52010PC0570

OPINJONI TAL-KUMMISSJONI skont l-Artikolu 294, paragrafu 7, punt (c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar l-emendi tal-Parlament Ewropew għall-pożizzjoni tal-Kunsill rigward il- proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1331/2008 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 258/97 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 /* KUMM/2010/0570 finali - COD 2008/0002 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 11.10.2010

KUMM(2010) 570 finali

2008/0002 (COD)

OPINJONI TAL-KUMMISSJONI skont l-Artikolu 294, paragrafu 7, punt (c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar l-emendi tal-Parlament Ewropew għall-pożizzjoni tal-Kunsill rigward il- proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1331/2008 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 258/97 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001

2008/0002 (COD)

OPINJONI TAL-KUMMISSJONI skont l-Artikolu 294, paragrafu 7, punt (c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar l-emendi tal-Parlament Ewropew għall-pożizzjoni tal-Kunsill rigward il- proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1331/2008 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 258/97 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001

1. Introduzzjoni

L-Artikolu 294(7)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistipula li l-Kummissjoni għandha tagħti opinjoni dwar l-emendi proposti mill-Parlament Ewropew fit-tieni qari. Il-Kummissjoni tistabbilixxi l-opinjoni tagħha hawn taħt dwar il-104 emenda proposti mill-Parlament.

2. Sfond

Data li fiha l-proposta ntbagħtet lill-Parlament u lill-Kunsill: l-14 ta' Jannar 2008

Dokument COM (2007)872 finali -2008/0002 (COD)

Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: id-29 ta' Mejju 2008

Data tal-opinjoni tal-Parlament fl-ewwel qari: il-25 ta' Marzu 2009

Data li fiha l-proposta emendata ntbagħtet lill-Parlament u lill-Kunsill: l-ebda

Data ta' qbil politiku dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill: it-22 ta' Ġunju 2009

Data ta' adozzjoni formali tal-pożizzjoni tal-Kunsill: il-11 ta' Marzu 2010

Data tal-opinjoni tal-Parlament fit-tieni qari: is-7 ta' Lulju 2010

Data tat-trażmissjoni tal-opinjoni tal-Parlament fit-tieni qari: id-9 ta' Awwissu 2010

3. L-iskop tal-proposta

L-awtorizzazzjoni u l-użu ta' ikel ġdid ilhom jiġu rregolati fil-livell tal-UE mill-1997 meta ġie adottat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 258/97. L-għan tal-abbozz tar-Regolament huwa li jaġġorna u jiċċara l-qafas regolatorju għall-awtorizzazzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' ikel ġdid filwaqt li jiżgura s-sikurezza tal-ikel, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-interessi tal-konsumatur u l-funzjonament tas-suq intern. Dan jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 258/97 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001.

Din il-proposta timmira li tissimplifika u tiċċentralizza, fil-livell tal-Unjoni, il-proċedura ta' awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni. Din tiżviluppa proċedura ta' awtorizzazzjoni speċifika għall-ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi u tiċċara d-definizzjoni ta' ikel ġdid, inklużi teknoloġiji ġodda b'impatt fuq l-ikel.

Il-proċedura eżistenti għall-estensjonijiet fl-użu hija mneħħija u l-awtorizzazzjonijiet marbuta mal-applikanti huma sostitwiti minn deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni ġeneriċi għajr meta l-protezzjoni tad-dejta tingħata għal prodotti tal-ikel innovattivi.

Il-proposta tikkonferma wkoll l-" istatus quo " għall-ikel li jiġi minn annimali li jitnisslu minn tekniki ta' tgħammir mhux konvenzjonali (pereżempju kloni) billi tirrikjedi espliċitament awtorizzazzjoni għal qabel it-tqegħid fis-suq filwaqt li ikel li ġej minn annimali li jitnisslu b'tekniki ta' tgħammir konvenzjonali (pereżempju frieħ tal-kloni) mhux ikkunsidrat bħala ikel ġdid.

4. Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-emendi mill-Parlament Ewropew

4.1. Sommarju tal-opinjoni tal-Kummissjoni

Il-Parlament adotta 104 emenda għall-pożizzjoni tal-Kunsill. Il-Kummissjoni tista' taċċetta 34 emenda, b'mod sħiħ jew parzjalment.

Il-Kummissjoni tista' taċċetta 16-il emenda bla tibdil (nri 3, 8, 12, 17, 27, 44, 56, 57, 75 90, 91, 93, 99, 111, 114, 117) u tista' taċċetta 18-il emenda parzjalment jew suġġetti għal riformolazzjoni tal-kliem (nri 1, 16, 26, 34, 35, 45, 47, 49, 50, 52, 82, 94, 95, 96, 97, 106, 109, 110).

