52010PC0049




[pic] | KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 9.2.2010

KUMM(2010) 49 finali

2010/0032 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jimplimenta l-klawżola ta' salvagwardja bilaterali tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles UE-Korea

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Fit-23 ta' April 2007 l-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mar-Repubblika tal-Korea bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim ta' Kummerċ Ħieles UE-Korea. Il-ftehim ġie mbagħad inizjalat fil-15 ta' Ottubru 2009.

Il-ftehim jinkorpora klawżola bilaterali ta' salvagwardja li tipprovdi għall-possibilità li tiġi imposta mill-ġdid ir-rata tal-MFN meta bħala konsegwenza ta' liberalizzazzjoni kummerċjali jseħħu importazzjonijiet bi kwantitajiet daqstant ikbar min-normal, f'termini assoluti jew relattivi mal-produzzjoni domestika, u taħt tali kundizzjonijiet li jikkawżaw jew jheddu li jikkawżaw dannu serju lill-Industrija tal-Unjoni li tipproduċi l-istess prodott jew prodott f'kompetizzjoni diretta.

Sabiex dawn il-miżuri jkunu operattivi, din il-klawżola ta' salvagwardja trid tiġi inkorporata fil-liġi tal-Unjoni Ewropea tal-inqas għaliex l-aspetti proċedurali tal-impożizzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja kif ukoll id-drittijiet tal-partijiet interessati, bħad-dritt ta' difiża, jeħtieġ li jiġu speċifikati. Il-proposta mehmuża għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tikkostitwixxi l-istrument legali għall-implimentazzjoni tal-klawżola ta' salvagwardja tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea.

- 2010/0032 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jimplimenta l-klawżola ta' salvagwardja bilaterali tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles UE-Korea

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea[1],

Wara li kkunsidraw in-notifika lill-Parlamenti nazzjonali,

B'aġir skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1) Fit-23 ta' April 2007 l-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mar-Repubblika tal-Korea.

(2) Dawn in-negozjati ġew fi tmiemhom u l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea (minn issa 'l quddiem imsejjeħ il-Ftehim) ġie inizjalat fil-15 ta' Ottubru 2009, tressaq għall-approvazzjoni fi [ ][2] u daħal fis-seħħ fi [... ].

(3) Jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri dwar l-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim li jirrigwardaw is-salvagwardji.

(4) It-termini "dannu serju", "theddida ta' dannu serju" u "perjodu tranżitorju" kif imsemmija fl-Artikolu 3.5, Kapitolu 3 tal-Ftehim għandhom jiġu ddefiniti.

(5) Jistgħu jitqiesu miżuri ta' salvagwardja biss jekk il-prodott ikkonċernat jiġi impurtat fl-Unjoni fi kwantitajiet daqstant ikbar min-normal u taħt tali kundizzjonijiet li jikkawża, jew jhedded li jikkawża, dannu serju lill-produtturi tal-Unjoni ta' prodotti simili jew li jkunu f'kompetizzjoni diretta kif stabbilit fl-Artikolu 3.1, Kapitolu 3 tal-Ftehim.

(6) Il-miżuri ta' salvagwardja għandhom jkunu minn fost dawk it-tipi msemmija fl-Artikolu 3.1, Kapitolu 3 tal-Ftehim.

(7) Għandu jkun hemm dispożizzjonijiet fid-dettall dwar l-inizjazzjoni tal-proċeduri. Il-Kummissjoni għandha tirċievi tagħrif inkluża xhieda disponibbli mill-Istati Membri dwar xi bixriet fl-importazzjonijiet li jistgħu jeħtieġu l-applikazzjoni tal-miżuri ta' salvagwardja.

(8) Jekk ikun hemm biżżejjed xhieda li tiġġustifika l-inizjazzjoni ta' proċedura l-Kummissjoni għandha tippubblika avviż kif previst fl-Artikolu 3.2.2, Kapitolu 3 tal-Ftehim f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

(9) Għandu jkun hemm dispożizzjonijiet fid-dettall dwar il-ftuħ ta’ investigazzjonijiet, l-aċċess għat-tagħrif miġbur u l-ispezzjonijiet mill-partijiet interessati, seduti għall-partijiet involuti u l-opportunitajiet għal dawn il-partijiet biex iressqu l-fehmiet tagħhom kif stipulat fl-Artikolu 3.2.2, Kapitolu 3 tal-Ftehim.

