Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/018 DE/Heidelberger Druckmaschinen mill-Ġermanja) /* KUMM/2010/0568 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 15.10.2010 KUMM(2010) 568 finali Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/018 DE/Heidelberger Druckmaschinen mill-Ġermanja) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[1] jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) permezz ta' mekkaniżmu ta' flessibilità, sal-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun, u dan apparti mill-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju. Ir-regoli applikabbli għall-kontributi mill-EGF huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2]. Fis-27 ta' Mejju 2010, il-Ġermanja ressqet l-applikazzjoni EGF/2010/018 DE/Heidelberger Druckmaschinen għal kontribut finanzjarju mill-EGF, wara li ngħataw is-sensji mill-intrapriża Heidelberger Druckmaschinen AG fil-Ġermanja. Wara analiżi bir-reqqa ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li l-kundizzjonijiet għal kontribut finanzjarju skont dan ir-Regolament huma sodisfatti. SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI U ANALIŻI Dejta prinċipali: | Nru ta’ Referenza tal-EGF | EGF/2010/018 | Stat Membru | Il-Ġermanja | Artikolu 2 | (a) | Intrapriża primarja | Heidelberger Druckmaschinen AG | Fornituri u produtturi lejn tmiem il-proċess ta' produzzjoni | 0 | Perjodu ta’ referenza | 26.1.2010 – 26.5.2010 | Data ta' bidu għas-servizzi personalizzati | 1.1.2010 | Data tal-applikazzjoni | 27.5.2010 | Sensji matul il-perjodu ta’ referenza | 1 212 | Sensji qabel u wara l-perjodu ta’ referenza | 51 | Sensji totali eliġibbli | 1 263 | Ħaddiema li ngħataw is-sensja identifikati għall-appoġġ | 1 181 | Nefqa għas-servizzi personalizzati (EUR) | 12 202 392 | Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF[3] (EUR) | 580 000 | Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF (%) | 4,5 | Baġit totali (EUR) | 12 782 392 | Kontribuzzjoni tal-EGF (65 %) (EUR) | 8 308 555 | 1. L-applikazzjoni ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fis-27 ta' Mejju 2010 u ssupplimentata b'informazzjoni addizzjonali sal-1 ta' Lulju 2010. 2. L-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-użu tal-EGF kif stabbilit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u tressqet fi żmien il-perjodu ta' skadenza ta’ 10 ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament. Ir-rabta bejn is-sensji u t-tibdiliet strutturali ewlenin fl-andamenti kummerċjali dinjin minħabba l-globalizzazzjoni jew il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali 3. Sabiex tkun stabbilita rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, il-Ġermanja targumenta li l-l-manifattura tal-makkinarju għall-istampar segwiet l-andament ġenerali tal-kostruzzjoni tal-makkinarju li fl-2009 rat tnaqqis fl-ordnijiet b’riżultat tal-kriżi. Fil-Ġermanja, f'April 2009, l-ordnijiet għall-makkinarju għall-istampar kienu 52,6 % taħt il-livell miksub f'April 2008. Tnaqqis smili kien innutat għas-27 pajjiż tal-UE. Fir-raba' kwart tal-2008 l-ordnijiet għall-makkinarju għall-istampar fil-Ġermanja kien 54 % taħt il-livell ta' dawk għar-raba' kwart fl-2007. Għall-Heidelberger Druckmaschinen AG il-bejgħ totali niżel bi 22 % fit-tieni kwart tal-2009 meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2008 u bi 33 % meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2007. 