52010PC0453

/* COM/2010/0453 final */ Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-maniġment finanzjarju sod (applikazzjoni EGF/2010/002 ES/Cataluña automoción).


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 2.9.2010

KUMM(2010) 453 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-maniġment finanzjarju sod (applikazzjoni EGF/2010/002 ES/Cataluña automoción).

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-maniġment finanzjarju sod[1] jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (European Globalisation Adjustment Fund, EGF) fil-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun, minbarra mill-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-EGF huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2].

Fid-29 ta' Jannar 2010, Spanja bagħtet l-applikazzjoni EGF/2010/002 ES/Cataluña automoción għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF, wara li diversi persuni sfaw bla xogħol minn 23 intrapriża li joperaw fid-Diviżjoni 29 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers)[3] fir-reġjun NUTS II Cataluña (ES51) fi Spanja.

Wara analiżi bir-reqqa ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament huma sodisfatti.

SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI U L-ANALIŻI

Dejta Ewlenija: |

Nru ta' Referenza tal-EGF | EGF/2010/002 |

Stat Membru | Spanja |

Artikolu 2 | (b) |

Intrapriżi kkonċernati | 23 |

Ir-Reġjun NUTS II | Cataluña (ES51) |

Diviżjoni tar-Reviżjoni 2 tan-NACE | 29 (manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers)) |

Perjodu ta' referenza | Mit-23/2/2009 sat-22/11/2009 |

Data ta' bidu għas-servizzi personalizzati | 1/12/2009 |

Data tal-applikazzjoni | 29/1/2010 |

Sensji matul il-perjodu ta' referenza | 2 330 |

Ħaddiema li ngħataw is-sensja li se jingħataw appoġġ | 1 429 |

Servizzi personalizzati: baġit f'EUR | 4 066 420 |

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF[4]: Baġit f'EUR | 168 864 |

Nefqa f'% għall-implimentazzjoni tal-EGF | 3 98 |

Baġit totali f'EUR | 4 235 284 |

Kontribuzzjoni tal-EGF f'EUR (65 %): | 2 752 935 |

1. L-applikazzjoni tressqet quddiem il-Kummissjoni fid-29 ta’ Jannar 2010 u kienet sostnuta b'tagħrif addizzjonali sas-26 ta’ April 2010.

2. L-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet ta' intervent mill-EGF kif stabbilit fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u tressqet fil-limitu ta' żmien ta' 10 ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament.

Ir-rabta bejn is-sensji u bidliet strutturali ewlenin fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni jew il-qagħda finanzjarja u ekonomika globali

3. Sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, Spanja saħqet li l-kriżi ekonomika poġġiet pressjoni partikolari fuq is-settur awtomotiv madwar id-dinja. Il-Kummissjoni diġà għarfet li, billi xi 60-80 % (dan jiddependi fuq l-Istati Membri) tal-karozzi l-ġodda fl-Ewropa jinxtraw bl-għajnuna tal-karti ta' kreditu, fil-bidu tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku l-kriżi finanzjarja laqtet l-industrija awtomotiva b'mod partikolarment sever[5]. Fit-tieni kwart tal-2009 u wara 12-il xahar ta' tnaqqis suċċessiv fil-produzzjoni, il-produzzjoni totali tal-vetturi fl-UE kienet 39,5 % inqas minn dik tas-sena preċedenti. It-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku affettwa l-manifatturi tal-karozzi ewlenin fis-suq Ewropew[6].

4. Il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali kellha impatt serju fuq id-domanda għall-vetturi fi Spanja u fis-swieq ta' esportazzjoni tagħha. Fl-2008 r-reġistrazzjonijiet tal-karozzi ġodda fi Spanja naqsu bi 28 % meta mqabbel mas-sena ta' qabel, l-aktar minħabba l-kundizzjonijiet ta' kreditu stretti, il-fiduċja baxxa ħafna tal-konsumatur u l-poter tal-akkwist tal-konsumatur li dejjem jonqos. Barra minn dan, in-natura globali tal-kriżi wasslet ukoll għal tnaqqis ta' 9,6 % fil-bejgħ għall-vetturi mmanifatturati fi Spanja u mibjugħa barra mill-pajjiż. Billi s-settur Spanjol tal-karozzi jesporta 85 % tal-produzzjoni tiegħu, l-aktar fl-UE, dan it-tnaqqis fl-esportazzjonijiet u fid-domanda domestika kellu impatt negattiv qawwi fuq l-impjiegi fis-settur awtomotiv.

