk, jekk wieħed jara l-kategoriji tal-ħaddiema li tilfu l-impjieg minn ma' H.Cegielski-Poznań u mill-fornituri tiegħu u l-produtturi iktar l-isfel fil-katina ta' produzzjoni (l-aktar fis-snajja' tal-metall, makkinarju u snajja' relatati oħra), jinduna li dan il-grupp kellu opportunitajiet inqas li jsib impjieg ġdid li jaqbel mal-kwalifiki tiegħu. Għalhekk l-applikazzjoni tiffoka fuq taħriġ mill-ġdid biex tgħin lill-ħaddiema. 17. Fl-aħħar ta' Marzu 2009 fil-belt ta' Poznań u f'Poviat, in-numru ta' nies jaħdmu kien ta' madwar 441 000. Is-658 sensja f'H.Cegielski-Poznań u l-fornituri tiegħu u l-produtturi iktar l-isfel fil-katina ta' produzzjoni jirrapreżentaw 0,15 % tal-popolazzjoni li tiflaħ taħdem, imma 3,8 % ta' dawk reġistrati bħala qiegħda. L-impatt ta' dawn is-sensji fuq is-suq tax-xogħol għalhekk huwa pjuttost viżibbli. Pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandhom jiġu ffinanzjati u t-tqassim tal-ispejjeż stmati tiegħu, inkluża l-komplementarjetà tiegħu mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali 18. Bħala l-ewwel pass biex tiġi offruta l-għajnuna lill-ħaddiema waqt il-perjodu ta' notifika, l-Uffiċċju tax-Xogħlijiet f'Poviat organizza laqgħa fil-Kumpanija H.Cegielski-Poznań. F'din il-laqgħa, il-ħaddiema li kienu se jieħdu s-sensja ngħataw informazzjoni dwar il-forom ta' għajnuna li setgħu jieħdu, u permezz ta' kwestjonarju, huma ġew mistoqsija liema tip ta' għajnuna xtaqu li jirċievu. Skont dawn ir-riżultati, ġiet proposta skeda għad-dispożizzjonijiet tal-miżuri personalizzati ta' kull ħaddiem. 19. Wara dan, kull ħaddiem ingħata pariri mingħand speċjalisti tas-suq tax-xogħol hekk kif huwa rreġistra mal-Uffiċċju tax-Xogħol ta' Poviat. Waqt dawn il-laqgħat, ġew ivverifikati l-aspettattivi għax-xogħol tal-ħaddiema, waqt li ġew ikkunsidrati l-kwalifiki tagħhom, l-esperjenza tax-xogħol, id-domanda tas-suq tax-xogħol lokali u l-opinjoni ta' tabib mediku tax-xogħol dwar is-saħħa tagħhom. Fil-maġġoranza tal-każijiet, ġiet organizzata laqgħa oħra individwali ma' uffiċjal tal-karrieri, kif ukoll sessjoni dwar il-ħiliet tat-tiftix għax-xogħol. Dan kollu għen lil dawk li kienu fil-mira tal-għajnuna biex jivverifikaw il-pjanijiet tagħhom għax-xogħol, jagħżlu l-aktar forom ta' miżuri addattati ta' politika attiva dwar is-suq tax-xogħol (ALMP) u jakkwistaw il-kunfidenza meħtieġa għat-tiftitx tax-xogħol. 20. Fil-kwistjoni tat-taħriġ, il-benefiċjarji aħħarin tal-proġett tal-EGF jieħdu sehem f'opportunitajiet ta' taħriġ kemm individwali kif ukoll fi gruppi, inklużi studji ta' wara l-lawrja. Fl-ewwel kwart tal-2010 ġie approvat pjan ta' azzjoni għal dawk kollha reġistrati bħala qiegħda fil-PLO f'Poznań. Kull ħaddiem fil-mira tal-miżuri tal-għajnuna tal-EGF jista' jibbenefika minn diversi tipi ta' assistenza (jiġifieri, jista' jieħu iktar minn miżura waħda). 21. Qed jiġu proposti t-tipi ta’ miżuri li ġejjin, li kollha jingħaqdu biex jiffurmaw pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati mmirati lejn l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol. 22. Taħriġ speċifiku u taħriġ mill-ġdid : Dan jinkludi l-analiżi tal-bżonnijiet tat-taħriġ għal dawk li qed ifittxu x-xogħol, u jkopri l-ispiża għat-taħriġ (inklużi l-istudji ta' wara l-lawrja), spejjeż tal-ivjaġġar jew in-nefqa tal-akkomodazzjoni u ikliet provduti waqt it-taħriġ, ikopri l-ispiża tal-eżamijiet mediċi u psikoloġiċi li jgħinu lill-ħaddiema jiksbu ċertifikati, diplomi, ċerti kwalifiki jew titli professjonali, u l-ispiża biex jinkisbu l-liċenzji neċessarji biex jitwettaq ix-xogħol. 