52010PC0094

Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, li tirrevoka d-Deċiżjoni Qafas 2004/68/ĠAI /* KUMM/2010/0094 finali - COD 2010/0064 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 29.3.2010

KUMM(2010)94 finali

2010/0064 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, li tirrevoka d-Deċiżjoni Qafas 2004/68/ĠAI

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

- Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta

L-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal huma forom ta’ reati partikolarment serji minħabba li huma mmirati kontra t-tfal, li għandhom id-dritt għal protezzjoni u kura speċjali. Dawn jagħmlu ħsara fiżika, psikoloġika u soċjali fit-tul lill-vittmi u l-persistenza tagħhom timmina l-valuri li jinsabu fil-qalba ta’ soċjetà moderna f’dak li għandu x’jaqsam mal-protezzjoni speċjali tat-tfal u l-fiduċja fl-istituzzjonijiet relevanti tal-Istat. Minkejja n-nuqqas ta’ statistiċi preċiżi u ta’ min joqgħod fuqhom, l-istudji li saru jindikaw li minoranza sinifikanti ta’ tfal fl-Ewropa jistgħu jkunu mmolestati sesswalment matul it-tfulija tagħhom, u r-riċerka tissuġġerixxi wkoll li dan il-fenomenu mhux qed jonqos biż-żmien, anzi li ċerti forom ta’ vjolenza sesswali qed jiżdiedu.

L-għan tal-politika ġenerali tal-Unjoni f’dan il-qasam, taħt l-Artikolu 67 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, huwa li jiżgura livell għoli ta' sigurtà permezz ta' miżuri li jwaqqfu u jikkumbattu r-reati, li jinkludu l-abbuż sesswali tat-tfal u l-isfruttament sesswali tat-tfal. B'konformità mal-Artikolu 83 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dan għandu jsir l-ewwel nett billi jiġi stabbilit minimu ta' regoli rigward id-definizzjoni ta' offiżi kriminali u sanzjonijiet fil-qasam tal-isfruttament sesswali tat-tfal. Għanijiet speċifiċi għandhom ikunu li ssir prosekuzzjoni effettiva ta’ dan ir-reat; li jkunu protetti d-drittijiet tal-vittmi; u il-prevenzjoni tal-isfruttament u l-abbuż sesswali tat-tfal

- Kuntest ġenerali

Rigward it-tfal vittmi, il-kawża prinċipali ta’ dan il-fenomenu hija l-vulnerabbiltà li tirriżulta minn fatturi differenti. Rispons insuffiċjenti min-naħa tal-mekkaniżmi tal-infurzar tal-liġi jikkontribwixxi għall-prevalenza ta’ dawn il-fenomeni, u d-diffikultajiet jiżdiedu minħabba li ċerti forom ta’ reati jmorru 'lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Il-vittmi ma jkunux jixtiequ jirrappurtaw l-abbuż, il-varjazzjonijiet fil-liġi kriminali u l-proċedura tal-pajjiż tista’ twassal għal differenzi fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni, u t-trasgressuri misjubin ħatja jistgħu jibqgħu perikolużi wara li jkunu servew is-sentenza. Żviluppi fit-teknoloġija tal-informazzjoni għamlu dawn il-problemi iktar akuti minħabba li għamluha iktar faċli li tipproduċi u tqassam immaġni ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal filwaqt li joffru l-anonimità lit-trasgressuri u r-responsabbiltà tinfirex f'ġurisdizzjonijiet differenti. Il-faċilità tal-ivvjaġġar u d-diskrepanzi fid-dħul finanzjarju jkomplu jinkoraġġixxu lill-hekk imsejjaħ turiżmu tas-sess tat-tfal, li jirriżulta ħafna drabi f’li t-trasgressuri jikkommettu r-reati barra mill-pajjiż b’impunità. Lil hinn minn diffikultajiet tal-prosekuzzjoni, il-kriminalità organizzata tista’ tagħmel qliegħ konsiderevoli b’riskju mill-inqas.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tkopri dawn it-tliet problemi, f’limiti li jvarjaw. Madanakollu, mhix b’saħħitha jew konsistenti biżżejjed biex tipprovdi rispons soċjali qawwi għal dan il-fenomenu disturbanti.

Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa CETS Nru 201 li saret reċentement dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali (“il-Konvenzjoni tal-KTE) tikkostitwixxi l-ogħla standard internazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal kontra l-abbuż u l-isfruttament sesswali s’issa. Fuq skala globali, l-istandard internazzjonali ewlieni huwa l-Protokoll Fakoltattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pedopornografija tas-sena 2000. Madanakollu, mhux l-Istati Membri kollha ffirmaw il-Konvenzjoni.

- Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta .

Fil-livell tal-UE, id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/68/ĠAI tintroduċi minimu ta’ tqarrib ta' leġiżlazzjoni tal-Istati Membri biex din tikkriminalizza l-iktar forom serji ta’ abbuż sesswali u sfruttament tat-tfal, testendi l-ġurisdizzjoni domestika, u tipprovdi għal minimu ta’ assistenza lill-vittmi. Minkejja li r-rekwiżiti b’mod ġenerali ġew implimentati, id-Deċiżjoni Qafas għandha għadd ta’ nuqqasijiet. Tqarreb il-liġi fuq numru limitat biss ta’ reati, ma tindirizzax forom ġodda ta’ abbuż u sfruttament li jużaw it-teknoloġija tal-informazzjoni, ma tneħħix l-ostakoli għall-prosekuzzjoni ta’ reati barra mit-territorju nazzjonali, ma tissodisfax il-bżonnijiet speċifiċi ta’ vittmi tfal, u ma fihiex miżuri adegwati għall-prevenzjoni tar-reati.

Inizjattivi oħrajn tal-UE li qegħdin fis-seħħ jew li qed jitħejjew jindirizzaw parzjalment xi problemi li wkoll għandhom effett fuq ir-reati sesswali fuq it-tfal. Dawn jinkludu d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/375/ĠAI tad-29 ta’ Mejju 2000 biex tikkumbatti l-pedopornografija fuq l-internet, id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar attakki kontra sistemi ta' informazzjoni, id-Deċiżjoni Nru 854/2005/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 li tistabbilixxi Programm Komunitarju pluriennali dwar il-promozzjoni ta' użu iktar sigur tal-internet u teknoloġiji ġodda onlajn, u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar kif għandu jiġi applikat il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u deċiżjonijiet ta' prova bil-għan li ssir superviżjoni tal-miżuri ta' prova u sanzjonijiet alternattivi.

- Konsistenza mal-bqija tal-politiki u l-għanijiet tal-Unjoni

L-għanijiet huma għal kollox konsistenti mal-politika tal-UE dwar il-promozzjoni, il-protezzjoni u t-twettiq tad-drittijiet tat-tfal fil-linji ta' politika interni u esterni tal-UE. L-UE espliċitament irrikonoxxiet il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, speċifikament fl-Artikolu 24. Barra minn hekk, fil-komunikazzjoni Towards an EU Strategy on the Rights of the Child (Lejn Strateġija tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tat-Tfal), il-Kummissjoni stipulat għaliha nnifisha l-objettiv li timmassimizza l-użu ta’ linji ta' politika u strumenti eżistenti sa ċertu punt bil-għan li tipproteġi t-tfal mill-vjolenza u l-isfruttament sesswali ġewwa u barra mill-UE. L-għanijiet huma wkoll konsistenti mal-Programm għal Internet Iktar Sigur imwaqqaf biex imexxi ’l quddiem użu iktar sigur tal-internet, u teknoloġiji onlajn ġodda, partikolarment għat-tfal, u sabiex jiġġieled il-kontenut illegali. Il-programm Internet Iktar Sikur jikkontribwixxi għall -prevenzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal permezz ta' diversi miżuri li jinkludu it-tisħiħ u l-protezzjoni tal-minuri, it-twessigħ tal-għarfien u l-edukazzjoni, l-awtoregolamentazzjoni u għodod għas-sikurezza.

Dawn huma għal kollox konsistenti mal-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tan-nies u dwar il-protezzjoni tal-vittmi.

L-għanijiet huma wkoll konsistenti mal-Istrateġija ġdida tal-UE għaż-Żgħażagħ (Risoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2009) li timmira t-tfal u żgħażagħ ta' bejn it-13 u l-20 sena, u tankra l-kooperazzjoni fil-politika Ewropea dwar iż-żgħażagħ b'mod deċiż fis-sistema internazzjonali tad-drittijiet umani. L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ tenfasizza li l-ħajja u l-prospettivi futuri taż-żgħażagħ huma ddeterminati b'mod sinifikanti mal-opportunitajiet, is-sostenn u l-protezzjoni li jirċievu matul it-tfulija u ssejjaħ lill-partijiet interessati fil-livell lokali sabiex isibu u jgħinu żgħażagħ li huma fir-riskju u fejn meħtieġ jimmirawhom lejn servizzi oħra u jiffaċilitaw l-aċċess taż-żgħażagħ għall-faċilitajiet ta' saħħa.

