52010PC0256

Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-unjoni ewropea li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa /* KUMM/2010/0256 finali - COD 2010/0137 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 27.5.2010

KUMM(2010)256 finali

2010/0137 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Kuntest tal-proposta

Permezz ta' din il-proposta ta' emenda lir-Regolament (KE) Nru 539/2001[1] kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 1244/2009[2], il-Kummissjoni għandha bħala għan li taġġusta l-annessi tar-Regolament, billi tieħu f'kunsiderazzjoni l-progress li sar fid-djalogi ta' liberalizzazzjoni tal-viża mal-Albanija u mal-Bosnja-Ħerzegovina tul dawn l-aħħar seba' xhur u billi jiġu trasferiti dawn iż-żewġ pajjiżi mill-Anness I (lista ta' pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom fil-pussess tagħhom viżas meta qed jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri) għall-Anness II (lista ta' dawk il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dak ir-rekwiżit) tar-Regolament; dan it-trasferiment hu f'konformita' mal-impenn politiku meħud mill-Unjoni Ewropea dwar il-liberalizzazzjoni tar-rekwiżit tal-viża għal perjodu qasir għaċ-ċittadini kollha tal-Balkani tal-Punent bħala parti mill-aġenda ta' Tessaloniki.

Kuntest ġenerali u raġunijiet għall-proposta

Skont Artikoli 62 (2) (b) (i) tat-Trattat li Jistabbilixxi lill-Komunita' Ewropea, il-Kunsill addotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom biex jaqsmu l-fruntieri esterni (l-hekk imsejħa ‘lista negattiva’) u dawk li ċ-ċittadini tagħhom m'għandhomx bżonn din il-viża (l-hekk imsejħa ‘lista pożittiva’). L-Artikolu 61 tat-Trattat tal-KE jelenka dawk il-listi fost il-miżuri laterali li huma direttament marbuta mal-moviment ħieles ta' persuni ġewwa żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

Id-determinazzjoni ta' dawk il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti għall-ħtieġa tal-viża, u dawk eżentati minnha, hija rregolata minn kriterji meqjusa, bl-assessjar każ b'każ tal-varjetà tal-kriterji li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, l-immigrazzjoni illegali, il-politika u s-sigurtà pubblika, u r-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea ma’ pajjiżi terzi, filwaqt li tingħata wkoll konsiderazzjoni għall-implikazzjonijiet tal-koerenza reġjonali u r-reċiproċità. B'konsiderazzjoni tal-kriterji ta' ordni pubbliku u immigrazzjoni illegali, attenzjoni partikolari għandha tingħata anke lis-sigurta' ta' dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġin mill-pajjiżi terzi kkonċernati.

Ladaraba l-kriterji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 539/2001 relatai ma' pajjiżi terzi jistgħu jevolvu maż-żmien, għandha ssir reviżjoni tal-kompożizzjoni tal-lista negattiva u dik pożittiva meta jkun xieraq.

Regolament (KE) Nru 539/2001 ġiet emendata dan l-aħħar fir-rigward tar-riżultat tad-djalogi dwar liberalizzazzjoni tal-viża billi ġew trasferiti dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja għal-lista pożittiva.

Ir-reviżjoni attwali tar-Regolament għandha l-għan li tassigura li l-kompożizzjoni tal-listi ta' pajjiżi terzi tikkonforma mal-kriterji msemmija fil-preambolu (5) tar-Regolament fid-dawl tal-progress miksub mill-Albanija u mill-Bosnja-Ħerzegovina fil-qafas tad-djalogi rispettivi tagħhom dwar liberalizzazzjoni tal-viża.

2. Elementi tal-proposta

Mis-Summit ta' Tessaloniki f'Ġunju 2003, l-Unjoni Ewropea kkonfermat bosta drabi l-impenn politiku tagħha lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, u saħqet li dan l-għan hu marbut mal-progress li sar mill-pajjiżi involuti fl-implimentazzjoni ta’ riformi ewlenin f’oqsma bħat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-migrazzjoni illegali u t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tagħhom fil-kontroll fuq il-fruntieri u s-sigurtà tad-dokumenti. Bħala l-ewwel pass konkret lejn l-istabbiliment ta' reġim tal-ivvjaġġar mingħajr viża, fl-2007 l-Unjoni Ewropea kkonkludiet Ftehimiet dwar il-Faċilitazzjoni tal-Viża mal-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja[3] (flimkien mal-ftehimiet ta' ri-ammissjoni) u bdiet djalogi strutturati dwar liberalizzazzjoni tal-viża bbażati fuq pjani direzzjonali dettaljati li joħolqu kriterji ċari li għandhom jiġu ssodisfati mill-ħames pajjiżi fir-reġjun sabiex dawn jimxu gradwalment lejn liberalizzazzjoni tal-viża.