(10) Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lir-Repubblika tal-Korea bil-miktub dwar l-inizjazzjoni ta' investigazzjoni u tikkonsulta lir-Repubblika tal-Korea kif stipulat fl-Artikolu 3.2.1, Kapitolu 3 tal-Ftehim.

(11) Huwa wkoll meħtieġ, skont l-Artikoli 3.2 u 3.3, Kapitolu 3 tal-Ftehim, li jiġu stabbiliti l-limiti ta' żmien għall-inizjazzjoni tal-investigazzjonijiet u biex jiġi ddeterminat jekk il-miżuri humiex xierqa jew le, bil-ħsieb li jiġi żgurat li dawn il-kunsiderazzjonijiet isiru malajr, sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi interessati.

(12) Għandu jkun hemm investigazzjoni qabel l-applikazzjoni ta' xi miżura ta' salvagwardja, bir-riżerva li l-Kummissjoni titħalla tapplika miżuri provviżorji f'ċirkustanzi kritiċi kif imsemmi fl-Artikolu 3.3, Kapitolu 3 tal-Ftehim.

(13) Miżuri ta' salvagwardja għandhom jiġu applikati sa fejn, u għal tant żmien biss, kif jista' jinħtieġ biex ma jsirx dannu serju u jiġi ffaċilitat l-aġġustament. It-tul ta' żmien massimu tal-miżuri ta' salvagwardja għandu jkun iddeterminat u jiġu stipulati dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-estensjoni u r-reviżjoni ta' dawn il-miżuri, kif imsemmi fl-Artikolu 3.2.5, Kapitolu 3 tal-Ftehim.

(14) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni[3],

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

1. "Industrija tal-Unjoni" tfisser il-produtturi tal-Unjoni kollha bħala grupp wieħed ta' prodotti simili jew ta' prodotti li jikkompetu direttament ma' xulxin fi ħdan it-territorju tal-Unjoni, jew dawk il-produtturi tal-Unjoni li l-produttività kollettiva tagħhom ta' prodotti simili jew ta' prodotti li jikkompetu direttament ma' xulxin tikkostitwixxi proporzjon ewlieni tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' dawn il-prodotti;

2. "dannu serju" tfisser ħsara ġenerali sinifikanti fil-pożizzjoni tal-produtturi tal-Unjoni;

3. "theddida ta’ dannu serju" tfisser dannu serju li jkun imminenti biċ-ċar; determinazzjoni tal-eżistenza ta' tehdida ta' dannu serju għandha tissejjes fuq il-fatti u mhux sempliċement fuq allegazzjoni, konġentura jew possibbiltà remota;

4. "perjodu ta' tranżizzjoni" tfisser perjodu għal prodott mid-data ta' dħul fis-seħħ tal-Ftehim sa 10 snin mid-data ta' tlestija tat-tneħijja jew tnaqqis tat-tariffi, skont kif ikun il-każ għal kull prodott;

5. "Ftehim" tfisser il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles UE-Korea.

Artikolu 2

Prinċipji

1. Miżura ta' salvagwardja tista' tiġi imposta skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament fejn prodott li joriġina fil-Korea, bħala riżultat tat-tnaqqis jew it-tneħħija tad-dazji tad-dwana fuq dan il-prodott, jiġi impurtat fl-Unjoni fi kwantitajiet daqstant ikbar min-normal, f'termini assoluti jew relattivi mal-produzzjoni domestika, u taħt kundizzjonijiet tali li jikkawża jew jhedded li jikkawża dannu serju lill-industrija tal-Unjoni li tipproduċi prodott simili jew f'kompetizzjoni diretta.