5. Spanja pprovdiet tagħrif li juri li n-numru tas-sensji fis-settur awtomotiv tal-Katalunja f'dawn l-aħħar erba' snin – fis-sena meta mqabbel mas-sena preċedenti - żviluppa kif ġej:

2006 | 2007 | 2008 | 2009 |

- 7,59 % | - 5,49 % | 42,25 % | 157,21 % |

Turija tal-għadd ta’ sensji u konfomità mal-kriterji tal-Artikolu 2(b)

6. Spanja ressqet din l-applikazzjoni skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li jitlob li jkun hemm minn tal-inqas 500 sensja fuq perjodu ta' disa' xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess Diviżjoni tar-Reviżjoni 2 tan-NACE f'reġjun wieħed jew żewġ reġjuni kontigwi fil-livell tan-NUTS II fi Stat Membru.

7. L-applikazzjoni ssemmi 2 330 sensja fi 23 intrapriża kklassifikati fl-istess Diviżjoni tar-Reviżjoni 2 tan-NACE matul il-perjodu ta' referenza ta' disa' xhur mit-23 ta' Frar 2009 sat-22 ta' Novembru 2009, li jinsabu kollha f'reġjun wieħed (ES51) fil-livell NUTS II, Cataluña. Dawn is-sensji kollha ġew ikkalkolati skont it-tieni inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Minn total ta' 2 330 ħaddiem, 1 429 ġew identifikati għall-għajnuna.

Spjegazzjoni tan-natura mhux prevista ta’ dawn is-sensji

8. L-awtoritajiet Spanjoli argumentaw li għalkemm is-settur awtomotiv kien qiegħed jesperjenza xi diffikultajiet, l-aktar minħabba delokalizzazzjoni, anki qabel il-kriżi, l-industrija awtomotiva fil-Katalunja rnexxielha tibqa' stabbli sal-bidu tal-2008. Minn dak il-mument l-industrija bdiet tħoss l-impatt tal-kriżi finanzjarja u ekonomika bi tnaqqis f'daqqa fid-domanda għal vetturi fi Spanja u madwar id-dinja. Dan it-tnaqqis fid-domanda ma kienx mistenni għall-kumpaniji jew għall-gvernijiet u ġara b'rata u b'veloċità bla preċedent.

Identifikazzjoni tal-intrapriżi li taw is-sensji u l-ħaddiema li se jingħataw appoġġ

9. L-applikazzjoni tirrilata ma' 2 330 sensja fit-23 intrapriżi li ġejjin:

Intrapriżi u għadd ta' sensji |

Ac de Mecaniques Joan, SL | 14 | Industrias del Molde y Derivados, SA | 14 |

Castellón, SA | 59 | Manufactura Moderna de Metales, SA | 74 |

Catalana de Material Auxiliar de la Construccion Sa (CAMAC) | 15 | Nissan Motor Ibérica, SA | 901 |

Construcciones Mecanicas Ceman, SA | 8 | Peguform Module Div. Iberica Front Ends, SLU | 21 |

Decolletatge Farrés, SA | 10 | Poliester Nautic | 24 |

Esteban Ikeda, SA | 263 | Poliester So Ma, SL | 15 |

Fabricación Componen. Motocicletas, SA | 17 | Prensas y Montajes Industriales, SA | 55 |

Febersa Industrial, SA | 38 | Solfer Componenti España, SL | 17 |

Federal Mogul Friction Products, SAU | 24 | Talleres Lape, SL | 10 |

Flexngate España. SA | 213 | Utymat, SA | 142 |

Frape Behr, SA | 234 | Y-Tec Europa, SA | 93 |

Industrial Carrocera Arbuciense SA (INDCAR) | 69 |

Numru totali tal-intrapriżi: 23 | Numru totali ta' sensji: 2 330 |

10. Il-ħaddiema mkeċċija kollha, bl-eċċezzjoni ta' 901 ħaddiema li kienu jaħdmu ma' Nissan (jiġifieri 1 429 ħaddiem li ngħataw is-sensji minn total ta' 2 330) se jingħataw l-għajnuna. Il-ħaddiema ta' Nissan mhumiex se jiġi megħjuna mill-EGF billi huma jibbenefikaw mill-miżuri tal-pjan soċjali tagħhom.

11. It-tqassim tal-ħaddiema identifikati huwa kif ġej:

Kategorija | Għadd | Perċentwali |

Irġiel | 1 060 | 74,18 |

Nisa | 369 | 25,82 |

Ċittadini tal-UE | 1 394 | 97,55 |

Ċittadini minn barra l-UE | 35 | 2 45 |

Minn 15 sa 24 sena | 27 | 1 89 |

Minn 25 sa 54 sena | 1 050 | 73 48 |

Minn 55 sa 64 sena | 351 | 24 56 |

Età ’l fuq minn 65 sena | 1 | 0 07 |

12. Ħamsa mill-ħaddiema identifikati għandhom diżabilità.