23. Għajnuna għal impjieg indipendenti: Din tikkonsisti f'għotja ta' darba biex jinbeda negozju, inkluż l-ispiża tal-assistenza legali, konsultazzjoni u pariri dwar ir-reġistrazzjoni tan-negozju. L-għotja ma tistax tammonta għal iktar minn sitt darbiet is-salarju medju nazzjonali. Fejn l-attività taqa' taħt it-termini tal-kooperattivi soċjali, l-ammont allokat għall-ħaddiem li ngħata s-sensja ma jistax jaqbeż erba' darbiet is-salarju medju ta' membru fundatur, jew tliet darbiet is-salarju medju ta' membru li ngħaqad mal-kooperattiva soċjali wara l-fondazzjoni tagħha. 24. Allokazzjonijiet għat-taħriġ: Dan jinkludi boroż ta' studju għan-nies irreferuti għat-taħriġ. 25. In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF, li hija inkluża fl-applikazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, tkopri attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni u kontroll kif ukoll it-tagħrif u r-reklamar. 26. Is-servizzi personalizzati ppreżentati mill-awtoritajiet Pollakki huma miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet Pollakki jistmaw li l-ispejjeż totali ta’ dawn is-servizzi huma ta’ EUR 163,700 u li l-ispiża għall-implimentazzjoni tal-EGF hija ta' EUR 12,070 (6.9 % tal-ammont totali). Meta jitqies d-daqs żgħir tal-baġit totali, dan il-livell ogħla huwa aċċettat. Il-kontribuzzjoni totali mitluba mill-EGF hija ta’ EUR 114 250 (65 % tal-ispejjeż totali). Azzjonijiet | L-għadd stmat ta’ ħaddiema fil-mira | L-ispiża stmata għal kull ħaddiem fil-mira (f'EUR) | Spiża totali (l-EGF u l-kofinanzjament nazzjonali) (f’EUR) | Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006) | Taħriġ u taħriġ mill-ġdid | 134 | 350 | 46 900 | Għajnuna għal impjieg indipendenti | 18 | 5 000 | 90 000 | Allokazzjonijiet għat-taħriġ | 134 | 200 | 26 800 | Sottototal tas-servizzi personalizzati | 163 700 | Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006) | Attivitajiet ta' tħejjija | 1 650 | Ġestjoni | 5 250 | Tagħrif u reklamar | 4 170 | Attivitajiet ta' kontroll | 1 000 | Sottototal tan-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF | 12 070 | Stima tal-ispejjeż totali | 175 770 | Kontribut tal-EGF (65 % tal-ispejjeż totali) | 114 250 | 27. Il-Polonja tikkonferma li l-miżuri deskritti hawn fuq huma komplimentarji mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali. L-FSE se jagħti appoġġ, partikolarment lill-ħaddiema, jekk ikun hemm bżonn, permezz ta' miżuri kumplimentarji fit-tul. Dan se jiffoka ukoll fuq l-appoġġ ta' nies oħra fl-ambjent qrib tal-persuni assistiti mill-EGF, li jistgħu ukoll ikunu affettwati mill-effetti koroh tas-sensji. L-Uffiċini tax-Xogħol ta' Poviat, li ġew fdati bil-miżuri attivi tal-politika għas-suq tax-xogħol li huma proposti f'dan il-pakkett, huma ukoll responsabbli għal xi miżuri ffinanzjati mill-FSE. Għall-aħjar effett, huma se jistinkaw biex jikkumplimentaw il-forom prinċipali tas-sostenn (mill-EGF, FSE u minn sorsi nazzjonali) fil-pakkett tas-servizzi speċifiċi. 28. Ftit mill-ħaddiema affettwati mis-sensji diġà ħadu sehem fi proġetti ta' riintegrazzjoni kofinanzjati mill-FSE. Ħamsin persuna imkeċċija minn H.Cegielski-Poznań gawdew mill-proġett "Outplacement -- Your Opportunity" li kien iffinanzjat mill-FSE u organizzat mill-Wielkopolska Agencja Rozwoju Przedsiębiorczości Sp. z o.o. Barra minn hekk, persuni li kienu qed jippjanaw jibdew negozju tagħhom attendew kors organizzat mill-WARP u kofinanzjat mill-FSE bl-isem ta' “ABC of How to Set up Your Own Business”. Għat-taħriġ attendew 20 persuna mill-50 li kienu pparteċipaw fit-taħriġ tal-bidu. 29. Iċ-Ċentru għall-Edukazzjoni Prattika u Kontinwa ta' Poznań offra l-proġett “Man -- The Best Investment -- Confirm Your Skills” kofinanzjat mill-FSE. Seba' persuni li kienu tilfu l-impjieg irreġistraw, imma l-proġett għadu mhux konfermat. 