Din il-proposta saret bil-kundizzjoni ta’ skrutinju fil-fond sabiex ikun żgurat li d-dispożizzjonijiet kienu kompatibbli għal kollox mad-drittijiet fundamentali u partikolarment mad-dinjità umana, il-projbizzjoni tat-tortura u t-trattament jew kastig inuman jew degradanti, id-drittijiet tat-tfal, id-dritt għal-libertà u s-sigurta, il-ħelsien tal-espressjoni u l-informazzjoni, il-protezzjoni tad-dejta personali, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust u l-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità tar-reati u l-pieni.

Ingħatat attenzjoni partikolari lil Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jistipula obbligu pożittiv ta’ azzjoni bil-għan li l-protezzjoni neċessarja tat-tfal tiġi żgurata. L-Artikolu jiddikjara li t-tfal għandhom id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-ġid tagħhom. Barra minn hekk, jirrikjedi li f’kull azzjoni relatata mat-tfal, sew jekk jeħduha l-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll istituzzjonijiet privati, l-ewwel kunsiderazzjon trid tkun fl-aħjar interess tat-tfal, li hija wkoll hija mnaqqxa fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

Sar skrutinju dettaljat rigward id-dritt għar-rispett għal ħajja privata u familjari u l-protezzjoni tad-dejta personali (Artikolu 8 ECHR, Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea) tad-dispożizzjonijiet dwar il-kriminalizzazzjoni ta’ forom ġodda ta’ abbuż mill-Internet, l-għarfien ta’ metodi speċjali ta’ investigazzjoni, il-projbizzjoni ta’ ċerti attivitajiet u l-iskambju ta’ informazzjoni biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni matul l-UE. Id-dispożizzjonijiet dwar l-intensifikazzjoni tal-infurzar tal-liġi kontra l-pubblikazzjoni jew it-tixrid ta’ materjal ta’ abbuż mit-tfal, ir-reklamar tal-pedopornografija jew it-tħajjir għall-abbuż sesswali tat-tfal, jew dwar metodi biex ikun imblukkat l-aċċess għal paġni tal-internet li jkollhom il-pedopornografija ġew studjati partikolarment rigward il-libertà tal-espressjoni (Artikolu 10 ECHR, Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea).

Fejn meħtieġ, jista' jsir użu xieraq minn possibbiltajiet ta' fondi disponibbli fil-livell tal-Unjoni Ewropea biex isostnu l-isforzi ta' Stati Membri josservaw il-ħtiġijiet ta' din id-direttiva.

2. IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

- Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Metodi ta’ konsultazzjoni, is-setturi ewlenin indirizzati u profil ġenerali tal-partijiet

Ġiet ikkonsultata firxa wiesgħa ta’ esperti fil-qasam fi tliet laqgħat differenti dwar l-abbuż sesswali tat-tfal, l-isfruttament sesswali, u t-traffikar tal-persuni. Dan inkluda, b’mod partikolari, Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, Membri tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar it-Traffikar tal-Persuni, organizzazzjonijiet internazzjonali, b'mod speċjali l-Kunsill tal-Ewropa u l-UNICEF, NGOs, il-qasam akkademiku u ċentri ta’ riċerka, u istituzzjonijiet pubbliċi oħra. Għadd ta’ esperti u organizzazzjonijiet minn dakinhar bagħtu s-sottomissjonijiet tagħhom u pprovdew informazzjoni.

Diskussjonijiet fil-Kunsill dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni Qafas fuq dan is-suġġett ipprovdew informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni u l-prassi kurrenti tal-Istati Membri. Dan ikkonferma f'miżura kbira l-ħtieġa għal qafas ġdid tal-UE li japprossimizza l-leġiżlazzjoni

Sinteżi tat-tweġibiet u ta’ kif tqiesu

Messaġġi ewlenin li joħorġu mill-konsultazzjoni huma:

- il-ħtieġa li jiġi inkorporat it-titjib li sar fil-Konvenzjoni tal-KTE;

- il-ħtieġa li jiġu kriminalizzati ċerti forom ta’ abbuż fid-DQ kurrenti, partikolarment forom ġodda ta’ reati li jużaw l-IT;

- il-ħtieġa li jiġu eliminati l-ostakoli għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni għal każi transkonfinali;

- il-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni totali tal-vittmi, partikolarment fl-investigazzjoni u fil-proċedimenti kriminali;

- il-ħtieġa li jitwaqqfu r-reati permezz ta’ programmi ta’ intervent u trattament;

- il-ħtieġa li jkun żgurat li l-kundanni u l-miżuri ta’ sigurtà li jiġu imposti fuq trasgressuri perikolużi f’pajjiż wieħed ikunu effettivi fl-Istati Membri kollha.

Fil-Valutazzjoni tal-Impatt ġiet ikkunsidrata l-kontribuzzjoni li ngħatat waqt il-konsultazzjoni. Uħud mis-suġġerimenti li saru minn partijiet interessati differenti waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni ma ddaħħlux fil-proposta, għal raġunijiet differenti li huma spejgati fil-Valutazzjoni tal-Impatt.

- Ġbir u użu tal-kompetenzi

Ma kienx hemm bżonn ta’ kompetenza esterna.

- Valutazzjoni tal-impatt SEC(2009)355 u Sinteżi tal-valutazzjoni tal-impatt SEC(2009)356

Ġew studjati diversi għażliet tal-politika fil-kuntest tal-proposta preċedenti għal Deċiżjoni Qafas bħala mezz biex jintlaħaq l-għan.

- Għażla ta’ Politika (1): L-ebda azzjoni ġdida mill-UE

L-UE ma tieħu ebda azzjoni (leġiżlazzjoni, strumenti mhux ta’ politika, sostenn finanzjarju) biex tiġġieled l-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal, filwaqt li l-Istati Membri jistgħu jibqgħu għaddejjin bil-proċess ta’ firma u ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni tal-KTE.

- Għażla ta’ Politika (2): Il-liġi eżistenti tiġi msaħħa b’miżuri mhux leġiżlattivi

Il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, partikolarment id-Deċiżjoni Qafas 2004/68/ĠAI, ma tinbidilx. Minflok, jistgħu jittieħdu miżuri mhux leġiżlattivi biex isostnu l-implimentazzjon kkoordinata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Dan jista’ jinkludi l-iskambju ta’ informazzjoni u esperjenza fil-prosekuzzjoni, il-protezzjoni jew il-prevenzjoni, iż-żjieda fl-għarfien, kooperazzjoni mas-settur privat u l-inkoraġġiment tal-awtoregolazzjoni, jew il-ħolqien ta' mekkaniżmi għall-ġbir tad-dejta.

- Għażla ta’ Politika (3): Leġiżlazzjoni ġdida dwar il-prosekuzzjoni tat-trasgressuri, il-protezzjoni tal-vittmi, u l-prevenzjoni tar-reati

Att leġiżlattiv ġdid jiġi adottat, li jinkorpora d-Deċiżjoni Qafas li hemm bħalissa, ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-KTE, u elementi addizjonali li ma hemm f’ebda waħda minn dawn. Tkun tkopri l-prosekuzzjoni tat-trasgressuri, il-protezzjoni tal-vittmi, u l-prevenzjoni tal-fenomenu.

- Għażla ta’ Politika (4): Leġiżlazzjoni ġdida komprensiva biex issaħħaħ il-prosekuzzjoni tat-trasgressuri, il-protezzjoni tal-vittmi u l-prevenzjoni tar-reati (bħal f’għażla 3) kif ukoll miżuri mhux leġiżlattivi (bħal f’għażla 2)

Id-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Deċiżjoni Qafas 2004/68/ĠAI tiġi supplimentata b’azzjoni tal-UE biex temenda l-liġi u l-proċedura kriminali sostantiva, tipproteġi l-vittmi, u twaqqaf ir-reati bħal taħt għażla 3, kif ukoll miżuri mhux leġiżlattivi identifikati taħt għażla 2 biex itejbu l-implimentazzjoni tal-liġi nazzjonali.

Wara l-analiżi tal-impatt ekonomiku, l-impatti soċjali, u l-impatti fuq id-drittijiet fundamentali, l-għażliet 3 u 4 jirrappreżentaw l-aħjar approċċ għall-problemi u jwasslu għall-aħjar għanijiet tal-proposta. L-għażla preferuta għandha tkun għażla 4, u warajha għażla 3.

Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt biex jakkumpanja l-proposta preċedenti tal-25 ta' Marzu 2009 għal Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isftruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, li hi valida mutatis mutandis għall-proposta preżenti għal Direttiva. Il-valutazzjoni tal-impatt hija aċċessibbli fuq:

http://ec.europa.eu/governance/impact/ia_carried_out/cia_2009_en.htm#jls

3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

- Sinteżi tal-azzjoni proposta

Id-Direttiva għandha tirrevoka kif ukoll tinkorpora d-Deċiżjoni Qafas 2004/68/ĠAI sabiex tinkludi l-elementi li ġejjin:

- Dwar il-liġi kriminali sostantiva inġenerali

Forom serji ta’ abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal li bħalissa mhux koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE issa jiġu kriminalizzati. Dan jinkludi, pereżempju, l-organizzazjoni ta’ arranġamenti għall-ivvjaġġar bil-għan li jitwettaq abbuż sesswali, ħaġa partikolarment relevanti, iżda mhux esklussivament, fil-kuntest tat-turiżmu sesswali tat-tfal. d-definizzjoni ta’ pedopornografija hija emendata biex din titqarreb lejn il-Konvenzjoni tal-KTE u l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal. Tingħata kunsiderazzjoni speċjali lil reati kontra tfal li jkunu f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli.

B'mod partikolari, il-livell tal-pieni kriminali għandu jiżdied sabiex ikunu proporzjonali, effettivi u dissważivi. Sabiex tiġi deteminata l-gravità u jiġu abbinati l-pieni proporzjonali għaliha, tingħata kunsiderazzjoni lil fatturi differenti li jistgħu jintervjentu f'ħafna tipi differenti ta' reati, bħall-gravità ta' ħsara lill-vittam, il-livell tal-ħtija tat-trasgressur u l-livell tar-riskju għas-soċjetà.

Għaldaqstant, jistgħu jiġu stabbiliti għadd ta' relazzjonijiet bejn ir-reati. F'termini ġenerali, attivitajiet li jinvolvu kuntatti sesswali huma iktar serji minn dawk li jinvolvuhx, il-preżenza ta' sfruttament jagħmel ir-reat iktar serju min-nuqqas tiegħu; it-tiġgħil, il-forza jew it-theddid huma iktar serji minn abbuż ta' pożizzjoni ta' poter tat-trasgressur jew tad-dgħufija tal-vittma, li min-naħa tagħha hija iktar serja mill-kunsens ħieles tal-vittma. Il-prostituzzjoni, li tinvolvi attivitajiet sesswali u l-flus, hija iktar serja minn eżekuzzjoinjiet pronografiċi, li jistgħu jinkluduhom jew le; ir-reklutaġġ għall-protituzzjoni jew simili huwa iktar serju minn sempliċement l-ikkawżar minħabba li jinvolvi it-tfittxija attiva għal tfal bħala kommoditajiet. Dwar il-pedopornografija, il-produzzjoni, li normalment tinkludi ir-reklutaġġ u l-kuntatt sesswali mat-tfal, hija iktar serja minn reati bħad-distribuzzjoni jew l-offerta, li min-naħa tagħhom huma iktar serji minn pussess jew aċċess.

Bħala riżultat tat-twaħħid ta' dawn il-kriterji differenti, issir għalhekk distinzjoni bejn ħames gruppi differenti ta' reati, li jiddependu fuq il-gravità tas-serjetà, li twassal għalhekk għal livelli differenti ta' pieni għar-reati bażiċi.

- Dwar reati kriminali ġodda fl-ambjent tal-IT

Forom ġodda ta’ abbuż u sfruttament sesswali iffaċilitati mill-użu tal-IT jiġu kkriminalizzati. Dan jinkludi eżekuzzjonijiet pronografiċi onlajn, jew li wieħed xjentement jottjeni aċċess għall-pedopornografija, u jkopri każi fejn li wieħed jara l-pedopornografija minn siti elettroniċi mingħajr ma jniżżilhom jew jaħżen l-immaġini ma jikkostitwix “pussess” jew “ksib” ta’ pedopornografija. Barra minn hekk ir-reat ġdid ta’ “tħejjija” ( grooming ) huwa inkorporat u jsegwi mill-qrib id-diskors maqbul fil-Konvenzjoni tal-KTE.

- Dwar l-investigazzjoni kriminali u l-bidu tal-proċedimenti kriminali

Għandhom jiġu introdotti għadd ta’ dispożizzjonijiet sabiex jassistu fl-investigazzjoni tar-reati u jinġiebu l-akkużi.

- Dwar il-prosekuzzjoni ta’ reati li jsiru barra mill-pajjiż

Jiġu emendati r-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni sabiex ikun żgurat li dawk fl-UE li jabbużaw minn jew jisfruttaw it-tfal, kemm ċittadini u kemm residenti abitwali, jiffaċċjaw il-prosekuzzjoni anke jekk ir-reati tagħhom isiru barra mill-UE permezz tal-hekk imsejjaħ turiżmu tas-sess.

- Dwar il-protezzjoni tal-vittmi

Jiġu inklużi dispożizzjonijiet ġodda li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-vittmi (f'sens wiesa') sabiex jiżguraw li l-vittmi jkollhom aċċess faċli għal rimedji legali u ma jbatux jekk jipparteċipaw fi proċedimenti kriminali. Ikopru l-assistenza u l-appoġġ lill-vittmi, u protezzjoni ta' vittmi speċifikament f'investagazzjonijiet u proċedimenti kriminali.

- Dwar il-prevenzjoni tar-reati

Jiġu introdotti emendi biex jgħinu l-prevenzjoni ta’ reati ta’ abbuż u sfruttament sesswali tat-tfal, permezz ta’ għadd ta’ azzjonijiet li jikkonċentraw fuq trasgressuri ta’ qabel biex jitwaqqaf ir-reċidiviżmu, u jirrestrinġu l-aċċess għall-pedopornografija fuq l-internet. L-għan li ssir restrizzjoni fuq aċċess tali huwa li tonqos iċ-ċirkolazzjoni tal-pedopornografija billi jsir iktar diffiċli li wieħed juża l-Internet pubblikament aċċessibbli. Dan mhux minflok it-tneħħija tal-kontenut mis-sors jew tal-prosekuzzjoni tat-trasgressuri.

Bħala konsegwenza l-proposta tkun tista', f'għadd ta' modi, tagħti wkoll valur miżjud lil-livell ta' protezzjoni kif iffissat mill-Konvenzjoni tal-KTE. Fejn tidħol is-sustanza, il-proposta tinkludi elementi li ma jinstabux fil-Konvenzjoni tal-KTE, bħal ma hi l-implimentazzjoni madwar l-UE ta' projbizzjonijiet minn attivitajiet ma' tfal imposti fuq trasgressuri, l-ibblukkar tal-aċċess għal pedopornografija minn fuq l-internet, il-kriminalizzazzjoni tal-att ta' tiġgħil ta' tfal biex ikollhom x'jaqsmu sesswalment ma' parti terza, abbuż sesswali tat-tfal permezz ta' eżekuzzjonijiet pornografiċi omlajn u klawżola biex vittmi tfal ma jiġux ikkastigati. Tmur ukoll lill hinn mill-obbligi impost mill-Konvenzjoni tal-KTE fejn jidħol il-livell ta' kastigi, għajnuna legali b'xejn lil vittmi tfal u l-projbizzjoni ta' attivitajiet li jħajru l-abbuż u t-turiżmu sesswali tat-tfal. Min-naħa formali, l-inkorporazzjoni ta' dispożizzjonijiet mill-Konvenzjoni fil-liġi tal-UE se tħaffef l-adozzjoni aktar malajr ta' miżuri nazzjonali mqabbla ma' proċeduri nazzjonali ta' ratifika, u tiżgura monitoraġġ aħjar tal-implimentazzjoni.

- Bażi legali

L-Artikoli 82 (2) u 83 (1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

- Prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika għall-azzjonijiet tal-Unjoni Ewropea

L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri għar-raġunijiet li ġejjin.

L-isfruttar sesswali u l-abbuż sesswali tat-tfal għandu dimensjoni wiesgħa transkonfinali, li hija l-iktar evidenti fil-pedopornografija u t-turiżmu tas-sess tat-tfal, iżda jidher li hemm ħtieġa li t-tfal fl-Istati Membru kollha għandhom ikunu protetti minn trasgressuri mill-Istati Membri kollha, li jistgħu jivvjaġġaw faċilment. Dan jitlob azzjoni mill-UE, b’mod partikolari biex issegwi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/68/ĠAI u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/375/ĠAI[1], għaliex l-għan ta’ protezzjoni effettiva tat-tfal ma jistax jitwettaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, la fil-livell ċentrali, u lanqas fil-livell reġjonali jew lokali.

L-azzjoni tal-Unjoni Ewropea tilħaq aħjar l-għanijiet tal-proposta għar-raġunijiet li ġejjin.

