[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 3.3.2010 KUMM(2010) 72 finali 2010/0048 (APP) Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2007-2013 MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ it-“Trattat”) jistipula li Regolament tal-Kunsill adottat unanimament għandu jistabbilixxi qafas finanzjarju multiannwali. Il-qafas finanzjarju għandu jistabbilixxi l-ammonti tal-limiti massimi annwali dwar l-approprjazzjonijiet għall-impenji skont il-kategorija tal-infiq u tal-limitu massimu annwali dwar approprjazzjonijiet għall-pagamenti u għandu jistabbilixxi kwalunkwe dispożizzjoni oħra meħtieġa għat-tħaddim tajjeb tal-proċedura annwali tal-baġit (l-Artikolu 312). Il-prattika li jiġi adottat qafas finanzjarju multiannwali u dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni interistituzzjonali u dixxiplina baġitarja bdiet aktar minn 20 sena ilu bl-ewwel qafas finanzjarju stabbilit fil-ftehim interistituzzjonali[1]. Din tejbet u ssimplifikat immens il-proċedura annwali tal-baġit u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u bħala konsegwenza żiedet id-dixxiplina baġitarja. Għalhekk it-Trattat jirrikonoxxi l-importanza tal-qafas finanzjarju bħala l-ġebla tax-xewka tal-arkitettura baġitarja tal-Unjoni Ewropea u fl-aħħar daħħal din il-prattika li rnexxiet fis-sistema tal-liġi tal-Unjoni Ewropea. Il-qafas finanzjarju multiannwali kurrenti għall-2007-2013 ġie miftiehem bejn l-istituzzjonijiet f’Mejju tal-2006 u kien stabbilit fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba[2] (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ l-“IIA kurrenti") Id-dispożizzjonijiet relevanti tal-IIA kurrenti hemm bżonn li jkunu kodifikati f’Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ir-“regolament MFF”). Dan l-ikkodifikar jirrappreżenta allinjament tad-dispożizzjonijiet tal-IIA kurrenti mar-rekwiżiti tat-Trattat. Madankollu, allinjament bħal dan għandu jikkunsidra l-bidla tal-istrument: regolament minflok IIA. Madankollu mhux possibbli jew fattibbli li d-dispożijjonijiet kollha tal-IIA jiġu trasposti fir-regolament MFF. L-IIA kurrenti jikkonsisti f’dispożizzjonijiet fuq il-qafas finanzjarju, fuq strumenti li m’humiex inklużi fil-qafas finanzjarju, fuq it-tħejjija tal-baġit u fuq il-kooperazzjoni interistituzzjonali u l-ġestjoni finanzjarja tajba. Uħud mid-dispożizzjonijiet tal-IIA kurrenti m’għadhomx jintużaw wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, ħafna minnhom se jkunu inkorporati fir-regolament MFF, uħud fir-Regolament Finanzjarju. IIA ġdid xorta għadu meħtieġ għal dawk id-dispożizzjonijiet li m'għandhomx post fl-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ regolamenti. Dan l-approċċ hu sostnut mit-Trattat li jirrikonoxxi l-importanza ta’ kooperazzjoni interistituzzjonali tajba u jistipula (fl-Artikolu 295) li “Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkonsultaw lil xulxin u bi ftehim komuni jagħmlu arranġamenti għall-koperazzjoni ta' bejniethom. Għal dak il-għan, jistgħu, b'konformità mat-Trattati, jikkonkludu ftehimiet interistituzzjonali li jistgħu ikunu jorbtu". Dan jikkonferma u jirrakkomanda l-prattika li jkun hemm dispożizzjonijiet dwar kooperazzjoni interistituzzjonali stabbiliti fl-IIA. L-arkitettura tal-istrumenti legali li jirregolaw il-baġit tal-UE hija kkumplimentata mir-regolament Finanzjarju. Skont it-Trattat, ir-regolament Finanzjarju għandu “ jiddetermina b’mod partikolari l-proċedura li trid tiġi adottata biex jiġi stabbilit u implimentat il-baġit …” . L-għażla tal-kliem ma nbidlitx meta tqabbilha mat-Trattat ta' Nizza, inbidlet biss il-proċedura tal-adozzjoni għal proċedura ordinarja leġiżlattiva (jiġifieri kodeċiżjoni). Meta wieħed iqis id-dispożizzjonijiet u r-rekwiżiti kollha relevanti tat-Trattat, it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-IIA kurrenti għall-istrumenti legalo suċċessivi relevanti hi bbażata fuq ir-raġunament li ġej: 1. Bosta mid-dispożizzjonijiet eżistenti saru bla użu minħabba t-Trattat ta’ Lisbona. - - Id-dispożizzjonijiet marbuta mad-distinzjoni bejn in-nefqa obbligatorja u mhux obbligatorja u r-rata massima taż-żieda. Bl-istess mod, il-klassifikazzjoni tan-nefqa (issa inkluża fl-Anness III tal-IIA kurrenti) hija wkoll skaduta. - - Partijiet sinjifikanti tal-kooperazzjoni interistituzzjonali fis-settur baġitarju huma skaduti, minħabba tibdil fil-proċedura baġitarja introdotta permezz tat-Trattat ta’ Lisbona (mingħajr it-tieni qari, kumitat ta’ konċiljazzjoni ta’ 21 jum, il-possibbiltà li l-Kummissjoni temenda l-abbozz tal-baġit sal-kumitat ta’ konċiljazzjoni eċċ.) 2. Il-punti marbuta direttament mal-qafas finanzjarju huma inklużi fir- Regolament MF F, jiġifieri l-aspetti kollha relatati mal-aġġustamenti annwali tal-qafas finanzjarju, ir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju, l-aġġustament tal-qafas finanzjarju biex jaħseb għat-tkabbir, it-tul ta’ żmien tal-qafas u l-konsegwenzi ta’ meta ma jkunx hemm qafas, anness I jagħti l-limiti skont l-intestatura għal kull sena tal-qafas. 3. Uħud minn dawn id-dispożizzjonijiet eżistenti għandhom jiġu inklużi fir- Regolament Finanzjarju jew ir-regoli Implimentattivi tiegħu, aktar milli r-regolament MFF jew l-IIA (eż. id-dispożizzjonijiet dwar l-istqarrijiet finanzjarji għandhom ikunu kkonsolidati fir-Regolament Finanzjarju). 