30. Impjegati ta' Sulzer Chemtech Polska S.A., H. Cegielski - Logocentrum Sp. z o.o., H. Cegielski - Remocentrum Sp. z o.o. u ARWIMONT Spółdzielnia Pracy għadhom ma rċevew l-ebda għajnuna kofinanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew. Id-data/dati meta nbdew jew meta huwa maħsub li jinbdew is-servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati 31. Fit-3 ta’ Novembru 2009, il-Polonja bdiet is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati inklużi fil-pakkett koordinat propost lill-EGF għall-kofinanzjament. Din id-data għalhekk tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta' eleġibbiltà għal kull assistenza li tista' tingħata mill-EGF. Il-proċeduri għall-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali 32. Fis-17 ta' Frar 2010 ġie ppreżentat l-EGF fil-laqgħa tal-Kunsill tax-Xogħol ta' Voivodship f'Poznań. F'din il-laqgħa ġew diskussi wkoll il-miżuri ppjanati bħala parti mill-pakkett koordinat tas-servizz speċifiku; il-partijiet soċjali involuti, inklużi kemm l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u anke t-trejdjunjins, kienu preżenti. 33. L-awtoritajiet Pollakki kkonfermaw li r-rekwiżiti stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u Komunitarja dwar is-sensji kollettivi ġew issodisfati. Informazzjoni dwar azzjonijiet li huma obbligatorji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi 34. Fir-rigward tat-twettiq tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, fl-applikazzjoni tagħhom l-awtoritajiet Pollakki: 35. ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF ma tieħux post il-miżuri li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi; 36. taw prova li l-azzjonijiet jipprovdu sostenn għal ħaddiema individwali u ma għandhomx jintużaw għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi; 37. ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji Komunitarji oħra. Is-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll 38. Il-Polonja għarrfet lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja ser tkun amministrata u kkontrollata mid-Dipartiment tal-Ġestjoni tal-Fond Soċjali Ewropew, fi ħdan il-Ministeru tal-Iżvilupp Reġjonali. Il-Korp Intermedjarju se jkun l-Uffiċċju tax-Xogħol ta' Voivodship f'Poznań, l-Awtorità tal-Ħlasijiet ser tkun id-Dipartiment tal-Awtorità tal-Ħlasijiet, fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi, u l-korpi implimentattivi ser ikunu l-Uffiċini tax-Xogħol f'Poviat responsabbli għal dan. B'dan il-mod, is-sistemi tal-EGF ser ikunu simili ħafna għal dawk tal-FSE. Finanzjament 39. Fuq il-bażi tal-applikazzjoni mill-Polonja, l-kontribut propost mill-EGF għall-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati huwa ta' EUR 114,250, li jirrappreżenta 65 % tan-nefqa totali. L-allokazzjoni proposta mill-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq l-informazzjoni li ngħatat mill-Polonja. 40. Minħabba l-ammont massimu possibbli ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif ukoll l-ambitu tar-riallokazzjoni ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li timmobilizza l-EGF għall-ammont totali msemmi hawn fuq, li għandu jiġi allokat taħt l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju. 41. L-ammont propost ta' kontribuzzjoni finanzjarja jippermetti li aktar minn 25 % tal-ammont massimu annwali allokat għall-EGF jibqa' disponibbli għal allokazzjonijiet matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif mitlub mill-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. 