2. Il-miżuri ta' salvagwardja jistgħu jieħdu waħda mill-forom li ġejjin:

6. sospensjonijiet ta' aktar tnaqqis tar-rata ta' dazju tad-dwana fuq il-prodott ikkonċernat stipulata skont il-Ftehim; jew

7. żidiet tar-rata ta' dazju tad-dwana fuq il-prodott sa livell li ma jaqbiżx l-inqas minn dawn:

8. ir-rata ta' dazju tad-dwana tal-MFN applikata fuq il-prodott fis-seħħ fiż-żmien li fih tittieħed il-miżura; jew

9. ir-rata ta' bażi ta' dazju ta' dwana speċifikata fl-Iskemi tal-Anness 2-A skont l-Artikolu 2.5.2 tal-Ftehim.

Artikolu 3

L-inizjazzjoni tal-proċeduri

1. Jingħata bidu għal investigazzjoni fuq talba ta' Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess jekk il-Kummissjoni jidhrilha li hemm xhieda biżżejjed li tiġġustifika din l-inizjazzjoni.

2. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni f'każ li x-xejriet fl-importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Korea jidhru li jitolbu miżuri ta' salvagwardja. Dan it-tagħrif għandu jkun fih ix-xhieda disponibbli kif iddeterminat abbażi tal-fatturi stabbiliti fl-Artikolu 4. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi dan it-tagħrif lill-Istati Membri kollha fi żmien tlett ijiem tax-xogħol.

3. Il-konsultazzjoni mal-Istati Membri għandha sseħħ fi żmien tmient ijiem tax-xogħol minn meta l-Kummissjoni tibgħat it-tagħrif lill-Istati Membri kif stipulat fil-paragrafu 2 fi ħdan il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 10 abbażi tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 11.1. Fejn, wara l-konsultazzjoni, jidher li hemm biżżejjed xhieda li tiġġustifika inizjazzjoni ta' proċedura, il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . L-inizjazzjoni ta' proċedura għandha sseħħ fi żmien xahar mill-wasla tat-tagħrif għand Stat Membru.

4. L-avviż imsemmi fil-paragrafu 3 għandu:

10. jagħti sommarju tat-tagħrif li jasal, u jeżiġi li t-tagħrif kollu rilevanti jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni;

11. jiddikjara l-perjodu ta' żmien li fih il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu magħrufa l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jippreżentaw it-tagħrif, jekk dawn il-fehmiet u t-tagħrif iridu jitqiesu matul l-investigazzjoni;

12. jiddikjara l-perjodu ta' żmien li fih il-partijiet interessati jistgħu japplikaw biex jinstemgħu bil-fomm mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(7).

Artikolu 4

L-investigazzjoni

1. Wara l-inizjazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni għandha tibda investigazzjoni.

2. Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri jipprovdu tagħrif u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex iwettqu din it-talba. Meta dan it-tagħrif ikun ta' interess ġenerali jew meta t-trażmissjoni tiegħu tkun intalbet minn Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tgħaddih lill-Istati Membri kollha sakemm ma jkunx kunfidenzjali. Jekk it-tagħrif ikun kunfidenzjali l-Kummissjoni għandha tippreżenta sommarju mhux kunfidenzjali.

3. L-investigazzjoni għandha tasal fi tmiemha, fejn ikun possibbli, fi żmien sitt xhur mill-inizjazzjoni tal-investigazzjoni. F'ċirkostanzi eċċezzjonali ġġustifikati kif jixraq mill-Kummissjoni, dan il-perjodu ta' żmien jista' jiġġedded b'perjodu ieħor ta' tliet xhur.

4. Il-Kummissjoni għandha titlob it-tagħrif kollu li jidhrilha meħtieġ biex tieħu deċiżjoni dwar il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2, skont kif ikun xieraq, u fejn jidhrilha li jkun xieraq, tfittex li tivverifika dan it-tagħrif.

5. Fl-investigazzjoni l-Kummissjoni għandha tagħmel stima tal-fatturi kollha rilevanti ta' natura oġġettiva u kwantifikabbli li għandhom influwenza fuq il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni, b'mod partikolari, ir-rata u l-ammont taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat f'termini assoluti u relattivi, is-sehem tas-suq domestiku meħud mill-importazzjonijiet żejda, it-tibdil fil-livell tal-bejgħ, il-produzzjoni, il-produttività, l-użu tal-kapaċità, il-qligħ u t-telf, u l-impjieg.

