52010PC0448

/* COM/2010/0448 - COD 2007/0152 */ KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jwessa' d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 biex jinkludu ċittadini ta' pajjiżi terzi li għad mhumiex koperti minn dawn id-dispożizzjonijiet minħabba n-nazzjonalità tagħhom


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 2.9.2010

KUMM(2010) 448 finali

2007/0152 (COD)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jwessa' d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 biex jinkludu ċittadini ta' pajjiżi terzi li għad mhumiex koperti minn dawn id-dispożizzjonijiet minħabba n-nazzjonalità tagħhom

2007/0152 (COD)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONILILL-PARLAMENT EWROPEWskont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jwessa' d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 biex jinkludu ċittadini ta' pajjiżi terzi li għad mhumiex koperti minn dawn id-dispożizzjonijiet minħabba n-nazzjonalità tagħhom

1. SFOND

Id-data tat-trażmissjoni tal-proposta lill-PE u lill-Kunsill (dokument COM(2007) 439 finali - 2007/0152 (COD): | 23 ta’ Lulju 2007 |

Id-data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: | 16 ta' Jannar 2008 |

Id-data tal-opinjoni tal-Parlament abbażi tal-proċedura ta' konsultazzjoni | 9 ta’ Lulju 2008 |

Id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea | 1 ta' Diċembru 2009 |

Id-data tal-ewwel qari fil-Parlament Ewropew abbażi tal-proċedura leġiżlattiva normali: | 5 ta’ Mejju 2010 |

Id-data tal-adozzjoni tal-ftehim politiku b'maġġoranza kkwalifikata: | 7 ta' Ġunju 2010 |

Id-data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari | 26 ta’ Lulju 2010 |

2. L-GĦAN TAL-PROPOSTA TAL-KUMMISSJONI

Din il-proposta għandha l-għan li testendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament implimentattiv tiegħu (KE) Nru 987/2009 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jgħixu legalment f'Istat Membru u li għad mhumiex koperti mid-dispożizzjonijiet minħabba n-nazzjonalità tagħhom.

Il-proposta tlesti l-proċess ta' modernizzar li wassal għar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u Nru 987/2009, billi testendi d-drittijiet, il-proċeduri u d-dispożizzjonijiet għat-tpartit tad-dejta li huma stabbiliti fihom, għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jistgħu jiċċaqilqu minn post għal ieħor fl-UE iżda li mhumiex koperti mir-Regolamenti preżenti.

3. KUMMENTI DWAR IL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL

3.1 Il-pożizzjoni ġenerali dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tinkorpora ż-żewġ emendi proposti mill-Parlament Ewropew u, barra minn hekk, tagħmel għadd ta' modifiki tal-Kunsill għall-proposta oriġinali tal-Kummissjoni. L-emendi u l-modifiki kollha huma appoġġjati mill-Kummissjoni.

3.2 L-emendi tal-Parlament Ewropew li huma inklużi sħaħ, f'partijiet minnhom jew fil-prinċipju fil-pożizzjoni tal-Kunsill

Il-Parlament Ewropew adotta żewġ emendi permezz ta' reżoluzzjoni leġiżlattiva skont il-proċedura konsultattiva fid-9 ta' Lulju 2008. Dawn ġew ikkonfermati fl-ewwel qari skont il-proċedura leġiżlattiva normali fil-5 ta' Mejju 2010. Iż-żewġ emendi ġew aċċettati bis-sħiħ fil-pożizzjoni tal-Kunsill.

L-Emenda nru 1 żiedet premessa ġdida li tirreferi għall-Artikolu 34(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni taqbel mal-importanza, fil-kuntest ta' din il-proposta, li jitfakkar id-dritt, mogħti bil-Karta lill-persuni kollha li huma residenti legali u li legalment jistgħu jiċċaqilqu minn post għal ieħor fl-UE, għall-benefiċċju tas-sigurtà soċjali skont il-liġijiet tal-UE u nazzjonali.

L-Emenda nru 2 żiedet premessa ġdida li tirreferi għall-promozzjoni ta' livell għoli ta' ħarsien soċjali u għat-tejbien tal-istandard tal-ħajja u tal-kwalità tal-ħajja fl-UE. Il-Kummissjoni taqbel li jeħtieġ li dawn ir-raġunijiet ewlenin għall-proposta jkunu enfasizzati.

3.3 Differenzi ewlenin bejn il-proposta emendata tal-Kummissjoni u l-pożizzjoni tal-Kunsill

- Jitħassru d-dispożizzjonijiet tranżitorji: fil-proposta oriġinali, il-Kunsill ħassar l-Artikolu 2 u l-premessa 12 marbuta miegħu li kien fihom dispożizzjonijiet tranżitorji għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament propost. Il-Kunsill qabel li mhumiex meħtieġa dispożizzjonijiet tranżitorji partikolari għad-dħul fis-seħħ ta' din il-proposta minħabba li d-dispożizzjonijiet tranżitorji relevanti diġà jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 883/2004. Il-Kummissjoni tappoġġja dan l-approċċ issimplifikat, partikolarment għaliex jiżgura li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jingħataw l-istess drittijiet bħaċ-ċittadini tal-UE rigward it-tranżizzjoni għar-Regolamenti mmodernizzati, pereżempju biex jitolbu reviżjoni tad-drittijiet tal-pensjoni tagħhom skont l-Artikolu 87(3).