Dan id-djalogu ta' ħelsien mill-viża li hu orjentat lejn riżultat inbeda mal-Albanija f'Marzu 2008 u mal-Bosnja-Ħerzegovina f'Mejju 2008; dan ġie bbażat fuq pjani direzzjonali apposta li l-Kummissjoni stabbiliet bi ftehim mal-Istati Membri u f'konsultazzjoni mal-pajjiż rispettiv. Partikolarment, il-pjani direzzjonali kienu maqsuma f'erba' settijiet ta' kwistjonijiet: is-sigurtà tad-dokumenti, l-immigrazzjoni illegali, l-ordni u s-sigurtà pubblika kif ukoll kwistjonijiet tar-relazzjonijiet esterni marbuta mal-moviment tal-persuni.

Fil-proposta tagħha ddatata l-15 ta' Lulju 2009[4], il-Kummissjoni ppreżentat fid-dettall il-metodoloġija segwita fil-proċess ta' liberalizzazzjoni tal-viża li sar għall-pajjiiżi tal-Balkani tal-Punent u pproponiet li tittrasferixxi mil-lista negattiva għal dik pożittiva lil dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja. Abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni u wara li kkonsulta l-Parlament Ewropew, il-Kunsill iddeċieda fit-30 ta' Novembru 2009 li jneħħi l-obbligu tal-viża minn fuq ċittadini ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja mid-19 ta' Diċembru 2009.

Fir-rigward tal-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina ġie kkunsiderat li minkejja l-progress importanti li sar, sensiela ta’ punti ta' riferiment kienu għadhom mhumiex issodisfati. F'Dikjarazzjoni konġunta adottata f'Novembru 2009, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill enfasizzaw l-appoġġ politiku tagħhom għal tneħħija ta' malajr tar-reġim tal-viża għaċ-ċittadini ta' dawn iż-żewġ pajjiżi u ħeġġew lill-awtoritajiet tal-Albanija u tal-Bosnja-Ħerzegovina biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom sabiex jikkonformaw mal-kriterji kollha msemmija fil-pjani direzzjonali tal-Kummissjoni.

Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill stiednu lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta leġiżlattiva biex temenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 hekk kif din tkun ivvalutat li kull pajjiż jilħaq il-kriterji tal-pjani direzzjonali, u ħadu l-impenn li jeżaminaw il-proposta tal-Kummissjoni bħala kwistjoni urġenti.

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni baqgħet minn Novembru tal-2009 tassigura monitoraġġ mill-qrib tal-proċess ta' liberalizzazzjoni tal-viża għall-Albanija u għall-Bosnja-Ħerzegovina. Abbażi ta' rapporti dettaljati dwar preparamenti li ġew provduti minn dawn iż-żewġ pajjiżi u abbażi ta' riżultati ta' sitt missjonijiet esperti li saru bejn Diċembru 2009 u Frar 2010 (li fihom esperti tal-Istati Membri ġew involuti b'mod attiv), il-Kummissjoni ppreżentat f'April 2010 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, qabel ittrażmettietha lil dawn il-pajjiżi kkonċernati, il-valutazzjoni tagħha dwar il-progress li sar minn dawn iż-żewġ pajjiżi fl-implimentazzjoni tal-punti ta' riferiment mhux issodisfati mill-pjani direzzjonali lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża.

Meta ppreżentat dawn il-valutazzjonijiet, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tagħmel għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent kollha, monitoraġġ xieraq, wara li jitneħħa r-rekwiżit tal-viża, fuq l-implimentazzjoni effettiva u sostenibbli tal-miżuri meħuda minn dawn il-pajjiżi fi ħdan il-qafas tal-proċess ta' liberalizzazzjoni tal-viża.

Ir-rapporti ta' valutazzjoni għall-Albanija u għall-Bosnja-Ħerzegovina ġew ippreżentati lill-awtoritajiet rispettivi tal-Albanija u tal- Bosnja-Ħerzegovina fis-6 ta' Mejju 2010.