Il-proposta se tqarreb iktar il-liġi kriminali sostantiva tal-Istati Membri u r-regoli tal-proċedura, li se jkollhom impatt pożittiv fuq il-ġlieda kontra dawn ir-reati. L-ewwel, hija mezz kif tiġi evitata l-preferenza kriminali biex jitwettaq reat fl-Istati Membri li għandhom regoli inqas ħarxa; it-tieni, il-kondiviżjoni tad-definizzjonijiet jagħmluha possibbli li jsir progress fl-iskambju utili ta’ dejta u esperjenza komuni u li jsir progress fil-komparabilità tad-dejta; u t-tielet, titħaffef il-kooperazzjoni internazzjonali. Il-proposta għandha wkoll issaħħaħ il-protezzjoni tat-tfal vittmi. Din hija urġenza umanitarja kif ukoll kundizzjoni għall-vittmi li jipprovdu l-evidenza meħtieġa biex issir il-prosekuzzjoni tar-reati. L-effettività tal-miżuri ta’ prevenzjoni madwar l-UE għandha tissaħħaħ ukoll.

Għaldaqstant, il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

- Prinċipju ta’ proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja/in.

Din id-Direttiva hija limitata għall-minimu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijet fil-livell Ewropew u ma' tmurx lil hinn minn dak li hemm bżonn għal dan il-għan, filwaqt li tieħu kont tal-ħtieġa għall-akkuratezza tal-leġiżlazzjoni kriminali..

- Għażla ta’ strumenti

Strumenti proposti: Direttiva.

Fil-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal l-approssimazzjoni tal-liġijiet kriminali u r-regolamenti tal-Istati Membri hija meħtieġa sabiex titjieb il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet kriminali. Għal dan il-għan it-TFUE speċifikamnent tipprevedi l-adozzjoni ta' direttivi biss.

4. IMPLIKAZZJONI GĦALL-BAĠIT

Il-proposta m’għandhiex implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.

5. INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

- Revoka tal-leġiżlazzjoni eżistenti

L-adozzjoni tal-proposta se twassal biex il-leġiżlazzjoni eżistenti tiġi revokata.

- Skop territorjali

L-adozzjoni tal-proposta se tiġi indirizzata lill-Istati Membri. L-applikazzjoni tad-Direttiva li tirriżulta għar-Renju Unit, għall-Irlanda u għad-Danimarka se tiġi determinata skont id-dispożizzjonijiet tal-Protokolli (Nru 21) u (Nru 22) annessi mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2010/0064 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, li tirrevoka d-Deċiżjoni Qafas 2004/68/ĠAI

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 82 (2), 83 (1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[3],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja[4],

Billi:

(1) L-abbuż sesswwali u l-isfruttament sesswali tat-tfal, inkluża l-pedopornografija, jikkostitwixxu vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari d-drittijiet tat-tfal għall-protezzjoni u l-kura kif meħtieġ għall-ġid tagħhom kif stipulat mill-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(2) Il-pedopornografija, li tikkonsisti f’immaġini ta’ abbuż sesswali tat-tfal, u forom oħra ta’ abbuż sesswali u sfruttament sesswali tat-tfal partikolarment serji qed jiżdiedu u jinfirxu permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda u tal-internet.

(3) Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/68/ĠAI dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija[5] tqarreb il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri sabiex tikkriminalizza l-iktar forom serji ta’ abbuż sesswali u sfruttament sesswali tat-tfal, biex testendi l-ġurisdizzjoni domestika, u tipprovdi għal livell minimu ta’ assistenza lill-vittmi. Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI dwar id-drittijiet tal-vittmi fi proċedimenti kriminali[6] tistabbilixxi sett ta' drittijiet tal-vittmi fi proċedimenti kriminali, inkluż id-dritt għall-protezzjoni u għall-kumpens. Barra minn hekk, il-koordinazzjoni tal-prosekuzzjoni ta' każi ta' abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija se tiġi ffaċilitata bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' kunflitt ta' ġurisidizzjoni fi proċedimenti kriminali[7].

(4) Skont l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, Partijiet li humja Stati jikkommettu li jipproteġu lit-tfal mill-forom kollha ta' abbuż sesswali. Il-Protokoll Fakoltattiv tan-NU għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, dwar il-Bejgħ tat-Tfal, il-Prostituzzjoni tat-Tfal u l-Pornografija tat-Tfal u, b’mod partikolari, il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali[8] huma passi kruċjali fil-proċess biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali f'dan il-qasam.

(5) Reati kriminali serji bħalma huma l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija jeħtieġu approċċ komprensiv li jkopri l-prosekuzzjoni tat-trasgressuri, il-protezzjoni tal-vittmi tfal, u l-prevenzjoni tal-fenomenu. L-aħjar interessi tat-tfal iridu jkunu l-ewwel kunsiderazzjoni meta jkunu qed jitwettqu kwalunkwe miżuri biex jikkumbattu dawn ir-reati skont il-Karta dwar id-Drttijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Sabiex jintlaħaq dan il-għan id-Deċiżjoni Qafas 2004/68/ĠAI teħtieġ tiġi sostitwita bi strument ġdid li jipprovdi tali kwadru legali komprensiv.

(6) Forom serji ta’ abbuż sesswali tat-tfal u l-isfruttament għandhom ikunu suġġetti għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonali u dissważivi. Dan jinkludi, b’mod partikolari, diversi forom ġodda ta’ abbuż sesswali u sfruttament sesswali ffaċilitat mill-użu ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. Id-definizzjoni ta’ pedopornografija għandha tkun iċċarata u tinġieb iktar qrib għal dik li tinsab fi strumenti internazzjonali.

(7) Din id-Direttiva ma tirregolax il-politiki tal-Istati Membri rigward attivitajiet sesswali konsenswali li fihom jistgħu jkunu involuti t-tfal u li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala l-iskoperta normali tas-sesswalità fil-kors tal-iżvilupp uman, filwaqt li jittieħed kont tat-tradizzjonijiet kulturali u legali differenti u ta' forom ġodda fejn jiġu stabbiliti u mantnuti relazzjonijiet fost it-tfal u l-adolexxenti, inkluż permezz ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni.

(8) L-investigazzjoni tar-reati u l-akkużi fi proċedimenti kriminali għandhom jiġu ffaċilitati, u jittieħed kont tad-diffikultà tal-vittmi tfal biex jirrappurtaw l-abbuż u l-anonimità tat-trasgressuri fuq l-internet. Sabiex ikun żgurat is-suċċess tal-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tar-reati imsemmijin f'din id-Direttiva, għandhom ikunu disponibbli għodod effettivi tal-investigazzjoni lil dawk responsabbli għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' tali reati. Dawn l-għodod jistgħu jinkludu operazzjonijiet sigrieti, l-interċezzjoni ta' komunikazzjonijiet, sorveljanza sigrieta inkluża sorveljanza elettronika, il-monitoraġġ ta' kontijiet tal-bank u investigazzjonijiet finanzjarji oħra.

(9) Għandhom jiġu emendati r-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni sabiex ikun żgurat li dawk fl-Unjoni Ewropea li jabbużaw minn jew jisfruttaw it-tfal jiffaċċjaw il-prosekuzzjoni anke jekk ir-reati tagħhom isiru barra mill-Unjoni Ewropea, permezz tal-hekk imsejjaħ turiżmu tas-sess.

(10) Miżuri biex jipproteġu vittmi tfal għandhom jiġu adottati fl-aħjar interess tagħhom, filwaqt li jiettieħed kont tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom. Vittmi tfal għandu jkollhom aċċess faċili għal rimedji legali, inkluż parir u rappreżentazzjoni legali b'xejn u miżuri biex jindirizzaw il-kunflitti ta' interess fejn l-abbuż isir fil-familja. Barra minn dan, vittmi tfal għandhom ikunu protetti minn sanzjonijiet, pereżempju taħt leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-immigrazzjoni jew il-protituzzjoni, jekk iġibu l-każ tagħhom għall-attenzjoni tal-awtoritajiet kompetenti. Barra dan, il-parteċipazzjoni ta' vittmi tfal fi proċedimenti kriminali m'għandhiex tikkawża iktar trawma bħala riżultat ta' intervisti jew kuntatt viżwali mat-trasgressuri.

(11) Sabiex jitwaqqaf u jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-reċidiviżmu, it-trasgressuri għandha ssirilhom evalwazzjoni tal-livell tal-periklu li huma jikkaġunaw kif ukoll tar-riskji possibbli li jirrepetu reati sesswali fuq it-tfal, u għandu jkollhom aċċess għal programmi jew miżuri ta’ intervent effettivi fuq bażi volontarja.

(12) Meta l-periklu kkawżat mit-trasgressuri u r-riskji possibbli ta’ ripetizzjoni jagħmluha xierqa, trasgressuri misjuba ħatja għandhom temporanjament jew permanentement ma jitħallewx iwettqu attivitajiet li jinvolvu kuntatt mat-tfal, fejn ikun xieraq. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-projbizzjonijiet madwar l-UE għandha ssir aktar faċli.

