[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 22.1.2010 KUMM(2010)8 finali 2010/0003 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006[1] jippermetti li jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) permezz ta' mekkaniżmu ta' flessibbiltà, sal-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun, lil hinn mill-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju. Ir-regoli tal-eliġibilità applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-Fond huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni (FEG)[2]. Dan ir-Regolament kien emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 546/2009[3] li temporanjament iwessa’ l-ambitu għall-applikazzjoni tal-FEAG u jimmodifika l-kriterji ta’ eliġibilità.. Ir-Regolament emendat huwa applikabbli għal applikazzjonijiet li waslu mill-1 ta’ Mejju 2009. Is-servizzi tal-Kummissjoni flew bir-reqqa l-applikazzjoni mressqa mil-Litwanja skont ir-Regolament (KE) 1927/2006 u b'mod partikolari l-Artikoli 1, 2, 3, 4, 5 u 6 tiegħu. Każ EGF/2009/010 LT/Snaigė 1. Il-Litwanja ppreżentat l-applikazzjoni lill-Kummissjoni fit-23ta’ Lulju 2009. Din kienet ibbażata fuq il-kriterji speċifiċi ta’ intervent Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li jippermetti lill-applikanti jidderogaw mill-ħtiġiet tal-Artikoli 2(a) u 2(b) fi swieq tax-xogħol żgħar jew f’ċirkustanzi eċċezzjonali meta l-qgħad ikollu impatt serju fuq l-impjiegi u fuq l-ekonomija lokali. Il-Liwanja speċifikat li l-applikazzjoni tagħha tfittex deroga minn Artikolu 2(a), fejn il-limitu normali huwa ta’ mill-inqas 500 sensja fuq perjodu ta’ 4 xhur. Is-sensji f’AB Snaigė seħħew fuq żewġ fażijiet ewlenin, li laħqu l-ogħla livell f’Novembru 2008 u fi Frar-Marzu 2009, u ma kien hemm ebda perjodu wieħed ta’ erba’ xhur li rreġistra mill-inqas 500 sensja, minkejja li l-ammont totali ta’ sensji jaqbeż dik iċ-ċifra billi wieħed iżid madwar sitt ġimgħat mal-perjodu ta’ referenza. L-applikazzjoni tressqet fi żmien l-iskadenza ta’ 10 ġimgħat li jirreferi għalihom l-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament. 2. L-applikazzjoni tikkonċerna 651 sensja li minnhom 480 huma mmirati għal għajnuna mill-FEAG. 3. L-elementi ddettaljati tal-evalwazzjoni jinsabu fil-Komunikazzjoni adottata mill-Kummissjoni[4]. Abbażi tal-konklużjoinjiet tal-komunikazzjoni msemmija hawn fuq, qed jiġi propost li l-applikazzjoni EGF/2009/010 LT/Snaigė imressqa mil-Litwanja rigward is-sensji f’AB Snaigė u tnejn mill-fornituri tagħha, tiġi aċċettata minħabba li ppruvat li teżisti rabta diretta u dimostrabbli li dawn is-sensji jirriżultaw mill-kriżi finanzjarja u ekonomika globali. Ġie propost pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati eliġibbli li għalih il-kontribuzzjoni tal-FEAG huwa ta’ EUR 258 163 (ara l-paġna li jmiss). Finanzjament Il-baġit annwali totali disponibbli għall-FEAG huwa ta’ EUR 500 miljun. L-allokazzjoni proposta tal-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq l-informazzjoni li ngħatat mil-Litwanja. Abbażi tal-applikazzjoni għal sostenn mill-Fond imressqa mil-Litwanja u li fiha AB Snaigė u tnejn mill-fornituri tagħha huma effettwati, il-kontribuzzjoni mill-FEAG għall-pakketti kkoordinati ta’ servizzi personalizzati li se jkunu ffinanzjati hija ta’ EUR 258 163, li tirrappreżenta 65% tal-ispiża totali. Wara li qieset l-għotja massima possibbli mill-Fond stabbilita skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u kif ukoll il-possibilitajiet tar-riallokazzjoni ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni qed tipproponi li tuża mill-FEAG l-ammont totali li hemm referenza għaliha hawn fuq, li għandha tkun allokata taħt l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju. Dan l-ammont ta' sostenn mitlub jippermetti li aktar minn 25 % tal-ammont annwali massimu allokat għall-FEAG jibqa' disponibbli biex ikun allokat matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif stipulat fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Bil-preżentazzjoni ta' din il-proposta sabiex jiġi użat il-Fond, il-Kummissjoni qed tagħti bidu għall-proċedura ssimplifikata tat-trijalogu, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, sabiex tikseb il-qbil taż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit dwar il-ħtieġa li jiġi użat il-Fond u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-Awtorità tal-Baġit li tilħaq ftehim dwar l-abbozz tal-proposta tal-mobilizzazzjoni, fil-livell politiku xieraq, biex tinforma lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni dwar l-intenzjonijiet tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit, tissejjaħ laqgħa formali tat-trijalogu. B’mod separat il-Kummissjoni tippreżenta talba ta' trasferiment sabiex iddaħħal fil-baġit għall-2010 approporjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament speċifiċi, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006. 2010/0003 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina finanzjarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba[5], u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu, Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[6], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[7], Billi: (1) Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) ġie mwaqqaf sabiex jipprovdi sostenn addizzjonali lil ħaddiema ssensjati li jbatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjin, u sabiex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol. (2) L-għan tal-FEAG ġie mwessa’ għall-applikazzjonijiet sottomessi mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika. (3) Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEAG taħt il-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun. (4) Il-Litwanja ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEAG, fir-rigward ta' sensji f’AB Snaigė u tnejn mill-fornituri tagħha, fit-23 ta' Lulju 2009. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li tuża l-ammont ta' EUR 258 163. (5) L-FEAG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjonijiet imressqa mil-Litwanja. ADOTTAW DIN ID-DEĠIŻJONI: Artikolu 1 Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 258 163 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-[…] jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . Magħmula fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1. [2] ĠU L 406, tat-30.12.2006, p. 1. [3] ĠU L 167 tad-29.06.2009, p. 26. [4] SEC(2009) 1620 tat-30.11.2009. [5] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1. [6] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1. [7] ĠU C [...], [...], p. [...].