4. L-awtoritajiet Ġermaniżi jkomplu jargumentaw li, minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika, in-nefqa fuq materjal stampat, jiġifieri l-eżitu finali tat-tagħmir għall-istampar, u b'mod partikolari n-nefqa għall-materjal tal-pubbliċità, naqset b'mod sinifikanti madwar id-dinja. L-applikazzjoni tikkwota dejta ta’ Nielsen Media Research GmbH li turi tnaqqis fin-nefqa: fl-ewwel nofs tal-2009, in-nefqa fuq il-pubbliċità fl-Ewropa naqset b'aktar minn 9 % meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2008. Għas-settur tal-istampar, dan it-tnaqqis irriżulta fi grad inqas ta' użu tal-kapaċità u żieda fil-ħin li matulu t-tagħmir ma jintużax. B'konsegwenza ta' dan, l-industrija tal-istampar irreaġixxiet bi tnaqqis drastiku fin-nefqa kapitali, li min-naħa tiegħu affettwa l-manifatturi tat-tagħmir għall-istampar. Turija tan-numru ta' sensji u l-konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(a) 5. Il-Ġermanja ressqet din l-applikazzjoni skont il-kriterja ta’ intervent tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li jitlob li jkun hemm minn tal-inqas 500 sensja matul perjodu ta’ erba’ xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li jitilfu xogħolhom mal-fornituri tagħhom jew mal-produtturi iktar 'l isfel fil-katina tal-produzzjoni. 6. L-applikazzjoni tikkwota 1 212 sensja f’intrapriża waħda - Heidelberger Druckmaschinen AG – matul il-perjodu ta’ referenza mis-26 ta' Jannar 2010 sas-26 ta' Mejju 2010. Dawn is-sensji kollha ġew ikkalkolati skont it-tieni inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Spjegazzjoni tan-natura mhux prevedibbli ta’ dawk is-sensji 7. L-awtoritajiet Ġermaniżi jargumentaw li, allavolja fil-passat Heidelberger Druckmaschinen AG kellha tiffaċċja tnaqqis fid-domanda minħabba varjazzjonijiet ċikliċi, it-tnaqqis attwali fid-domanda minn din l-intrapriża b‘konsegwenza tal-kriżi finanzjarja u ekonomika ma għandux preċedent u għaldaqstant ma kienx prevedibbli. F'Lulju 2008 l-intrapriża adottat programm ta' adattament li ppreveda għal tnaqqis tal-ispejjeż ta' EUR 100 miljun fis-sena sabiex jikkumpensa għat-tnaqqis fir-ritmu tal-attività ekonomika. Wara l-kullass ta' Lehman Brothers fl-Istati Uniti u l-aggravazzjoni tal-kriżi finanzjarja, Heidelberger Druckmaschinen AG adottat aktar miżuri ta' tnaqqis tal-ispejjeż ta' EUR 200 miljun fis-sena. Madankollu, dawn l-isforzi ma kinux biżżejjed biex jipprevjenu d-deċiżjoni li ttieħdet biex għadd kbir ta' ħaddiema jingħataw is-sensja bl-għan li jkun hemm adattament għat-tnaqqis mhux prevedibbli fid-domanda b’riżultat tal-kriżi finanzjarja u ekonomika. Identifikazzjoni tal-intrapriżi li taw is-sensji u l-ħaddiema identifikati għall-appoġġ 8. L-applikazzjoni ssemmi total ta' 1 263 sensja fl-intrapriża Heidelberger Druckmaschinen AG. Minn dawn is-sensji 1 212 seħħu matul il-perjodu ta' referenza u 51 qabel il-perjodu ta' referenza. Minn dawn il-ħaddiema li ngħataw is-sensja, 1 181 huma identifikati għall-appoġġ. 9. It-tqassim tal-ħaddiema identifikati huwa kif ġej: Kategorija | Għadd | Perċentwali | Irġiel | 1 023 | 86,6 | Nisa | 158 | 13,4 | Ċittadini tal-UE | 1 150 | 97,4 | Ċittadini mhux tal-UE | 31 | 2,6 | Età bejn il-15 u l-24 sena | 179 | 15,2 | Età bejn il-25 u l-54 sena | 967 | 81.9 | Età bejn il-55 u l-64 sena | 35 | 2,9 | Fil-kategoriji ta hawn fuq hemm 39 ħaddiem (3,3 %) li għandhom problemi ta' saħħa jew diżabilità fit-tul. 10. F’termini ta’ kategoriji professjonali, it-tqassim huwa kif ġej: Kategorija | Għadd | Perċentwali | Leġiżlaturi, uffiċjali għolja u ġesturi | 2 | 0,2 | Professjonisti | 51 | 4,3 | Teknixins u professjonisti assoċjati | 138 | 11,7 | Skrivani | 165 | 14,0 | Ħaddiema tas-sengħa u dawk involuti fi snajja’ relatati | 56 | 4,7 | Operaturi tal-impjanti u tal-magni u dawk li jimmuntaw | 766 | 64,9 | Xogħlijiet elementari | 3 | 0,2 | 11. Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, il-Ġermanja kkonfermat li ġiet applikata politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll ta' nondiskriminazzjoni, u li din se tkompli tapplika matul l-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-EGF u, b'mod partikolari, fir-rigward tal-aċċess għalih. Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u l-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu 12. It-territorju li huwa prinċipalment ikkonċernat mis-sensji huwa Land Baden-Württemberg, b'mod partikolari l-bliet ta' Heidelberg u Wiesloch fid-distrett amministrattiv ta' Karlsruhe kif ukoll il-bliet ta' Ludwigsburg u Amstetten. Għadd iżgħar ta' sensji seħħu f'siti ta' produzzjoni oħra fi Brandenburg u North Rhine Westphalia. 13. L-awtoritajiet responsabbli huma l-Uffiċċji tax-Xogħol f'Heidelberg, Mannheim, Karlsruhe, Amstetten, Ludwigsburg, Brandenburg u Mönchengladbach, l-uffiċċju ċentrali tal-Uffiċċju Federali tal-Impjiegi, id-direttorat reġjonali tal-Uffiċċju Federali tal-Impjiegi f'Baden-Württenberg, North Rhine Westphalia, Berlin-Brandenburg, il-Ministeru tax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali, il-Familja u l-Anzjani tal-Land Baden-Württemberg, il-Ministeru tax-Xogħol, is-Saħħa u l-Affarijiet Soċjali tal-Land North Rhine Westphalia u l-Ministeru tax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali, in-Nisa' u l-Familja tal-Land Brandenburg. Partijiet interessati oħra jinkludu IG Metall Heidelberg, Heidelberger Druckmaschinen AG, il-kumpanija tat-trasferiment Weitblick u l-kumpanija tat-trasferiment DEKRA. Impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali 14. L-awtoritajiet Ġermaniżi jiddikjaraw li s-sensji f'Heidelberger Druckmaschinen AG huma distribwiti fuq erba' siti ta' produzzjoni f'Baden-Württemberg (Wiesloch, Heidelberg, Amstetten u Ludwigsburg), sit wieħed ta' produzzjoni f'Brandenburg fil-Land Brandenburg u sit wieħed ta' produzzjoni f'Mönchengladbach fil-Land North Rhine Westphalia. Tmien mija u sebgħin sensja (jiġifieri 70 % tas-sensji totali f'Heidelberger Druckmaschinen AG) seħħew f'siti ta' produzzjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-uffiċċju reġjonali ta' Heidelberg. Dawn it-870 sensja jirrappreżentaw tnaqqis ta' 7 % tal-ħaddiema kollha involuti fil-manifattura tal-makkinarju, tagħmir u soġġetti għal kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fiż-żona akbar ta' Heidelberg. 15. Abbażi tal-post ta' residenza tagħhom, 58 % tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Uffiċċju tax-Xogħol f'Heidelberg, 10 % taħt il-kompetenza tal-Uffiċċji tax-Xogħol f'Mannheim u Karlsruhe u l-oħrajn huma mqassmin madwar xi 20 Uffiċċju tax-Xogħol Reġjonali. L-awtoritajiet Ġermaniżi jargumentaw li, għar-reġjuni l-aktar affettwati, jiġifieri Heidelberg, Mannheim u Karlsruhe, iż-żieda fir-rata tal-qgħad bejn Diċembru 2008 u Marzu 2010 kienet ta' 12,4 %, 12,3 % u 15,6 % rispettivament, li hija ogħla b'mod sinifikanti miż-żieda ta' 3,7 % matul l-istess perjodu għall-Ġermanja bħala pajjiż sħiħ. Għaldaqstant, is-sensji jidhru li għandhom impatt sinifikanti fuq l-impjiegi reġjonali. Pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati u tqassim tal-ispejjeż stmati, inkluża l-komplementarjetà tiegħu mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali 16. Qed jiġu proposti t-tipi ta’ miżuri li ġejjin, li kollha jingħaqdu biex jiffurmaw pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati mmirat lejn l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol. 17. Allokament għat-tfittix ta’ impjieg: Allokament għal żmien qasir : Din il-miżura hija maħsuba biex tassigura l-għajxien tal-ħaddiema li jagħżlu li jibdew jaħdmu fil-kumpanija tat-trasferiment[4]. Għall-għanijiet tal-applikazzjoni tal-EGF, l-allokament għal żmien qasir huwa inkluż biss għal perjodi li fihom il-ħaddiema li ngħataw is-sensja jkunu qegħdin jieħdu sehem b’mod attiv fil-miżuri attivi ta' politika fis-suq tax-xogħol ipprovduti fiil-qafas tal-kumpanija ta' trasferiment, inklużi miżuri li jsiru fuq l-inizjattiva tal-ħaddiema infushom[5]. 