52010DC0087

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq l-injam u l-prodotti tal-injam /* KUMM/2010/0087 finali - COD 2008/0198 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 9.3.2010

KUMM(2010)87 finali

2008/0198 (COD)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq l-injam u l-prodotti tal-injam

2008/0198 (COD)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq l-injam u l-prodotti tal-injam

SFOND

Data tat-trażmissjoni tal-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (id-dokument COM(2008) 644 - 2008/0198(COD)): | Is-17 ta' Ottubru 2008 |

Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: | L-1 ta' Ottubru 2009 |

Data tal-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni: | L-ebda opinjoni |

Data tal-opinjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari: | It-22 ta' April 2009 |

Data tat-trażmissjoni tal-proposta emendata: | […]. |

Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill: | L-1 ta’ Marzu 2010 |

GĦAN TAL-PROPOSTA TAL-KUMMISSJONI

L-għan tar-Regolament huwa li jiġi mminimizzat ir-riskju li fis-suq tal-UE jitqiegħed injam maqtugħ illegalment. Huwa bbażat fuq il-prinċipju li l-operaturi għandhom jeżerċitaw id-diliġenza dovuta meta jqiegħdu injam u prodotti tal-injam fis-suq Ewropew għall-ewwel darba.

KUMMENTI DWAR IL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL

Kummenti ġenerali

Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fit-22 ta' April 2009. Il-Kummissjoni aċċettat bis-sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju 37 emenda minn 75 adottati mill-Parlament Ewropew fl-ewwel qari tiegħu, meta qieset li dawn l-emendi kkjarifikaw jew tejbu l-proposta tal-Kummissjoni u kienu konsistenti mal-għan ġenerali tal-proposta.

Fl-1 ta' Marzu 2010, il-Kunsill adotta b'maġġoranza kwalifikata l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari. Tqiesu sbatax-il emenda tal-Parlament Ewropew fil-pożizzjoni tal-Kunsill.

Il-Kummissjoni rrifjutat dawk l-emendi li kienu jibdlu l-approċċ u l-prinċipji ġenerali tal-proposta u/jew li kienu ta' piż u lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-għan tar-Regolament. Fost dawn kien hemm emendi bħal dawk li jintroduċu projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq ta' njam maqtugħ illegalment u prodotti magħmula minnu, l-estensjoni tal-ambitu tar-regolament sabiex ikopri l-operaturi kollha fil-katina tal-forniment kif ukoll dispożizzjonijiet relatati dwar it-traċċabbiltà u emendi li jintroduċu rekwiżiti tal-ittikkettar.

Il-Kummissjoni tqis li l-pożizzjoni tal-Kunsill ma tibdilx l-approċċ jew l-għanijiet tal-proposta u għaldaqstant tista' tappoġġaha hekk kif inhi.

Kummenti dettaljati

Emendi Parlamentari aċċettati mill-Kummissjoni u inkorporati fil-pożizzjoni tal-Kunsill bis-sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju

L-emendi 22 , 29 , 47 u 72 li jipprovdu li għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-impatt tar-Regolament fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju ġew aċċettati fil-prinċipju u huma inkorporati fit-test tal-artikoli rilevanti, li issa jistipulaw li l-analiżijiet tar-Regolament għandhom partikolarment iqisu l-konsegwenzi amministrattivi fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Barra minn dan jgħidu wkoll li atti ddelegati ma għandhomx joħolqu piż sproporzjonat fuq l-operaturi. Il-Kummissjoni għamlet dikjarazzjoni (annessa) fejn impenjat ruħha li tistinka biex tiffaċilita l-abbiltà tal-operaturi li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, speċifikament billi tqis is-sitwazzjoni tal-intrapriżi/operaturi żgħar u ta' daqs medju. L-emenda 44 , li tipproponi ż-żieda ta' tipi speċifiki ta' informazzjoni ġiet aċċettata parzjalment u t-test tal-artikolu li jikkonċerna s-sistema ta' diliġenza dovuta ġie emendat skont dan. L-emenda 51 li tikkonċerna l-inserzjoni ta' klawżola dwar il-konflitt ta' interess fir-rekwiżiti tal-organizzazzjonijiet ta' monitoraġġ ġiet aċċettata. L-emenda 64 li tispeċifika kif għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni pubblika l-informazzjoni li fiha l-lista tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-applikazzjoni tar-regolament ġiet aċċettata.

