52010PC0018

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill XX li tawtorizza l-Istati Membri jidħlu fil-Konvenzjoni relatata mal-esibizzjonijiet internazzjonali li ġiet iffirmata f’Pariġi fit-22 ta’ Novembru 1928 u supplimentata mill-Protokolli tal-10 ta’ Mejju 1948, is-16 ta’ Novembru 1966, it-30 ta’ Novembru 1972 u l-Emenda tal-24 ta’ Ġunju 1982 u l-Emenda tal-31 ta’ Mejju 1988 EN . /* KUMM/2010/0018 finali - NLE 2010/0015 */


[pic] | Il-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 5.2.2010

KUMM(2010)18 finali

2010/0015 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

XX

li tawtorizza l-Istati Membri jidħlu fil-Konvenzjoni relatata mal-esibizzjonijiet internazzjonali li ġiet iffirmata f’Pariġi fit-22 ta’ Novembru 1928 u supplimentata mill-Protokolli tal-10 ta’ Mejju 1948, is-16 ta’ Novembru 1966, it-30 ta’ Novembru 1972 u l-Emenda tal-24 ta’ Ġunju 1982 u l-Emenda tal-31 ta’ Mejju 1988

EN

.

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Il-kuntest tal-proposta

- Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta

Ir-Repubblika tal-Latvja espremiet ix-xewqa tagħha li tidħol fil-Konvenzjoni relatata mal-esibizzjonijiet internazzjonali li ġiet iffirmata f’Pariġi fit-22 ta’ Novembru, 1928 u supplimentata mill-Protokolli tal-10 ta’ Mejju 1948, is-16 ta’ Novembru 1966, it-30 ta’ Novembru 1972 u l-Emenda tal-24 ta’ Ġunju 1982 u l-Emenda tal-31 ta’ Mejju 1988 (minn hawn 'il quddiem “il-Konvenzjoni ta’ Pariġi”).

Peress li l-Konvenzjoni ta’ Pariġi tirregola l-aspetti li jaqgħu fi ħdan il-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni Ewropea, Stat Membru li jixtieq jidħol f'dik il-Konvenzjoni għalhekk jinħtieġ awtorizzazzjoni min-naħa tal-Unjoni.

- Il-kuntest ġenerali

Il-funzjoni tal-Konvenzjoni ta' Pariġi hija li tirregola l-frekwenza, il-kwalità u l-proċeduri tal-esibizzjonijiet internazzjonali li jaqgħu fi ħdan l-ambitu tagħha.

Bl-Artikolu 16 u l-Anness tal-Konvenzjoni ta' Pariġi dwar ir-“Regolamenti Doganali dwar l-importazzjoni ta' oġġetti minn parteċipanti waqt esibizzjonijiet internazzjonali" l-pajjiżi li qegħdin jorganizzaw l-esibizzjonijiet għandhom jippermettu l-ammissjoni temporanja ta’ oġġetti mill-parteċipanti f’esibizzjonijiet internazzjonali. L-għoti ta’ ammissjoni temporanja huwa regolat fl-Artikoli 137 sa 144 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) 2913/92, implimentat fir-rigward tal-esibizzjonijiet permezz tal-Artikolu 576 tar-regoli dwar l-Implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) 2454/93.

Ir-reġim ta’ ammissjoni temporanja kif stipulat fil-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni Ewropea huwa kumpatibbli bis-sħiħ mal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

Il-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni Ewropea hija parti mill-Politika Kummerċjali stipulata fl-Artikolu 207 tat-Trattat dwar it-Tħaddim tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 207 trendi l-miżuri nazzjonali, inkluża l-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali, permessibbli biss jekk huma awtorizzati speċifikament mill-Unjoni.

L-Unjoni Ewropea nnifisha ma tistax tidħol fil-Konvenzjoni ta’ Pariġi, peress li Stati sovrani biss jistgħu jkunu parti minnha.

Sakemm il-Konvenzjoni ta’ Pariġi tirregola l-aspetti li jaqgħu fi ħdan il-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni Ewropea, Stat Membru li jixtieq jidħol f'dik il-Konvenzjoni jinħtieġ għalhekk awtorizzazzjoni min-naħa tal-Unjoni.