42. Permezz tal-preżentazzjoni ta’ din il-proposta għal-mobilizzazzjoni tal-EGF, il-Kummissjoni tibda l-proċedura trijaloga simplifikata, kif meħtieġ bil-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006, bil-għan li jiġi żgurat il-ftehim taż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit dwar il-bżonn li jintuża l-EGF u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja li tilħaq ftehim dwar l-abbozz tal-proposta għaċ-ċaqliq biex, f'livell politiku xieraq, tgħarraf lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, tissejjaħ laqgħa formali ta' trijalogu. 43. B’mod separat il-Kummissjoni tippreżenta talba ta' trasferiment sabiex fil-baġit għall-2010 iddaħħal approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' ħlasijiet speċifiċi, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006. Sors tal-approprjazzjonijiet ta' ħlas 44. Fl-istat attwali ta' implimentazzjoni, huwa prevedibbli li l-approprjazzjonijiet ta' pagamenti disponibbli fl-2010 skont il-linja baġitarja 01,0404 "Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni – Programm ta' intraprenditorija u innovazzjoni" mhumiex se jintużaw kollha din is-sena. 45. Tabilħaqq, din il-linja tkopri n-nefqa relatata mal-implimentazzjoni tal-istrument finanzjarju ta' dan il-programm, bl-għan ewlieni tagħha huwa li tiffaċilita l-aċċess ta' SMEs għall-finanzi. Bejn it-trasferimenti lejn il-kontijiet fiduċjarji ġestiti mill-Fond Ewropew tal-Investiment u l-ħlas lill-benefiċjarji jeżisti xi ftit dewmien ta' żmien. Il-kriżi finanzjarja għandha effett kbir fuq it-tbassir fir-rigward tal-ħlasijiet għall-2010. Bħala riżultat, sabiex jiġu evitati bilanċi eċċessivi fuq il-kontijiet fiduċjarji, il-metodoloġija għall-kalkolu tal-approprjazzjonijiet ta' ħlas ġiet riveduta, filwaqt li tqiesu l-ħlasijiet mistennija. L-ammont ta' EUR 114 250 għalhekk jista' jsir disponibbli għat-trasferiment. 46. Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni bi qbil mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/006 PL/H.Cegielski-Poznań mill-Polonja) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[4], u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu, Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[5], u b’mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea[6], Billi: (1) Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) twaqqaf biex jipprovdi sostenn addizzjonali għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba tibdiliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjin dovuti għall-globalizzazzjoni u sabiex jiġu megħjuna fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol. (2) L-ambitu tal-EGF twessa’ għal applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi s-sostenn għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali. (3) Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-EGF fi ħdan il-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun. (4) Il-Polonja ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward ta' sensji fl-intrapiża H.Cegielski-Poznań Poland S.A., fit-8 ta' Marzu 2010 u ssupplimentatha b'informazzjoni addizzjonali sal-10 ta' Awwissu 2010. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontributi finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni, għalhekk, tipproponi li jiġi mobilizzat ammont ta' EUR 114 250. (5) L-EGF għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribut finanzjarju għall-applikazzjoni mressqa mill-Polonja. IDDEĊIDEW KIF ĠEJ: Artikolu 1 Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 114 250 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ ħlas. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . Magħmul fi, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1. [2] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1. [3] Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. [4] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1. [5] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1. [6] ĠU C […], […], p. […].