/* COM (2010) 0440 final */ Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/320/UE tal-10 ta' Mejju 2010 indirizzata lill-Greċja bil-ħsieb li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tagħti notifika biex jittieħdu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit meqjusa bħala meħtieġa biex tissewwa l-qagħda ta' defiċit eċċessiv
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 19.8.2010 KUMM(2010) 440 finali Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/320/UE tal-10 ta' Mejju 2010 indirizzata lill-Greċja bil-ħsieb li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tagħti notifika biex jittieħdu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit meqjusa bħala meħtieġa biex tissewwa l-qagħda ta' defiċit eċċessiv Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/320/UE tal-10 ta' Mejju 2010 indirizzata lill-Greċja bil-ħsieb li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tagħti notifika biex jittieħdu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit meqjusa bħala meħtieġa biex tissewwa l-qagħda ta' defiċit eċċessiv IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-finzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 126(9) u l-Artikolu 136 tiegħu, Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, Billi: (1) L-Artikolu 136(1)(a) tat-TFUE jipprevedi l-possibilità ta' adozzjoni ta' miżuri speċifiċi għall-Istati Membri li jkollhom il-munita tagħhom euro bil-ħsieb li jissaħħu l-koordinazzjoni u s-sorveljanza tad-dixxiplina baġitarja tagħhom. (2) L-Artikolu 126 jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċits eċċessivi tal-gvern u jistipula l-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv għal dak l-iskop. Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, li fit-taqsima korrettiva tiegħu jimplimenta l-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv, jipprovdi l-qafas li jirfed il-politiki tal-gvern biex ireġġgħu malajr pożizzjonijiet baġitarji sodi filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-qagħda ekonomika. (3) Fis-27 ta' April 2009, il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li kien jeżisti defiċit eċċessiv fil-Greċja. (4) Fl-10 ta' Mejju 2010, il-Kunsill adotta Deċiżjoni indirizzata lill-Greċja skont l-Artikolu 126(9) u l-Artikolu 136 bil-ħsieb li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tagħti notifika biex jittieħdu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit meqjusa bħala meħtieġa biex tissewwa l-qagħda ta' defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mil-limitu tas-sena 2014[1]. Il-Kunsill stabbilixxa r-rotta li ġejja għall-korrezzjoni tad-defiċit: defiċits tal-gvern li ma jaqbżux it-8 % tal-PGD fl-2010, 7,6 % tal-PGD fl-2011, 6,5 % tal-PGD fl-2012, 4,9 % tal-PGD fl-2013, u 2,6 % tal-PGD fl-2014. (5) Skont il-previżjonijiet disponibbli meta l-Kunsill adotta d-Deċiżjoni msemmija qabel, il-PGD kien mistenni li jiċkien b'4 % fl-2010 u 2,6 % fl-2011, u jirkupra wara, b'rati ta' tkabbir ta' 1,1 % fl-2012, u 2,1 % fl-2013 u l-2014. Id-deflator tal-PGD kien mistenni li jkun 1,2 %, -0,5 %, 1,0 %, 0,7 % u 1,0% mill-2010 sal-2014, rispettivament. Sadanittant, fid-dawl tal-iżviluppi ekonomiċi, ir-rati reali tat-tkabbir tal-PGD msemmija qabel, għadhom xenarju b'riskji pożittivi u negattivi bbilanċjati, filwaqt li d-deflator issa huwa previst li jkun sostanzjalment ogħla għas-snin inizjali: 3½ %, 1¼ % u ½ % mill-2010 sal-2012. (6) Il-Greċja għamlet progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-miżuri mitluba mid-Deċiżjoni tal-Kunsill. F'bosta oqsma, il-miżuri ttieħdu qabel ma ġew obbligati li jittieħdu. Dan ġara, b'mod partikolari, fil-qasam tar-riforma tal-pensjonijiet, ir-riforma tal-amministrazzjoni lokali u l-pubblikazzjoni tad-dejta kull xahar dwar l-introjtu u n-nefqa tal-istat. Minkejja dan, għad hemm il-ħtieġa ta' għadd ta' modifiki f'kull wieħed minn dawn l-oqsma. (7) Fis-6 ta' Awwissu 2010, il-Greċja ppreżentat lill-Kunsill u l-Kummissjoni rapport li jiddeskrivi fil-qosor il-miżuri ta' politika li ttieħdu biex jikkonformaw mad-Deċiżjoni 2010/320/UE. Il-Kummissjoni vvalutat ir-rapport u kkonkludiet li l-Greċja qed tikkonforma b'mod sodisfaċenti mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Mejju 2010[2]. (8) Fid-dawl tal-konklużjonijiet ta' hawn fuq, jidher xieraq li tiġi riveduta d-Deċiżjoni tal-Kunsill minn għadd ta' aspetti, filwaqt li jitħalla kif inhu l-limitu ta' żmien għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv u r-rotta rispettiva ta' modifika għall-proporzjonijiet tad-defiċit meta mqabbla mal-PGD u d-dejn tal-gvern. ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/320/KE qed tiġi emendata kif ġej: (1) L-Artikolu 2(2)(a) qed jitbiddel b'dan li ġej: "(a) miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali li jammontaw mill-inqas għal 3,2 % tal-PGD (4,3 % tal-PGD jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ammonti ttrasferiti mill-miżuri implimentati fl-2010) li għandhom jiġu inklużi fl-abbozz tal-baġit għall-2011: tnaqqis fil-konsum intermedju tal-amministrazzjoni pubblika mill-inqas bi EUR 300 miljun meta mqabbel mal-livel tal-2010 (li jiżdied mat-tfaddil mir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-gvern lokali msemmi f'dan il-paragrafu), iffriżar fl-aġġustamenti tal-pensjonijiet (bl-iskop li jitfaddlu EUR 100 miljun), tariffa temporanja ta' kriżi fuq intrapriżi bi profittabilità għolja (li trendi mill-inqas EUR 600 miljun f'introjtu addizzjonali kull sena fl-2011, l-2012 u l-2013), tassazzjoni preżuntiva tal-professjonisti (li trendi mill-inqas EUR 400 miljun fl-2011 u introjti miżjuda mill-inqas b'EUR 100 miljun fis-sena fl-2012 u l-2013), twessigħ tal-bażi tal-VAT biex tinkludi ċerti servizzi li bħalissa huma eżenti u permezz tat-trasferiment ta' 30 % tal-oġġetti u s-servizzi mir-rata mnaqqsa għar-rata ewlenija (li trendi EUR 1 biljun) taxxa gradwali fuq l-emissjonijiet tas-CO2 (li trendi mill-inqas EUR 300 miljun fl-2011), l-implimentazzjoni mill-Gvern tal-leġiżlazzjoni li tirriforma l-amministrazzjoni pubblika u organizzazzjoni mill-ġdid tal-gvern lokali (bl-iskop li jitnaqqsu l-ispejjeż mill-inqas b'EUR 500 miljun fl-2011, u EUR 500 miljun addizzjonali f'kull sena fl-2012 u l-2013); tnaqqis f'investimenti ffinanzjati domestikament (mill-inqas b'EUR 500 miljun) billi tingħata prijorità lill-proġetti ta' investiment iffinanzjati mill-fondi strutturali tal-UE, inċentivi biex jiġi regolarizzat il-ksur tal-liġi fl-użu tal-art (li jrendu mill-inqas EUR 1500 miljun mill-2011 sal-2013, li minnhom mill-inqas EUR 500 miljun fl-2011), ġabra ta' introjtu mil-liċenzjar tal-logħob (mill-inqas EUR 500 miljun f'bejgħ ta' liċenzji u EUR 200 miljun fi drittijiet annwali), twessigħ tal-bażi tat-taxxa fuq il-proprjetà billi jiġu aġġornati l-valuri tal-assi (biex irendi mill-inqas EUR 400 miljun introjtu addizzjonali), tassazzjoni miżjuda tal-pagi in natura , inkluż billi jiġu intaxxati l-pagamenti tal-leasing tal-karozzi (mill-inqas b'EUR 150 miljun); tassazzjoni miżjuda tal-oġġetti ta' lussu (mill-inqas b'EUR 100 miljun), taxxa speċjali fuq stabbilimenti mhux awtorizzati (biex trendi mill-inqas EUR 800 miljun kull sena), sostituzzjoni ta' 20 % biss tal-impjegati li jirtiraw fis-settur pubbliku (il-gvern ċentrali, il-gvernijiet lokali, il-fondi tas-sigurtà soċjali, il-kumpaniji pubbliċi, l-aġenziji statali u istituzzjonijiet pubbliċi oħra). Miżuri li jrendu tfaddil baġitarju kumparabbli jistgħu jiġu kkunsidrati wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni," (2) L-Artikolu 2(2)(b) qiegħed jitħassar. (3) L-Artikolu 2(2)(f) qed jitbiddel b'dan li ġej: "(f) it-tnedija ta' analiżi indipendenti tal-amministrazzjoni ċentrali u tal-programmi soċjali eżistenti." (4) Fl-Artikolu 2(2), qed jiżdiedu s-subparagrafi (j) u (k) li ġejjin: "(j) it-twaqqif ta' reġistru ċentrali komprensiv għall-intrapriżi pubbliċi; (k) pjan ta' azzjoni bi skeda għal azzjonijiet konkreti li jwasslu għall-ħolqien ta' awtorità ċentrali tal-akkwisti pubbliċi." (5) Fl-Artikolu 2(3) qed jiżdiedu s-subparagrafi (m) sa (r) li ġejjin: "(m) att li jipprojbixxi l-gvernijiet lokali milli jkollhom id-defiċits, mill-inqas sal-2014; (n) pubblikazzjoni ta' previżjonijiet li jifirxu fuq medda