13. Il-kategoriji professjonali[7], jitqassmu kif ġej:

Kategorija | Għadd | Perċentwali |

Maniġers | 22 | 1 54 |

Professjonisti | 41 | 2 87 |

Tekniċi u professjonisti assoċjati | 180 | 12 60 |

Skrivani | 130 | 9 10 |

Ħaddiema tas-servizz | 1 | 0 07 |

Ħaddiema fl-artiġjanat u snajja' relatati | 135 | 9 45 |

Operaturi tal-impjant u tal-magni | 463 | 32 40 |

Xogħlijiet elementari | 457 | 31 98 |

14. F'termini ta' livell edukattiv[8], it-tqassim huwa kif ġej:

Livell edukattiv | Għadd | Perċentwali |

Edukazzjoni bażika | 591 | 41 36 |

L-edukazzjoni sekondarja | 338 | 23 65 |

L-edukazzjoni postsekondarja li mhix terzjarja | 93 | 6 51 |

Edukazzjoni terzjarja | 71 | 4 97 |

Nies bla edukazzjoni jew li telqu mill-iskola kmieni | 336 | 23 51 |

15. Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, Spanja kkonfermat li ġiet applikata u se tkompli tiġi applikata politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll ta' nondiskriminazzjoni matul l-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-EGF u, b'mod partikolari, għall-aċċess fl-EGF.

Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u l-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu:

16. It-territorju kkonċernat mis-sensji huwa fir-reġjun tan-NUTS II fil-Katalunja u huwa kkonċentrat fiż-żona metropolitana ta' Barċellona, jiġifieri l-belt ta' Barċellona u l-ibliet ta' daqs medju li jinsabu madwaru, li jiffurmaw żona metropolitana poliċentrika.

17. Il-mudell ta' negozju fil-Katalunja huwa kkaratterizzat minn preżenza għolja ta' mikrointrapriżi (disgħa minn 10 intrapriżi jimpjegaw inqas minn 10 ħaddiema) kkumplimentati minn intrapriżi li jimpjegaw aktar minn 250 ħaddiem, li jipprovdu 30 % tal-impjiegi totali. Is-settur tas-servizzi jirrappreżenta 69 % tal-impjiegi totali, l-industrija 19 % u s-settur primarju 12 %. L-impjiegi fis-settur awtomotiv jirrappreżentaw 3 % tal-impjiegi industrijali fil-Katalunja.

18. Il-partijiet interessati ewlenin huma l-Generalitat de Cataluña-Departament de Treball (servizzi tal-ħaddiema tal-gvern awtonomu tal-Katalunja) u l-imsieħba soċjali li jikkostitwixxu l-bord tat-tmexxija tas-Servei de Ocupació de Catalunya (l-uffiċċji pubbliċi tax-xogħol tal-Katalunja): it-trejdjunjins Comisión Obrera Nacional de Cataluña u Unión General de Trabajadores, żewġ organizzazzjonijiet ta' min iħaddem: Foment del Treball u PIMEC[9], u żewġ assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw il-kunsilli lokali tal-Katalunja. Is-Servei de Ocupació de Catalunya se jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-miżuri, billi jissorvelja l-proċeduri u jikkontrolla n-nefqa.

L-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward l-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

19. Madwar 90 % tas-sensji koperti minn din l-applikazzjoni saru fiż-żona metropolitana ta' Barċellona. Barra minn dan, huma jirrappreżentaw 5 % tal-qgħad ġdid totali fl-industrija fil-Katalunja. Barra Barċellona. in-numru ta' nies li ngħataw is-sensji kien żgħir f'termini assoluti (137 f'Santa Oliva, Tarragona u 71 f'Arbuciés, Gerona). Minkejja dan, l-impatt fil-livell lokali huwa kbir u dan jirrappreżenta 40 % u 20 % tal-qgħad f'dawn iż-żewġ muniċipalitijiet rispettivament.

20. Fil-Katalunja, l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja reġġa' lura l-indikaturi ewlenin tal-istrateġija ta' Lisbona. Bejn K2/2008 u K2/2009 ir-rata tal-impjieg għall-ħaddiema ta' bejn is-16 sal-64 sena niżlet minn 72,1 % għal 64,9 % (70,5 % għall-irġiel u 59,1 % għan-nisa). Ir-rata tal-qgħad b'mod ġenerali rduppjat fl-istess perjodu u minn 7,6 % telgħet għal 15,9 %.

Pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati u tqassim tal-ispejjeż stmati, inkluża l-komplementarjetà tiegħu mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali

21. Il-miżuri kollha li ġejjin flimkien jiffurmaw pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati maħsuba biex jerġgħu jintegraw lill-ħaddiema fis-suq tax-xogħol.

22. Sezzjoni ta' merħba, gwida dwar ix-xogħol u l-ġbir ta' profili : L-ewwel miżura pprovduta lill-1 429 parteċipant tinkludi l-ġbir ta' profili tal-ħaddiema kif ukoll tagħrif dwar ix-xogħlijiet disponibbli, dwar ħiliet u rekwiżiti ta' taħriġ, dwar programmi ta' taħriġ disponibbli u skemi ta' appoġġ għall-apprendistat, kif ukoll għotjiet ta' mobilità, inċentivi ta' dħul u ta' parteċipazzjoni. Parteċipazzjoni f'din il-miżura hija prekondizzjoni essenzjali għall-aċċess għal kwalunkwe servizz personalizzat ieħor. Minkejja dan, ir-rata ta' parteċipazzjoni hija ta' madwar 77 % tal-ħaddiema identifikati, l-aktar minħabba li proporzjon għolji tal-ħaddiema jinsabu fil-kategoriji ta' età akbar.

23. Għajnuna għall-klassifikazzjoni mill-ġdid : Din il-miżura tikkumbina żewġ azzjonijiet komplementari. Minn naħa waħda, din tinvolvi d-disinn, l-implimentazzjoni u l-prosegwiment ta' appoġġ personalizzat, inkluż servizz ta' konsulenza matul il-proċess sakemm ikun hemm riintegrazzjoni fix-xogħol. Minkejja dan, meta wieħed iqis il-profil medju tal-parteċipanti (irġiel li għandhom aktar minn 45 sena bi ftit kwalifiki) is-servizz ta' konsulenza jista' jiġi estiż lil hinn minn dak il-mument partikolari. Min-naħa l-oħra din tinvolvi wkoll tiftix intensiv għal impjieg, inkluż riċerka attiva ta' opportunitajiet ta' impjieg f'livell lokali u dak reġjonali. Ir-rata ta' parteċipazzjoni hija ta' madwar 70 % tal-parteċipanti fl-intervista ta' ġbir ta' profili.

24. Għajnuna intensiva għal tiftix ta' xogħol : Din il-miżura għandha l-mira li tipprovdi lill-ħaddiema identifikati kollha bil-mezzi materjali u t-taħriġ (individwali jew dak mogħtija f'laqgħat ta' ħidma) matul l-attivitajiet ta' tiftix ta' impjieg. Il-ħaddiema li jipparteċipaw f'din il-miżura se jiġu pprovduti wkoll b'"rokna soċjali", jiġifieri post fejn wieħed jaqsam mal-oħrajn esperjenzi u pariri dwar it-tiftix ta' impjieg. Dan isir biex il-parteċipanti jkunu motivati biex ikomplu jfittxu impjieg b'mod attiv.

25. Taħriġ ġenerali u taħriġ mill-ġdid Din il-miżura se toffri diversi rotot ta' taħriġ:(1) Taħriġ magħmul apposta biex itejjeb l-abbiltajiet u l-potenzjal ta' kull minn kien ħaddiem skont is-sitwazzjoni u l-prospetti tiegħu/tagħha. Dan jista' jinkludi taħriġ biex l-individwu jgħaddi minn xi kompetizzjoni, ilesti l-iskola sekondarja ta' livell għoli, iġib il-lawrja jew ilesti edukazzjoni terzjarja, eċċ. (2) Taħriġ f'setturi fejn jeżistu jew se jkun hemm opportunitajiet jew taħriġ f'impjiegi relatati mas-settur awtomotiv. (3) Taħriġ biex persuna tibda taħdem għal rasha. Dan it-taħriġ, maħsub għal dawk li diġà għandhom idea ta' negozju, se jkopri kwistjonijiet bħal ma huma l-ippjanar, it-twettiq ta' studji fattibbli, preparazzjoni għal pjanijiet ta' ħidma u ġbir ta' flus. Rotot 1 u 2 se jkunu kkumplimentanti, fejn possibbli, b'perjodu ta' bejn xahar u tliet xhur b'taħriġ intern. Il-parteċipanti fit-taħriġ se jirċievu somma fix-xahar ta' madwar EUR 350.