18. Korsijiet ta' taħriġ li jwasslu għall-kwalifiki : Din il-miżura għandha fil-mira primarjament il-kategorija tal-ħaddiema industrijali, fejn seħħ l-akbar telf ta' impjiegi. Peress li ħafna minn dawn il-ħaddiema diġa' għandhom livell tajjeb ta' kwalifiki, il-kwalifiki l-ġodda għandhom l-għan li jaġġornaw u jikkonsolidaw l-kompetenzi professjonali tagħhom u huma bbażati fuq il-profil u intervista inizjali mal-ħaddiema. Din il-miżura tinkludi kwalifiki individwali u dawk tal-grupp fost oħrajn fl-oqsma li ġejjjin: Computer Aided Design (CAD), Computerised Numerical Control (CNC), tħin u tornitura, taħriġ speċjalizzat f'inġinerija elettrika, idrawlika u pnewmatika, ġestjoni tal-proġetti, organizzazzjoni tax-xogħol, kummerċjalizzazzjoni diretta, ġestjoni tal-kwalità. 19. Il-ġestjoni tal-kwalifiki: Din tkopri l-identifikazzjoni ta' kunċetti individwali għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema kif ukoll l-identifikazzjoni tal-kwalifiki meħtieġa. Ir-rwol tal-persuna li tiġġestixxi l-kwalifiki huwa li tirrikonċilja l-ħtieġa għal aktar kwalifiki kif identifikat matul il-proċess ta' għoti ta' pariri flimkien mal-possibilitajiet tat-taħriġ li huma disponibbli fir-reġjun. 20. Gruppi ta’ ħidma/gruppi ta’ pari: Minbarra l-attivitajiet għall-gruppi identifikati l-aktar tradizzjonali ta' ħaddiema li għandhom aktar minn 40 sena u aktar minn 50 sena kif ukoll il-ħaddiema migranti, hemm ukoll attivitajiet offruti għall-ħaddiema li riċentament bdew jaħdmu mal-kumpanija bħala apprendisti. Minbarra l-apprendistat tagħhom huma diġa' akkwistaw naqra esperjenza ta' xogħol. Permezz ta' skambju intensiv ta' esperjenza fi gruppi ta' pari dawn il-ħaddiema se jirċievu pariri prattiċi għall-ħajja tax-xogħol kif ukoll għall-possibilitajiet għal aktar żvilupp tal-perspettivi vokazzjonali tagħhom. 21. Gwida internazzjonali : Din il-miżura għandha l-għan li tipprepara ħaddiema interessati għal applikazzjoni għal xogħol barra mill-pajjiż u tkopri fost oħrajn taħriġ tal-lingwa, fieri tax-xogħol, taħriġ interkulturali kif ukoll traduzzjoni ta' dokumenti li huma neċessarji meta wieħed japplika għal impjieg. Fil-każ tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja f'Mönchengladbach qiegħda tingħata attenzjoni speċjali lill-possibbiltà ta' impjiegi tekniċi offruti mis-suq tax-xogħol li jinsab viċin fir-reġjuni li jinsabu fil-lbiċ tal-Pajjiżi l-Baxxi. 22. Gwida aktar fil-fond għall-ftuħ ta' negozju : Din tkopri appoġġ għall-ippjanar, implimentazzjoni u finanzjament ta' ftuħ ta' negozju, kif ukoll gwida speċjalizzata relatata ma' kwistjonijiet legali, taxxi, kummerċjalizzazzjoni, akkwist, verifika ta' nefqa u kwistjonijiet bankarji. 23. Riċerka fir-rigward ta’ pjazzament : Ir-riċerkaturi ta’ pjazzament jinteraġixxuma’ impjegati potenzjali u, abbażi tal-impjiegi speċifiċi vakanti, jidentifikaw l-aktar kandidati adattati u l-ħtiġijiet ta' taħriġ immirat lejn ix-xogħol speċifiku tagħhom. Din il-miżura tkopri wkoll iż-żamma ta' bażi ta' dejta ta' min iħaddem, li hi disponibbli għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja għall-applikazzjonijiet għal impjieg fuq inizjattiva tagħhom. 24. Allokament għall-mobilità : Din tkopri allokament biex tinkoraġġixxi l-ħaddiema li ngħataw is-sensja biex jaċċettaw impjieg li jkun jinvolvi bidla fil-post tar-residenza. Din titħallas ukoll fil-każ li l-benefiċjarju jiddeċiedi li jaċċetta impjieg ġdid f'pajjiż Ewropew ieħor. 