Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija (Skopje, l-24 ta' Settembru 2010) /* KUMM/2010/0363 finali - NLE 2010/0202 */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 6.7.2010 KUMM(2010)363 finali 2010/0202 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija (Skopje, l-24 ta' Settembru 2010) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Il-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija se jiltaqa' fl-24 ta' Settembru 2010 fi Skopje (f'dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja). Sabiex l-Unjoni Ewropea tieħu sehem fid-deċiżjonijiet rilevanti, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 218, il-paragrafu 9 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/500/KE tad-29 ta' Mejju 2006 dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija. Il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill tkopri l-punti kollha tal-aġenda li dwarhom hija mistennija deċiżjoni mill-Kunsill Ministerjali kif indikat hawn taħt. Il-punti l-oħra tal-aġenda jissemmew ukoll hawn taħt għall-informazzjoni. ELEMENTI GĦAL DEĊIŻJONI Il-Kummissjoni għandha tesprimi l-pożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea kif definiti fl-anness għad-deċiżjoni proposta għall-elementi għal deċiżjoni li ġejjin. Kwistjonijiet baġitarji Il-Kummissjoni għandha tapprova l-awtorizzazzjoni finanzjarja tad-Direttur għas-sena 2009 abbażi tar-Rapport tal-Awditjar tal-31 ta' Diċembru 2009, ir-Rapport tal-Kumitat tal-Baġit dwar il-Verifika tal-2009 u r-Rapport tad-Direttur dwar l-Eżekuzzjoni tal-Baġit. Barra minn hekk il-Kummissjoni għandha tapprova l-emenda tal-Anness 4 tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija ("Kontribuzzjoni għall-Baġit"), wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova fil-Komunità tal-Enerġija mill-1 ta' Mejju 2010. L-emenda proposta hija marbuta mal-kontribuzzjoni tal-Moldova għas-sena 2011, li hija stabbilita għal 0,10 % tal-baġit totali tal-Komunità tal-Enerġija (EUR 3,380,000) Il-kontribuzzjoni tal-Moldova tammonta għal EUR 3,380 u hija simili għall-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-Albanija, il-FYROM, il-Montenegro u l-UNMIK (il-Missjoni Temporanja ta' Amministrazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo). Sabiex jiġi evitat li jkun hemm eċċess fil-baġit, se jitnaqqas l-ammont ekwivalenti għal 0,10 % mill-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għas-sena 2011, li hija stabbilita għal 98 % (minflok 98,10 % għas-sena 2010). Il-kontribuzzjonijiet għall-partijiet kontraenti l-oħra se jibqgħu fl-istess livell bħal dak tal-2010. Sorsi ta' Enerġija Rinnovabbli F'Ġunju 2009, il-Kunsill Ministerjali stabbilixxa Task Force bil-missjoni li tivvaluta l-impatt tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE ("id-Direttiva 2009/28/KE") dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-Partijiet Kontraenti u l-Partijiet Kontraenti kandidati tal-Komunità tal-Enerġija, u biex tinvestiga u tipproponi l-modalitajiet għal adozzjoni ulterjuri possibbli mill-Komunità tal-Enerġija. Fl-2009, is-Segretarjat ikkummissjona Studju dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva l-Ġdida tal-UE dwar is-Sorsi ta' Enerġija Rinnovabbli fil-Komunità tal-Enerġija bil-għan li jikkalkula mira tal-enerġija rinnovabbli obbligatorja għal kull pajjiż abbażi tal-metodoloġija fi ħdan id-Direttiva tal-UE, fost kompiti oħra. Il-metodoloġija użata biex jiġu kkalkulati l-miri tas-SER (Sorsi ta' Enerġija Rinnovabbli) għall-2020 kienet ibbażata fuq il-prinċipju tal-ambizzjoni ekwivalenti kemm tal-Partijiet Kontraenti kif ukoll tal-Istati Membri tal-UE, jiġifieri żieda b'rata fissa ta' 5.5 % flimkien ma' sehem varjabbli abbażi tal-PDG per capita. Matul xogħlu, it-Task Force tas-SER innota li d-dejta dwar il-konsum u d-disponibbiltà tal-bijomassa kienet waħda mill-akbar inċertezzi tal-istudju, li kellha impatt mhux biss fuq il-kalkolu tas-sehem tas-SER fis-sena bażi 2005 iżda wkoll fuq il-potenzjal disponibbli sabiex jintlaħqu l-miri tal-2020. Għalhekk is-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija impenja ruħu li jikkummissjona studju addizzjonali li ser jirrevedi d-dejta dwar il-bijomassa għall-Partijiet Kontraenti kollha (fosthom il-Moldova). Sa ma jingħataw il-kundizzjonijiet biex tiġi esplorata aktar l-implimentazzjoni prospettiva tad-Direttiva 2009/28, huwa meqjus bħala xieraq ukoll li tiġi indirizzata rakkomandazzjoni għall-Partijiet Kontraenti, li tistedinhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom għall-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, fid-dawl ta' dawk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li mhumiex marbuta direttament mal-istabbiliment ta' miri vinkolanti nazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tapprova l-adozzjoni tat-test tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill Ministerjali dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, kif endorsjat fil-laqgħa tal-Grupp Permanenti ta' Livell Għoli fid-29 ta' Ġunju 2010. Il-Kummissjoni għandha tapprova l-estensjoni tal-mandat tat-Task Force għal sena addizzjonali. Suq intern għall-elettriku u l-gass – it-"Tielet Pakkett" It-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija identifika l-"acquis communautaire dwar l-enerġija" bħala: (i) Id-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku, (ii) id-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali, u (iii) ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 dwar kundizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku. Bid-Deċiżjoni Nru 2007/06/MC-EnC tat-18 ta' Diċembru 2007, dan l-acquis ġie ssupplimentat bir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta' trażmissjoni tal-gass naturali. Il-partijiet mil-Liġi tal-Unjoni Ewropea msemmijin hawn fuq ġew emendati u mfassla mill-ġdid u b'hekk għandhom jitħassru u jiġu mibdula, mit-3 ta' Marzu 2011 bl-atti li ġejjin: Id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku; Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali; Ir-Regolament (KE) 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar kundizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku, u r-Regolament (KE) 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta' trażmissjoni tal-gass naturali. Dan l-hekk imsejjaħ "Tielet Pakkett" jibni fuq l-esperjenza tal-implimentazzjoni tal-Istati Membri tal-UE u jirrappreżenta titjib fir-regoli tat-tfassil mill-ġdid. Il-Kummissjoni bdiet taħdem b'mod proattiv lejn implimentazzjoni f'waqtha ta' dawn id-Direttivi u Regolamenti fl-Istati Membri, li diġà jirrappreżentaw punt ta' referenza għas-suq intern dwar l-elettriku u l-gass fil-livell Ewropew. B'hekk huwa rrakkomandat li l-Komunità tal-Enerġija tibda timplimenta l-"acquis tal-eneġija" tagħha b'mod li tiġi riflessa l-evoluzzjoni riċenti tal-Liġi tal-Unjoni Ewropea; wara Rakkomandazzjoni maħruġa mill-Kunsill Ministerjali. Id-Deċiżjoni tal-ġejjieni dwar l-implimentazzjoni tat-Tielet Pakkett għandu jkun fiha l-adattamenti meħtieġa għall-qafas istituzzjonali tal-Komunità tal-Enerġija stess u għas-sitwazzjoni speċifika ta' kull Parti Kontraenti fiha, kif previst fl-Artikolu 24 tat-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija. Il-Kummissjoni għandha tapprova l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill Ministerjali dwar l-implimentazzjoni tal-emendi għall-"acquis communautaire dwar l-enerġija", kif endorsjat fil-laqgħa tal-Grupp Permanenti ta' Livell Għoli fid-29 ta' Ġunju 2010. ELEMENTI OĦRA Punti mingħajr dibattitu Il-Kummissjoni għandha tapprova l-konklużjonijiet taż-żewġ laqgħat preċedenti tal-Grupp Permanenti ta' Livell Għoli u għandha tqis ir-rapporti li ġejjin: – Ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Ħidma tal-Komunità tal-Enerġija; – Ir-rapport tal-verifika tal-31 ta' Diċembru 2009; – Ir-rapport tal-Kumitat tal-Baġit dwar il-Verifika tal-2009; – Ir-rapport tad-Direttur dwar l-eżekuzzjoni tal-Baġit; – Ir-rapport dwar il-Każijiet Pendenti għas-Soluzzjoni tat-Tilwim; – Ir-rapport preliminari dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għall-2009; Implimentazzjoni tat-Trattat Il-Kummissjoni għandha tqis ir-rapport preparat mis-Segretarjat. Il-Kummissjoni għandha tqis il-ftit progress li sar fl-implimentazzjoni mill-aħħar rapport, partikolarment id-differenza eżistenti bejn id-dikjarazzjonijiet politiċi u l-implimentazzjoni ta' kuljum, li tirrappreżenta xkiel serju għall-investimenti. Għandha tinkoraġġixxi lis-Segretarjat, f'konformità mal-Konklużjonijiet tal-aħħar laqgħa tal-Kunsill Ministerjali f'Żagreb fit-18 ta' Diċembru 2009, biex isegwi b'mod attiv il-każijiet kollha ta' nuqqas ta' konformità, partikolarment biex dawn il-każijiet jiġu indirizzati fil-qafas tal-proċeduri mibdija fuq l-inizjattiva tiegħu stess. Għandu jiġi garantit trattament ugwali pereżempju billi ksur simili minn Partijiet Kontraenti jiġi indirizzat simultanjament. Il-Kummissjoni għandha ssostni aktar l-isforzi tas-Segretarjat bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet innegozjati. Sigurtà tal-provvista Il-Kummissjoni għandha tqis