B'mod partikolari, ir-rapporti ta' valutazzjoni kkonkludew li l-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina għamlu progress importanti u numru limitat ta' punti ta' riferiment jibqgħu mhux issodisfati.

Il-proposta preżenti tirrifletti dak li ħareġ mill-proċess imsemmi hawn fuq: filwaqt li tikkunsidra ukoll, li l-Ftehimiet ta' Faċilitazzjoni tal-Viża u Ri-Ammissjoni ma' dawn iż-żewġ pajjiżi qed jiġu implimentati b'mod sodisfaċenti, il-Kummissjoni tipproponi li tittrasferixxi lill-Albanija u lill-Bosnja-Ħerzegovina, li kważi waslu li jissodisfaw il-kriterji kollha, mil-lista negattiva għal dik pożittiva, bil-kundizzjoni li sal-ġurnata tal-adozzjoni tal-proposta mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, dawn il-pajjiżi jkunu ssodisfaw il-kriterji kollha.

Il-proċess reġjonali tal-liberaliżżazzjoni tal-viża hu subordinat għall-introduzzjoni tal-passporti bijometriċi mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, u għal dak li jipprovdi r-Regolament (KE) Nru 1244/2009. Il-proposta attwali, minħabba raġunijiet ta' sigurta' u prevenzjoni tal-immigrazzjoni illegali, tillimita l-eżenzjoni tal-viża għaċ-ċittadini tal-Albanija u tal-Bosnja-Ħerzegovina għal dawk il-persuni li għandhom il-passaporti bijometriċi l-ġodda li jinħarġu minn dawn il-pajjiżi.

3. Il-Passi li Jmiss

Flimkien mal-analiżi tal-proposta tagħha fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill, il-Kummissjoni se tkompli tevalwa l-implimenatzzjoni tal-punti ta' riferiment li għad iridu jiġu ssodisfati għall-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina u ser taqsam l-evalwazzjonijiet tagħha fil-ħin opportun mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill.

Għall-Albanija, il-punti ta' riferiment li għad iridu jiġu ssodisfati jittrattaw:

- l-iżvilupp ta' strateġija u politika għall-appoġġ tal-integrazzjoni mill-ġdid tal-Albaniżi li ġew lura;

- it-tisħieħ ta’ kapaċitajiet fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u l-implimentazzjoni effettiva tal-qafas legali għall-ġlieda kontra l-kriminalita organizzata u l-korruzzjoni, inkluż permezz tal-allokazzjoni ta’ riżorsi umani u finanzjarji adegwati;

- l-implimentazzjoni effettiva tal-qafas legali fil-qasam tas-sekwestru tal-assi tal-kriminalita' organizzata.

Għall-Bosnja-Ħezegovina, il-kriterji li għad iridu jiġu ssodisfati jittrattaw:

- it-tisħieħ ta’ kapaċitajiet fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u l-implimentazzjoni effettiva tal-qafas legali għall-ġlieda kontra l-kriminalita organizzata u l-korruzzjoni, inkluż permezz tal-allokazzjoni ta’ riżorsi umani u finanzjarji adegwati;

- l-implimentazzjoni progressiva tal-pjan ta' azzjoni minn Marzu 2010 dwar l-istabbiliment ta' skambju ta' dejta elettronika bejn korpi tal-puluzija u l-prosekuzzjoni;

- l-armonizzazzjoni tal-kodiċi kriminali tal-livell ta' entita' u tad-distrett Brcko mal-kodiċi kriminali fuq livell statali.

Bħal fir-Regolament (KE) Nru 1244/2009, m'hemm l-ebda raġuni li tikkundizzjona l-implimentazzjoni tal-eżenzjoni tal-viża għall-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina fuq il-konkluzjoni tal-ftehimiet tal-eżenzjoni tal-viża mal-UE, meta wieħed jikkunsidra l-vokazzjoni Ewropea ta' dawn iż-żewġ pajjiżi u l-fatt li huma diġa' eżentaw liċ-ċittadini Ewropej kollha mir-rekwiżit tal-viża.

4. L-organizzazzjonijiet/esperti ewlenin ikkonsultati

L-Istati Membri ġew ikkonsultati.

5. Valutazzjoni tal-impatt

Mhux bilfors.

6. Bażi legali

Skont it-TFUE, din il-proposta tikkostitwixxi żvilupp tal-politika komuni tal-viża f'konformita' mal-Artikolu 77(2)(a) tat-TFUE.