Emendi Parlamentari rrifjutati mill-Kummissjoni u inkorporati fil-pożizzjoni tal-Kunsill bis-sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju

L-emendi 21 u 32 jikkonċernaw l-ambitu tar-Regolament u jistipulaw li njam u prodotti tal-injam soġġetti għal kriterji obbligatorji tas-sostennibbiltà ma għandhomx jiġu esklużi mill-applikazzjoni tagħha. Il-proposta tal-Kummissjoni inkludiet eżenzjoni għal dawn il-prodotti u dawn l-emendi ma ġewx aċċettati mill-Kummissjoni, għax tqiesu li kienu inkonsistenti mal-politika tal-UE fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli. Il-Kunsill ħa pożizzjoni simili għal dik tal-Parlament dwar din il-kwistjoni. Il-Kummissjoni issa tista' taċċetta din il-bidla fid-dawl tal-pożizzjoni kumplessiva tal-Kunsill, partikolarment fir-rigward tal-elaborazzjoni tal-kriterji tar-riskji. L-emenda 38 , dwar id-definizzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli, ġiet irrifjutata mill-Kummissjoni peress li introduċiet ambitu wiesa' ħafna ta' leġiżlazzjoni li għandha titqies. Madankollu, din ġiet aċċettat parzjalment mill-Kunsill u b'hekk twessgħat id-definizzjoni ppreżentata fil-proposta tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista' taqbel ma' din l-elaborazzjoni aktar limitata. L-emendi 51-56 dwar ir-rikkonoxximent mill-Kummissjoni tal-organizzazzjonijiet tal-monitoraġġ ġiet aċċettata parzjalment. Il-Kummissjoni rrifjutat dawn l-emendi għax qisithom inkonsistenti mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-Kummissjoni tista' taqbel li huwa xieraq li tirrikonoxxi lil dawk l-organizzazzjonijiet tal-monitoraġġ li bi ħsiebhom iwettqu l-attivitajiet tagħhom f'aktar minn Stat Membru wieħed. L-emenda 61 ġiet aċċettata parzjalment - verifiki tal-informazzjoni għandhom ikunu disponibbli, filwaqt li l-proposta tal-Kummissjoni kienet tipprevedi li sommarju tar-reġistri biss għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni pubblika.

Emendi Parlamentari aċċettati bis-sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju mill-Kummissjoni iżda mhux inkorporati fil-pożizzjoni tal-Kunsill

Għadd ta' emendi li prinċipalment jikkonċernaw il-premessi ġew aċċettati fil-prinċipju mill-Kummissjoni. Dawn jirreferu għall-ambjent forestali, il-bijodiversità, l-ekosistemi forestali u l-ġestjoni sostennibbli tal-foresti (l-emendi 1-8, 9-11, 14). Dawn ma ddaħħlux fil-pożizzjoni tal-Kunsill peress li l-Kunsill qieshom żejda.

Emendi Parlamentari rrifjutati mill-Kummissjoni u mill-Kunsill u li mhumiex inkorporati fil-pożizzjoni tal-Kunsill

Dawk l-emendi Parlamentari li jiddevjaw b'mod sinifikattiv mill-idea inizjali li fuqha hija msejsa l-proposta tal-Kummissjoni ma ġewx aċċettati mill-Kummissjoni u ma sabux post fil-pożizzjoni tal-Kunsill. Dawk l-emendi jikkonċernaw partikolarment l-elementi li ġejjin: l-introduzzjoni ta' projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq ta' njam maqtugħ illegalment u prodotti magħmula minnu (l-emendi 42, 43 ); l-estensjoni tal-ambitu tal-propsota biex ikopri l-operaturi kollha fil-katina tal-forniment u mhux biss dawk li jqiegħdu l-injam u l-prodotti tal-injam fis-suq għall-ewwel darba (l-emendi 15, 31, 33-35 ) u l-kunċett relatat tat-traċċabbiltà (l-emenda 41 ); l-inklużjoni ta' rekwiżit għall-ittikkettar dwar l-oriġini tal-prodotti tal-injam (l-emendi 20, 50 ); il-biċċa l-kbira tal-emendi 51-53 dwar ir-rekwiżiti għall-organizzazzjonijiet tal-monitoraġġ.

Bidliet li saru fil-Proposta mill-Kunsill

Il-Kunsill ippropona l-bidliet ewlenin li ġejjin fil-proposta tal-Kummissjoni:

Definizzjoni ta' "injam u prodotti tal-injam": Il-Kunsill emenda d-definizzjoni sabiex jikkjarifika li l-prodotti tal-injam magħmula mill-injam u l-prodotti tal-injam li diġà tqiegħdu fis-suq mhumiex koperti. Il-Kummissjoni tappoġġa dawn l-emendi li jaqblu mal-qofol tal-proposta tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista' wkoll tappoġġa l-eżenzjoni għall-prodotti riċiklati tal-injam; lestha wkoll tqis formulazzjonijiet alternattivi għal definizzjoni tal-prodotti riċiklati tal-injam.

