52010PC0582

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2010/014 SI/ Mura mis-Slovenja) /* KUMM/2010/0582 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 19.10.2010

KUMM(2010) 582 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2010/014 SI/ Mura mis-Slovenja)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba[1] jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) permezz ta' mekkaniżmu ta' flessibbiltà, bil-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun li huma addizzjonali għall-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-EGF huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2].

Fit-28 ta' April 2010, is-Slovenja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2010/014 SI/Mura għal kontribuzzjonifinanzjarja mill-EGF, wara s-sensji mill-intrapriża Mura, Dar tal-Moda Ewropea, Proizvodjna oblačil, d.d. (minn hawn 'il quddiem 'Mura') fis-Slovenja.

Wara analiżi bir-reqqa ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament huma ssodisfati.

SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI U ANALIŻI

Dejta ewlenija: |

Nru ta’ referenza tal-EGF | EGF/2010/014 |

Stat Membru | Is-Slovenja |

L-Artikolu 2 | (a) |

Intrapriża primarja | Mura |

Fornituri u produtturi fl-istadji aħħarija tal-katina tal-produzzjoni | 0 |

Perjodu ta’ referenza | 21.10.2009 – 20.2.2010 |

Data ta' bidu għas-servizzi personalizzati | 26.10.2009 |

Data tal-applikazzjoni | 28.4.2010 |

Sensji matul il-perjodu ta' referenza | 2 554 |

Sensji qabel u wara l-perjodu ta' referenza: | 0 |

It-total eliġibbli ta' sensji | 2 554 |

Ħaddiema li ngħataw is-sensja u li se jingħataw appoġġ | 2 554 |

Nefqa għas-servizzi personalizzati (EUR) | 3 325 370 |

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF [3] (EUR): | 133 000 |

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF (%) | 3,8 |

Baġit totali (EUR) | 3 458 370 |

Il-kontribuzzjoni tal-EGF f'EUR (65 %) | 2 247 940 |

1. L-applikazzjoni tressqet quddiem il-Kummissjoni fit-28 ta’ April 2010 u kienet issupplimentata b'tagħrif addizzjonali sal-24 ta’ Ġunju 2010.

2. L-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-tħaddim tal-EGF kif stipulat fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 u ġiet ippreżentata sal-iskadenza ta' 10 ġimgħat kif stipulat fl-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament.

Ir-rabta bejn is-sensji u bidliet strutturali ewlenin fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni jew il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali

3. Sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji mogħtija u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, is-Slovenja targumenta li wara l-prestazzjoni inkoraġġanti tal-industrija tat-tessuti fis-27 Stat Membru tal-UE fl-2007, din ħadet daqqa ta' ħarta notorja fl-2008 minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja. Id-diffikultajiet iffaċċjati minn xi 'setturi ta' utenti aħħarija tat-tessuti' (jiġifieri l-bini, l-industrija tal-karozzi u d-djar) flimkien mal-ispejjeż li qed jiżdiedu tal-produzzjoni kienu detrimentali għas-settur tat-tessuti. L-awtoritajiet Sloveni jikkwotaw l-istatistika tal-EUROSTAT li turi li fl-ewwel tliet xhur tal-2009 l-produzzjoni naqset bi 23 % fl-industrija tat-tessuti u b'14 % fis-settur tal-ħwejjeġ meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2008. Dan it-tnaqqis fid-domanda nħass direttament fis-Slovenja: 4 297 impjieg intilfu fil-manifattura tal-ilbies bejn Ġunju 2008 u Diċembru 2009, li jirrappreżentaw 46 % tal-impjiegi kollha li kien hemm f'Ġunju 2008 f'dan is-settur. B'mod simili, 2 030 impjieg intilfu fil-manifattura tat-tessuti tul l-istess perjodu, li jirrappreżentaw 27 % tal-impjiegi kollha li kien hemm f'dan is-settur f'Ġunju 2008.

Indikazzjoni tan-numru ta' sensji u konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(a)

4. Is-Slovenja ressqet din l-applikazzjoni skont il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li jirrikjedi mill-inqas 500 sensja tul perjodu ta’ erba’ xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li jitkeċċew mill-fornituri tagħha jew mill-produtturi involuti fl-istadji aħħarija ta’ produzzjoni.