4. Id-dispożizzjonijiet li jifdal - l-aktar kwistjonijiet marbuta ma' kooperazzjoni purament interistituzzjonali aġġustati skont ir-rekwiżiti tat-Trattat - huma inklużi fl-IIA il-ġdid. Dan jiżgura bilanċ xieraq bejn iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja u flessibbiltà suffiċjenti biex tiġi stabbilita proċedura ġdida baġitarja u fl-istess waqt jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tat-Trattat. Għall-fini ta’ integrità l-abbozz tar-Regolament MFF u l-ftehim Interistituzzjonali dwar il-kooperazzjoni fuq kwistjonijiet baġitarji (“l-IIA il-ġdid”) qed jiġu ppreżentati flimkien. Huma jikkumplimentaw lil xulxin u għandhom jiġu nnegozjati u maqbula bħala pakkett integrali wieħed. Dan il-memorandum ta’ spjegazzjoni jkopri ż-żewġ proposti u jispjega kif it-test tal-IIA kurrenti kien traspost għal dawk iż-żewġ strumenti ġodda. Biex il-ġarsa ġenerali tkun kompleta, tinkludi wkoll id-dispożizzjonijiet tal-IIA kurrenti li għandhom jiġu inklużi fir-Regolament Finanzjarju. 2. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA 2.1. Ir-Regolament tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali Artikolu 1 Il-kliem tal-Artikolu 1 jirriproduċi l-ewwel sentenza ta’ Punt 9 tal-IIA kurrenti. Jirreferi għall-Anness li jistabbilixxi formalment il-qafas finanzjarju nnifsu. Il-qafas finanzjarju ma nbidilx, hu jikkorispondi għall-qafas finanzjarju kif rivedut għat-tieni fażi tal-EERP adottat mill-Kunsill u l-PE fis-17 ta' Diċembru 2009[3]. It-tieni premessa tispeċifika b’mod ċar li r-Regolament jinkorpora l-qafas finanzjarju multiannwali stabbilit permezz tal-IIA kurrenti. It-tieni sentenza ta’ Punt 9 tal-IIA kurrenti (“ Hu [il-qafas finanzjarju jikkostitwixxi l-qafas ta’ referenza għad-dixxiplina interistituzzjonali” ) u punt 10 spiċċaw skaduti minħabba t-Trattat li jispeċifika l-iskop tal-qafas finanzjarju. Id-dispożizzjonijiet ta’ Punt 11 tal-IIA kurrenti huma inklużi fil-premessi 3, 5 u 6. Artikolu 2 L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 jirriproduċi t-test tal-Punt 12 tal-IIA kurrenti. Hu jiddefinixxi l-limiti annwali u jistabbilixxi obbligu għall-istituzzjonijiet biex jirrispettaw il-limiti waqt il-proċedura baġitarja f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat. L-ewwel parti tat-tieni sentenza tal-Punt 12 hi mħollija barra minħabba li hi skaduta. M’hemmx bżonn li jiġu pprovduti regoli speċjali għal każijiet, fejn ir-Regolament ġie emendat. L-istituzzjonijiet għandhom jikkonformaw mal-limiti li huma fis-seħħ f’ċertu punt ta’ żmien. It-tieni paragrafu jintroduċi l-possibbiltà li jinqabżu l-limiti, jekk ikun meħtieġ, meta jkunu mmobilizzati l-istrumenti li mhumiex inklużi fil-qafas finanzjarju. Ir-Riżerva għall-Għajnuna ta’ Emerġenza, il-Fond ta’ Solidarjetà, l-istrument ta’ Flessibbiltàu l-Fopnd Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni issa huma ddefiniti f’Ġunti 25 - 28 tal-IIA kurrenti. Huma mhumiex inklużi fil-qafas finanzjarju u jiżguraw li jkun ipprovdut finanzjament f’ċirkostanzi speċifiċi li jaqbeż il-limiti tal-qafas finanzjarju, jekk ikun hemm bżonn. Huma jżidu l-flessibbiltà tal-qafas finanzjarju u huma mmobilizzati b’mod konġunt permezz taż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja. Sabiex jinżamm il-livell kurrenti ta’ flessibbiltà u r-rwoli tal-istituzzjonijiet fil-mobilizzazzjoni ta’ dawn l-istrumenti, id-dispożizzjonijiet li jirregolawhom huma inklużi fl-IIA il-ġdid. Dan iżomm il-prattika ta’ bħalissa l-istess kemm jista’ jkun. Artikolu 3 Dan l-Artikolu jirriproduċi t-test ta’ Punt 15 tal-IIA kurrenti, bl-eċċezzjoni tar-referenza għar-regoli tal-votazzjoni stabbiliti taħt Punt 3 tal-IIA kurrenti. Il-konformità mal-limitu tar-riżorsi proprji għandha tkun żgurata għal kull sena. Jekk il-limiti tal-approprjazzjonijiet tal-ħlasijiet jirriżultaw f’rata għall-ġbir tar-rożirsi proprji li taqbeż il-limitu tar-riżorsi proprji, ikollhom jiġu aġġustati l-limiti tal-qafas finanzjarju. Ir-referenza għad-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom tispeċifika li l-limiti għar-riżorsi proprji u l-approprazzjonijiet għall-impenji hija inkluża. Artikolu 4 Jirripproduċi t-test tal-Punt 16 tal-IIA kurrenti u jistabbilixxi r-regoli għall-aġġustamenti tekniċi annwali għall-qafas finanzjarju. It-terminu “iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja” għandu jkun sostitwit b’"Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill” fit-test kollu. Artikolu 5 Dan l-Artikolu jirriproduċi t-test ta' Punt 17 tal-IIA kurrenti. Il-kliem inbidel ftit biss biex jissostitwixxi r-referenza għall-IIA kurrenti bir-referenza għall-perjodu meta ntlaħaq ftehim dwar il-pakketti tal-politika ta' koeżjoni. L-aġġustament tal-pakketti tal-politika ta’ koeżjoni se jsiru fl-aġġustament tekniku għas-sena 2011 li se jiġi ppreżentat f'April 2010. Artikolu 6 Il-kliem ta’ dan l-Artikolu li jistabbilixxi r-regoli għall-aġġustamenti relatati mal-implimentazzjoni, jikkorrispondi ma’ Punt 18 tal-IIA kurrenti, bl-eċċezzjoni tar-referenza għar-regoli tal-votazzjoni stabbiliti taħt Punt 3 tal-IIA kurrenti. Artikolu 7 Il-kliem ta’ dan l-Artikolu, li jistabbilixxi r-regoli għall-aġġustamenti marbuta ma’ defiċit eċċessiv tal-gvern, jirriproduċi t-test ta’ Punt 20 tal-IIA kurrenti. Artikolu 8 Il-kliem ta’ dan l-Artikolu jikkorrispondi mal-Punti 21-23 tal-IIA kurrenti. Ir-reviżjonijiet tal-qafas finanzjarju huma adottati skot l-istess regoli bħar-regolament innifsu. Sabiex jinżamm l-istess livell preżenti ta' flessibbiltà tal-qafas finanzjarju fir-rigward tar-reviżjonijiet taħt il-limiti ta’ 0.03% tal-DGN, il-paragrafu 3 jistipula li l-qafas