25. Għoti ta' pariri u appoġġ f'każ ta' impjieg ġdid u f'każ ta' qgħad : Din il-miżura tipprevedi għall-ikkowċjar mill-kumpanija ta' trasferiment matul il-fażi li matulha l-ħaddiema li aċċettaw impjieg ġdid, ikunu qegħdin jadattaw ruħhom għal dan l-impjieg. Din il-miżura tipprovdi wkoll appoġġ għall-ħaddiema li ma jsibux xogħol ġdid hekk kif jispiċċaw minn mal-kumpanija ta’ trasferiment. Sabiex tassigura kontinwità fl-attivitajiet ta' pjazzament, huma se jżommu l-istess netwerk ta' sorveljanza bħal dak li kellhom mal-kumpanija ta' trasferiment għal perjodu massimu ta' sitt xhur wara li jkunu spiċċaw minn mal-kumpanija ta' trasferiment. 26. In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF, li hija inkluża fl-applikazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, tkopri attivitajiet ta' ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità u attivitajiet ta' kontroll. 27. Is-servizzi personalizzati ppreżentati mill-awtoritajiet Ġermaniżi huma miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 L-awtoritajiet Ġermaniżi jistmaw li l-ispejjeż totali ta’ dawn is-servizzi huma ta’ EUR 12 202 392 u li n-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF hija ta' EUR 580 000 (4,5 % tal-ammont totali). Il-kontribuzzjoni totali mitluba mill-EGF hija ta’ EUR 8 308 555 (65 % tal-ispejjeż totali). Azzjonijiet | Għadd stmat ta’ ħaddiema identifikati | L-ispiża stmata għal kull ħaddiem identifikat (f'EUR) | Spejjeż totali (l-EGF u l-kofinanzjament nazzjonali) (f’EUR) | Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006) | Allokament għat-tfittix ta’ impjieg: allokament fuq medda qasira ta' żmien (Beihilfen für die Arbeitssuche: Transferkurzarbeitergeld) | 1 181 | 6 722 | 7 938 682 | Korsijiet ta' taħriġ li jwasslu għall-kwalifiki (Qualifizierunge) | 553 | 3 683 | 2 036 699 | Ġestjoni ta' korsijiet li jwasslu għall-kwalifiki (Qualifizierungmanagement) | 553 | 251 | 138 803 | Gruppi ta’ ħidma u gruppi ta’ pari | 235 | 772 | 181 420 | Gwida internazzjonali ((Internationale Beratung) | 250 | 347 | 86 750 | Gwida aktar fil-fond għall-ftuħ ta' negozju (Vertiefte Existenzgründerberatung) | 92 | 1 967 | 180 964 | Riċerka fir-rigward ta’ pjazzament (Stellenresearch) | 880 | 493 | 433 840 | Allokamenti għall-mobilità (Mobilitätshilfen) | 66 | 3 209 | 211 794 | Għoti ta' parir u appoġġ f'każ ta' impjieg ġdid u f'każ ta' qgħad (Beratung und Betreuung bei Arbeitsaufnahme und Arbeitslosigkeit) | 1 120 | 887 | 993 440 | Subtotal tas-servizzi personalizzati | 12 202 392 | In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006) | Subtotal tan-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF | 580 000 | Stima tal-ispejjez totali | 12 782 392 | Kontribuzzjoni tal-EGF (65 % tal-ispejjeż totali) | 8 308 555 | 28. Il-Ġermanja tikkonferma li l-miżuri deskritti hawn fuq huma komplementarji mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, b'mod partikolari mal-korsijiet ta' taħriġ ċertifikat mill-FSE lejn kwalifiki pprovduti fil-qafas tal-programm federali FSE-BA. L-awtoritajiet Ġermaniżi daħħlu fis-seħħ il-mekkaniżmi neċessarji biex jevitaw kwalunkwe riskju ta' finanzjament doppju. Id-data/i meta nbdew jew huwa maħsub li jinbdew is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati 29. Il-Ġermanja bdiet toffri s-servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati inklużi fil-pakkett koordinat propost lill-EGF għall-kofinanzjament, fl-1 ta’ Jannar 2010. Din id-data, għalhekk, tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta' eliġibilità għal kwalunkwe appoġġ li jista' jingħata mill-EGF. Proċeduri għall-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali 30. Il-Ministeru Federali għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali kellu diversi diskussjonijiet mal-partijiet involuti fl-intrapriża Heidelberger Druckmaschinen AG sabiex jiġu esplorati l-possibiltajiet għall-appoġġ mill-EGF u biex jintlaħaq ftehim komuni dwar l-elementi ewlenin tal-appoġġ. F'din il-konsultazzjoni pparteċipaw ukoll ir-rappreżentanti mill-Uffiċċju tal-Impjiegi, minn IG Metall u mill-ministeri tal-impjiegi reġjonali. 