52010PC0217

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2488/2000 li jżomm fondi ffriżati fejn għandu x'jaqsam is-Sur Milosevic u dawk il-persuni assoċjati miegħu (ippreżentat b'mod konġunt mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà /* KUMM/2010/0217 finali - NLE 2010/0116 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 12.5.2010

KUMM(2010)217 finali

2010/0116 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2488/2000 li jżomm fondi ffriżati fejn għandu x'jaqsam is-Sur Milosevic u dawk il-persuni assoċjati miegħu

(ippreżentat b'mod konġunt mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2488/2000, kif l-aħħar emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, ikkonferma ċerti miżuri restrittivi fir-rigward tal-eks President Milosevic u l-persuni assoċjati miegħu.

2. Huwa xieraq li r-Regolament (KE) Nru 2488/2000 jiġi armonizzat mal-iżviluppi riċenti fil-prattika tas-sanzjonijiet fejn tidħol l-identifikazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, ir-responsabbiltà għal ċertu ksur, il-protezzjoni ta’ dejta personali u l-abbozzar tal-artikolu dwar ġurisdizzjoni tal-Unjoni.

3. Biex titħares iċ-ċarezza, dawk l-Artikoli kollha li għalihom jeħtieġ li jsiru emendi għandhom jiġu ppubblikati sħaħ mill-ġdid.

2010/0116 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2488/2000 li jżomm fondi ffriżati fejn għandu x'jaqsam is-Sur Milosevic u dawk il-persuni assoċjati miegħu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 (2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni 2000/599/CFSP tad-9 ta' Ottubru 2000 dwar appoġġ għar-RFJ demokratika u t-tneħħija minnufih ta' xi miżuri restrittivi[1], u għall-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2000/696/CFSP tal-10 ta' Novembru 2000 dwar iż-żamma ta' miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra is-Sur Milosevic u persuni assoċjati miegħu[2],

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mill-Kummissjoni,

Wara li kkonsulta lill-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta,

Billi:

4. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2488/2000 tal-10 Novembru 2000 li jżomm fondi ffriżati fejn għandu x'jaqsam is-Sur Milosevic u dawk il-persuni assoċjati miegħu u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nri 1294/1999 u 607/2000 u Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 926/98[3] ikkonferma ċerti miżuri restrittivi skont il-Pożizzjoni Komuni 2000/599/CFSP u l-Pożizzjoni Komuni 2000/696/CFSP.

5. Huwa xieraq li r-Regolament (KE) Nru 2488/2000 jiġi armonizzat mal-iżviluppi riċenti fil-prattika tas-sanzjonijiet fir-rigward tal-abbozzar tad-dispożizzjonijiet dwar l-iffriżar ta’ fondi, l-identifikazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, ir-responsabbiltà għal ċertu ksur, il-protezzjoni ta’ dejta personali u l-abbozzar tal-artikolu dwar ġurisdizzjoni tal-Unjoni. Il-formulazzjoni tar-Regolament għandu wkoll ikun adattat biex tiġi kkunsidrata l-mewt ta' Slobodan Milosevic. Biex titħares iċ-ċarezza, dawk l-Artikoli li għalihom għandhom isiru emendi għandhom jerġgħu jiġu ppubblikati sħaħ.

6. Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea[4] u b'mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, id-dritt għall-proprjetà u d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali. Dan ir-Regolament għandu jkun applikat skont dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

7. Kull ipproċessar ta' dejta personali ta' persuni fiżiċi skont dan ir-Regolament għandu jirrispetta r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta[5] u d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta[6],

8. Ir-Regolament (KE) Nru 2488/2000 għandu jiġi emendat kif jixraq,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2488/2000 huwa emendat kif ġej:

(1) It-titolu jiġi sostitwit b’li ġej:

“Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2488/2000 tal-10 ta' Novembru 2000 li jżomm fondi ffriżati fejn għandu x'jaqsam Slobodan Milosevic u l-persuni assoċjati miegħu."