finanzjarju jista’ jiġi adattat, jekk ikun hemm il-ħtieġa u fi ħdan il-limitu ta' 0.03%, fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali. Dan ma jbiddilx il-prattika kurrenti fejn ir-reviżjonijiet taħt l-istess limitu ġew deċiżi b’mod konġunt mill-PE u mill-Kunsill, bil-Kunsill jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata. Artikolu 9 Il-kliem ta’ dan l-Artikolu, li jistabbilixxi r-regoli għall-aġġustamenti fil-każ ta’ reviżjoni tat-Trattat, jirriproduċi t-test ta’ Punt 4 tal-IIA kurrenti. Artikolu 10 Il-kliem ta’ dan l-Artikolu li jistabbilixxi r-regoli għall-aġġustamenti li jaħsbu għat-tkabbir, jirriproduċi t-test ta’ Punt 29 tal-IIA kurrenti, bl-eċċezzjoni tar-referenza għar-regoli tal-votazzjoni stabbiliti taħt Punt 3 tal-IIA kurrenti. Artikolu 11 L-Artikolu 312(3) it-2i paragrafu tat-Trattat jistipula li l-"qafas finanzjarju għandu jistabbilixxi kwalunkwe dispożizzjoni oħra meħtieġa għall-proċedura baġetarja annwali biex kollox jibqa' għaddej mingħajr skossi.". L-Artikolu 11 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali għall-kooperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġetarja. Id-dettalji dwar il-kooperazzjoni tal-istituzzjonijiet waqt il-proċedura baġitarja huma inklużi fl-IIA il-ġdid fuq il-bażi tal-Artikolu 295 tat-Trattat, biex b’hekk tiġi żgurata l-flessibbiltà meħtieġa biex tiġi żvilupata fil-prattika l-proċedura baġitarja l-ġdida. Artikolu 12 Il-finanzjament tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni għandha importanza speċjali waqt il-proċedura baġitarja. Sabiex jinżamm il-bilanċ li hemm bħalissa u biex tiġi megħjuna l-proċedura baġitarja biex timxi mingħajr skossi, ir-regoli bażiċi (l-ammont li jiddaħħal f’kapitoli wieħed tal-baġit li jkopri l-ħtiġijiet prevedibbli reali, ma jidħlu l-ebda fondi f’riżerva) u l-ammont li fuqu hemm ftehim għall-finanzjament tal-PESK (mingħajr tibdil) huma introdotti fir-Regolament MFF. Il-kliem jikkorrispondi għat-test ta’ parti mit-2i paragrafu u l-ewwel sentenza tal-aħħar paragrafu ta’ Punt 42 tal-IIA kurrenti. Id-dispożizzjonijiet l-oħra kollha tal-Punti 42 u 43 tal-IIA kurrenti huma mpoġġija fil-Punti 18 u 19 tal-IIA il-ġdid. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà għandu jkun responsabbli biex ifassal il-previżjoni għall-abboz tal-baġit fil-qasam tal-PESK. It-test inbidel biex jirrifletti li r-rwol tal-Kunsill jew il-Presidenza tal-Kunsill inkluża fl-IIA kurrenti se jittieħed mir-Rappreżentant Għoli. Artikolu 13 L-Artikolu 13 jikkorrispondi mat-test tal-Punt 30 tal-IIA kurrenti dwar kemm idum il-qafas finanzjarju u l-kosengwenza tal-assenza tiegħu. Se jinżamm l-obbligu tal-Kummissjoni li tippreżenta qafas finanzjarju ġdid qabel Lulju tal-2011. Il-kliem tat-tieni paragrafu tal-Punt 30 qed jiġi ħarira aġġustat biex ikun konformi mal-kliema tal-Artikolu 312(4) tat-Trattat. Artikolu 14 L-Artikolu finali tar-regolament MFF jiffissa d-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolament. L-IIA il-ġdid għandu jidħol fis-seħħ fl-istess jum. Iż-żewġ strumenti jkopru l-perjodu 2007-2013. Is-snin ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament huma inklużi minħabba li l-proposti għandhom x’jaqsmu mal-allinjamenti tal-IIA eżistenti mar-rekwiżiti tat-Trattat il-ġdid. 2.2. Ftehim Interistituzzjonali dwar kooperazzjoni f’oqsma baġitarji L-abbozz tal-ftehim Interistituzzjonali dwar kooperazzjoni f’oqsma baġitarji (“l-IIA il-ġdid”) jinkludi d-dispożizzjonijiet kollha tal-ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u t-tmexxija finanzjarja tajba ("l-IIA il-ġdid") li mhumiex a) direttament marbuta mal-qafas finanzjarju nnifsu u inkluż bħala tali fir-Regolament MFF, b) skaduti minħabba t-Trattat, c) hu propost li jiġu inklużi fir-Regolament Finanzjarju. Ir-raġunament bażiku hu li sa fejn hu possibbli jinżammu r-regoli li hemm bħalissa u li huma ppruvati bħala effiċjenti u li jiġi ppriservat il-bilanċ tal-poteri u l-involviment tal-istituzzjonijiet fil-proċedura baġitarja. Introduzzjoni - il-punti 1-6 tal-IIA il-ġdid Il-parti introduttorja tal-IIA il-ġdid tirriproduċi l-kliem tal-Punti 1-8 tal-IIA preżenti bl-eċċezzjoni tal-Punt 4 li kien traspost fir-regolament MFF (Art. 11) u l-punt 7 li hu skadut. Fil-Punt 1 żdiedet referenza mal-Artikolu 295 tat-Trattat bħala l-bażi legali għall-ftehim Interistituzzjonali. Fil-punt 3 għandha tiġi inkluża r-referenza għar-Regolament MFF u r-Regolament Finanzjarju. Ir-referenza għall-Artikolu 272(9) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea hi skaduta u tneħħiet. Ir-regoli tal-votazzjoni fil-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet speċifikata fl-IIA il-ġdid tħallew l-istess mingħajr tibdil (jiġifieri maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill u l-maġġoranza tal-membri tiegħu u tlieta minn ħamsa tal-voti mitfugħa fil-PE). L-istruttura tal-IIA li tikkonsisti fi tliet partijiet ġiet ippriservata u hija deskritta fil-Punt 5. L-ewwel parti tinkludi xi dispożizzjonijiet kumplimentari għall-qafas finanzjarju u prinċipalment id-dispożizzjonijiet dwar l-istrumenti li huma ’il barra mill-qafas finanzjarju. Il-Parti II akkumpanjata mill-Anness tinkludi d-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni interistituzzjonali aġġustati għall-proċedura baġitarja l-ġdida. Tinkludi wkoll regoli għall-inklużjoni tal-ammont f’dawk li huma atti leġiżlattivi, dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament tal-PESK u dwar il-ftehimiet dwar