31. L-awtoritajiet Ġermaniżi kkonfermaw li kien hemm konformità mar-rekwiżiti stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u dik Komunitarja dwar is-sensji kollettivi. Tagħrif dwar azzjonijiet li huma mandatorji permezz tal-liġi nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi 32. Fir-rigward tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Ġermaniżi fl-applikazzjoni tagħhom: 33. ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja minn EGF ma tissostitwixxix miżuri li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji permezz tal-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi; 34. taw prova li l-azzjonijiet jipprovdu appoġġ għal ħaddiema individwali u ma għandhomx jintużaw għar-ristrutturazzjoni ta' kumpaniji jew setturi; 35. ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli msemmija hawn fuq ma jirċevux appoġġ minn strumenti finanzjarji Komunitarji oħra. Is-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll 36. Il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji se jkunu ġestiti u kkontrollati mill-istess entitajiet li jiġġestixxu u jikkontrollaw il-finanzjament tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) fil-Ġermanja. Fi ħdan il-Ministeru Federali għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali ((Bundesministerium für Arbeit und Soziales) il-'Gruppe Europaïsche Fonds für Beschäftigung – Referat EF 3' se jaġixxi bħala awtorità ta' ġestjoni u l-'Organisationseinheit Prüfbehörde' bħala awtorità ta' kontroll. Finanzjament 37. Abbażi tal-applikazzjoni mill-Ġermanja, il-kontribuzzjoni proposta mill-EGF lill-pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati hija ta’ EUR 8 308 555, li tirrappreżenta 65 % tal-ispiża totali. L-allokazzjoni proposta tal-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq l-informazzjoni li ngħatat mill-Ġermanja. 38. Meta wieħed jikkunsidra l-ammont massimu possibbli ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif ukoll l-ambitu tal-allokazzjoni mill-ġdid ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li timmobilizza l-ammont totali msemmi hawn fuq mill-EGF, li għandu jiġi allokat taħt l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju. 39. L-ammont propost ta' kontribuzzjoni finanzjarju jippermetti li aktar minn 25 % tal-ammont annwali massimu allokat għall-EGF jibqa' disponibbli biex ikun allokat matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif stipulat fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. 40. Il-Kummissjoni, permezz ta' din il-proposta biex timmobilizza l-EGF, qiegħda tniedi l-proċedura simplifikata tat-trijalogu, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, sabiex tikseb il-qbil taż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja dwar il-bżonn li jiġi użat l-EGF u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit li tilħaq ftehim dwar l-abbozz tal-proposta tal-mobilizzazzjoni, fil-livell politiku xieraq, biex tinforma lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni dwar l-intenzjonijiet tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit, tissejjaħ laqgħa formali tat-trijalogu. 