Definizzjoni ta' "tqegħid fis-suq": Din ġiet emendata biex tkopri l-forniment b'komunikazzjoni mill-bogħod permezz ta' referenza għad- Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta' kuntratti li jsiru mill-bogħod.

Definizzjoni ta' "leġiżlazzjoni applikabbli" : Din twessgħat ħalli tkun aktar konformi mad-definizzjoni użatha fil-VPAs tal-FLEGT u tinkludi l-leġiżlazzjoni ambjentali relatata mal-forestrija; leġiżlazzjoni dwar il-kummerċ u d-dazji, safejn huwa konċernat is-settur tal-foresti, u d-drittijiet legali ta' partijiet terzi li jikkonċernaw l-użu u d-dominju. Il-Kummissjoni ma toġġezzjonax għal din l-emenda għax tqisha elaborazzjoni tal-proposta tagħha u ma fihiex dawk l-elementi problematiċi li kien hemm fl-emendi tal-Parlament, bħall-inklużjoni ta' liġi internazzjonali rilevanti u leġiżlazzjoni soċjali, eż. liġi tax-xogħol.

Sistema ta' diliġenza dovuta : Il-proposta inizjali tal-Kummissjoni ġiet imfassla mill-ġdid, madanakollu l-Kummissjoni tappoġġa din l-emenda peress li tikkjarifika t-tliet elementi ewlenin tas-sistema ta' diliġenza dovuta, fosthom l-aċċess għal ċerta informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskji u t-taffija tar-riskji. Il-Kunsill elenka erba' kriterji tal-valutazzjoni tar-riskji li jistgħu jiġu ssupplimentati permezz ta' atti delegati. Introduċa wkoll il-kunċett ta' riskju negliġibbli.

Organizzazzjonijiet tal-Monitoraġġ : Il-Kunsill iddistingwa bejn organizzazzjonijiet tal-monitoraġġ li bi ħsiebhom iwettqu attivitajiet fi Stat Membru wieħed jew f'diversi Stat Membri. Qies li l-Kummissjoni għandha tirrikonoxxi dawk l-organizzazzjonijiet li jwettqu l-attivitajiet tagħhom f'diversi Stati Membri, filwaqt li l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru għandha tirrikonoxxi l-organizzazzjonijiet tal-monitoraġġ li jwettqu l-attivitajiet tagħhom f'dak l-Istat Membru biss. Il-Kummissjoni tista' taċċetta l-emendi tal-Kunsill peress li ma jmorrux kontra l-prinċipju tas-sussidjarjetà u taqbel li fejn l-organizzazzjonijiet tal-monitoraġġ bi ħsiebhom iwettqu l-attivitajiet tagħhom f'aktar minn Stat Membru wieħed huwa xieraq li l-Kummissjoni tirrikonoxxi tali organizzazzjonijiet. Bidla oħra fil-proposta tal-Kummissjoni tikkonċerna l-introduzzjoni ta' obbligu għall-organizzazzjonijiet tal-monitoraġġ li fit-twettiq ta' dmirijiethom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti f'każ ta' nuqqas serju jew repetut mill-operaturi. Il-Kummissjoni tippreferi li ma tinkludix din id-dispożizzjoni u diġà esprimiet tħassib fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-emendi tal-Parlament li tali dispożizzjonijiet jistgħu jwasslu biex jinkiser is-sigriet professjonali, speċjalment fil-każ ta' organizzazzjonijiet mis-settur privat, u eventwalment għal relazzjoni anqas effikaċi bejn l-operaturi u l-organizzazzjonijiet tal-monitoraġġ. Madanakollu, fid-dawl tal-fatt li l-Kunsill jillimita l-każijiet ta' notifika għal nuqqasijiet serji jew repetuti, il-Kummissjoni ma toġġezzjonax għal din l-emenda.

Verifiki : Il-Kunsill naqqas il-perjodu għaż-żamma tar-reġistri minn 10 snin għal ħames (5) snin. Il-Kunsill ipprovda biex il-verifiki dwar l-informazzjoni li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni ta' kwalunkwe applikant skont id- Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali , filwaqt li l-proposta tal-Kummissjoni pprevediet li sommarju tar-reġistri għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni pubblika. Il-Kummissjoni tista’ taċċetta l-emendi.