26. Taħriġ għal kwalifiki vokazzjonali speċifiċi : Dan it-taħriġ se jkun imfassal biex jidentifika l-bżonnijiet ta' intrapriżi lokali, li min-naħa tagħhom se jikkommettu ruħhom biex jimpjegaw minn tal-inqas 60 % ta' dawk il-ħaddiema li jipparteċipaw f'din l-azzjoni. Madwar 20 % tal-ħaddiema identifikati se jipparteċipaw f'din il-miżura.

27. Gruppi ta' ħidma dwar l-intraprenditorija: Dan jikkonsisti fi gruppi ta' ħidma qosra u dinamiċi, li l-għan tagħhom hu li jippromwovu l-idea ta' intraprenditorija fost ħaddiema li qatt ma kkunsidraw li ma jistgħu jkunu xi ħaġa oħra barra impjegati. Dawn il-gruppi ta' ħidma se jkopru livelli differenti tal-proċess ta' intraprenditorija mit-tagħrif bażiku jew l-ewwel kuntatt għal kwistjonijiet aktar elaborati bħal ma huma gruppi ta' ħidma dwar il-produzzjoni tal-ideat kummerċjali, dwar il-proċess tal-analiżi ta' dawk l-ideat kummerċjali, eċċ.

28. Taħriġ fil-post tax-xogħol : Din il-miżura hija maħsuba għal dawk il-ħaddiema identifikati li huma l-aktar żvantaġġati u se tinvolvi taħriġ teoretiku flimkien ma' taħriġ fuq il-post tax-xogħol fuq medda ta' tliet xhur. Il-parteċipanti f'din il-miżura se jirċievu salarju fix-xahar.

29. Għajnuna għall-intraprenditorija: Din il-miżura hija mmirata għal nies li kienu maniġers, ħaddiema bi kwalifiki għolja jew ħaddiema li jikkumpensaw għal nuqqas ta' kwalifiki għolja b'esperjenza professjonali solida, li huma lesti li jibdew negozju waħidhom bħala nies li jaħdmu għal rashom, li jkunu msieħba f'kooperattiva jew billi jippromwovu intrapriża spin-off.Dan se jikkonsisti f'tutela personalizzat matul il-proċess kollu tat-tnedija tan-negozju (żvilupp ta' idea kummerċjali, analiżi ta' fattibbiltà, ġbir ta' fondi u żvilupp ta' pjan ta' ħidma) u appoġġ għat-tlestija tal-formalitajiet amministrattivi għat-twaqqif tan-negozju. Madwar 10 % tal-ħaddiema idenfitikati huma mistennija li jipparteċipaw f'din il-miżura.

30. Appoġġ tal-pari : Din il-miżura hija maħsuba bħala suppliment għall-appoġġ personalizzat (tutela) u se tiffoka kemm fuq il-komponent tekniku kif ukoll dak emozzjonali tal-proċess ta' tnedija ta' negozju jew tiftix ta' impjieg. Din se tpoġġi lill-ħaddiema li jipparteċipaw f'kuntatt ma' dawk il-ħaddiema li qabel kienu qiegħda u li rnexxielhom jintegraw mill-ġdid f'impjieg u li l-esperjenza tagħhom tista' tkun ta' eżempju tajjeb. Is-sezzjonijiet se jkunu ffaċilitati minn kowċijiet. Madwar 50 % tal-parteċipanti fil-miżura tal-għajnuna għall-klassifikazzjoni mill-ġdid se jipparteċipaw ukoll f'dak is-servizz ta' konsulenza.

31. Inċentiv għall-parteċipazzjoni: Biex ikun hemm aktar parteċipazzjoni f'dawn il-miżuri, il-ħaddiema se jirċievu somma f'daqqa ta' EUR 600 (EUR 100 fix-xahar għal massimu ta' sitt xhur) bil-kundizzjoni li jipparteċipaw fil-miżuri tal-pakkett tal-EGF.

32. Inċentivi għall-klassifikazzjoni mill-ġdid : Somma f'daqqa ta' EUR 1 000 se tingħata lill-ħaddiema li jerġgħu jibdew jaħdmu u jibqgħu impjegati għal min tal-inqas sitt xhur konsekuttivi. Is-sussidju huwa mfassal biex jinkoraġġixxi r-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol u biex jistimula l-ħaddiema, partikolarment dawk li huma aktar avvanzati fiż-żmien, biex jibqgħu fis-suq tax-xogħol.