(13) Il-pedopornografija, li tikkostitwixxi immaġini ta' abbuż sesswali, hija tip ta' kontenut speċifiku li ma jistax jiġi interpretat bħala l-espressjoni ta' opinjoni. Biex tiġi kkumbattuta, huwa meħtieġ li tonqos iċ-ċirkolazzjoni ta' materjal ta' abbuż mit-tfal billi jsir iktar diffiċli li trasgressuri jtellgħu tali kontenut fuq l-Internet. Għaldaqstant hija meħtieġa azzjoni biex jitneħħa l-kontenut f'ras il-għajn u jinqabdu dawk ħatja tal-produzzjoni, d-distribuzzjoni u l-iskarikar ta' immaġini ta' abbuż mit-tfal.. L-UE, b'mod partikolari permezz ta' żieda fil-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, għandha tfittex li tiffaċilita t-tneħħija effettiva minn pajjiżi terzi ta' siti elettroniċi li jkun fihom il-pedopornografija, li jinsabu f'pajjiżhom. Madanakollu minħabba li, minkejja dawn l-isforzi, t-tneħħija ta' kontenut pedopornografiku minn ras il-għajn hija diffiċli fejn il-materjali oriġinali ma jinsabux fl-UE, għandhom jitpoġġew fil-post mekkaniżmi li jimblukkaw l-aċċess mit-territorju tal-Unjoni għal paġni tal-internet li jkunu identifikati bħala li fihom jew li jxerrdu l-pedopornografija. Għal dak il-għan, jistgħu jintużaw mekkaniżmi differenti kif xieraq, inklużi li l-awtoritajiet ġudizzjarji jew tal-ordni kompetenti jkollhom il-faċilità jordnaw dan l-imblukkar, jew jappoġġjaw u jistimulaw lil dawk li jipprovdu s-Servizz tal-Internet (Internet Service Providers) biex fuq bażi volontarja jiżviluppaw kodiċi ta' kondotta u linji gwida biex jiġi mblukkat l-aċċess għal tali paġni tal-Internet. Kemm bil-għan li jitneħħa kif ukoll biex jiġi mblukkat il-kontenut tal-abbuż mit-tfal, għandha tiġi stabbilita u maħħa l-kooperazzjoni kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi, partikolarment f-interess li jiġi żgurat li listi nazzjonali ta' siti web li fihom materjal ta' pedopornografija jkunu kemm jista' jkun kompleti u li jiġi evitat ix-xogħol doppju. Kwalunkwe tali żviluppi jeħtieġ jieħdu kont td-drittijiet tal-utenti finali, iżommu mal-proċeduri legali u ġudizzjarji eżistenti u jikkonformaw mal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet Umani u mal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-Programm Internet Iktar Sikur waqqaf netwerk ta' hotlines li għandhom l-għan jiġbru informazzjoni u jiżguraw kopertura u skambju ta' rapporti dwar it-tipi ewlenin ta' kontenut illegali onlajn.

(14) Billi l-għan ta' din id-Deċiżjoni Qafas, preċiżament il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, ma jistax jintlaħaq b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri waħedhom u jista' għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jiġi milħuq aħjar fuq il-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipji tas-sussidjarjetà kif imsemmijin fl-Artikolu 3 u fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu tal-aħħar, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

(15) Din id-Deċiżjoni Qafas tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji li tirrikonoxxi b’mod partikolari l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-aktar id-dinjità umana, il-projbizzjoni tat-tortura u t-trattament jew il-kastig inuman jew degradanti, id-drittijiet tat-tfal, id-dritt għal-libertà u s-sigurtà, il-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, il-protezzjoni tad-dejta personali, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust u l-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità ta’ reati kriminali u l-pieni. B'mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għal dawk id-drittijiet u trid tiġi impliemntata kif xieraq.

(16) [B'konformità mal-Artikoli 1, 2, 3, u 4 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda rigward il-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, annessi mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju unit u l-Irlanda nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva] JEW [Mingħajr preġudizzju għal Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda rigward il-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġusitzzja, ir-Renju unit u l-Irlanda mhux se jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhux se jkunu marbutin bih minn jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha][9]. B’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Tratttat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tieħux sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u għalhekk mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1 Suġġett

Din id-Direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi regoli minimi rigward id-definizzjoni ta' reati kriminali u sanzjonijiet fil-qasam tal-isfruttament sesswali tat-tfal. Għandha l-għan ukoll li tintroduċi dispożizzjonijiet komuni biex issaħħaħ il-prevenzjoni tar-reat u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu.

Artikolu 2 Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

(a) "tfal" għandha tfisser persuni taħt l-eta ta' 18-il sena;

(b) ‘pedopornografija’ għandha tfisser

(i) Kwalunkwe materjal li viżwalment juri tfal li qed jieħdu sehem f’aġir sesswalment espliċitu reali jew simulat; jew

(ii) kull rappreżentazzjoni tal-organi sesswali ta’ tfal għal raġinijiet prinċipalment sesswali; jew

(iii) kull materjal li viżwalment juri kwalunkwe persuni li jidhru li huma tfal li qed jieħdu sehem f’imġieba vera jew simulata li hi sesswalment espliċita; jew kwlaunkwe rappreżentazzjoni tal-organi sesswali ta' kwalunkwe persuni li jidhru li huma tfal, għal raġunijiet prinċipalment sesswali; jew

(iv) immaġini realistiċi ta' tfal li qed jieħdu sehem f’aġir sesswalment espliċitu jew immaġini realistiċi tal-organi sesswali ta' tfal, irrispettivament jekk tali tfal jeżistux jew le, għal raġunijiet prinċipalment sesswali;

(c) ‘prostituzzjoni tat-tfal’ għandha tfisser l-użu ta’ tfal għal attivitajiet sesswali fejn il-flus jew xi forma oħra ta’ ħlas jew konsiderazzjoni tingħata jew tiġi imwegħda bħala pagament bi skambju biex it-tfal jieħdu sehem f’attivitajiet sesswali, irrispettivament jekk dan il-ħlas, wegħda jew konsiderazzjoni issirx lit-tfal jew lil persuna terza;

(d) ‘wirja pornografika’ għandha tfisser l-esibizzjoni quddiem udjenza preżenti, inkluż permezz ta' teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni:

(i) ta’ tfal li qed jieħdu sehem f’aġir sesswalment espliċitu reali jew simulat; jew

(ii) tal-organi sesswali ta’ tfal għal raġinijiet prinċipalment sesswali;

(e) "persuna legali" għandha tfisser kull entita li għandha status tali taħt il-liġi applikabbli, barra minn Stati jew korpi pubbliċi oħra fl-eżerċizzju ta' awtorita Statali u għal organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi.

Artikolu 3 Reati li jikkonċernaw abbuż sesswali

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li l-imġiba intenzjonali msemmija f'paragrafi 2 sa 5 tkun punibbli.

2. Li ġġiegħel, għal raġunijiet sesswali, tfal li ma jkunux laħqu l-età ta' kunsens sesswali skont il-liġi nazzjonali lil jaraw abbuż sesswali jew attivitajiet sesswali, anki jekk ma jipparteċipawx; għandha tkun punibbli b'terminu massimu ta' priġunerija ta' mill-inqas sentejn.

3. Il-parteċipazzjoni f'attivitajiet sesswali ma' tfal li ma laħqux l-età legali tal-kunsens taħt il-liġi nazzjonali għandha tkun punibbli b'terminu massimu ta' priġunerija ta' mill-inqas ħames snin.

4. Il-parteċipazzjoni f’attivitajiet sesswali ma' tfal, fejn:

(i) isir abbuż minn pożizzjoni rikonoxxuta ta' fiduċja, awtorità jew influwenza fuq it-tfal għandu jkun punibbli b'terminu massimu ta' priġunerija ta' mill-inqas tmien snin; jew

(ii) isir abbuż minn sitwazzjoni partikolament vulnerabbli tat-tfal, ta' min isemmi minħabba diżabbiltà mentali jew fiżika jew sitwazzjoni ta’ dipendenza għandu jkun punlibbli b'terminu massimu ta' priġunerija ta' mill-inqas tmien snin; jew

(iii) isir użu minn tiġgħil, forza jew theddid għandu jkun punibbli b'terminu massimu ta' priġunerija ta' mill-inqas għaxar snin.

5. It-tiġgħil ta' tfal f'attivitajiet sesswali ma' parti terza għandu jkun punibbli b'terminu massimu ta' ħabs għa mill-inqas għaxar snin.

Artikolu 4 Reati li jikkonċernaw l-isfruttament sesswali

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li l-imġiba intenzjonali msemmija f'paragrafi 2 sa 11 tkun punibbli.

2. Li ġġiegħel tfal jipparteċipaw f'wirjiet pornografiċi għandu jkun punibbli b'terminu massimu ta' ħabs għal mill-inqas sentejn.