is-sajd. Il-Parti III tkopri d-dispożizzjonijiet kollha tal-Parti III tal-IIA preżenti li jibqgħu validi. Il-Punt 6 jiffissa d-data tad-dħul fis-seħħ tal-IIA il-ġdid li għandha tkun l-istess waħda bħal tar-regolament MFF. L-IIA il-ġdid fil-preżent se jieħu post l-IIA preżenti. Parti I - dispożizzjonijiet marbuta mal-qafas finanzjarju u strumenti speċjali li mhumiex inklużi fil-qafas finanzjarju A. Dispożizzjonijiet marbuta mal-qafas finanzjarju Punt 7 tal-IIA il-ġdid jirriproduċi l-kliem tal-aħħar paragrafu tal-Punt 11 tal-IIA kurrenti. Dan għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar operazzjonijiet li mhumiex inklużi fil-baġit (jiġifieri l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp) u dwar l-iżvilupp ta’ kategoriji ta’ riżorsi proprji. Din id-dispożizzjoni mhijiex direttament relatata mal-qafas finanzjarju u bħala tali ma tappartjenix għar-Regolament MFF. Il-prattika li tiġi pprovduta din l-informazzjoni se tinżamm l-istess imma qed ikun propost li tiġi ppreżentata mhux aktar mal-aġġustament tekniku tal-qafas finanzjarju imma mad-dokumenti li jakkumpanjaw l-abbozz tal-baġit fejn loġikament hu aktar posta. Iż-żmien tal-preżentazzjoni jibqa' prattikament l-istess (tmiem ta' April/bidu ta' Mejju). Il-Punt 8 tal-IIA il-ġdid għandu x’jaqsam mal-marġini taħt il-limiti. Ir-Regolament MFF jistabbilixxi l-limiti għall-intestaturi kollha li għandhom jiġu rrispettati waqt kull proċedura baġitarja annwali kif mitlub mit-Trattat. Madankollu, għandha tiġi ppriservata l-prattika li wieħed jiżgura kemm jista’ jkun marġini suffiċjenti taħt il-limiti. Dan jikkostitwixxi element ta’ kopperazzjoni interistituzzjonali u rieda tajba min-naħa tal-istituzzjonjiet fil-proċedura baġitarja u bħala tali postu hu fl-IIA. Id-dispożizzjoni se tibqa’ l-istess mingħajr tibdil. Il-Punt 9 tal-IIA il-ġdid jikkopja t-test tal-Punt 19 tal-IIA kurrenti dwar l-aġġornar tal-previżjoni għall-approprazzjoni tal-ħlasijiet wara l-2013. Għal darba oħra, minħabba li dan ma jinfluwenzax direttament il-qafas finanzjrju ta' bħalissa, hu xieraq li jinżamm fl-IIA il-ġdid. B. Dispożizzjonijiet relatati mal-istrumenti speċjali li mhumiex inklużi fil-qafas finanzjarju. L-istrumenti eżistenti li mhumiex inklużi fil-qafas finanzjarju (ir-Riżerva dwar l-Għajnuna ta’ Emerġenza, il-Fond ta’ Solidarjetà, l-istrument ta’ Flessibbiltà u l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni) inżammu fl-IIA. Ir-Regolament MFF jinkludi fl-Artikolu 2 il-possibbiltà li jiġu mmobilizzati, jekk ikun meħtieġ, apparti mil-limiti stabbiliti mill-qafas finanzjarju. Id-dispożizzjonijiet dwar l-objettivi u l-iskop tal-istrumenti u l-ammonti huma ppriservati bħal ma huma fl-IIA preżenti kif ukoll ir-rwol tal-istituzzjonijiet fil-mobilizzazzjoni tagħhom, jiġifieri deċiżjoni konġunta tal-istituzzjonijiet skont ir-regoli tal-votazzjoni inklużi fil-Punt 3. Il-qasma proposta tad-dispożizzjonijiet dwar l-istrumenti li mhumiex inklużi fil-qafas finanzjarju hi maħsuba biex tippriserva l-prattika attwali. Madankollu, l-prattika innifisha ġabet xi dispożizzjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni ta’ dawk l-istrumenti bla użu. L-IIA kurrenti jsejjaħ għal proċedura ta’ trilogu biex tinbeda kull darba li l-Kummissjoni tagħmel proposta biex timmobilizza wieħed minn dawn l-istrumenti. Fil-fatt, ta’ spiss trilogu jiġi evitata minħabba li ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja s-soltu jkunu kapaċi jifthiemu fuq il-proposta tal-Kummissjoni mingħajr il-ħtieġa ta' trilogu formali. Għalhekk qed jiġi propost li t-test ikun allinjat mal-prattika reali. L-obbligu li jissejjaħ trilogu kull darba li jkun hemm proposta biex jiġu mmoblizzati l-istrumenti qed tiġi sostitwita mill-obbligu li jissejjaħ trilogu biss fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil. Fir-rigward tal-istrument ta’ Flessibbiltà, qed tiġi ssuġġerita emenda għall-preżentazzjoni tal-proposta biex jiġi mmobilizzat l-istrument. Ir-rabta li hemm bħalissa mal-“istrumenti baġitarji” u l-obbligu li tiġi ppreżentata mal-abbozz [preliminari] tal-baġit (ara l-Punt 27, ir-4a paragrafu tal-IIA preżenti) mhemmx bżonnha u tista' tkun kontroproduċenti (pereżempju, fil-ġejjieni, tista' tiġi ppreżentata direttament waqt il-konċiljazzjoni). Il-kliem issimplifikat jagħmilha possibbli biex tiġi ppreżentata l-proposta biex jintuża l-istrument ta’ Flessibbiltà waqt il-kumitat ta’ Konċiljazzjoni li tista’ tgħin biex tinstab soluzzjoni ta' kompromess għall-baġit annwali. Din diġa kienet il-prattika attwali. Il-Parti II - titjib tal-kooperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja. A. Il-Proċedura ta' kollaborazzjoni interistituzzjonali Id-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni interistituzzjonali ġew emendati b'mod sinifikanti biex ikunu konformi mal-proċedura l-ġdida tal-baġit introdotta permezz tat-Trattat. Filwaqt li kienu mifruxa bejn it-test prinċipali u l-anness II fl-IIA preżenti, qed jiġi propost biex id-dispożizzjonijiet kollha dwar il-kooperazzjoni interistituzzjonali jiġu inklużi fl-istess anness. L-annes il-ġdid jinkorpora d-dispożizzjonijiet tal-proċedura preżenti li għadhom validi (eż. il-kliem tal-Punti 32 u 33 tal-IIA preżenti - trasposti bħala l-Punti 3-6 tal-Anness tal-IIA il-ġdid) u jiġu introdotti regoli ġodda meħtieġa biex il-proċedura l-ġdida tal-baġit u l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jibdew jaħdmu. Id-deskrizzjoni tal-prinċipji ta’ kollaborazzjoni tkopri wkoll il-kalendarju