5. L-applikazzjoni ssemmi 2 554 sensja f’impriża waħda, Mura, matul il-perjodu ta’ erba’ xhur mill-21 ta’ Ottubru 2009 sal-20 ta’ Frar 2010. Dawn is-sensji kollha ġew ikkalkolati skont it-tieni inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Spjegazzjoni tan-natura mhux prevista ta’ dawn is-sensji

6. L-awtoritajiet Sloveni jargumentaw li, bl-aġġustament għall-istruttura l-ġdida mitluba mill-klijenti tagħha (bħall-produzzjoni f'serje żgħar, il-flessibbiltà, il-prinċipju ta' fl-aħħar mument possibbli, eċċ.) Mura rnexxilha, tul l-aħħar snin, tiggarantixxi kuntratti ma' msieħba soċjali bħal Hugo Boss, Escada, René Lezard, Strellson, Windsor, eċċ., li jirrikjedu servizzi ta' produzzjoni li jinvolvu l-ikbar attenzjoni u tal-ogħla kwalità. Mill-2003, meta Mura għaddiet minn ristrutturar kbir il-valur miżjud għal kull ħaddiem żdied b'21 % u l-produttività bi 23 %. It-terminazzjoni reċenti ta' kuntratti minn diversi klijenti prinċipali ta' Mura (Hugo Boss, Escada u René Lezard) ma setgħux ikunu previsti. It-tnaqqis fl-ordnijiet minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja kkostitwixxiet fattur ieħor li ma kienx previst.

Identifikazzjoni tal-intrapriżi li taw is-sensji u l-ħaddiema li se jingħataw l-għajnuna

7. L-applikazzjoni ssemmi total ta' 2 554 sensja fl-impriża waħda, Mura, li kollha se jingħataw l-għajnuna.

8. It-tqassim tal-ħaddiema li se jingħataw l-għajnuna huwa kif ġej:

Kategorija | Għadd | Perċentwali |

Irġiel | 552 | 21,6 |

Nisa | 2 002 | 78,4 |

Ċittadini tal-UE | 2 554 | 100,0 |

Ċittadini minn barra l-UE | 0 | 0 |

Età bejn il-15 u l-24 sena | 1 | > 0 |

Età bejn il-25 u l-54 sena | 2 455 | 96,1 |

Età bejn il-55 u l-64 sena | 98 | 3,9 |

Hemm 583 ħaddiem [4] (22.8 %) bi problema tas-saħħa persistenti jew diżabbiltà inklużi fil-kategoriji hawn fuq.

9. F'termini ta' kategoriji professjonali, it-tqassim huwa kif ġej:

Kategorija | Għadd | Perċentwali |

Manifatturi tal-ilbies | 1 077 | 42,2 |

Ħaddiema fit-tessuti | 70 | 2,7 |

Negozjanti | 43 | 1,7 |

Ekonomisti u xogħlijiet assoċjati | 37 | 1,4 |

Installaturi u plamers | 29 | 1,1 |

Amministraturi | 20 | 0,8 |

Persuni li jittrattaw il-metall | 20 | 0,8 |

Oħrajn[5] | 156 | 6,1 |

Mhux speċifikata | 1 102 | 43,1 |

10. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Sloveni taw ukoll it-tqassim li ġej tal-ħaddiema fir-rigward tal-livell tal-edukazzjoni:

Kategorija | Għadd | Perċentwali |

Skola primarja mhix mitmuma | 1 114 | 43,6 |

Primarja u skola sekondarja tal-ewwel livell | 237 | 9,3 |

Edukazzjoni sekondarja ogħla vokazzjonali | 16 | 0,6 |

Edukazzjoni sekondarja ogħla teknika | 797 | 31,2 |

Edukazzjoni sekondarja ogħla ġenerali | 319 | 12,5 |

Programmi vokazzjonali ogħla | 35 | 1,4 |

Edukazzjoni universitarja | 30 | 1,2 |

P.hd jew master | 1 | - |

Mhux speċifikata | 5 | 0,2 |

11. Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, is-Slovenja kkonfermat li ġiet applikata, u se tkompli tiġi applikata, politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, kif ukoll politika ta' nondiskriminazzjoni matul l-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-EGF u, b'mod partikolari, fl-aċċess għall-EGF.

Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u l-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu

12. It-territorju li prinċiparjament intlaqat mis-sensji huwa r-reġjun tan-NUTS III ta' Pomurje (SI011). Dan ir-reġjun jinkludi 26 muniċipalità, li huma parti minn erba' unitajiet amministrattivi.