33. Inċentivi għall-intraprenditorija Il-ħaddiema kollha li jirritornaw fis-suq tax-xogħol bħala nies impjegati għal rashom jew intraprendituri se jirċievu somma f'daqqa ta' EUR 1 200 meta jkunu akkumulaw tliet xhur ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew imexxu negozju għal minn tal-inqas tliet xhur. Dan l-inċentiv tfassal biex jgħin ħaddiema li jaħdmu għal rashom matul l-ewwel xhur tat-twaqqif tan-negozju tagħhom.

34. Kontribuzzjoni għall-ispejjeż relatati ma' bidla fir-residenza: Il-ħaddiema, li jibdlu r-residenza tagħhom wara li jkunu bdew jaħdmu f'impjieg li jkun minn tal-inqas 70 kilometru 'l bogħod mir-residenza attwali tagħhom, se jirċievu s-somma f'daqqa ta' EUR 3 500 biex ikopru n-nefqa neċessarja.

35. In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF, li hija inkluża fl-applikazzjoni, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, tkopri attivitajiet ta’ tħejjija, maniġment u attivitajiet ta' kontroll kif ukoll tagħrif u pubbliċità.

36. Is-servizzi personalizzati ppreżentati mill-awtoritajiet Spanjoli huma miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet Spanjoli jistmaw li l-ispejjeż totali ta’ dawn is-servizzi huma ta’ EUR 4,235,284 u li l-ispiża għall-implimentazzjoni tal-EGF hija ta' EUR 168,864 (= 3,98 % tal-ammont totali). Il-kontribuzzjoni totali mitlub mill-EGF huwa ta’ EUR 2 752 935 (65 % tal-ispejjeż totali).

Azzjonijiet | L-għadd stmat ta’ ħaddiema identifikati | L-ispiża stmata għal kull ħaddiem identifikat (f'EUR) | Spejjeż totali (l-EGF u l-kofinanzjament nazzjonali) (f’EUR) |

Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006) |

Sezzjoni ta' merħba, gwida dwar ix-xogħol u l-ġbir ta' profili Información inicial y entrevista en profundidad | 1 072 | 60 | 64 320 |

Għajnuna għall-klassifikazzjoni mill-ġdid Tutorización para la reinserción y la activación laboral | 750 | 1 400 | 1 050 000 |

Għajnuna intensiva għal-tiftix ta' xogħol Apoyo intensivo en la búsqueda de trabajo | 525 | 500 | 262 500 |

Taħriġ ġenerali u taħriġ mill-ġdid Formación para la recolocación | 375 | 1 664 | 624 000 |

Taħriġ għall-kwalifiki vokazzjonali speċifiċi Formación a medida de las necesidades de las empresas | 150 | 2 000 | 300 000 |

Gruppi ta' ħidma dwar l-intraprenditorija Talleres de fomento del espiritu empresarial | 225 | 250 | 56 250 |

Taħriġ fil-post tax-xogħol Promoción del empleo | 113 | 3 500 | 395 500 |

Għajnuna għall-intraprenditorija Tutorización para la creación de empresas | 75 | 2 000 | 150 000 |

Appoġġ tal-pari Mentoring y apoyo intergeneracional | 375 | 250 | 93 750 |

Inċentiv għall-parteċipazzjoni Ayuda a la participación | 750 | 600 | 450 000 |

Inċentivi għall-klassifikazzjoni mill-ġdid Ayudas a la recolocación | 263 | 1 000 | 263 000 |

Inċentivi għall-intraprenditorija Ayudas para el autoempleo | 38 | 1 200 | 45 600 |

Għotjient għal taħriġ Beca salario | 180 | 700 | 126 000 |

Kontribuzzjoni għall-ispejjeż relatati ma' bidla fir-residenza Ayudas a la mobilidad geográfica. | 53 | 3 500 | 185 500 |

Subtotal tas-servizzi personalizzati | 4 066 420 |

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006) |

Tħejjija | 17 864 |

Ġestjoni | 103 000 |

Tagħrif u pubbliċità | 18 000 |

Attivitajiet ta' kontroll | 30 000 |

Subtotal tan-nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF | 168 864 |

Stima tal-ispejjez totali | 4 235 284 |

Kontribuzzjoni tal-EGF (65 % tal-ispejjeż totali) | 2 752 935 |

37. Spanja tikkonferma li l-miżuri deskritti hawn fuq huma komplementarji mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali. Spanja għandha tiżgura wkoll rekord ċar tal-verifiki għall-attivitajiet ffinanzjati mill-EGF, u tikkonferma li mhu mitlub jew użat l-ebda finanzjament ieħor tal-EGF għal dawn l-attivitajiet.