6. Il-partijiet interessati li jkunu ppreżentaw ruħhom skont il-paragrafu 3 (4) (b) u r-rappreżentanti tar-Repubblika tal-Korea jistgħu, fuq talba bil-miktub, jispezzjonaw it-tagħrif kollu magħmul disponibbli lill-Kommissjoni b'konnessjoni mal-investigazzjoni għajr id-dokumenti interni mħejjija mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha, sakemm dan it-tagħrif ikun rilevanti għall-preżentazzjoni tal-każ tagħhom u mhux konfidenzjali fit-tifsira tal-Artikolu 9 u li jintuża mill-Kummissjoni fl-investigazzjoni. Il-partijiet interessati li jkunu ppreżentaw ruħhom jistgħu jikkomunikaw il-fehmiet tagħhom dwar it-tagħrif ikkonċernat lill-Kummissjoni. Dawn il-fehmiet jistgħu jiġu kkunsidrati meta jkunu mirfuda b’xhieda suffiċjenti.

7. Il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati. Dawn il-partijiet għandhom jinstemgħu meta jkunu għamlu applikazzjoni bil-miktub fil-perjodu taż-żmien stabbilit fl-avviż ippubblikat f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea , fejn juru illi attwalment x’aktarx ikunu sejrin jintlaqtu mir-riżultat tal-investigazzjoni u illi jeżistu raġunijiet speċjali biex jinstemgħu bil-fomm.

8. Meta t-tagħrif ma jitressaqx fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-Kummissjoni, jew l-investigazzjoni tiġi mxekkla b'mod sinifikanti, dak li jinstab mill-istħarriġ jista' jsir fuq il-bażi tal-fatti disponibbli. Fejn il-Kummissjoni ssib li parti interessata jew parti terza tkun ressqet tagħrif qarrieqi jew li jiżvija, ma għandhiex tagħti każ ta’ dan it-tagħrif u tista' tagħmel użu mill-fatti disponibbli.

9. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lir-Repubblika tal-Korea bil-miktub dwar l-inizjazzjoni ta' investigazzjoni u tikkonsulta r-Repubblika tal-Korea, kemm jista' jkun minn qabel ma tapplika miżura bilaterali ta' salvagwardja, bil-ħsieb li tanalizza mill-ġdid it-tagħrif li joħroġ mill-investigazzjoni u twettaq skambju ta' fehmiet dwar il-miżura.

Artikolu 5

Impożizzjoni ta' miżuri provviżorji ta' salvagwardja

1. Miżuri ta' salvagwardja provviżorji għandhom jiġu applikati f'ċirkustanzi kritiċi fejn dewmien jikkawża ħsara li tkun diffiċli li tissewwa, skont determinazzjoni preliminari li hemm xhieda ċara li l-importazzjonijiet ta' prodott li joriġina mir-Repubblika tal-Korea jkunu żdiedu bħala riżultat tat-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta' dazju doganali skont il-Ftehim, u li dawn l-importazzjonijiet jikkawżaw dannu serju, jew theddida ta' dan, lill-industrija domestika. Il-miżuri provviżorji għandhom jittieħdu abbażi tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 11.1.

2. Fejn Stat Membru jitlob intervent immedjat mill-Kummissjoni u fejn il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1 jiġu sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mill-wasla tat-talba.

3. It-tul ta' żmien tal-miżuri provviżorji m'għandux jaqbeż il-200 jum.

4. Jekk il-miżuri provviżorji ta' salvagwardja jiġu revokati minħabba li l-investigazzjoni turi li ma ntlaħqux il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2, kull dazju miġbur bħala riżultat ta' dawn il-miżuri provviżorji għandu jintradd lura awtomatikament.

Artikolu 6

Terminazzjoni tal-investigazzjoni u proċedura mingħajr miżuri

Fejn miżuri ta' salvagwardja bilaterali jitqiesu mhux meħtieġa l-investigazzjoni u l-proċedura għandhom jiġu terminati abbażi tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 11.2.