Il-Kummissjoni ma tistax tappoġġja 70 emenda (nri 2, 4, 5, 6, 9, 10, 11, 13, 14, 15, 20, 21, 22, 23, 25, 28, 29, 30, 32, 33, 37, 39, 40, 41, 42, 43, 46, 51, 53, 54, 55, 58, 59, 61, 62, 63, 64, 65, 66, 67, 68, 69, 70, 71, 72, 74, 77, 78, 80, 81, 84, 85, 87, 88, 89, 92, 98, 100, 101, 102, 103, 104, 105, 107, 108, 113, 115, 116, 118, 120).

4.2. Emendi aċċettati mill-Kummissjoni

4.2.1 In-nanoteknoloġiji

Il-Kummissjoni tappoġġja l-prinċipju ta' definizzjoni regolatorja ta' "nanomaterjali maħdumin" biex jiġi ċċarat liema prodotti jkunu jeħtieġu approvazzjoni qabel it-tqegħid fis-suq skont ir-Regolament dwar Ikel Ġdid (l-emenda 16). Din id-definizzjoni, ibbażata fuq ix-xjenza, għandha tkun infurzabbli minn operaturi tan-negozju tal-ikel u l-awtoritajiet ta' kontroll tal-Istati Membri.

Jekk ix-xjenza tipprovdi informzzjoni ġdida dwar l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati fl-abbozz tad-definizzjoni qabel l-adozzjoni finali tat-test, il-Kummissjoni se tissottometti l-bidliet xierqa għal dik id-definizzjoni lill-koleġiżlaturi.

Il-Kummissjoni taqbel mal-ħtieġa li tiġi adatta d-definizzjoni regolatorja ta' "nanomaterjali maħdumin" għall-progress xjentifiku u l-iżviluppi internazzjonali perezz ta' atti ddelegati (l-emendi 34 u 49).

Fir-rigward, tat-tikkettar tan-nanomaterjali fl-oġġetti tal-ikel, il-Kummissjoni tista' taċċetta l-prinċipju ta' tikkettar obbligatorju u sistematiku tal-ikel u l-ingredjenti tal-ikel kollha li fihom in-nanomaterjali (l-emenda 75). Dan ir-rekwiżit ta' tikkettar ikun japplika fil-livell tal-lista ta' ingredjenti u għall-ingredjenti kollha fl-ikel li jkun fihom nanomaterjali maħdumin koperti mid-definizzjoni msemmija fuq.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rekwiżit tat-tikkettar preferabbilment għandu jitfassal fil-qafas tal-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi biex ikun hemm approċċ koerenti lejn it-tikkettar tan-nanomaterjali maħdumin fl-ikel kollu.

4.2.2 Il-prinċipju ta' prekawzjoni, il-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali u l-aspetti ambjentali u etiċi

L-għan primarju tar-Regolament dwar Ikel Ġdid huwa li jiżgura s-sikurezza tal-ikel permezz ta' valutazzjoni tar-riskju sistematika tal-UE u proċedura ta' awtorizzazzjoni qabel jingħata l-aċċess għas-suq u ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-prodotti fl-UE.

Madankollu, il-Kummissjoni tappoġġja l-inklużjoni, fejn ikun applikabbli, tal-għanijiet relatati mal-protezzjoni tas-saħħa tal-annimali, tal-benesseri tal-annimali, tal-ambjent u tal-protezzjoni tal-konsumatur (l-emendi 1, 3 u 35).

4.2.3 Ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi

Il-Kummissjoni tista' taqbel mar-rekwiżit ta' perjodu ta' 25 sena ta' konsum fil-pajjiżi terzi biex tintwera l-istorja ta' użu sikur tal-ikel ta' oġġetti tal-ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi (l-emenda 47). Dan flimkien mal-bżonn li tiġi sottomessa dejta rilevanti meħtieġa biex tiġi stabbilita s-sikurezza ta' dawn l-oġġetti tal-ikel.

4.2.4 Testijiet fuq l-annimali

Il-Kummissjoni taqbel li testijiet ripetuti fuq il-vertebrati għandhom kemm jista' jkun jiġu evitati. Għalhekk, tista' tingħata l-possibbiltà li applikant jirreferi għar-riżultati ta' testijiet ta' studju li jkunu saru fuq l-annimali minn applikant preċedenti bl-għoti ta' kumpens finanzjarju, anke meta l-protezzjoni tad-dejta tkun ingħatat. Madankollu, tali possibbiltà ma tfissirx li l-applikant preċedenti għandu l-obbligu li jagħti aċċess għad-dejta tiegħu fil-każijiet kollha. Għalhekk l-emenda 99 tista' tiġi aċċettata jekk tiġi riformolata biex jiġi ċċarat dan l-aspett.