13. L-awtoritajiet responsabbli huma l-Ministeru tax-Xogħol, il-Familja u l-Affarijiet Soċjali, is-Servizz tal-Impjiegi tas-Slovenja u l-uffiċċju reġjonali tiegħu Murska Sobota kif ukoll is-26 muniċipalità fir-reġjun. Partijiet interessati oħra jinkludu it-Trejdjunjin tal-Grupp Mura, il-Fond tax-Xogħol ta' Prekmurje u l-fond reġjonali tax-xogħol ta' Pomurje, il-Kamra tas-Snajja' u n-Negozji ż-Żgħar tas-Slovenja, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija tas-Slovenja kif ukoll iċ-Ċentru tal-Ħidma Soċjali Murska Sobota.

L-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward l-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

14. L-awtoritajiet Sloveni jargumentaw li l-impjiegi li ġġenerat Mura kienu importanti ħafna għar-reġjun ta' Pomurje, li ekonomikament mhux qed ilaħħaq mal-medja Slovena. Minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja s-sitwazzjoni kompliet tiddeterjora b'mod sinifikanti. Fl-2008 f'Pomurje meta mqabbel mal-medja Slovena, id-dħul għal kull ħaddiem kien 33 % iktar baxx, il-valur miżjud għal kull ħaddiem kien 30 % iktar baxx u s-salarju għal kull ħaddiem f'kumpanija kien 20 % iktar baxx.

15. Fil-bidu tal-2008, Mura impjegat 3 135 ħaddiem. Dan irrappreżenta iktar minn 7 % tal-persuni impjegati fir-reġjun ta' Pomurje. Barra minn Mura Pomurka kumpanija kbira oħra fir-reġjun ta' Pomurje ddikjarat li kienet falluta. Għalhekk, is-sensji mill-kumpanija Mura se jkollhom impatt lokali u reġjonali sinifikanti.

Pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati u tqassim tal-ispejjeż stmati, inkluża l-komplementarjetà tiegħu mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali

16. Qed jiġu proposti t-tipi ta’ miżuri li ġejjin, li kollha jingħaqdu biex jiffurmaw pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati mmirati lejn l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol.

17. Għajnuna fit-tfittxija għal impjieg (workshop 2009) : Din tinkludi żewġ workshops, wieħed li jdum 15-il siegħa u ieħor li jdum sitt sigħat u li jsir fi gruppi ta' 15-il parteċipant. Il-workshops jimmiraw li jinfurmaw lill-ħaddiema li jkunu sfaw imkeċċija dwar id-drittijiet tagħhom u dwar l-obbligi ta' min iħaddem, ifasslu pjanijiet ta' żvilupp fil-karriera tagħhom u li jgħinu lil ħaddiema li jingħataw is-sensja jiksbu ħiliet ta' komunikazzjoni u tekniki oħra li jkunu utli meta wieħed ikun qed ifittex impjieg ġdid.

18. Għajnuna fit-tfittxija għal impjieg (workshop I/2010) : Dan il-workshop, li jdum tmien sigħat u li jsir fi gruppi ta' 10 sa 15-il parteċipant, jimmira li jippreżenta l-possibbiltajiet u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol lil ħaddiema li jingħataw is-sensja kif ukoll jgħaddilhom ħiliet li jiġu utli f'intervista u jgħallimhom kif jaffaċċjaw in-nuqqas ta' suċċess.

19. Taħriġ u taħriġ mill-ġdid (workshop II): Dan ikopri workshop immirat lejn definizzjoni ulterjuri tal-objettiv personali fl-impjieg tal-ħaddiem li jkun ingħata s-sensja u żgurar tal-involviment attiv tiegħu/tagħha f'miżuri attivi tal-impjieg. Dan jinkludi taħlita ta' xogħol fi gruppi, xogħol ma' speċjalisti minn diversi oqsma u taħriġ individwali. It-tul totali ta' din il-miżura huwa ta' tmien xhur.

20. Klabb tal-xogħlijiet : Dan jirrelata ma' kumbinazzjoni ta' kors ta' taħriġ mifrux fuq ġimagħtejn segwit minn xahrejn u nofs ta' attivitajiet ta' tfittxija attiva għal xogħol bl-assistenza ta' mentor. Din il-miżura hija mmirata lejn ħaddiema li jingħataw is-sensja b'objettiv fl-impjieg li hu definit b'mod ċar.