Artikolu 7

Impożizzjoni ta' miżuri definittivi

Fejn il-fatti kif stabbiliti b'mod finali juru li ċ-ċirkustanzi stabbiliti fl-Artikolu 2.1 huma sodisfatti, għandha tittieħed deċiżjoni biex jiġu imposti miżuri ta' salvagwardja bilaterali skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11.2.

Artikolu 8

Tul ta' żmien u reviżjoni tal-miżuri ta' salvagwardja

1. Miżura ta' salvagwardja għandha tibqa' fis-seħħ biss għall-perjodu taż-żmien meħtieġ biex ma jitħallix li jsir jew jitranġa dannu serju u jkun jista' jsir l-aġġustament. Dan il-perjodu m'għandux jaqbeż is-sentejn, għajr jekk jiġġedded skont il-paragrafu 2.

2. Il-perjodu inizjali ta' tul ta' żmien ta' miżura ta' salvagwardja jista' jiġġedded b'mod eċċezzjonali sa mhux iktar minn sentejn kemm-il darba jiġi ddeterminat li l-miżura ta' salvagwardja tibqa' meħtieġa biex twaqqaf jew tirranġa dannu serju u jkun jista' jsir l-aġġustament u li hemm xhieda biżżejjed li l-industrija tkun qed taġġusta.

3. L-estensjonijiet għandhom jiġu adottati skont il-proċeduri ta' dan ir-Regolament li jgħoddu għall-investigazzjonijiet u billi jintużaw l-istess proċeduri bħall-miżuri inizjali.

It-tul ta' żmien totali ta' miżura ta' salvagwardja ma jistax jaqbeż l-erba' snin, inkluża xi miżura provviżorja.

4. Miżura ta' salvagwardja ma għandhiex tiġi applikata lil hinn mill-iskadenza tal-perjodu ta' tranżizzjoni, għajr bil-kunsens tar-Repubblika tal-Korea.

Artikolu 9

Kunfidenzjalità

1. It-tagħrif li jasal skont dan ir-Regolament għandu jintuża biss għall-għan li għalih ikun intalab.

2. Kull tagħrif ta' natura kunfidenzjali jew kull tagħrif li jintbagħat fuq bażi kunfidenzjali skont dan ir-Regolament ma għandux jiġi żvelat mingħajr il-permess speċifiku ta' min jipprovdi dan it-tagħrif.

3. Kull talba għall-kunfidenzjalità għandha tagħti r-raġunijiet għaliex it-tagħrif huwa kunfidenzjali. Iżda, jekk ikun jidher li talba għall-kunfidenzjalità ma tkunx ġustifikata u jekk min jipprovdi t-tagħrif ma jixtieqx li jagħmlu pubbliku jew li jawtorizza l-iżvelar tiegħu f’termini ġenerali jew f'għamla ta’ taqsira, dan it-tagħrif jista’ ma jitqiesx.

4. It-tagħrif għandu f’kull każ jitqies bħala kunfidenzjali jekk l-iżvelar tiegħu x’aktarx ikollu effett negattiv sinifikanti fuq min jipprovdih jew fuq is-sors ta’ dan it-tagħrif.

5. Il-paragrafi 1 sa 4 ma għandhomx jipprekludu r-referenza mill-awtoritajiet tal-Unjoni għal tagħrif ġenerali u b’mod partikolari għar-raġunijiet li fuqhom jissejsu d-deċiżjonijiet meħuda skont dan ir-Regolament. Dawk l-awtoritajiet għandhom, madankollu, iqisu l-interess leġittimu tal-persuni legali u naturali interessati li ma jiġux żvelati s-sigrieti kummerċjali tagħhom.

Artikolu 10

Kumitat

Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna mill-Kumitat stipulat fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet[4]. L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 260/2009 għandu japplika mutatis mutandis .

Artikolu 11

Proċess ta' teħid ta' deċiżjoni

1. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

3. Il-perjodu previst fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE huwa stabbilit għal xahar.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu japplika mid-data ta' applikazzjoni tal-Ftehim. Għandu jiġi ppubblikat avviż f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jispeċifika d-data ta' applikazzjoni tal-Ftehim.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] ĠU C […], […], p. […].

[2] Referenza għall-proposta tal-Kummissjoni

[3] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

[4] ĠU L 84, 31.3.2009, p. 1