38. L-għanijiet ewlenin tal-programmi operattivi tal-FSE 2007-2013 għall-Katalunja huma li jippromwovu l-intraprenditorija, jippromwovu t-tagħlim matul il-ħajja tal-ħaddiema u jnaqqsu r-riskju ta' żgħażagħ li jitilqu mill-iskola kmieni, filwaqt li jiffokaw b'mod partikolari fuq l-aktar nies vulnerabbli jew nies li jinsabu f'riskju ta' esklużjoni soċjali, l-aktar il-ħaddiema żgħażagħ, jew dawk li għandhom aktar minn 45 sena, nisa u persuni b'diżabilità. Għalkemm xi wħud mill-miżuri tal-EGF, b'mod partikolari dawk relatati mal-promozzjoni tal-intraprenditorija, jistgħu jkunu simili għall-miżuri tal-FSE, xorta waħda hemm differenza bejniethom: Il-miżuri tal-EGF għandhom ċerta individwalità u karattru speċjali (huma jindirizzaw settur u popolazzjoni partikolari) u huma magħmula apposta u għandhom format intensiv. Sabiex tiġi evitata duplikazzjoni tal-miżuri tal-FSE u dawk tal-EGF għandu jkun hemm prosegwiment kontinwu tal-azzjonijiet tal-FSE u tal-EGF li għandhom l-istess għanijiet u tal-ħaddiema kkonċernati.

Id-data/dati meta s-servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati bdew jiġu offruti jew meta huwa maħsub li jibdew

39. Is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati, liema servizzi huma inklużi fil-pakkett ikkoordinat propost għal kofinanzjament mill-EGF, tnedew minn Spanja fil-1 ta' Diċembru 2009. Din id-data għalhekk tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta' eliġibbiltà għal kull għajnuna li tista' tingħata mill-EGF.

Il-proċeduri għall-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali

40. L-imsieħba soċjali kienu kkonsultati matul il-preparazzjoni tal-pakkett ikkoordinat tal-miżuri. L-applikazzjoni proposta kienet diskussa fis-17 ta' Diċembru 2009 f'waħda mil-laqgħat regolari tal-bord tat-tmexxija tas-Servei de Ocupació de Catalunya. Dan il-bord tat-tmexxija huma magħmul mit-trejdunjins Comisión Obrera Nacional de Cataluña u Unión General de Trabajadores, żewġ organizzazzjonijiet ta' min iħaddem: Foment del Treball u PIMEC[10], u żewġ assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw il-kunsilli lokali tal-Katalunja, u partijiet interessati oħra.

41. L-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li r-rekwiżiti stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Komunità dwar sensji kollettivi ġew osservati.

Tagħrif dwar azzjonijiet li huma obbligatorji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi

42. Fir-rigward tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Spanjoli fl-applikazzjoni tagħhom:

43. ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF ma tissostitwixxix il-miżuri li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;

44. urew li l-azzjonijiet jipprovdu appoġġ għal ħaddiema individwali u ma għandhomx jintużaw għar-ristrutturazzjoni ta' kumpaniji jew setturi;

45. ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli msemmija fil-punti minn 20 sa 22 hawn fuq ma jirċevux għajnuna minn strumenti finanzjarji Komunitarji oħra.

Is-sistemi ta’ maniġment u ta’ kontroll

46. Spanja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribut finanzjarju se jkun immaniġġjat u kkontrollat mill-istess entitajiet li jimmaniġġjaw u jikkontrollaw il-FSE. Is-Servei d'Ocupació de Catalunya se tkun l-entità intermedjarja għall-awtorità amministrattiva.

Finanzjament

47. Abbażi tal-applikazzjoni minn Spanja, il-kontribuzzjoni proposta mill-EGF għall-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati hija ta' EUR 2 752 935, li tirrappreżenta 65 % tal-ispiża totali. L-allokazzjoni mill-Fond proposta mill-Kummissjoni hija bbażata fuq it-tagħrif li Spanja għamlet disponibbli.

48. Meta wieħed jikkunsidra l-ammont massimu possibbli ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif ukoll l-ambitu tal-allokazzjoni mill-ġdid ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li timmobilizza l-ammont totali msemmi hawn fuq mill-EGF, li għandu jiġi allokat taħt l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju.