21. Gwida tax-xogħol (punti ta' informazzjoni) : Il-punti ta' informazzjoni jimmiraw li jilħqu lil ħaddiema li jingħataw is-sensja u li jkunu qed jaffaċċjaw diffikultajiet biex jaċċessaw il-workshops biex jinfurmaw ruħhom dwar it-taħriġ u l-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol. Se jinfetħu punti ta' informazzjoni f'postijiet pubbliċi f'kull wieħed mis-27 muniċipalità fir-reġjuni ta' Prekmurje u Pomurje.

22. Il-ħidma ma' min iħaddem : Din tkopri l-identifikazzjoni tal-opportunitajiet tax-xogħol u l-bżonnijiet ta' min iħaddem u timmira li tinkoraġġixxi lil min iħaddem biex jimpjiega ħaddiema ġodda. Tfittex ukoll li tirreferi lil kandidati adattati fost il-ħaddiema mkeċċija għand persuni li jħaddmu ġodda potenzjali.

23. Promozzjoni tal-intraprenditorjat Din tkopri esebizzjoni ta' ġimgħa li ġġib l-isem 'Jiem ta' Impjieg' fejn min iħaddem jippreżenta n-negozju tiegħu u jippermetti kuntatt dirett bejn il-provvista u t-talba għax-xogħol.

24. Workshops ta' motivazzjoni : Dawn il-workshops, li huma komposti minn żewġ moduli ta' seba' sigħat u li jsiru fi ġruppi ta' 10 sa 15-il parteċipant, jimmiraw li jbiddlu l-attitudnijiet ta' grupp fil-mira magħżul biex jinkoraġġixxu lill-parteċipanti jfittxu opportunitajiet ġodda ta' impjieg b'mod attiv. Dawn il-workshops huma mmirati lejn il-ħaddiema bl-inqas motivazzjoni u bi problemi tas-saħħa żgħar.

25. Workshops newrolingwistiċi : Dawn ikopru workshops mifruxa fuq 18-il siegħa u li jsiru fi gruppi ta' 10 sa 15-il parteċipant, li jimmiraw li jimmotivaw lill-ħaddiema mkeċċija li huma l-inqas immotivati biex jitgħallmu u jiksbu ħiliet ġodda. Il-workshops huma komposti minn eżerċizzji individwali u oħrajn f'tim, inklużi diversi studji ta' każijiet, u jimmiraw li b'mod effettiv jittrasferixxu ħiliet miksuba reċentement għall-prattika.

26. Għajnuna għal impjieg indipendenti: Din tkopri sussidji għal impjieg indipendenti f'entitajiet ta' negozju stabbiliti reċentement, li jirrikjedu impjieg indipendenti għal perjodu mhux interrot ta' mhux inqas minn sena.

27. Taħriġ fuq il-post tax-xogħol : Dan jirrelata mal-iżvilupp ta' ħiliet ġodda u għerf permezz ta' taħriġ fuq il-post tax-xogħol f'xogħol li jikkorrispondi mal-livell tal-edukazzjoni tal-ħaddiema li jingħataw is-sensja u li jipparteċipaw f'din il-miżura.

28. In-nefqa amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-EGF, li hija inkluża fl-applikazzjoni, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, tkopri l-amministrazzjoni, it-tagħrif u l-pubbliċità u l-attivitajiet ta’ kontroll.

29. Is-servizzi personalizzati ppreżentati mill-awtoritajiet Sloveni huma miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet Sloveni jistmaw li l-ispejjeż totali ta’ dawn is-servizzi huma ta’ EUR 3 325 370 u li l-ispiża għall-implimentazzjoni tal-EGF hija ta' EUR 133 000 (3.8 % tal-ammont totali). Il-kontribuzzjoni totali mitluba mill-EGF hija ta’ EUR 2 247 940 (65 % tal-ispejjeż totali).

Azzjonijiet | L-għadd stmat ta’ ħaddiema fil-mira | L-ispiża stmata għal kull ħaddiem fil-mira (f'EUR) | Spiża totali (l-EGF u l-kofinanzjament nazzjonali) (f’EUR) |

Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1027/2006) |

Għajnuna fit-tfittxija għal impjieg (2009) | 1 932 | 60 | 115 920 |

Għajnuna fit-tfittxija għal impjieg (workshop I/2010) | 1 500 | 300 | 450 000 |

Taħriġ u taħriġ mill-ġdid (Workshop II): | 750 | 1 000 | 750 000 |

Klabb tal-xogħlijiet | 400 | 183 | 73 200 |

Gwida ta' xogħol (punti ta' informazzjoni) | 200 | 200 | 40 000 |

Ħidma ma' min iħaddem | 1 000 | 125 | 125 000 |

Promozzjoni tal-intraprenditorjat | 1 000 | 140 | 140 000 |

Workshops ta' motivazzjoni | 250 | 205 | 51 250 |

Workshops newrolingwistiċi | 250 | 160 | 40 000 |

Għajnuna għal impjieg indipendenti | 200 | 4 500 | 900 000 |

Taħriġ fuq il-post tax-xogħol | 400 | 1 600 | 640 000 |

Subtotal tas-servizzi personalizzati | 3 325 370 |

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006) |

Ġestjoni | 20 000 |

Tagħrif u pubbliċità | 20 000 |

Attivitajiet ta' kontroll | 93 000 |

Nefqa subtotali għall-implimentazzjoni tal-EGF | 133 000 |

Stima tal-ispejjez totali | 3 458 370 |

Kontribuzzjoni tal-EGF (65 % tal-ispejjeż totali) | 2 247 940 |

30. Is-Slovenja tikkonferma li l-miżuri deskritti hawn fuq huma komplementari mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, partikolarment mal-Programmi tal-FSE li ġejjin: Promozzjoni ta' impjieg għal min ilu bla xogħol, Taħriġ għal iktar impjegabbiltà, Taħriġ istituzzjonali u Tħejjija għal proċeduri ta' valutazzjoni u għoti ta' Kwalifiki Vokazzjonali Nazzjonali. L-awtoritajiet Sloveni ddikjaraw li fit-twettiq ta' kontroll amministrattiv se jagħtu attenzjoni speċjali sabiex jiżguraw li l-azzjonijiet li jirċievu kontribuzzjoni mill-EGF ma jirċevux ukoll għajnuna minn strumenti finanzjarji oħra tal-Komunità.

Id-data/dati meta nbdew jew meta huwa maħsub li jinbdew servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati

31. Is-Slovenja nediet is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati inklużi fil-pakkett koordinat propost lill-EGF għall-kofinanzjament, fis-26 ta' Ottubru 2009. Din id-data għalhekk tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta' eliġibbiltà għal kull għajnuna li tista' tingħata mill-EGF.

Il-proċeduri għall-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali

32. L-Awtoritajiet Sloveni jistqarru li skont l-Att dwar ir-Relazzjonijiet fl-Impjieg, Mura infurmat lit-trejdjunjins dwar is-sensji kollettivi u bagħtet notifika dwar is-sensji kollettivi lis-Servizz tal-Impjiegi tas-Slovenja. L-awtoritajiet Sloveni jkomplu jargumentaw li s-servizzi personalizzati proposti huma r-riżultat tal-esperjenzi miksuba mill-ministeru u s-servizzi tal-impjiegi waqt ħidma ma' ħaddiema li ngħataw is-sensja, u li għalhekk ma kinux jinvolvu b'mod attiv lit-trejdjunjins fit-tħejjija tal-attivitajiet proposti. Madankollu, it-Trejdjunjin tal-Grupp Mura kien involut fil-proċedura ta' falliment mill-bidu. Hija assistiet fil-kompilazzjoni ta' lista ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja u fl-organizzazzjoni ta' għajnuna soċjali għall-ħaddiema.

33. L-awtoritajiet Sloveni kkonfermaw li r-rekwiżiti stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Komunità li jikkonċernaw is-sensji kollettivi ġew issodisfati.

Tagħrif dwar azzjonijiet li huma obbligatorji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi

34. Fir-rigward tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Sloveni fl-applikazzjoni tagħhom:

35. ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF ma tissostitwixxix miżuri li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;

36. urew li l-azzjonijiet jipprovdu appoġġ għal ħaddiema individwali u ma għandhomx jintużaw għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi,);

37. ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli msemmijin hawn fuq ma jirċevux għajnuna minn strumenti finanzjarji Komunitarji oħra.

Sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

38. Is-Slovenja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-EGF mhix se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess entitajiet li jiġġestixxu u jikkontrollaw l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) li jiffinanzja lis-Slovenja. Il-Ministeru tax-Xogħol, il-Familja u l-Affarijiet Soċjali għandu r-rwol ta' entità intermedjarja fis-sistema tal-FSE. Madankollu, fis-sistema tal-EGF diviżjonijiet differenti fis-Suq tax-Xogħol u d-Direttorat għax-Xogħol tal-Ministeru tax-Xogħol, il-Familja u l-Affarijiet Soċjali se jassumu r-rwol ta' awtorità ta' ġestjoni u ċertifikazzjoni. Is-servizz tal-impjiegi tas-Slovenja għandu r-rwol tal-benefiċjarju tal-FSE, iżda fis-sistema tal-EGF se jkollu r-rwol ta' entita intermedjarja.