pragmatiku. Ġew inklużi wkoll id-dispożizzjonijiet miftiehma dwar il-baġits ta’ emenda fid-dikjarazzjoni tat-tliet istituzzjonijiet f’Novembru tal-2009 dwar il-miżuri tranżizzjonali. Għaldaqstant, l-anness il-ġdid se jieħu post id-dikjarazzjoni dwar il-miżuri tranżizzjonali għall-kalendarju pragmatiku u l-baġits ta’ emenda. B. Inkorporazzjoni tad-disposizzjonijiet finanzjarji f'atti leġiżlattivi Id-dispożizzjonijiet tal-Punti 37 u 38 tal-IIA preżenti huma riprodotti fit-test tal-IIA il-ġdid, il-Punti 15 u 16, mingħajr l-ebda tibdil ta’ sustanza. L-uniċi tibdiliet huma li tiġi sostitwita r-referenza għall-proċedura ta' kodeċiżjoni bir-referenza għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja u r-referenza għat-Trattat tal-KE mar-referenza għat-Trattat dwar il-funzjonament tal-UE. C. In-Nefqa b’rabta mal-ftehimiet tas-sajd Qed jiġi propost li jiġu allinjati d-dispożizzjonijiet tal-IIA il-ġdid man-nefqa relatata mal-ftehimiet dwar is-sajd mar-regoli baġitarji l-ġodda. It-tibdil propost fil-kliem jirrifletti dawk il-partijiet tat-test eżistenti li għadhom relevanti u li huma purament marbuta ma’ kooperazzjoni tajba u li jżommu l-istituzzjonijiet informati bl-iżviluppi. Il-kliem il-ġdid huwa inkluż fil-korp tal-IIA il-ġdid u jieħu post l-Anness IV tal-IIA il-ġdid. D. Il-Finanzjament tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni Id-dispożizzjonijiet kollha tal-Punti 42 u 43 tal-IIA il-ġdid (minbarra dawk inklużi fl-Artikolu 12 tar-Regolament MFF) inżammu fl-IIA il-ġdid (il-punti 18 u 19). Il-Presidenza tal-Kunsill jew il-Kunsill huma sostitwiti mir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u t-tieni qari tal-Kunsill mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni. Il-Parti III - Tmexxija finanzjarja tajba tal-fondi tal-UE Din il-parti tirriproduċi t-test tal-istess parti tal-IIA preżenti bl-eċċezzjoni tal-Punti 45 u 47 li m'għadhomx jintużaw. Id-dispożizzjonijiet tal-Punt 44 għandhom jiġu inklużi fir-regolament Finanzjarju u fl-atti bażiċi relevanti li jirrigwardaw il-fondi strutturali u ta’ koeżjoni. A. Ipprogrammar finanzjarju Id-dispożizzjonijiet dwar l-ipprogrammar finanzjarju jikkorrispondu mal-kliem ta’ Punt 46 tal-IIA preżenti, bl-uniċi żewġ tibdiliet żgħar ikunu li titħassar ir-referenza għall-abbozz "preliminari" tal-baġit u tiġi sostitwita bir-referenza għall-Anness II, Parti D għal-limiti għal proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji b’referenza għall-Artikolu 32 tar-regoli Implimentattivi tar-regolament Finanzjarju. B. Aġenziji u skejjel Ewropej Filwaqt li l-ewwel parti hija identika għall-Punt 47 tal-IIA preżenti, qed jiġi propost li tiġi inkorporata t-tieni parti tad-dispożizzjonijiet miftiehma b'mod konġunt bejn it-tliet istituzzjonijiet fit-12 ta' Novembru 2009 dwar l-implimentazzjoni ta' din il-proċedura sabiex jinżamm sett uniku ta' regoli għall-kooperazzjoni fil-qasam baġitarju f’dan l-IIA. C. Strumenti finanzjarji ġodda Id-dispożizzjonijiet relatati mal-istrumenti finanzjarji l-ġodda (il-Punt 49 tal-IIA il-ġdid) huma meħuda bl-uniku tibdila tkun it-tneħħija tar-referenza għal abozz "preliminari tal-baġit. 2.3. Regolament Finanzjarju Uħud mid-dispożizzjonijiet tal-IIA preżenti huma diġà inklużi fir-Regolament Finanzjarju jew ir-regoli Implimentattivi tiegħu jew inkella jkun loġikament aħjar li jitqiegħdu hemm. Dan jirrigwarda d-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-IIA preżenti: - il-Punt 14 tal-IIA kurrenti se jkunu introdotti fl-FR (l-Artikolu l-ġdid 47b) għax jikkonċerna kemm il-baġit kif ukoll il-MAFF. Mhuwiex inkluż fir-Regolament MFF għaliex l-Artikolu 310 tat-TFEU jipprevedi tali dispożizzjoni għad-dixxiplina baġitarja b’rabta mal-qafas finanzjarju multiannwali. Għalhekk huwa importanti li jkun hemm l-istess rabta mal-baġit ukoll, kif kien il-każ fl-IIA preżenti. - id-dispożizzjonijiet fuq l-istqarrijiet finanzjarji (il-Punt 39) huma ttrattati fl-Artikolu 28 tar-Regolament Finanzjarju u fl-Artikolu 22 tar-regoli Implimentattivi. - it-tieni parti tal-Punt 40 (“iż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-budget jimpenjaw ruħhom biex jirrispettaw l-allokazzjonijiet tal-approprjazzjonijiet għall-impenji stipulati fl-atti bażiċi relevanti għall-operazzjonijiet strutturali, l-iżvilupp rurali u l-Fond Ewropew għas-Sajd”) - din id-dispożizzjoni se tiġi introdotta fl-Artikolu l-ġdid 155a tar-regolament Finanzjarju (fil-Parti II - dispożizzjonijiet speċjali) li tikkonċerna speċifikamenti l-operazzjonijiet strutturali, l-iżvilupp rurali u l-Fond Ewropew għas-Sajd. - il-limiti għall-azzjonijiet preparatorji u proġetti pilota li issa huma inklużi fil-Parti D, l-Anness II tal-IIA preżenti mhumiex inklużi fl-IIA il-ġdid minħabba li huma stabbiliti diġà fl-Artikolu 32 tar-regoli Implimentattivi tar-Regolament Finanzjarju. - Dispożizzjonijiet ġodda introdotti fl-Artikolu 317 TUFE li jikkonċernaw l-obbligi ta' kontroll u verifika tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-baġit, flimkien mal-Punt 44 tal-IIA kurrenti, jirrikjedu analiżi fil-fond u għalhekk se jkunu proposti flimkien mar-reviżjoni triennali tar-Regolament Finanzjarju. - il-Punt 45 tal-IIA preżenti li jistabbilixxi r-regoli għar-reviżjoni tar-regolament Finanzjarju huwa skadut. Ir-regoli għall-adozzjoni tar-regolament Finanzjarju huma previsti fit-Trattat. 