- Iż-żieda ta' premessi għall-Irlanda u għar-Renju Unit: il-bażi legali ta' din il-proposta hija l-Artikolu 79(2)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Abbażi tal-Artikoli 1 sa 3 tal-Protokol (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fejn jikkonċerna l-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex marbutin minn din il-proposta sakemm ma jinnotifikawx li se jieħdu sehem. Il-Kunsill żied il-premessa 17 li turi li l-Irlanda se tieħu sehem fil-proposta skont ittra bid-data tal-24 ta' Ottubru 2007 u l-premessa 18 li turi li r-Renju Unit mhuwiex se jieħu sehem. Il-Kummissjoni taqbel li tinħtieġ l-inklużjoni ta' dawn iż-żewġ premessi.

- Ir-revoka tar-Regolament il-qadim: il-Kunsill ikkjarifika l-parametri għar-revoka tar-Regolament (KE) Nru 859/2003 fl-Artikolu 2 il-ġdid tal-proposta. Minħabba li r-Renju Unit mhuwiex se jieħu sehem f'din il-proposta iżda se jkompli japplika r-Regolament (KE) Nru 859/2003, mhijiex possibbli revoka sħiħa ta' dan. Il-Kummissjoni tappoġġja l-bidla proposta, minħabba li tikseb iċ-ċarezza legali dwar dan il-punt prattiku.

- Id-determinazzjoni tar-residenza legali: Ir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 japplikaw għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma residenti legali fit-territorju ta' Stat Membru. Iżda d-determinazzjoni ta' residenza legali hija kompletament barra mill-ambitu tar-Regolamenti ta' Koordinazzjoni, u l-Istati Membri għad għandhom id-dritt li jiddeterminaw, skont il-liġi tal-Unjoni, persuna tkunx intitolata li tidħol, toqgħod, tgħix jew taħdem fit-territorju tagħhom. Is-sentenza li żied il-Kunsill mal-premessa 10 tenfasizza din is-separazzjoni ta' poteri bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Il-Kummissjoni taqbel ma' din l-inklużjoni.

- Kjarifika tal-applikazzjoni tal-kriterju ta' "residenza legali" f'każ tal-pensjonijiet tal-invalidità, tal-età u tar-romol: il-Kunsill żied il-premessa 13 biex jikkjarifika li l-kundizzjoni ta' residenza legali fit-territorju ta' Stat Membru ma tapplikax f'dak il-mument meta persuna li kienet soġġetta għar-Regolament, jew persuna oħra li qed tgawdi d-drittijiet permezz ta' din il-persuna, tapplika għal pensoni abbażi tad-drittijiet mogħtija bir-Regolament. Dak li jeħtieġ hu li l-persuna kkonċernata tkun residenti legalment fiż-żmien meta dawn id-drittijiet inkisbu. Il-Kummissjoni tilqa' din il-premessa miżjuda, li l-għan tagħha huwa li tevita li jkun hemm interpretazzjoni ħażina, li tħares id-drittijiet miksuba u tiżgura applikazzjoni uniformi mill-Istati Membri tar-Regolament propost.

4. KONKLUŻJONI

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-pożizzjoni tal-Kunsill ittejjeb u tirfina ċerti karatteristiċi tal-proposta tal-Kummissjoni. Tipprovdi kjarifika dwar kwistjonijiet prattiċi legali ewlenin, bħalma huma r-revoka u d-dispożizzjonijiet tranżitorji. Barra minn hekk, tipprovdi feħma iżjed ċara, u għaldaqstant ħarsien aħjar, tad-drittijiet miksubin ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi (u dawk li jiksbu d-drittijiet permezz tagħhom) meta ma jibqgħux residenti l-UE. L-inklużjoni bis-sħiħ tal-emendi tal-Parlament Ewropew tipprovdi kuntest aktar sħiħ għall-proposta.

Il-Kummissjoni tilqa' l-qbil tal-Kunsill dwar din il-pożizzjoni, li hi pass kbir lejn il-kisba tal-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Hija wkoll pass essenzjali lejn it-tlestija tal-pakkett leġiżlattiv tar-regoli mmodernizzati tal-UE dwar is-sigurtà soċjali. Tiggarantixxi li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jistgħu jibbenefikaw mill-istess drittijiet imtejbin mogħtija mir-regoli mmodernizzati, u tissimplifika l-proċessi għall-amministrazzjonijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali li se jkunu jistgħu jużaw l-istess proċeduri kemm jekk dawn id-drittijiet ikunu jikkonċernaw ċittadin tal-UE kif ukoll jekk ikunu jikkonċernaw ċittadin ta' pajjiż terz.

Fid-dawl ta' dan kollu msemmi hawn fuq, il-Kummissjoni tappoġġja bis-sħiħ il-pożizzjoni tal-Kunsill.