7. Il-prinċipji ta' propozjonalità u sussidjaretà

Ir-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001 jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni (lista negattiva) u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (il-lista pożittiva).

Id-deċiżjoni biex tbiddel il-listi, biex titrasferixxi pajjiż mil-lista negattiva għal-lista pożittiva jew viċe versa, taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 77(2)(a) tat-TFUE.

8. Għażla tal-istrumenti

Ir-Regolament (KE) 539/2001 għandu jiġi emendat b’Regolament.

9. Implikazzjoni baġitarja

Il-proposta ta' emenda ma għandha l-ebda effett fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea.

2010/0137 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77(2)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-proposta leġiżlattiva lill-Parlamenti Nazzjonali,

Waqt li jaġixxu b'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

10. Il-kompożizzjoni tal-listi ta’ pajjiżi terzi fl-Annessi I u II għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001[5] għandu jkun, u għandu jibqa’, konsistenti mal-kriterji imniżżla fil-premessa (5) tiegħu. Pajjiżi terzi li għalihom inbidlet is-sitwazzjoni fir-rigward ta' dawn il-kriterji, għandhom ikunu trasferiti minn Anness għall-ieħor.

11. F'konformita' mal-impenn politiku meħud mill-Unjoni Ewropea dwar il-liberalizzazzjoni tar-rekwiżit għal viża fuq żmien qasir għaċ-ċittadini tal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent bħala parti mill-aġenda ta' Tessaloniki u meta wieħed jieħu f'kunsiderazzjoni l-progress li sar minn Diċembru 2009 fid-djalogi ta' liberalizzazzjoni tal-viża mal-Albanija u mal-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn iż-żewġ pajjiżi ssodisfaw il-maġġoranza tal-kriterji tal-pjani direzzjonali rispettivi tagħhom.

12. Għalhekk l-Albanija u l-Bosnja-Ħerżegovina [issodisfaw il-kriterji kollha sad-data tal-adozzjoni tar-Regolament preżenti], għandhom ikunu trasferiti għall-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 539/2001. L-eżenzjoni tal-viża għandha tapplika biss għal dawk id-detenturi tal-passaporti bijometriċi maħruġa minn kull wieħed miż-żewġ pajjiżi involuti.

13. Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implementazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen[6], li huma fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1(B) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim[7].

14. Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen[8], li jaqa' fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1(B) u (C) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE, moqrija flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE[9].

15. Fir-rigward ta’ Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, skont it-tifsira tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqa’ fl-ambitu tal-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti (B) u (C) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/261/KE[10].

16. Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu sehem f’xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen[11]. ir-Renju Unit għalhekk mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhux marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

17. Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda ma tiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen[12]; Għalhekk l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

18. Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fuq l-acquis ta' Schengen, skont il-Protokoll li jintegra l-acquis ta' Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, kif iddefinit fl-Anness A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/435/KE tal-20 ta' Mejju 1999 dwar id-definizzjoni tal-acquis ta' Schengen sabiex jiġi determinat, b'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-bażi legali għall-kull waħda mid-dispożizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis[13].

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa b’dan emendat kif ġej:

19. L-Anness I għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) f'Parti 1, ir-referenzi għall-Albanija u għall-Bosnja-Ħerzegovina għandhom jiġu mħassra;

20. Fl-Anness II, Parti 1 għandhom jiddaħħlu r-referenzi li ġejjin:

"l-Albanija (*)

Il-Bosnja-Ħerzegovina (*)"

(*) L-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża tapplika biss għad-detenturi tal-passaporti bijometriċi”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1.

[2] ĠU L 336, 18.12.2009, p. 1.

[3] Ara l-preambolu ta’ dawn il-ftehimiet: mal-Albanija (ĠU L 334, 19.12.2007,p. 85), il-Bosnja-Ħerzegovina (ĠU L 334, 19.12.2007,p. 97), dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (ĠU L 334, 19.12.2007,p.125), il-Montenegro (ĠU L 334, 19.12.2007,p. 169) u s-Serbja (ĠU L 334, 19.12.2007,p. 109)

[4] COM(2009)366 finali

[5] ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1.

[6] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

[7] ĠU L176, 10.7.1999, p. 31.

[8] ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

[9] ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.

[10] ĠU L 83, 26.3.2008, p. 3.

[11] ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

[12] ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

[13] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 1.