2010/0048 (APP) Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2007-2013 IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 312 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea[4], Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[5], B'aġir skont proċedura leġiżlattiva speċjali, Billi: (1) Sa mill-1988 il-qafas finanzjarju multiannwali u d-dispożizzjonijiet relatati kienu stipulati fi ftehimiet interistituzzjonali. Il-qafas finanzjrju multiannwali għall-2007-2013 kien stabbiliti permezz tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u t-tmexxija finanzjarja tajba[6]. Bil-kunsiderazzjoni ta’ dik il-prattika, l-Artikolu 312 tat-Trattat jipprovdi li l-qafas finanzjarju multiannwali jeħtieġ li jiġi stabbilit fil-forma ta’ regolament. Għalhek hu neċessarju li d-dispożizzjonijiet kollha relevanti mill-ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006, jiġu inkorporati f’regolament. (2) Hu neċessarju wkoll li l-qafas finanzjarju multiannwali stabbiliti permezz tal-ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006, jiġi inkorporat f’dan ir-regolament. (3) Il-qafas finanzjarju għandu jistabbilixxi l-limiti għall-impenji u l-ħlasijiet. Dawk il-limiti għandhom jirrispettaw il-limiti tal-impenji tar-riżorsi proprji stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-Riżorsi Proprji tal-Komunitajiet Ewropej[7]. L-ammonti tan-nefqa f’termini ta’ approprjazzjonijiet għall-impenji għandhom jkunu stabbiliti għal kull sena mill-2007 sal-2013 u għal kull intestatura jew sotto-intestatura. It-totali annwali ġenerali tan-nefqa għandhom ikunu stabbiliti wkoll f’termini kemm ta’ approprjazzjonijiet għall-impenji kif ukoll ta’ approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet. (4) Strumenti speċjali, ir-Riżerva għall-Għajnuna ta’ Emerġenza, il-Fond tas-Solidarjetà, l-istrument ta’ Flessibbiltà u l-Fond ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, huma meħtieġa biex jippermettu lill-Unjoni tirreaġixxi għal ċiorkostanzi speċifiċi mhux previsti jew biex jippermettu l-finanzjament ta’ infiq identifikat b’mod ċar li ma setax jiġi ffinanzjat fi ħdan il-limiti ta’ dawk li kienu previsti għal intestatura waħda jew aktar kif stabbilit fil-qafas finanzjarju. Għalhekk hu neċessarju li jkun hemm provvediment għal possibbiltà li jiddaħħal fl-approprjazzjonijiet għall-impenji tal-baġit 'il fuq mil-limiti stabiliti fil-qafas finanzjarju fejn hu meħtieġ li jintużaw l-istrumenti speċjali. (5) Il-qafas finanzjarju għandu jiġi stabbilit bil-prezzijiet tal-2004. Ir-regoli għall-aġġustamenti tekniċi tal-qafas finanzjarju biex jiġu kklalkulati mill-ġdid il-limiti u l-marġini li fadal fil-prezzijiet ta’ bħalissa għandhom jiġu stabbiliti wkoll. (6) Il-qafas finanzjarju ma għandux jikkunsidra elementi tal-baġit iffinanzjati skont id-dħul b’destinazzjoni speċifika skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 fuq ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[8]. (7) Il-limiti għall-approprjazzjonijiet għall-impenji għal Intestatura 1b Koeżjoni għat-tkabbir u l-impjiegi u l-metodoloġija biex jiġu stabbiliti pakketti tal-pajjiżi kienu miftiehma mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tal-15-16 ta' Diċembru 2005. L-estimi tal-Prodott Gross Domestiku (minn hawn ’il quddiem “PGD”) użati biex jiġu stabbiliti l-pakketti nazzjonali kienu bbażati fuq statistiċi ppubblikati f’April 2005 kif speċifikat fil-Punt 41 tal-proposta finali tal-Presidenza dwar il-Perspettiva Finanzjarja 2007-2013 mehmuża mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew adottati fil-laqgħa tiegħu tal-15-16 ta' Diċembru 2005. Il-Punt 42 ta’ dak id-dokument jistipula li fl-2010 il-pakketti jeħtieġ li jiġu aġġustati jekk it-tkabbir attwali kumulattiv tal-PGD għall-2007-2009 ikun differenti aktar minn +/- 5% mill-previżjoni użata fl-2005. (8) Għandhom jiġu stabbiliti regoli għal sitwazzjonijiet oħra li jistgħu jirrikjedu aġġustament tal-qafas finanzjarju. Dawn l-aġġustamenti jistgħu ikunu marbuta mal-implimentazzjoni tal-baġit, mad-defiċit eċċessiv tal-gvern, mar-reviżjoni tat-Trattat jew mat-tkabbir. (9) Hu meħtieġ li jkun hemm provvediment għal reviżjonijiet tal-qafas finanzjarju fil-każ ta’ ċirkostanzi mhux previsti li ma jistgħux jiġu ffinanzjati fi ħdan il-limiti stabbiliti tal-qafas finanzjarju. Il-Kummissjoni fi proposta għal reviżjoni għandha teżamina l-ambitu għal riallokazzjoni fi ħdan jew bejn l-intestaturi u ta' tpattija possibbli ta' kwalunkwe żieda tal-limitu għal intestatura waħda permezz ta' tbaxxija tal-limitu għal oħra. Il-flessibbiltà tal-qafas finanzjarju biex jirreaġixxi għal ċirkostanzi mhux previsti għandha tiġi żgurata bl-introduzzjoni ta’ possibbiltà li l-qafas finanzjarju jiġi adattat matul il-proċess baġitarju fi ħdan marġini ta’ nefqa mhux prevista sa mhux aktar minn 0.03% tad-Dħul Gross Nazzjonali tal-Unjoni. (10) Hu meħtieġ li jkun hemm provvedimenti għal regoli ġenerali dwar kooperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja. (11) Sabiex il-proċedura baġitarja tiġi megħjuna biex timxi mingħajr skossi, hu meħtieġ li jkun hemm provvedimenti għal regoli bażiċi għall-ibbaġittjar tan-nefqa għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni u ammont ġenerali għall-perjodu kopert mill-qafas finanzjarju. (12) L-arranġamenti ddettaljati dwar kooperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja u dwar l-ibbaġittjar tan-nefqa għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni huma stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali ta’ […] 2010 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji[9]. (13) Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għal