is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tat-Trattat fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista u tirrapporta dwar id-diskussjonijiet attwali dwar il-Proposta tagħha għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri li jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-provvista ta' gass u li jħassar id-Direttiva 2004/67/KE. Dimensjoni taż żejt Il-Kummissjoni se tilqa' l-għoti ta' kuntratt għal Studju dwar l-Emerġenza tal-Ħażniet taż-Żejt fil-Komunità tal-Enerġija, li għandu jiġi ffinalizzat f'Marzu 2011. Dan ir-rapport se jivvaluta s-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet attwali tal-Partijiet Kontraenti u l-osservaturi u se jħejji pjan direzzjonali għall-Komunità tal-Enerġija li għandha tinkludi, partikolarment, skeda ta' żmien koordinata għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/119/KE tal- 14 ta’ Settembru 2009 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex iżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti petroliferi għalihom kollha. Investimenti fl-Infrastruttura Il-Kummissjoni għandha tqis il-passi li ttieħdu għall-promozzjoni ta' dawk il-proġetti tal-infrastruttura kkunsidrati bħala prijorità għar-reġjun, skont kif ġew magħżula u żviluppati aktar mis-Segretarjat, u skont kif ġew endorsjati mill-Grupp Permanenti ta' Livell Għoli fil-laqgħat tiegħu fis-17 ta' Marzu u fid-29 ta' Ġunju 2010. Għandha tqis ukoll ir-Rapport adottat mill-Bord Regolatorju tal-Komunità tal-Enerġija fil-laqgħa tiegħu fl-10 ta' Marzu 2010 dwar il-Kooperazzjoni tar-Regolaturi fir-Rigward tal-Proġetti ta' Investiment Transkonfinali, u li jkopri l-Istrumenti Regolatorji għall-Promozzjoni ta' Investimenti Ġodda, il-Valutazzjoni ta' Mekkaniżmi u Rakkomandazzjonijiet Eżistenti. Memorandum ta' Ftehim dwar Kwistjonijiet Soċjali Il-Kummissjoni se tqis il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Memorandum tal-Ftehim dwar Kwistjonijiet Soċjali u partikolarment il-konklużjonijiet tat-tielet (3) Forum Speċjali li sar bejn l-10 u l-11 ta' Ġunju fi Skopje. Il-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija se jiltaqa' fl-24 ta' Settembru 2010 fi Skopje (f'dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja). Sabiex l-Unjoni Ewropea tieħu sehem fid-deċiżjonijiet rilevanti, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 218 tat-Trattat u skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/500/KE tad-29 ta' Mejju 2006 dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija. Il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill tkopri l-punti kollha tal-aġenda li dwarhom hija mistennija deċiżjoni mill-Kunsill Ministerjali kif indikat hawn taħt. Il-punti l-oħra tal-aġenda jissemmew ukoll hawn taħt għall-informazzjoni. 2010/0202 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija (Skopje, l-24 ta' Settembru 2010) IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 218 (9) tiegħu, Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/500/KE tad-29 ta' Mejju 2006 dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija[1], u b'mod partikolari l-Artikoli 4 u 5 tagħha, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu Uniku Fid-dawl tal-laqgħa tal-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Energija li se ssir fi Skopje fl-24 ta' Settembru 2010, il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-kwistjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 218(9) tat-Trattat hija stabbilita fl-Anness għal din id-Deċiżjoni. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Guenther OETTINGER Membru tal-Kummissjoni ANNESS Il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea - L-Unjoni Ewropea tapprova l-awtorizzazzjoni finanzjarja tad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija għas-sena 2009. - L-Unjoni Ewropea tapprova d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali li temenda l-Anness 4 għat-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija ("Kontribuzzjoni għall-Baġit"), biex tirrifletti l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova - L-Unjoni Ewropea tapprova l-estensjoni tal-mandat tat-Task Force dwar Sorsi ta' Enerġija Rinnovabbli għal sena addizzjonali. - L-Unjoni Ewropea tapprova r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill Ministerjali dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli. - L-Unjoni Ewropea tapprova r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill Ministerjali dwar l-implimentazzjoni tal-emendi għall- "acquis communautaire dwar l-enerġija" . [1] ĠU L198, p. 15.