3. Li jsir qligħ jew inkella jiġu sfruttati tfal li jipparteċipaw f'wirjiet pornografiċi għandu jkun punibbli b'terminu massimu ta' ħabs għal mill-inqas sentejn.

4. L-iffrekwentar konxju ta’ wirjiet pornografiċi li jinvolvu l-parteċipazzjoni ta' tfal għandu jkun punibbli b'terminu massimu ta' priġunerija ta' mill-inqas sentejn..

5. Ir-reklutaġġ ta' tfal biex jipparteċipaw f'wirjiet pornografiċi għandu jkun punibbli b'terminu massimu ta' priġunerija ta' mill-inqas ħames snin.

6. Sfurzar ta' tfal għall-prostituzzjoni għandu jkun punibbli b'terminu massimu ta' priġunerija ta' mill-inqas ħames snin..

7. Qligħ minn jew sfruttar b'mod ieħor ta' tfal li jipparteċipaw fil-prostituzzjoni tat-tfal għandu jkun punibbli b'terminu massimu ta' priġunerija ta' mill-inqas ħames snin.

8. Parteċipazzjoni f'attivitajiet sesswali ma' tfal, fejn wieħed jirrikorri għall-prostituzzjoni tat-tfal għandu jkun punibbli b'terminu massimu ta' priġunerija ta' mill-inqas ħames snin..

9. It-tiġgħil ta' tfal biex jipparteċipaw f'wirjiet pornografiċi għandu jkun punibbli b'terminu massimu ta' priġunerija ta' mill-inqas tmien snin.

10. Ir-reklutaġġ ta' tfal biex jipparteċipaw fil-prostituzzjoni tat-tfal għandu jkun punibbli b'terminu massimu ta' priġunerija ta' mill-inqas tmien snin..

11. It-tiġgħil ta' tfal għall-prostituzzjoni tat-tfal għandu jkun punibbli b'terminu massimu ta' priġunerija ta' mill-inqas għaxar snin..

Artikolu 5 Reati li jikkoncernaw il-pedopornografija

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li l-imġiba intenzjonali msemmija f'paragrafi 2 sa 6 tkun punibbli.

2. L-akkwist jew il-pussess ta' pedopornografija għandu jkun punibbli b'terminu massimu ta' priġunerija ta' mill-inqas sena..

3. L-akkwist konxju ta’ aċċess, permezz ta’ teknoloġiji ta' informazzjoni u l-komunikazzjoni, għall-pedopornografija għandu jkun punibbli b'terminu massimu ta' priġunerija ta' mill-inqas sena.

4. Id-distribuzzjoni, t-tixrid jew it-trasmissjoni ta' pedopornografija għandha tkun punibbli b'terminu massimu ta' priġunerija ta' mill-inqas sentejn.

5. L-offerta, l-forniment jew li ssir disponibbli pedopornografija għandha tkun punibbli b'terminu massimu ta' priġunerija ta' mill-inqas sentejn.

6. Il-produzzjoni ta' pedopornografija għandha tkun punibbli b'terminu massimu ta' priġunerija ta' mill-inqas ħames snin.

Artikolu 6 Is-solleċitazzjoni tat-tfal għal skopijiet sesswali

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-imġieba intenzjonata li ġejja tkun punibbli:

Il-proposta, permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, minn adult biex jiltaqa’ ma’ tfal li jkunu għadhom ma laħqux l-età legali għal attività sesswali skont id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi tal-pajjiż, bl-iskop li jitwettaq kwalunkwe mir-reati imsemmija fl-Artikoli 3 (3) u 5 (6) fejn din il-proposta tkun twettqet b'atti materjali li jwasslu għal din il-laqgħa, għandha tkun punibbli b'terminu massimu ta' priġunerija ta' mill-inqas sentejn.

Artikolu 7 Tixwix, għajnuna u influwenza, attentat u reati ta’ tħejjija

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li t-tixwix, jew l-għajnuna jew l-influwenza għall-kummissjoni ta' reat imsemmi fl-Artikoli 3 sa 6 tkun punibbli.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li tentattivi biex jiġi kommess kwalunkwe mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 (3) sa (5), u (2) rigward li wieħed jara abbuż sesswali; Artikolu 4 (2) sa (3), u (5) sa (11); u Artikolu 5 (2) u (4) sa (6) huwa punibbli.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-imġieba intenzjonata li ġejja tkun punibbli:

(a) it-tixrid tal-materjali li jirreklamaw l-opportunità għat-twettiq ta’ kwalunkwe mir-reati imsemmijin fl-Artikoli 3 sa 6;

(b) l-organizzazzjoni ta’ arranġamenti għall-ivvjaġġar bil-għan li jitwettaq kwalunkwe mir-reati imsemmijin fl-Artikoli 3 sa 6.

Artikolu 8 Attivitajiet sesswali konsenswali bejn il-pari

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 (2), rigward li wieħed jara attivitajiet sesswali, u (3); Artikolu 4 (2) u (4) u Artikolu 5 ma jirregolawx l-attivitajiet sesswali konsenswali bejn tfal jew jinvolvu persuni li huma qrib fl-età u l-livell ta' żvilupp jew maturità psikoloġika jew fiżika, sakemm dawn l-atti ma jinvolvux abbuż.

Artikolu 9 Ċirkostanzi aggravanti

1. Safejn iċ-ċirkustanzi li ġejjin ma jiffurmawx diġà parti mill-elementi kostitwenti tar-reati imsemmija fl-Artikoli 3 sa 7, għandhom jiġu kkunsidrati bħala ċirkustanzi aggravanti għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

(a) it-tfal ma jkunux għadhom laħqu l-età ta' kunsens sesswali taħt il-liġi tal-pajjiż;

(b) ir-reat ikun twettaq kontra tfal f’qagħda partikolarment vulnerabbli, partikolarment minħabba diżabbiltà mentali jew fiżika jew sitwazzjoni ta’ dipendenza;

(c) ir-reat ikun sar minn membru tal-familja, persuna li tikkoabita mat-tfal jew persuna li abbużat mill-awtorità tagħha;

(d) ir-reat ikun sar minn ħafna nies li kienu qed jaġixxu flimkien;

(e) ir-reati jkunu twettqu fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali fi ħdan it-tifsira tad-Deċiżjoni Qafas 2008/841/ĠAI[10];

(f) it-trasgressur ikun diġà instab ħati qabel għal reati tal-istess natura.

(g) ir-reat ikun ipperikola l-ħajja tat-tfal;

(h) ir-reat ikun involva vjolenza serja jew jikkaġuna ħsara serja fuq it-tfal.

2. Fejn ikun preżenti mill-inqas wieħed miċ-ċirkustanzi aggravanti imsemmija f'paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li r-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 jkunu punibbli permezz ta' penali effettivi, propozjonati u dissważivi li jkunu penali iktar ħorox minn dawk previsti fl-Artikoli 3 sa 6 għar-reat bażiku.

Artikolu 10 Skwalifika li tirriżulta minn kundanni

1. Sabiex jiġi evitat ir-riskju tar-repetizzjoni tar-reati, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li persuna fiżika li ġiet ikkundannata għal kwalunkwe mir-reati imsemija fl-artikoli 3 sa 7 tista' tiġi żmien jew għal dejjem ipprojbita milli twettaq attivitajiet li jinvolvu kuntatt regolari mat-tfal.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-miżura messmmija f'paragrafu 1 tidħol fil-fedina penali tal-Istat Membru li ħareġ il-kundanna.

3. Bħala deroga minn Artikoli 7 (2) u 9 (2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn Stati Membri ta’ informazzjoni estratta mill-fedini penali[11], l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex ikun żgurat li, bil-għan li tkun implimentata b’mod effettiv il-miżura li għal żmien jew għal dejjem tipprojbixxi persuna milli twettaq attivitajiet li jinvolvu kuntatt regolari ma’ tfal, partikolarment safejn l-Istat Membru li qed jitlob l-informazzjoni iqiegħed l-aċċess għal ċerti attivitajiet suġġett għal kundizzjonijiet bil-għan li jiġi żgurat li kandidati ma kellhomx kundanna għal kwalunkwe mir-reati imsemmija fl-Artikoli 3 sa 7 ta’ din id-Direttiva, informazzjoni dwar l-iskwalifika li tirriżulta minn kundanna għal kwalunkwe mir-reati imsemmija fl-Artikoli 3 sa 7 ta’ din id-Direttiva tkun trażmessa meta mitluba taħt l-Artikolu 6 ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas mill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru minn fejn ġejja l-persuna, u li d-dejta personali rigward l-iskwalifika pprovduta taħt l-Artikolu 7 (2) u (4) ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas tista’ f’kull każ tintuża għal tali għan.

4. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-miżura msemmija f'paragrafu 1 imposta minn Stat Membru ieħor, tkun rikonoxxuta u infurzata.

Artikolu 11 Responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li persuni ġuridiċi jistgħu jinstabu responsabbli għall kull wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 li jkunu saru għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna, li taġixxi jew waħedha jew bħala parti minn organu ta' persuna ġuridika, li għandha pożizzjoni ta' tmexxija fil-persuna ġuridika, ibbażata fuq dan li ġej:

(a) setgħa ta’ rappreżentanza tal-persuna ġuridika,

(b) awtorità li tieħu deċiżjonijiet f'isem il-persuna ġuridika;

(c) awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.

2. Stati Membri għandhom ukoll jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li persuni ġuridiċi jistgħu jinstabu responsabbli fejn in-nuqqas ta’ sorveljanza jew kontroll minn persuna msemmija f’paragrafu 1 tkun għamlet it-twettiq possibbli, minn persuna taħt l-awtorità tagħha, ta’ kwalunkwe mir-reati imsemmija fl-Artikoli 3 sa 7 għall-benefiċċju ta’ dik il-persuna ġuridika.

3. Ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridici taħt il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu mhux ser teskludi l-proċeduri kriminali kontra l-persuni naturali li jwettqu jew li jkunu kompliċi f'xi wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7.

Artikolu 12 Sanzjonijiet fuq persuni ġuridiċi

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw illi persuna ġuridika miżmuma responsabbli skont l-Artikolu 11(1) tkun tista' tiġi penalizzata b'sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, li għandhom jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali u jistgħu jinkludu sanzjonijiet oħra bħal:

(a) l-esklużjoni mid-dritt għal benefiċċji pubbliċi jew għajnuna pubblika;

(b) skwalifika temporanja jew permanenti mill-prattika ta' attivitajiet kummerċjali;

(c) it-tqegħid taħt is-sorveljanza tal-qorti;

(d) l-istralċ ġudizzjarju;

(e) għeluq temporanju jew permanenti ta' stabbilimenti li setgħu ntużaw biex tkun kommess ir-reat.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħieġa sabiex jiżguraw illi persuna legali miżmuma responsabbli skont l-Artikolu 11(2) tkun tista' tiġi penalizzata b'penali jew miżuri kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 13 Non-prosekuzzjoni jew non applikazzjoni ta' pieni għall-vittma

L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-possibbiltà li ma jkunx hemm prosekuzzjoni jew l-impożizzjoni ta’ pieni fuq vittmi tfal għar-reati msemmija fl-Artikoli 4 u 5 (4) sa (6) għall-involviment tagħhom f’attivitajiet illegali bħala konsegwenza diretta talli kienu suġġetti għal dawk ir-reati.

Artikolu 14 L-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni tar-reati imsemmija fl-Artikoli 3 sa 7 ma jkunux jiddependu milli jsir rapport jew akkuża mill-vittma, u li l-proċedimenti jistgħu jitkomplew anke hekk il-vittma tkun irtirat id-dikjarazzjonijiet tagħha.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu l-prosekuzzjoni ta’ kwalunkwe reat imsemmi fl-Artikolu 3, l-Artikolu 4 (2) sa (3) u (5) sa (11), u l-Artikolu 5 (6) għal żmien biżżejjed wara li l-vittma tkun laħqet l-età maġġuri u li hu proporzjonat mal-gravità tar-reat ikkonċernat.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li għodod effettivi tal-investigazzjoni jkunu disponibbli għal persuni, unitajiet jew servizzi responsabbli għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati imsemmija fl-Artrikoli 3 sa 7, biex jippermetti l-possibbiltà ta’ operazzjonijiet sigrieti għall-inqas f’dawk il-każi fejn ikun hemm involut l-użu ta’ teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni.

4. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jippermettu unitajiet jew servizzi investigattivi jipprovaw jidentifikaw il-vittmi tar-reati imsemmija fl-Artikoli 3 sa 7, b’mod partikolari billi janalizzaw materjal ta’ pedopornografija, bħalma huma ritratti u reġistrazzjonijiet awdjoviżivi trasmessi jew magħmulin disponibbli permezz ta' teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni.

Artikolu 15 Ir-rappurtar ta' suspett dwar sfruttament sesswali jew abbuż sesswali

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-regoli ta’ kunfidenzjalità imposti mil-liġi tal-pajjiz fuq ċerti professjonisti li jissejħu biex jaħdmu f’kuntatt mat-tfal ma jxekklux il-possibblità, għal dawk il-professjonisti, milli jirrappurtaw lis-servizzi responsabbli għall-protezzjoni tat-tfal kull sitwazzjoni fejn ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li tfal ikunu vittmi ta’ reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jinkoraġġixxu lil kwalunkwe persuna li taf jew tissuspetta, b’rieda tajba, reati imsemmija fl-Artikoli 3 sa 7 biex tirrapporta dawn il-fatti lis-servizzi kompetenti.

Artikolu 16 Ġurisdizzjoni u koordinazzjoni tal-prosekuzzjoni

1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq ir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 fejn:

(a) ir-reat ikun twettaq totalment jew parzjalment fit-territorju tiegħu; jew

(b) it-trasgressur huwa ċittadin tiegħu jew għandu r-residenza regolari tiegħu jew tagħha fit-territorji tiegħu; jew

(c) ir-reat ikun kommess kontra wieħed miċ-ċittadin tiegħu jew persuna li għandu r-residenza regolari tiegħu jew tagħha fit-territorji tiegħu; jew

(d) ir-reat ikun kommess għall-benefiċċju ta’ persuna legali stabbilita fit-territorju ta' dak l-Istat Membru.

2. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-ġurisdizzjoni tiegħu tinkludi sitwazzjonijiet fejn reat taħt l-Artikoli 5 u 6, u safejn ikun relevanti, taħt l-Artikoli 3 u 7, ikun kommess permezz ta' sistema ta' teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni aċċessata mit-territorju tiegħu, kemm jekk din tinsab fuq it-territorju tiegħu, sew jew le.

3 Stat Membru jista' jiddeċiedi li ma japplikax jew li japplika biss f'ċirkostranżi speċifiċi, ir-regoli tal-ġurisdizzjoni stabbiliti fil-paragrafu 1(c) u (d) safejn ir-reat jitwettaq barra mit-territorju tiegħu.

4. Biex issir il-prosekuzzjoni ta’ kwalunkwe mir-reati imsemmija fl-Artikoli 3 sa 7 meta jkunu saru barra mit-territorju tal-Istat ikkonċernat, safejn għandu x’jaqsam il-paragrafu 1(b) ta' dan l-Artikolu, kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li l-ġurisdizzjoni tiegħu ma tkunx subordinata għall-kundizzjoni:

(a) li l-atti huma reat kriminali fil-post fejn saru; jew

(b) li l-prosekuzzjoni tista' tibda biss wara li rapport li jkun sar mill-vittma fil-post fejn ikun sar ir-reat, jew denunzja mill-Istat tal-post fejn ikun sar ir-reat.

Artikolu 17 Dispożizzjonijiet ġenerali dwar assistenza, appoġġ u miżuri ta' protezzjoni għall-vittmi

1. Vittmi tar-reati imsemmija fl-Artikolu 3 sa 7 għandu jkollhom assistenza, appoġġ u protezzjoni, li jieħdu kont tal-aħjar interessi tat-tfal.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-età ta' persuni suġġetti għal kwalunkwe mir-reati imsemmija fl-Artikoli 3 sa 7 ma tkunx ċerta u jkun hemm raġunijiet għalxiex wieħed għandu jemmen li l-persuni jkunu tfal, għandu jkun preżunt li huma jkunu tfal u jirċievu aċċess immedjat għall-protezzjoni u l-assistenza b’konformità mal-Artikoli 18 u 19, sakemm tiġi vverifikata l-età.

Artikolu 18 Assistenza u sostenn lill-vittmi

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-vittmi jirċievu assistenza u sostenn, qabel, matul u għal żmien xieraq wara l-proċedumenti kriminali sabiex ikunu jistgħu jħaddmu d-drittijiet tagħhom kif stipulati fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI[12] dwar id-drittijiet tal-vittmi fi proċedimenti kriminali, u f'din id-Direttiva.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jiġu adottati miżuri biex jiżguraw li jittieħdu l-azzjonijiet speċifiċi biex jassistu u jsostnu l-vittmi, fit-terminu qasir u għat-tul, fil-fejqan fiżiku u psikosoċjali tagħhom wara li tkun saret evalwazzjoni speċifika taċ-ċirkustanzi speċjali ta’ kull vittma partikolari u jittieħed kont tal-fehmiet, il-ħtiġiet u l-interessi tat-tfal.

3. Il-vittmi ta' reat msemmi fl-Artikoli 3 u 7 għandhom ikunu meqjusa bħala partikolarment vulnerabbli skont l-Artikolu 2 (2), l-Artikolu 8 (4) u l-Artikolu 14 (1) tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220/ĠAI.

4. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri, fejn hu xieraq u possibbli, biex jipprovdu assistenza u sostenn lill-familja tal-vittma. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom, fejn xieraq u possibbli, japplikaw l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220/ĠAI lill-familja.

Artikolu 19 Il-Protezzjoni ta’ vittmi tfal f’investigazzjonijiet kriminali u fi proċedimenti

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li f'investigazzjonijiet kriminali u proċedimenti, l-awtoritajiet ġudizzjarji jappuntaw rappreżentant speċjali għat-tfal vittmi fejn, bil-liġi tal-pajjiż, dawk li għandhom ir-responsabbiltà ta' ġenitur huma preklużi milli jirrappreżentaw lit-tfal bħala riżultat ta' kunflitt ta' interess bejniethom u t-tfal vittmi, jew fejn it-tfal mhumiex akkumpanjati jew huma separati mill-familja.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal vittmi jkollhom aċċess immedjat għal parir legali b'xejn u għal reppreżentanza legali b'xejn, inkluż għall-għan ta' talba għall-kumpens.

3. Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fl-investigazzjonijiet kriminali ta’ kwalunkwe reat imsemmi fl-Artikoli 3 sa 7:

(a) l-intervisti mat-tfal vittmi jsiru mingħajr dewmien mhux ġustifikat wara li l-fatti jkunu ġew irrappurtati lill-awtoritajiet kompetenti;

(b) l-intervisti mat-tfal vittmi jsiru, fejn meħtieġ, f’post imfassal u adattat għal dan il-għan;

(c) l-intervisti mat-tfal vittmi jitwettqu minn jew permezz ta' professjonisti mħarrġa għal dan il-għan;

(d) l-istess persuni, jekk possibbli u fejn xieraq, imexxu l-intervisti kollha mat-tfal vittmi;

(e) l-għadd ta’ intervisti ikun limitat kemm jista’ jkun u l-intervisti jsiru biss fejn strettament meħtieġ għall-għan ta’ proċedimenti kriminali;

(f) it-tfal vittmi jistgħu jkunu akkumpanjati mir-rappreżentant legali tagħhom jew, fejn xieraq, adult tal-għażla tagħhom, sakemm ma tkunx ittieħdet deċiżjoni bil-maqlub b’raġuni biżżejjed rigward dik il-persuna.

4. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura li f’investigazzjonijiet kriminali ta’ kwalunkwe mir-reati imsemmija fl-Artikoli 3 sa 7 l-intervisti kollha mat-tfal vittmi jew, fejn xieraq, ma’ tfal xhieda, issir reġistrazzjoni awdjoviżiva tagħhom u dawn ir-reġistrazzjonjiet awdjoviżivi jistgħu jkunu użati bħala evidenza fil-proċedimenti tal-qorti, b’konformità mar-regoli taħt il-liġi ta’ pajjiżu.

5. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex fil-proċedimenti kriminali marbuta ma’ kwalunkwe reat imsemmi fl-Artikoli 3 sa 7, jiżguraw li jista' jiġi ordnat li:

(a) is-smigħ isir mingħajr il-preżenza tal-pubbliku;

(b) it-tfal vittmi jkunu jistgħu jagħtu xhieda mingħajr ma jkunu preżenti fl-awla tal-qorti, partikolarment bl-użu ta’ teknoloġiji ta’ komunikazzjoni xierqa.

Artikolu 20 Programmi jew miżuri ta’ intervent

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li persuni misjubin ħatja tar-reati imsemmija fl-Artikoli 3 sa 7 issirilhom evalwazzjoni tal-livell ta’ periklu li jippreżentaw u r-riskji possibbli ta’ ripetizzjoni ta’ kwalunkwe mir-reati imsemmija fl-Artikoli 3 sa 7, bil-għan li jiġu identifikati programmi jew miżuri xierqa ta' intervent.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li programmi jew miżuri ta’ intervent effettivi jkunu disponibbli bil-għan li jimpedixxu u jnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskji ta' reati ripetuti ta’ natura sesswali kontra t-tfal. Dawn il-programmi jew passi bħal dawn għandhom ikunu aċċessibbli fi kwalunkwe ħin matul il-proċedimenti kriminali, kemm ġewwa u kif ukoll barra mill-ħabs, skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-liġi tal-pajjiż.

Tali programmi jew miżuri ta’ intervent għandhom jiġu adattati biex jissodisfaw il-ħtiġiet speċifiċi għall-iżvilupp tat-tfal li jwettqu offiża sesswali, inklużi dawk li huma taħt l-età ta’ responsabbiltà kriminali.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuni misjuba ħatja tar-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7, fejn xieraq b'kunsiderazzjoni għall-valutazzjoni msemmija f'paragrafu 1:

(a) Jista' jkollhom aċċess għall-programmi jew miżuri msemmijin f'paragrafi 1 u 2;

(b) jiġu offruti aċċess għal programmi jew miżuri speċifiċi;

(c) ikunu kompletament infurmati bir-raġunijiet għall-proposta biex ikollhom aċċess għall-programmi jew miżuri speċifiċi;

(d) jagħtu l-kunsens biex jipparteċipaw fil-programmi jew miżuri speċifiċi bl-għarfien sħiħ tal-fatti;

(e) jistgħu jirrifjutaw u jkunu mgħarrfa bil-konsegwenzi li jista’ jkollu rifjut.

4. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuni soġġetti għal proċedimenti kriminali għal kwalunkwe mir-reati imsemmija fl-Artikoli 3 sa 7 jista’ jkollhom aċċess għall-programmi jew miżuri imsemmija f’paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu, taħt kundizzjonijiet li ma jkunux la għad-detriment u lanqas imorru kontra d-drittijiet tad-difiża u r-rekwiżiti ta’ smigħ ġust u imparzjali, u partikolarment b’rispett għall-prinċipju li jistipula l-preżunzjoni tal-innoċenza.

5. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li persuni li jkollhom il-biża’ li jistgħu jikkommettu r-reati stipulati skont l-Artikoli 3 sa 7 jista’ jkollhom aċċess, fejn xieraq, għal programmi jew miżuri ta’ interventi effettivi imfassla biex jevalwaw u jimpedixxu r-riskju li jitwettqu reati.

Artikolu 21 L-imblukkar ta’ siti elettroniċi li fihom il-pedopornografija

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jottjenu l-imblukkar ta' aċċess mill-utenti tal-Internet fit-territorju tagħhom għal paġni tal-internet li jkun fihom jew li jqassmu l-pedopornografija. L-imblukkar tal-aċċess għandu jkun suġġett għal salvagwardji adegwati, b'mod partikolari biex jiżguraw li l-imblukkar ikun limitat għal dak li huwa neċessarju, li l-utenti jkunu infurmati bir-raġuni għall-imblukkar u li dawk li jipprovdu l-kontenut, safejn hu possibbli, ikunu infurmati bil-possibbiltà li jikkontestawh.

2. Mingħajr preġudizzju għal dak li hawn fuq, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jitneħħew paġni tal-internet li jkun fihom jew li jxerrdu l-pedopornografija.

Artikolu 22 Revoka tad-Deċiżjoni Qafas 2004/68/ĠAI

Id-Deċiżjoni Qafas 2004/68/ĠAI hija hawnhekk revokata, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali.

Referenzi għad-Deċiżjoni revokata għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 23 Traspożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [SENTEJN MILL-ADOZZJONI]. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, kif ukoll tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 24 Rapportar

1. Sa [ERBA' SNIN MILL-ADOZZJONI] u mbagħad kull tliet snin, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill inkluża kwalunkwe proposta meħtieġa.

2. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li tkun adatta għat-tfassil tar-rapporti msemmija f'paragrafu 1. L-informazzjoni għandha tinkludi deskrizzjoni ddettaljata tal-miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi adottati skont din id-Direttiva.

Artikolu 25 Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Artikolu 26 Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2000 sabiex tkun miġġielda l-pedopornografija fuq l-Internet (ĠU L 138, 9.6.2000, p. 1).

[2] ĠU C , , p. .

[3] ĠU C , , p. .

[4] ĠU C , , p. .

[5] ĠU L 13, 20.1.2004, p. 14.

[6] ĠU L 82, 22.3.2001, p. 1.

[7] ĠU L 328, 15.12.2009, p. 42.

[8] Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali, li saret f'Lanzarote, 25.10.2007, Trattat tal-Ewropa Serje Nru. 201.

[9] It-test finali ta' din il-premessa tad-Direttiva se tiddependi mill-pożizzjoni attwali tar-Renju Unit u tal-Irlanda, meħuda b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-protokoll (Nru 21).

[10] ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42.

[11] ĠU L 93, 7.4.2009, p.23.

[12] ĠU L 82, 22.3.2001, p. 1.