(2) L-Artikolu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

1. Il-fondi li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn Slobodan Milosovic jew persuni fiżiċi assoċjati miegħu elenkati fl-Anness I, għandhom ikunu ffriżati.

2. Ebda fondi m'għandhom ikunu disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju ta' kwalunkwe persuna fiżika elenkata fl-Anness I.

3. Għall-fini ta’ dan ir-Regolament:

(a) ‘fondi’ tfisser assi u benefiċċji finanzjarji ta’ kull tip, li jinkludu iżda mhux limitati għal:

(i) flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flejjes, drafts, money-orders u strumenti oħra ta’ ħlas;

(ii) depożiti ma’ istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi f’kontijiet, dejn u obbligazzjonijiet ta’ dejn;

(iii) titoli negozjabbli kemm pubbliċi kif ukoll privati u strumenti li joħolqu jew jirrikonoxxu debitu, inklużi l-istocks u l-ishma, iċ-ċertifikati li jirrappreżentaw titoli tas-sigurtà, kambjali, noti, mandati, obbligazzjonijiet u kuntratti tad-derivattivi;

(iv) imgħax, dividendi jew dħul ieħor fuq assi, jew valur akkumulat jew ġenerat minnhom;

(v) kreditu, dritt ta’ tpaċija, garanziji, titoli eżegwibbli jew impenji finanzjarji oħra;

(vi) ittri ta’ kreditu, poloz tat-tagħbija, dokumenti ta’ bejgħ;

(vii) dokumenti li jixhdu xi interess f’fondi jew riżorsi finanzjarji;

(b) 'iffriżar tal-fondi' tfisser li ma jitħalla l-ebda mossa, trasferiment, alterazzjoni, użu ta', aċċess għal, jew innegozjar ta' fondi bl-ebda mod li jirriżulta f'kull bidla fil-volum, ammont, pożizzjoni, proprjetà, pussess, karattru, destinazzjoni jew bidla oħra li tipermetti li l-fondi jintużaw, kif ukoll l-amministrazzjoni tal-portafolli.

4. Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 m’għandha twassal għal responsabbiltà ta’ ebda xorta fuq in-naħa tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew entitajiet jew korpi li għamlu l-fondi disponibbli, jekk huma ma kienux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom kienu se jiksru din il-projbizzjoni.

(3) L-Artikolu 2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Għandha tiġi pprojbita l-parteċipazzjoni, konxjament u intenzjonalment, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun, direttament jew indirettament, biex jaħarbu mill-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(1) u (2).”

(4) Jiddaħħal l-Artikolu 2a li ġej:

“Artikolu 2a

1. L-Artikolu 1(2) m'għandux japplika għaż-żieda ma' kontijiet iffriżati ta' interessi jew qligħ ieħor minn dawn il-kontijiet bil-kundizzjoni li dawn l-interessi jew qligħ u pagamenti oħra jiġu ffriżati f'konformità mal-Artikolu 1(1).

2. L-Artikolu 1(2) m’għandux jipprevjeni lill-istituzzjonijiet finanzjarji jew ta’ kreditu fl-Unjoni milli jikkreditaw kontijiet iffriżati fejn jirċievu fondi fil-kont tal-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkata, sakemm kwalunkwe żieda għal tali kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta’ kreditu għandha tgħarraf bla dewmien lill-awtoritajiet kompetenti b’tali transazzjonijiet.

3. L-iffriżar ta’ fondi jew iċ-ċahda biex il-fondi jsiru disponibbli, magħmula in bona fede fuq il-bażi li din l-azzjoni skont dan ir-Regolament, m’għandux jirriżulta f’obbligu tal-ebda tip mill-parti ta’ persuni fiżika jew ġuridika jew ta’ entità li timplimentaha, jew id-diretturi jew l-impjegati tagħha, sakemm ma jkunx ipprovat li l-fondi kienu ffriżati bħala riżultat ta’ negligenza.”