Leġiżlazzjoni sekondarja : Id-dispożizzjonijiet tal-komitoloġija fil-proposta tal-Kummissjoni ġew irreveduti fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tat-trattat ta' Lisbona. Il-Kummissjoni tista' taqbel mal-għażla ta' dispożizzjonijiet li għamel il-Kunsill u li għandhom jiġu emendati jew issupplimentati permezz ta' atti delegati kif ukoll dawk li għalihom għandhom jiġu adottati atti ta' implimentazzjoni sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni uniformi. Il-Kummissjoni għandha tħassib serju dwar it-tfassil ta' ċerti dispożizzjonijiet, partikolarment il-premessa li tistipula li l-Kummissjoni "tikkonsulta esperti fil-fażi preparatorja skont l-impenn ... li ħadet fil-Komunikazzjoni tad-9 ta' Diċembru 2009 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 290 tat-TFUE", li dwaru l-Kummissjoni għamlet dikjarazzjoni fil-minuti tal-Kunsill (kif stipulat fl-Anness).

Ambitu tal-prodotti : Il-Kunsill għamel diversi emendi, speċjalment emendi li jinkludu njam u prodotti tal-injam li huma soġġetti għal kriterji obbligatorji tas-sostennibbiltà, kif ukoll prodotti bil-kodiċi tan-NM 4409. Neħħa mill-ambitu dan li ġej: materjal tal-ippakkjar użat esklużivament bħala materjal tal-ippakkjar biex jirfed, jipproteġi jew iġorr prodott kif ukoll prodotti tal-injam magħmula minn injam riċiklat. Il-Kummissjoni aċċettat dawn l-emendi. Il-Kummissjoni tista' tipproponi aġġustamenti tekniċi żgħar fl-anness matul it-tieni qari partikolarment sabiex tiżgura l-konsistenza tiegħu mal-aħħar reviżjoni tan-Nomenklatura Magħquda (l-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87). Fil-ġejjieni, il-Kummissjoni ser tqis l-inklużjoni tal-Prodotti fil-Kapitolu 49 tan-Nomenklatura Magħquda (l-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87), kif indikat fid-dikjarazzjoni tagħha u li tidher fl-Anness.

Applikazzjoni : Il-proposta tal-Kummissjoni pprevediet li r-Regolament għandu japplika għal 24 xahar wara li jidħol fis-seħħ. Il-Kunsill estenda dan il-perjodu b’sitt (6) xhur. Din l-emenda hija aċċettabbli għall-Kummissjoni peress li ser tippermetti lill-Kummissjoni tikkonsulta bis-sħiħ mal-partijiet interessati fit-tfassil tal-atti delegati u ta' implimentazzjoni.

KONKLUŻJONI

Il-bidliet introdotti mill-Kunsill huma konsistenti mal-għan li jiġi mminimizzat ir-riskju li fis-suq jitqiegħdu njam maqtugħ illegalment u prodotti magħmula minnu, u jibnu fuq il-proposta tal-Kunsill. Għalhekk, il-Kummissjoni tista' taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill.

ANNESS

Dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni

1) B'rabta mal-Artikoli 12 u 18 il-Kummissjoni timpenja ruħha li tippreżenta evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u kummerċjali attwali fl-UE tal-prodotti fil-Kapitolu 49 tal-Kodiċi Doganali tal-UE, sabiex tqis il-possibbiltà li jiddaħħlu fil-lista ta' prodotti annessa għal dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha wkoll tistinka biex tiffaċilita l-abbiltà tal-operaturi li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, speċifikament billi tqis is-sitwazzjoni tal-intrapriżi/operaturi żgħar u ta' daqs medju.

2) Il-Kummissjoni tilqa' bil-ferħ il-ftehim milħuq fil-Kunsill dwar ir-Regolament dwar it-tqegħid fis-suq ta' njam u prodotti tal-injam.

F'dan il-kuntest il-Kummissjoni tieħu nota tal-premessa l-ġdida nru 24 dwar il-konsultazzjoni ma' esperti fil-fażi preparatorja tal-atti delegati. Il-Kummissjoni tqis li l-gruppi ta' esperti ma jistgħux ikollhom rwol istituzzjonali formali. Għalhekk dispożizzjonijet marbuta mal-involviment ta' esperti fil-preparazzjoni tal-atti delegati ma jistax jiġi inkluż fl-atti bażiċi. F'dan ir-rigward il-Kummissjoni tirreferi għall-Komunikazzjoni tagħha tad-9 ta' Diċembru 2009.

Sabiex tippermetti li l-proċess leġiżlattiv jimxi 'l quddiem bil-għan ta' adozzjoni fil-ħin ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni mhix ser topponi l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill ladarba s-sustanza tal-kompromess milħuq, fit-totalità tiegħu, tkun tilħaq l-għanijiet tal-proposta. Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt tagħha li terġa' tqis il-premessa msemmija aktar 'il fuq matul it-tieni qari filwaqt li tqis il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew dwar din il-kwistjoni.[pic][pic][pic][pic][pic][pic]