41. B’mod separat il-Kummissjoni tippreżenta talba ta' trasferiment sabiex iddaħħal fil-baġit għall-2010 approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagamenti speċifiċi, kif stipulat fil-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006. Sors tal-approprjazzjonijiet tal-ħlas 42. Fl-istat attwali ta' implimentazzjoni, huwa prevedibbli li l-approprjazzjonijiet tal-ħlas disponibbli fl-2010 taħt il-linja baġitarja 01.0404 'Programm Qafas ta' Kompetittività u Innovazzjoni - Programm ta' intraprenditorija u innovazzjoni' mhux se jintużaw kollha din is-sena. 43. Tabilħaqq, din il-linja tkopri n-nefqa relatata mal-implimentazzjoni tal-istrument finanzjarju ta' dan il-programm, li l-għan ewlieni tiegħu huwa li tiffaċilita l-aċċess ta' SMEs għall-finanzi. Bejn it-trasferimenti lejn il-kontijiet fiduċjarji amministrati mill-Fond Ewropew għall-Investiment u l-ħlas lill-benefiċjarji jeżisti xi ftit dewmien ta' żmien. Il-kriżi finanzjarja għandha effett ewlieni fuq il-previżjonijiet f'termini ta' ħlasijiet għall-2010. Minħabba f'hekk, sabiex jiġu evitati bilanċi eċċessivi fuq il-kontijiet fiduċjarji, il-metodoloġija għall-kalkolu tal-approprjazzjonijiet tal-ħlas ġiet riveduta, filwaqt li ttieħed kont tal-ħlasijiet mistennija. L-ammont ta' EUR 8 308 555 jista' għalhekk ikun disponibbli għat-trasferiment. Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2010/018 DE/Heidelberger Druckmaschinen mill-Ġermanja) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba[6], u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu, Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[7], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[8], Billi: (1) Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jingħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali maġġuri fl-andamenti kummerċjali dinjin dovuti għall-globalizzazzjoni u sabiex jiġu megħjuna fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol. (2) L-ambitu tal-EGF twessa’ għal applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi l-appoġġ għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali. (3) Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-EGF fi ħdan il-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun. (4) Il-Ġermanja ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward ta' sensji fl-intrapriża Heidelberger Druckmaschinen fis-27 ta' Mejju 2010 u ssupplimentatha b'informazzjoni addizzjonali sal-1 ta' Lulju 2010. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk qiegħda tressaq proposta biex timmobilizza l-ammont ta' EUR 8 308 555. (5) L-EGF għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mill-Ġermanja. IDDEĊIDEW KIF ĠEJ Artikolu 1 Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 8 308 555 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' ħlas. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . Magħmul fi, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1. [2] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1. [3] Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. [4] Kif inhu spjegat f’SEC(2007)1142 dwar l-applikazzjoni EGF/2007/003 DE/BenQ kumpanija ta’ trasferiment hija strument stipulat skont il-liġi Ġermaniża li tista’ tiġi stabbilita fil-każ ta’ strutturar mill-ġdid li jirriżulta f'telf ta’ impjiegi. Il-kumpanija ta’ trasferiment tagħmilha possibbli li tħejji b’mod strutturat ħaddiema li ngħataw is-sensja għal impjieg ġdid permezz ta’ kowċing, kwalifiki u attivitajiet ta’ pjazzament. [5] L-identifikazzjoni tas-sehem tal-attivitajiet li jsiru fuq l-inizjattiva ta' dak li jkun f'kumpanija ta' trasferiment hija bbażata fuq l-eżitu tal-istudju li twettaq mill-Università Duisburg – Essen, Institut Arbeit und Qualifikation 'Aktivität von Teilnehmern in der Transfergesellschaft – Ergebnisse der Befragung von EGF-geförderten Teilnehmern der Nokia-Transfergesellschaft, Bochum', Duisburg, Ottubru 2009. [6] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1. [7] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1. [8] ĠU C […], […], p. […].