(5) L-Artikolu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

1. Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom:

(a) jipprovdu immedjatament lill-awtoritajiet kompetenti li jidhru fil-websajts elenkati fl-Anness II fil-pajjiż fejn huma residenti jew ibbażati, b'kull informazzjoni li tiffaċilita l-osservanza ta' dan ir-Regolament, bħal kontijiet u ammonti ffriżati skont l-Artikolu 1, u għandhom jgħaddu din l-informazzjoni, direttament jew indirettament, lill-Kummissjoni; kif ukoll

(b) jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti indikati fil-websajts elenkati fl-Anness II f’kull verifika ta’ din l-informazzjoni.

2. Kull informazzjoni mogħtija jew milqugħa skont dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-għanijiet li għalihom tkun ngħatat jew ġiet milqugħa.”

(6) L-Artikolu 4 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

1. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament li jikkonċernaw il-kwistjonijiet msemmija fil-paragrafu 2(a) u (b) għandhom ikunu adottati f'konformità mal-proċedura ta' amministrazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2).

2. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li:

(a) temenda l-Anness I, billi tikkunsidra d-deċiżjonijiet li jimplimentaw il-Pożizzjoni Komuni 2000/696/CFSP,

(b) fuq bażi eċċezzjonali, li tagħti eżenzjonijiet lill-Artikoli 1 u 2 għal skopijiet strettament umanitarji,

(c) temenda l-Anness II fuq il-bażi tat-tagħrif ipprovdut mill-Istati Membri.

3. Kull talba minn, f'isem jew għall-benefiċċju ta' persuna mniżżla fil-lista, bħal talba għal eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 2(b) jew għal emenda tal-Anness I, għandha ssir permezz tal-awtoritajiet kompetenti indikati fil-websajts elenkati fil-lista fl-Anness II.

Meta awtorità kompetenti tirċievi talba bħal din, għandha tivverifika, bl-akbar reqqa possibbli, l-informazzjoni pprovduta mill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jagħmel it-talba.

4. L-awtorità kompetenti għandha tibgħat it-talba u s-sejbiet dwarha lill-Kummissjoni.”

(7) Jiddaħħal l-Artikolu 4a li ġej:

“Artikolu 4a

1. Il-Kummissjoni għandha tipproċessa d-dejta personali sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament. Dawn il-kompiti għandhom jinkludu:

(a) il-preparazzjoni ta' emendi għall-Anness I ta' dan ir-Regolament;

(b) il-konsolidazzjoni tal-kontenut tal-Anness I fil-lista konsolidata, elettronika ta' persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għal sanzjonijiet finanzjarji tal-UE disponibbli fuq il-websajt tal-Kummissjoni[7];

(c) l-ipproċessar ta' tagħrif dwar ir-raġunijiet għall-elenkar; kif ukoll

(d) l-ipproċessar tat-tagħrif dwar l-impatt tal-miżuri ta' dan ir-Regolament bħal ma huma l-valur tal-fondi ffriżati u t-tagħrif dwar l-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti.

2. L-Anness I għandu jinkludi biss it-tagħrif li ġej dwar il-persuni fiżiċi elenkati:

(a) kunjom u ismijiet attribwiti lilhom, inklużi psewdonimi u titli, fejn hemm;

(b) id-data u l-post tat-twelid;

(c) in-nazzjonalità;

(d) in-numri tal-passaport u tal-Karta tal-Identità;

(e) in-numri tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali;

(f) is-sess;

(g) indirizz jew tagħrif ieħor dwar fejn jinstabu;

(h) funzjoni jew professjoni;

(i) ir-raġunijiet għall-elenkar jekk il-funzjoni ma tikkwalifikax bħala tali.