qafas finanzjarju multiannwali ġdid qabel Lulju 2011 biex tagħmilha possibbli għall-istituzzjonijiet li jadottawh kmieni biżżejjed qabel jibda l-qafas finanzjarju li jmiss. Il-qafas finanzjarju stabbilit f’dan ir-Regolament għandu jibqa’ japplika jekk il-qafas il-ġdid ma jkunx adottat qabel it-tmiem tat-terminu tal-qafas finanzjarju stabbilit f'dan ir-Regolament, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Qafas Finanzjarju Multiannwali Il-Qafas Finanzjarju Multiannwali għall-perjodu 2007-2013 (minn issa ’l quddiem imsejjaħ ‘il-qafas finanzjarju’) hu stabbilit fl-Anness. Artikolu 2 Konformità mal-limiti tal-qafas finanzjarju 1. Kull wieħed mill-ammonti assoluti stabbiliti fil-qafas finanzjrju jirrappreżenta limitu annwali ta’ nefqa taħt il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ikunu konformi mal-limiti tan-nefqa annwali, stabbiliti fil-qafas finanzjarju, waqt kull proċedeura baġitarja u meta jimplimentaw il-baġit għas-sena kkonċernata. 2. L-approprjazzjonijiet għall-impenji jistgħu jiddaħħlu fil-baġit ’il fuq mil-limiti tal-intestaturi relevanti stabbiliti fil-qafas finanzjarju fejn hu meħtieġ li jintużaw ir-riżorsi mir-Riżerva għall-Għajnuna ta’ Emerġenza, il-Fond ta’ Solidarjetà, l-istrument tal-Flessibbiltà jew il-fond Ewropew ta’ aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002[10], Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[11] u l-Ftehim Interistituzzjonali ta’ […] 2010. Artikolu 3 Ir-Rispett tal-limitu tar-riżorsi proprji 1. Għal kull waħda mis-snin koperti mill-qafas finanzjarju, l-approprjazzjonijiet totali għal ħlasijiet meħtieġa, wara li jsir l-aġġustament annwali u wara li jitqiesu aġġustamenti oħra jew reviżjonijiet, ma għandhomx ikunu hekk li jipproduċu rata ta' sejħiet lura għar-riżorsi proprji li jinqabeż il-limitu tar-riżorsi proprji stabbilit fid-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom. 2. Fejn ikun meħtieġ il-limiti stabbiliti fil-qafas finanzjarju għandhom jitbaxxew sabiex tiġi żgurata konformità mal-limiti tar-riżorsi proprji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom. Artikolu 4 Aġġustamenti tekniċi 1. Kull sena l-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi qabel il-proċedura tal-estimi għas-sena n+1, għandha tagħmel l-aġġustamenti tekniċi li ġejjin fil-qafas finanzjarju: a) rivalutazzjoni, skont il-prezzijiet tas-sena n+1, tal-limiti ffissati u tal-figuri ġenerali għall-approprjazzjonijiet ta’ impenji kif ukoll għal dawk tal-ħlasijiet; b) il-kalkolu tal-marġini disponibbli taħt il-limitu tar-riżorsi proprji stabbilit fid-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom. 2. Il-Kummissjoni għandha twettaq dawn l-aġġustamenti tekniċi imsemmija fil-paragrafu 1 fuq il-bażi ta’ deflatur fiss ta’ 2% kull sena. 3. Ir-riżultati tal-aġġustamenti tekniċi imsemmija f’paragrafu 1 u l-previżjonijiet ekonomiċi sottostanti għandhom ikunu kkomunikati lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. 4. Ma jista' jsir l-ebda aġġustament tekniku ieħor dwar is-sena in kwistjoni, la matul is-sena u lanqas bħala korezzjonijiet wara l-fatt fi snin sussegwenti. Artikolu 5 Aġġustament tal-pakketti tal-politika ta’ koeżjoni 1. Fl-aġġustament tekniku tagħha għas-sena 2011, jekk ikun stabbilit li l-Prodott Gross Domestiku (“PGD”) akkumulat ta’ kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri għas-snin 2007-2009 ikun varja b’aktar minn +/- 5 % mill-PGD akkumulat stmat fl-2005 għat-twaqqif tal-pakketti tal-politika ta’ koeżjoni għall-Istati Membri għall-perjodu 2007-2013, il-Kummissjoni għandha taġġusta l-ammonti allokati minn fondi li jappoġġjaw il-koeżjoni għall-Istat Membru kkonċernat f’dak il-perjodu. 2. L-effett nett totali, kemm jekk pożittiv jew negattiv, ta' dawn l-aġġustamenti imsemmija f’paragrafu 1, m'għandux jaqbeż l-EUR 3 biljun. Jekk l-effett nett ikun pożittiv, ir-riżorsi addizzjonali totali għandhom ikunu limitati għal-livell ta’ nfiq anqas kontra l-limiti massimi għas-sotto-intestatura 1b għas-snin 2007-2010. L-aġġustamenti mitluba għandhom jinfirxu fi proporzjonijiet indaqs tul is-snin 2011-2013 u l-limiti korrispondenti tal-qafas finanzjarju għandhom ikunu mmodifikati skont il-ħtieġa. Artikolu 6Aġġustamenti relatati mal-implimentazzjoni Meta jiġu nnotifikati l-Parlament Ewropew u l-Kunsill bir-riżultat tal-aġgġustamenti tekniċi tal-qafas finanzjarju, il-Kummissjoni għandha tippreżenta kwalunkwe proposta għall-aġġustamenti għall-approprjazzjonijiet totali għall-ħlasijiet li din tkun tqis bħala meħtieġa, fid-dawl tal-implimentazzjoni, biex tkun żgurata kontinwazzjoni bl-ordni b’rabta mal-approprjazzjonijiet għall-impenji. Id-deċiżjonijiet dwar dawn il-proposti għandhom jittieħdu qabel l-1 ta’ Mejju tas-sena n. Artikolu 7Aġġustamenti marbuta ma’ defiċit eċċessiv tal-gvern Fil-każ tat-tneħħija ta' sospensjoni tal-impenji baġitarji li jirrigwardaw il-Fond ta' Koeżjoni fil-kuntest ta' proċedura ta' defiċit eċċessiv tal-gvern, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni u b'konformità mal-att bażiku relevanti, għandu jiddeċiedi dwar trasferiment ta’ impenji sospiżi għas-snin ta’ wara. L-impenji sospiżi tas-sena n ma jistgħux jerġgħu jidħlu fl-estimi ta’ wara s-sena n+2. Artikolu 8Reviżjoni tal-qafas finanzjarju 1. Fil-każ ta’ ċirkostanzi mhux previsti il-qafas finanzjarju, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jiġi rivedut b’konformità mal-limiti tar-riżorsi proprji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom. 2. Bħala regola ġenerali, kull proposta għal reviżjoni imsemmija f’paragrafu 1 għandha tiġi ppreżentata u adottata qabel il-bidu tal-proċedura baġitarja għas-sena jew l-ewwel sena tas-snin ikkonċernati. 