49. L-ammont propost ta' kontribuzzjoni finanzjarju jippermetti li aktar minn 25 % tal-ammont annwali massimu allokat għall-EGF jibqa' disponibbli biex ikun allokat matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif stipulat fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

50. Il-Kummissjoni, permezz ta' din il-proposta biex timmobilizza l-EGF, qiegħda tniedi l-proċedura simplifikata tat-trijalogu, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, sabiex tikseb il-qbil taż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja dwar il-bżonn li jiġi użat l-EGF u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja li tilħaq ftehim dwar l-abbozz tal-proposta tal-mobilizzazzjoni, fil-livell politiku xieraq, biex tinforma lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni dwar l-intenzjonijiet tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, tissejjaħ laqgħa formali tat-trijalogu.

51. B’mod separat il-Kummissjoni tippreżenta talba ta' trasferiment sabiex iddaħħal fil-baġit għall-2010 approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagamenti speċifiċi, kif meħtieġ mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

Sors ta' approprjazzjonijiet ta' pagamenti

52. Fl-istat attwali ta' implimentazzjoni, huwa prevedibbli li l-approprjazzjonijiet ta' pagamenti disponibbli fl-2010 skont il-linja baġitarja 01,0404 "Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni – Programm ta' intraprenditorija u innovazzjoni" mhumiex se jintużaw kollha din is-sena.

53. Din il-linja tkopri n-nefqa relatata mal-implimentazzjoni tal-istrument finanzjarju ta' dan il-programm, li l-għan ewlieni tagħha huwa li tiffaċilita l-aċċess ta' SMEs għall-finanzi. Bejn it-trasferimenti lejn il-kontijiet fiduċjarji amministrati mill-Fond Ewropew għall-Investiment u l-ħlas lill-benefiċjarji jeżisti xi ftit dewmien ta' żmien. Il-kriżi finanzjarja għandha effett kbir fuq il-previżjonijiet fir-rigward tal-ħlasijiet għall-2010. B'riżultat ta' dan, sabiex jiġu evitati bilanċi eċċessivi fuq il-kontijiet fiduċjarji, il-metodoloġija għall-kalkolu tal-approprjazzjonijiet ta' pagamenti ġiet riveduta, filwaqt li ttieħed kont tal-ħlasijiet mistennija. L-ammont ta' EUR 2 752 935 jista' għalhekk ikun disponibbli għat-trasferiment.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-maniġment finanzjarju sod (applikazzjoni EGF/2010/002 ES/Cataluña automoción).

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[11], u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[12], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[13],

Billi:

(1) Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (European Globalisation Adjustment Fund, EGF) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjin dovuti għall-globalizzazzjoni u sabiex jiġu megħjuna fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2) L-ambitu tal-EGF twessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi appoġġ għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

(3) Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-EGF fil-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(4) Spanja bagħtet applikazzjoni biex timmobilizza l-EGF, fir-rigward tas-sensji fit-23 intrapriża li joperaw fid-Diviżjoni 29 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers) fir-reġjun waħdieni NUTS II, Cataluña (ES51), fid-29 ta' Jannar 2010 u ssupplimentatu b'tagħrif addizzjonali sas-26 ta' April 2010. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk qiegħda tressaq proposta biex timmobilizza l-ammont ta' EUR 2 752 935.

(5) L-EGF għandu, għalhekk, jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjonijiet imressqa minn Spanja.

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (European Globalisation Adjustment Fund, EGF) għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 2 752 935 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagamenti.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f 'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Magħmul fi Brussell/Strasburgu,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] ĠU C 139 tal-14.6.2006, p. 1.

[2] ĠU L 406 tat-30.12.2006, p. 1.

[3] Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393 tat-30.12.2006, p. 1).

[4] Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

[5] "Reazzjoni għall-kriżi fl-industrija awtomotiva Ewropea" COM(2009) 104.

[6] DĠ Intrapriża: "Impatt tal-kriżi ekonomika fuq is-setturi ewlenin tal-UE – il-każ tal-industriji tal-manifattura u tal-kostruzzjoni". Aġġornament ta' Ġunju 2009.

(http://ec.europa.eu/enterprise/newsroom/cf/itemshortdetail.cfm?item_id=3437)

[7] Il-kategoriji huma msejsa fuq il-Klassifika tal-Istandards tal-Impjiegi Internazzjonali (ISCO-88).

[8] Il-kategoriji huma msejsa fuq il-Klassifikazzjoni tal-Istandards Internazzjonali tal-Edukazzjoni (ISCED-97).

[9] Micro, petita i mitjana empresa de Catalunya (PIMEC).

[10] Micro, petita i mitjana empresa de Catalunya (PIMEC).

[11] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[12] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[13] ĠU C [...], [...], p. [...].