twila ta' żmien tal-infiq fuq il-pensjonijiet sal-2060 kif stabbilit fil-leġiżlazzjoni ta' Lulju 2010 li tkopri l-iskemi ewlenin tal-pensjoni (IKA, inkluża l-iskema tal-pensjoni għaċ-ċivil, OGA u OAEE). (o) att li jistabbilixxi limitu massimu ta' EUR 50 miljun għall-kontribuzzjoni tal-obbligu tas-servizz pubbliku (OSP) mill-gvern ġenerali lill-operaturi tal-ferroviji għall-perjodu 2011-2013 u li jistabbilixxi l-prinċipju li l-Istat ma jagħti l-ebda appoġġ addizzjonali espliċitu jew impliċitu lill-operaturi tal-ferroviji; (p) pjan ekonomiku għall-ferroviji Griegi. Il-pjan ekonomiku jispeċifika l-mod kif l-attivitajiet operattivi se jsiru profittabbli, inkluża l-kopertura tal-ispejjeż tad-deprezzar, mill-2011 'il hemm, inkluż billi jingħalqu rotot li qed jagħmlu t-telf, billi jiżdiedu t-tariffi u jitnaqqsu l-pagi u l-livell ta' impjegati; jipprovdi analiżi dettaljata tas-sensittività dwar l-implikazzjoni għall-ispejjeż tal-pagi ta' xenarji varji għar-riżultat tal-ftehim kollettiv u jipprovdi informazzjoni dwar alternattivi differenti fir-rigward tal-istaff, u jipprevedi r-ristrutturar tal-holding company, inkluż il-bejgħ tal-art jew ta' assi oħra; (q) tfittex għajnuna teknika minn esperti internazzjonali dwar bosta aspetti tal-effiċjenza u l-effettività tas-sistema tas-saħħa u l-ġestjoni tal-isptarijiet, bl-iskop tat-tisħiħ tal-effiċjenza u t-tnaqqis tal-ħela; (r) tinforza l-ħlas ta' EUR 3 għal servizzi regolari tal-outpatients fl-isptarijiet pubbliċi." (6) Fl-Artikolu 2(4) qed jiżdied is-subparagrafu (b) li ġej: "(b) pubblikazzjoni ta' previżjonijiet komprensivi li jifirxu fuq medda twila ta' żmien tan-nefqa fuq il-pensjonijiet sal-2060 kif stabbilit fir-riforma tal-leġiżlazzjoni ta' Lulju 2010. Il-previżjonijiet għandhom jinkludu l-iskemi (awżiljari) supplementarji, abbażi ta' sett komprensiv tad-dejta miġbura u elaborata mill-Awtorità Attwarjali Nazzjonali. Il-Kumitat tal-Politika Ekonomika tal-UE għandu jagħmel analiżi inter pares u jivvalida l-previżjonijiet." (7) L-Artikolu 2(5)(b) qed jitbiddel b'dan li ġej: "(b) miżuri li jimplimentaw il-konklużjonijiet tal-ewwel fażi tal-analiżi funzjonali indipendenti tal-amministrazzjoni ċentrali u l-programmi soċjali;" (8) Fl-Artikolu 2(5) qed jiżdiedu s-subparagrafi (d), (e) u (f) li ġejjin: "(d) att li jirrevedi l-parametri ewlenin tas-sistema tal-pensjonijiet, jekk il-previżjonijiet li jifirxu fuq medda twila ta' żmien mogħtija mill-paragrafi (3)(n) u (4)(b) juru li ż-żieda prevista fin-nefqa pubblika tal-pensjonijiet għandha taqbeż il-limitu ta' 2,5 punti perċentwali tal-PGD mill-2009 sal-2060; (e) reviżjoni tat-tħaddim ta' iskemi pubbliċi tal-pensjonijiet supplementari/awżiljari bl-iskop li tiġi stabbilizzata n-nefqa u tiħi ggarantita n-newtralità baġitarja ta' dawk l-iskemi; (f) reviżjoni tal-lista ta' professjonijiet intensi u diffiċli biex titnaqqas il-kopertura għal mhux iktar minn 10 % tal-ħaddiema; il-lista l-ġdida ta' impjiegi diffiċli u perikolużi għandha tapplika b'effett mill-1 ta' Lulju 2011 għall-impjegati attwali u futuri kollha." (9) Fl-Artikolu 2(7) qed jiżdied is-subparagrafu (c) li ġej: "(c) miżuri li jimplimentaw il-konklużjonijiet tat-tieni fażi tal-analiżi funzjonali indipendenti tal-amministrazzjoni ċentrali u l-programmi soċjali;" (10) L-Artikolu 4(2)(g) qed jitbiddel b'dan li ġej: "(g) nefqa tal-gvern fl-istennija tal-ħlas, li tispeċifika dawk li skadew id-data meta kienu dovuti." Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fil-jum tan-notifika tagħha. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika. Magħmul fi Brussell, […] Għall-Kunsill Il-President […] [1] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/320/UE (ĠU L 145, 11.6.2010, p. 6). [2] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Segwitu għad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Mejju 2010 indirizzata lill-Greċja bil-ħsieb li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tagħti notifika lil Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit meqjusa bħala meħtieġa biex tissewwa l-qagħda ta' defiċit eċċessiv,' COM (2010) finali XXX ta' [19] ta' Awwissu 2010.