3. Kull adattazzjoni tal-qafas finanzjarju sa mhux aktar minn 0.03% tad-Dħul Gross Domestiku tal-Unjoni fi ħdan il-marġini tan-nefqa mhux prevista tista’ tiġi adottata b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fi ħdan il-qafas tal-proċedura baġitarja. 4. Kwalunkwe proposta għal reviżjoni tal-qafas finanzjarju għandha teżamina l-ambitu għar-riallokazzjoni tan-nefqa bejn il-programmi koperti mill-intestatura kkonċernata bir-reviżjoni, b’referenza speċjali għal kwalunkwe utilizzazzjoni baxxa mistennija tal-approprjazzjonijiet. Fejn ikun fattibbli, l-għan għandu jkun dak li ammont sinifikanti, f'termini assoluti u bħala persentaġġ tan-nefqa l-ġdida ppjanata, għandu jkun fi ħdan il-limitu eżistenti għall-intestatura. 5. Kwalunkwe proposta għal reviżjoni tal-qafas finanzjarju għandha teżamina l-ambitu għat-tpattija ta’ kwalunkwe żieda tal-limitu għal intestatura waħda billi jitnaqqas il-limitu ta' oħra. 6. Kwalunkwe reviżjoni għandha żżomm relazzjoni xierqa bejn l-impenji u l-ħlasijiet. Artikolu 9L-aġġustament tal-qafas finanazjarju fil-każ ta’ reviżjoni tat-Trattat Jekk isseħħ reviżjoni tat-Trattat b'implikazzjonijiet baġitarji waqt il-qafas finanzjarju, l-aġġustamenti meħtieġa tal-qafas finanzjrju għandhom isiru skont il-ħtieġa. Artikolu 10L-Aġġustament tal-qafas finanzjarju fil-każ ta’ tkabbir Jekk Stati Memri ġodda jissieħbu fl-Unjoni waqt il-perjodu kopert bil-qafas finanzjarju, il-qafas finanzjarju, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jkun aġġustat biex jiġu kkunsidrati r-rekwiżiti tan-nefqa li jirriżultaw mill-konklużjonijiet tan-negozjati għad-dħul. Artikolu 11Kooperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (minn issa ’l quddiem l-“istituzzjonijiet”) għandhom jieħdu kwalunkwe miżura biex jiffaċilitaw il-proċedura baġetrja annwali. L-istituzzjonijiet għandhom jikkooperaw b’rieda tajba matul il-proċedura bil-ħsieb li jirrikonċiljaw il-pożizzjonijeit tagħhom. L-Istituzzjonijiet għandhom jikkooperaw permezz ta’ kuntatti interistituzzjonali xierqa biex isegwu l-progress tax-xogħol u janalizzaw il-grad ta’ konverġenza fl-istadji kollha tal-proċedura. L-istituzzjonijiet għandhom jiżguraw li l-kalendarji tax-xogħol rispettivi tagħhom ikunu kkoordinati kemm jista' jkun sabiex ikun possibbli li l-proċedimenti jitwettqu b'manjiera koerenti u konverġenti, u jwasslu għall-adozzjoni finali tal-baġit. Jistgħu jitlaqqgħu trilogi f’kull stadju tal-proċedura u fil-livelli differenti tar-rappreżentazzjoni, jiddependi min-natura tad-diskuzzjoni mistennija. Kull istituzzjoni, bi qil mar-regoli ta’ proċedura tagħha, għandha taħtar il-parteċipanti tagħha għal-laqgħat, tiddefinixxi l-mandat tagħha għan-negozjati u tinforma lill-istituzzjonijiet l-oħra bl-arranġamenti għal-laqgħat fi żmien adegwat. Artikolu 12 Il-finanzjament tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni(PESK) L-ammont totali biex titħaddem in-nefqa tal-Politika Estera u ta’ Sigurta Komuni (minn issa ’l quddiem “PESK”) għandha tiddaħħal kollha kemm hi f’kapitlu wieħed tal-baġit, intitolat PESK. Dak l-ammont għandu jkopri l-bżonnijiet reali prevedibbli, evalwati fil-qafas tat-twaqqif tal-abbozz tal-baġit, fuq il-bażi ta’ previżjonijiet imfassla kull sena mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni dwar l-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Siguirtà, u marġini raġonevoli għall-azzjonijiet mhux previsti. L-ebda fondi ma jistgħu jiddaħħlu f'riżerva. Mill-anqas EUR 1 740 miljun għandhom ikunu disponibbli għall-PESK matul il-perjodu 2007-2013. Artikolu 13 Konsegwenzi tal-assenza ta’ qafas finanzjarju Qabel l-1 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għal qafas finanzjarju multiannwali ġdid. Jekk ma jiġi adottat l-ebda regolament tal-Kunsill li jiddetermina qafas finanzjarju multiannwali ġdid qabel il-31 ta’ Diċembru 2013, il-limiti għall-aħħar sena koperti bil-qafas finanzjarju eżistenti u dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament għandhom jibqgħu japplikaw sakemm jiġi adottat regolament li jiddetermina qafas finanzjarju multiannwali ġdid. Jekk Stati Membri ġodda jidħlu fl-Unjoni wara l-2013, u jekk ikun meħtieġ, il-qafas finanzjarju estiż għandu jiġi aġġustat sabiex jiġu kkunsidrati r-riżultati tan-negozjati tas-sħubija. Artikolu 14 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President ANNESS [pic] [1] Ftehim Interistituzzjonali dwar dixxiplina baġitarja u titjib tal-proċedura baġitarja , iffirmat mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni fid-29 ta’ Ġunju 1988, (ĠU L 185, 15.7.1988, p.33). [2] Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba, (ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1). [3] Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2009 li temenda l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja tajba fir-rigward tal-qafas finanzjarju multiannwali / Finanzjament ta’ proġetti fil-qasam tal-enerġija fil-kuntest tal-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku, (ĠU L 347, 24.12.2009, p.26). [4] ĠU C , , p. . [5] ĠU C , , p. . [6] ĠU C 139, 14.6.2006, p.1. [7] ĠU L 163, 23.6.2007, p.17. [8] ĠU L 248, 16.9.2002, p.1. [9] ĠU C… [10] ĠU L 311, 14.11.2002, p.3. [11] ĠU L 406, 30.12.2006, p.1.