4.2.5 Adattament għat-Trattat ta' Lisbona

Fir-rigward tal-adattament tad-definizzjoni ta' "nanomaterjali maħdumin" għall-progress xjentifiku u tekniku u għad-definizzjonijiet li kien hemm qbil dwarhom fil-livell internazzjonali, il-Kummissjoni tikkunsidra li rikors lejn il-"proċedura leġiżlattiva ordinarja" għar-reviżjoni tagħha jipprevjeni li din id-definizzjoni tirrifletti l-aħjar stat tax-xjenza u tista' taqbel mar-reviżjoni tagħha permezz ta' atti ddelegati (l-emenda 49).

Fir-rigward tal-modalitajiet għad-delegazzjoni u r-revoka tal-poter tal-Kummissjoni għall-adozzjoni ta' atti ddelegati u għal oġġezzjonijiet għal atti ddelegati, il-Kummissjoni tista' tappoġġja l-emendi tal-PE (l-emenda 109 fir-rigward tat-tul ta' żmien tad-delegazzjoni, l-emenda 110 fir-rigward tal-modalitajiet għar-revoka tad-delegazzjoni u l-emenda 111 fir-rigward tal-modalitajiet għat-tqajjim ta' oġġezzjonijiet għal atti ddelegati).

4.3. Emendi miċħuda mill-Kummissjoni

4.3.1. L-ikklownjar

Il-PE jitlob proposta leġiżlattiva li tipprojbixxi l-ikel mill-kloni u l-frieħ tagħhom tal-ġenerazzjonijiet kollha fi żmien sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (l-emenda 5). Il-PE jitlob ukoll moratorju fuq it-tqegħid fis-suq ta' tali prodotti sakemm tiġi adottata l-proposta (l-emenda 14) u rapport li jittratta l-aspetti kollha tal-ikklownjar fi żmien tliet snin u nofs wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar Ikel Ġdid, akkumpanjati minn kwalunkwe proposta leġiżlattiva jekk ikun neċessarju (l-emenda 113).

Wara diskussjonijiet estensivi kemm fil-livell tal-PE u kemm f'dak tal-Kunsill, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-Regolament dwar Ikel Ġdid mhuwiex il-qafas legali x-xieraq biex tiġi indirizzata globalment il-kwistjoni tal-ikklownjar għall-produzzjoni tal-ikel. B'mod partikolari, il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti għajr l-ikel (materjali riproduttivi) ma jistgħux ikunu koperti mir-Regolament dwar Ikel Ġdid li jittratta esklużivament l-awtorizzazzjoni qabel it-tqegħid fis-suq tal-prodotti tal-ikel.

Il-Kummissjoni se tadotta wkoll, l-iktar tard sa nofs Novembru, rapport dwar l-aspetti kollha tal-użu tat-teknika tal-ikklownjar għall-produzzjoni tal-ikel. Dan ir-rapport se jservi ta' bażi għal iktar diskussjonijiet dwar din il-kwistjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE. Il-Kummissjoni hija lesta li tilħaq kunsens u qed tikkunsidra l-alternattivi għal qafas legali futur.

4.3.2. In-nanoteknoloġiji

Il-Kummissjoni ma taqbilx mas-suppożizzjoni tal-PE li l-metodoloġija ġenerali użata għall-valutazzjoni tar-riskju tal-oġġetti tal-ikel ma tkunx applikabbli għal dik tan-nanomaterjali fl-ikel (l-emenda 6) u li, sakemm jiġu żviluppati metodi ta' testijiet speċifiċi, ma għandux jitqiegħed ikel li jkun fih in-nanomaterjali fis-suq tal-UE (l-emenda 120).

F'konformità mal-opinjoni tal-EFSA tal-10 ta' Frar 2010, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li għandhom jiġu żviluppati testijiet addizzjonali għas-sikurezza u għodod ta' kontroll iżda li l-metodoloġija użata għall-valutazzjoni tar-riskju tal-oġġetti tal-ikel tibqa' valida (l-emendi 6, 10, 13 u 23). Għalhekk l-emendi 6, 10, 13, 23 u 120 ma jistgħux jiġu aċċettati.

Il-Kummissjoni hija obbligata li tapprova biss il-kummerċjalizzazzjoni ta' ikel li jkun fih nanometarjali li għalihom tkun ġiet stabbilita s-sikurezza tal-ikel.

4.3.3. Ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi

Il-Kummissjoni tikkunsidra li ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi għandu jkopri ikel derivat minn produzzjoni primarja, inkluż xi ikel proċessat sakemm ma jkunx għadda minn proċessi tal-ikel estensivi jew innovattivi u mhix favur restrizzjoni fuq "ikel ġdid naturali li mhux maħdum" (l-emenda 47– rifjut parzjali).