Finanzjament

39. Abbażi tal-applikazzjoni mis-Slovenja, il-kontribuzzjoni proposta mill-EGF għall-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati hija ta' EUR 2 247 940, li tirrappreżenta 65 % tal-ispiża totali. L-allokazzjoni proposta tal-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq it-tagħrif li ngħata mis-Slovenja.

40. B'kunsiderazzjoni għall-ammont massimu possibbli ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif ukoll l-ambitu tal-allokazzjoni mill-ġdid ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-EGF għall-ammont totali msemmi hawn fuq, li għandu jiġi allokat taħt l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju.

41. L-ammont propost ta' kontribuzzjoni finanzjarja se jippermetti li aktar minn 25 % tal-ammont annwali massimu allokat għall-EGF jibqa' disponibbli biex ikun allokat matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif stipulat fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

42. Il-Kummissjoni, permezz ta' din il-proposta biex timmobilizza l-EGF, qiegħda tniedi l-proċedura simplifikata ta' trijalogu, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, sabiex tiżgura l-qbil taż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja dwar il-bżonn li jintuża l-EGF u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja li tilħaq ftehim dwar l-abbozz tal-proposta għall-mobilizzazzjoni, fil-livell politiku xieraq, biex tinforma lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, tissejjaħ laqgħa formali ta' trijalogu.

43. B’mod separat il-Kummissjoni għandha tippreżenta talba ta' trasferiment sabiex iddaħħal fil-baġit għall-2010 approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagamenti speċifiċi, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

Sors ta' approprjazzjonijiet ta' pagamenti

44. Fl-istat attwali ta' implimentazzjoni, huwa prevedibbli li l-approprjazzjonijiet ta' pagamenti disponibbli fl-2010 skont il-linja baġitarja 01.0404 "Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni – Programm ta' intraprenditorjat u innovazzjoni" mhumiex se jintużaw kollha din is-sena.

45. Tabilħaqq, din il-linja tkopri n-nefqa relatata mal-implimentazzjoni tal-istrument finanzjarju ta' dan il-programm, bl-għan ewlieni tagħha li huwa li tiffaċilita l-aċċess tal-SMEs għall-finanzi. Bejn it-trasferimenti lejn il-kontijiet fiduċjarji amministrati mill-Fond Ewropew għall-Investiment u l-ħlas lill-benefiċjarji jkun hemm xi ftit dewmien. Il-kriżi finanzjarja għandha effett kbir fuq il-previżjonijiet fir-rigward tal-ħlasijiet għall-2010. Bħala riżultat, sabiex jiġu evitati bilanċi eċċessivi fil-kontijiet fiduċjarji, il-metodoloġija għall-kalkolu tal-approprjazzjonijiet ta' pagamenti ġiet riveduta, filwaqt li tqiesu l-ħlasijiet mistennija. L-ammont ta' EUR 2 247 940 jista' għalhekk isir disponibbli biex jiġi trasferit.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2010/014 SI/Mura mis-Slovenja)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba[6], u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[7], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[8],

Billi:

(1) Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jingħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni u sabiex jiġu megħjuna fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2) L-ambitu tal-EGF twessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi appoġġ għall-ħaddiema li jitkeċċew bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

(3) Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-EGF fi ħdan il-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(4) Is-Slovenja ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward tat-tkeċċijiet fl-intrapriża Mura fit-28 ta' April 2010 u ssupplimentatha b'informazzjoni addizzjonali fl-24 ta' Ġunju 2010. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk ressqet proposta biex timmobilizza l-ammont ta' EUR 2 247 940.

(5) L-EGF għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjonijiet imressqa mis-Slovenja.

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 2 247 940 f'approprjazzjonijiet ta' impenji u ta' pagamenti.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Magħmul fi,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[2] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[3] Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

[4] Dan is-sehem relattivament għoli huwa minħabba l-fatt li waħda mill-kumpaniji fil-Grupp Mura kellha politika ta' tħaddim ta' persuni b'diżabbiltà.

[5] Tkopri għadd kbir ta' kategoriji żgħar, bħal spiżjara, elektrixins, persuni li jkabbru l-pjanti eċċ.

[6] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[7] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[8] ĠU C [...], [...], p. [...].