3. L-Anness I jista' jinkludi wkoll informazzjoni dwar il-membri tal-familja tal-persuni elenkati, sakemm l-inklużjoni ta' din l-informazzjoni tkun neċessarja f'każ speċifiku għall-unika raġuni tal-verifika tal-identità tal-persuna fiżika elenkata fil-kwistjoni:

4. Il-Kummissjoni tista' tipproċessa d-dejta relevanti relatata ma' reati kriminali mwettqa mill-persuni fiżiċi elenkati, u kundanni kriminali jew miżuri ta' sigurtà dwar dawn il-persuni, biss safejn dan l-ipproċessar huwa meħtieġ għall-preparazzjoni ta' dikjarazzjoni tar-raġunijiet u r-reviżjoni tal-opinjonijiet magħmula mill-persuna fiżika kkonċernata, soġġetti għal salvagwardji speċifiċi xierqa. Tali dejta ma għandiex tkun ippubblikata jew skambjata.

5. Għal-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-unità tal-Kummissjoni elenkata fl-Anness II hija nominata bħala "kontrollur" skont it-tifsira tal-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, sabiex ikun żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001."

(8) Jiddaħħal l-Artikolu 8a li ġej:

“Artikolu 8a

1. L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikoli 3 u 4 u jidentifikawhom fil-websajts elenkati fl-Anness II. L-Istati Membri għandhom javżaw lill-Kummissjoni dwar kull bidla fl-indirizzi tal-websajts tagħhom imniżżla fl-Anness II qabel ma jidħlu fis-seħħ bidliet bħal dawn.

2. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inkluż id-dettalji ta' kuntatt tagħhom, sal-15 ta' Lulju 2010 u għandhom jgħarrfuha b'kull emenda sussegwenti.”

(9) L-Artikolu 10 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a) fi ħdan it-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

(b) abbord kull inġenju tal-ajru jew bastiment li jaqa' taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru;

(c) għal kull persuna fit-territorju tal-Unjoni jew barra minnu, li hija ċittadin ta' Stat Membru;

(d) għal kull persuna ġuridika, entità jew korp li huwa inkorporat jew kostitwit taħt il-liġi ta' Stat Membru;

(e) għal kull persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta' kull negozju li jsir kompletament jew parzjalment fl-Unjoni.”

(10) L-Anness II huwa ssostitwit bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

“ANNESS II

Il-websajts li jipprovdu tagħrif dwar l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikoli 3 u 4 u l-indirizzi għan-notifiki u talbiet lill-Kummissjoni Ewropea

(għandha timtela mill-Istati Membri)

IL-BELĠJU

IL-BULGARIJA

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

ID-DANIMARKA

IL-ĠERMANJA

L-ESTONJA

L-IRLANDA

IL-GREĊJA

SPANJA

FRANZA

L-ITALJA

CYPRUS

IL-LATVJA

IL-LITWANJA

IL-LUSSEMBURGU

L-UNGERIJA

MALTA

L-OLANDA

L-AWSTRIJA

IL-POLONJA

IL-PORTUGALL

IR-RUMANIJA

IS-SLOVENJA

SLOVAKKJA

IL-FINLANDJA

L-ISVEZJA

IR-RENJU UNIT

Indirizz għan-notifiki u talbiet lill-Kummissjoni Ewropea:

Il-Kummissjoni Ewropea

DĠ Relazzjonijiet Esterni

Direttorat A. Pjattaforma ta’ Kriżi u Koordinazzjoni tal-Politika fir-rigward tal-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni

Unità A2. Ġestjoni tal-kriżi u kostruzzjoni tal-paċi

CHAR 12/106

B-1049 Bruxelles/Brussel(Il-Belġju)

Indirizz tal-posta elettronika: relex-sanctions@ec.europa.eu

Tel. (32 2) 295 55 85

Faks: (32 2) 299 08 73”

[1] ĠU L 261, 14.10.2000, p. 1.

[2] ĠU L 287, 14.11.2000, p. 1.

[3] ĠU L 287, 14.11.2000, p. 19.

[4] ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.

[5] ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

[6] ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

[7] http://ec.europa.eu/external_relations/PESK/sanctions/list/consol-list.htm