Il-Kummissjoni qablet ma' valutazzjoni tar-riskju sistematika mill-EFSA segwita minn awtorizzazzjoni fil-livell tal-UE bi skadenzi iqsar kif stipulat fil-pożizzjoni tal-Kunsill.

Madankollu, peress li l-emenda 81 tirreferi għall-proċedura ta' notifikazzjoni mogħtija mill-proposta oriġinali tal-Kummissjoni u tista' tiffaċilita l-kummerċ fir-rigward ta' oġġetti tal-ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi mingħajr ma tneħħi mis-sikurezza tal-ikel, il-Kummissjoni tikkunsidra li jkun xieraq li jiġi introdott mill-ġdid il-kunċett tal-proċedura ta' notifikazzjoni.

4.3.4. Protezzjoni tad-dejta

Il-Kummissjoni tikkunsidra li, f'każijiet ġustifikati kif xieraq rigward prodotti innovattivi ġenwini li għalihom tkun ingħatat protezzjoni tad-dejta, dan l-ikel ġdid għandu jibbenefika minn awtorizzazzjoni individwali u perjodu ta' ħames snin ta' esklużività fis-suq tal-UE.

Peress li awtorizzazzjonijiet ġeneriċi biss jingħataw permezz tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel, il-proċedura ta' awtorizzazzjoni fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta tidderoga b'mod ċar mill-proċedura komuni ta' awtorizzazzjoni u għalhekk għandha tinżamm separata fir-Regolament dwar Ikel Ġdid u għalhekk l-emendi 100, 101 u 102 ma jistgħux jiġu aċċettati.

Is-sinkronizzazzjoni tal-perjodi ta' protezzjoni tad-dejta li jistgħu jingħataw kemm skont ir-Regolament dwar Ikel Ġdid u kemm skont ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel tipprovdi benefiċċju mtejjeb għat-tqegħid fis-suq ta' tali prodotti.

Madankollu, peress li d-dejta li għandha tiġi vvalutata skont iż-żewġ Regolamenti hija ta' natura totalment differenti u għandha tiġi eżaminata minn bords differenti tal-EFSA, it-tqabbil tal-perjodi ta' protezzjoni tad-dejta ma jistax jiġi żgurat fil-prattika u għalhekk l-emendi 28 u 103 ma jistgħux jiġu aċċettati.

4.3.5. Adattament għat-Trattat ta' Lisbona

Il-possibbiltà li jiġu adottati iktar kriterji biex jiċċaraw id-definizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3 2) punti a)(i) sa (iv) relatati ma' sottokategoriji ta' ikel ġdid, u l-punti d) u (e) realtati ma' ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi għandhom jinżammu. It-tneħħija tiegħu timplika li tista' ssir biss permezz tal-"proċedura leġiżlattiva ordinarja " (l-emenda 33). Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-determinazzjoni ta' dawn il-kriterji hija miżura mmirata lejn is-suppliment ta' elementi li mhumiex essenzjali tar-Regolament, li għandu jiġi adottat permezz ta' atti ddelegati.

Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li l-adattament tal-miżuri li ġejjin għandu jsir permezz ta' atti implimentattivi:

- Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-istatus ta' ikel ġdid fl-Artikolu 4(4);

- Id-deċiżjonijiet dwar jekk tip ta' ikel jaqax fl-ambitu fl-Artikolu 5;

- L-aġġornament tal-lista ta' ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi u l-adozzjoni ta' regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tal-proċedura għal oġġetti tal-ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi fl-Artikolu 11(5) u (7) -

- L-adozzjoni ta' miżuri implimentattivi għall-iżgurar ta' informazzjoni pubblika fl-Artikolu 17;

- L-aġġornament tal-lista tal-Unjoni fil-każ tal-protezzjoni tad-dejta qabel l-iskadenza tal-perjodu ta' ħames snin tal-protezzjoni tad-dejta fl-Artikolu 16(5);

- L-adozzjoni ta' miżuri tranżizzjonali għal talbiet pendenti fl-Artikolu 27(2);

- L-aġġornament tal-lista tal-Unjoni ta' ikel ġdid awtorizzat fl-Artikolu 28(8).

Għalhekk l-emendi 32, 34, 54, 55, 70, 81 100, 101 102, 104, 108, 115 u 118 ma jistgħux jiġu aċċettati.

4.3.5. Kwistjonijiet oħra

Diversi emendi fir-rigward ta' kwistjonijiet oħra (bħall-proċeduri applikabbli għad-determinazzjoni tal-istatus ta' oġġett tal-ikel, l-istabbiliment ta' listi tal-UE ta' ikel ġdid awtorizzat, ir-regoli għall-perjodu tranżizzjonali jew l-aġġornament tar-Regolament Nru 1331/2008 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni) ma jipprovdux iktar titjib għat-test u għalhekk għandhom jiġu rrifjutati.

[pic][pic][pic]