S’issa 24 Stat Membru daħlu fil-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

2. Konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-evalwazzjoni tal-impatt

Mhuwiex rilevanti li ssir konsultazzjoni mal-partijiet jew li ssir evalwazzjoni tal-impatt.

3. L-elementi legali tal-proposta

Il-bażi legali hija magħmula mill-Artikolu 2(1), 207(4) l-ewwel sottoparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(6) tat-Trattat dwar it-Tħaddim tal-Unjoni Ewropea.

4. Implikazzjoni baġitarja

Ma hemm l-ebda implikazzjoni baġitarja.

2010/0015 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta’ [...]

li tawtorizza l-Istati Membri jidħlu fil-Konvenzjoni relatata mal-esibizzjonijiet internazzjonali li ġew iffirmati f’Pariġi fit-22 ta’ Novembru 1928 u supplimentati mill-Protokolli tal-10 ta’ Mejju 1948, is-16 ta’ Novembru 1966, it-30 ta’ Novembru 1972 u l-Emenda tal-24 ta’ Ġunju 1982 u l-Emenda tal-31 ta’ mejju 1988

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 2(1), 207(4) l-ewwel sottoparagrafu flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni[1],

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[2],

Billi:

1. Il-Konvenzjoni relatata mal-esibizzjonijiet internazzjonali li ġiet iffirmata f’Pariġi fit-22 ta’ Novembru 1928 u supplimentata mill-Protokolli tal-10 ta’ Mejju 1948, is-16 ta’ Novembru 1966, it-30 ta’ Novembru 1972 u l-Emenda tal-24 ta’ Ġunju 1982 u l-Emenda tal-31 ta’ Mejju 1988 (minn hawn ‘il quddiem “il-Konvenzjoni ta’ Pariġi”) stabbiliet il-Bureau Internazzjonali dwar l-Esibizzjonijiet. Il-funzjoni tal-Konvenzjoni hija li tirregola l-frekwenza, il-kwalità u l-proċeduri tal-esibizzjonijiet internazzjonali li jaqgħu fi ħdan l-ambitu tagħha.

2. Bl-Artikolu 16 u l-Anness dwar ir-Regolamenti Doganali fir-rigward tal-importazzjoni ta' oġġetti minn parteċipanti waqt esibizzjonijiet internazzjonali" tal-Konvenzjoni ta' Pariġi l-pajjiżi li qegħdin jorganizzaw l-esibizzjonijiet huma meħtieġa jippermettu l-ammissjoni temparanja ta’ oġġetti mill-parteċipanti f’esibizzjonijiet internazzjonali.

3. Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-ammissjoni temporanja tal-oġġetti minn parteċipanti f'esibizzjonijiet internazzjonali jaqgħu fi ħdan il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni fir-rigward il-politika komuni kommerċjali.Fil-fatt, l-għoti ta’ ammissjoni temporanja huwa regolat fl-Artikoli 137 sa 144 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità[3], implimentat fir-rigward ta’ esibizzjonijiet permezz tal-Artikolu 576 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jistipula d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità[4].

4. Ammissjoni Temporanja kif stipulata fil-Kodiċi Doganali tal-Komunità hija kompatibbli mal-Artikolu 16 u l-Anness dwar “ir-Regolamenti Doganali għall-importazzjoni ta’ oħetti minn parteċipanti f’esibizzjonijiet internazzjonali” tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

5. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fis-17 ta' Jannar 1931. Mhux l-Istati Membri kollha huma membri tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi. L-Unjoni Ewropea nnifisha, ma tistax tidħol fil-Konvenzjoni ta’ Pariġi, peress li Stati sovrani biss jistgħu jkunu parti minnha.

6. L-Istati Membri, li għadhom ma daħlux fil-Konvenzjoni ta’ Pariġi, iżda li jixtiequ jagħmlu dan, għandhom ikunu awtorizzati skont il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-Deċiżjoni.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri huma b’dan awtorizzati li jidħlu, f'partijiet tal-Konvenzjoni ta' Pariġi li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU C , , p. .

[2] ĠU C , , p. .

[3] ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1. .

[4] ĠU L 253, 11.10.1993, p.1.