15.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 169/122


Il-Ħamis 16 ta’ Diċembru 2010
L-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ kriżi permanenti biex jissalvagwardja l-istabilità finanzjarja taż-żona tal-euro

P7_TA(2010)0491

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 2010 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu permanenti għall-kriżijiet biex tiġi protetta l-istabilità finanzjarja taż-żona tal-euro

2012/C 169 E/12

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 121,122, 126, 136 u 148 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem TFUE),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Lulju 2010 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-Immaniġġjar Transkonfinali tal-Kriżijiet fis-Settur Bankarju (1) (minn hawn ’il quddiem “ir-Rapport Ferreira”),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-Faċilità Ewropea għall-Istabbiltà Finanzjarja u Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabilizzazzjoni Finanzjarja u azzjonijiet futuri (2),

wara li kkunsidra l-mistoqsija tal-24 ta’ Ġunju 2010 lill-Kummissjoni dwar il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabilizzazzjoni Finanzjarja u azzjonijiet futuri (3),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2010 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 479/2009 dwar il-kwalità tad-dejta tal-istatistika fil-kuntest ta’ proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (4),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Awtorità Bankarja Ewropea (5) (minn hawn 'il quddiem “ir-Rapport Garcia-Margallo”),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar it-titjib tal-governanza ekonomika u tal-qafas ta’ stabilità tal-Unjoni, b'mod partikolari fiż-żona tal-euro (6) (minn hawn ’il quddiem “ir-Rapport Feio”),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu (rapport ta’ nofs il-perjodu) (7) (minn hawn ’il quddiem “ir-Rapport Berès”),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern taż-Żona tal-Euro tal-25 ta’ Marzu 2010,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji Straordinarju tad-9 u l-10 ta’ Mejju 2010,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (8),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Mejju 2010 dwar “It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika” (COM(2010)0250),

wara li kkunsidra d-dokument tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem il-BĊE) tal-10 ta’ Ġunju 2010 dwar it-tisħiħ tal-governanza ekonomika fiż-żona tal-euro,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-kummissjoni tat-30 ta’ Ġunju 2010 dwar it-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għall-istabilità, it-tkabbir u l-impjiegi – Għodda għal governanza ekonomika tal-UE isħaħ (COM(2010)0367),

wara li kkunsidra s-sitt proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni dwar il-governanza ekonomika tal-UE tad-29 ta’ Settembru 2010 (minn hawn ’il quddiem ‘il-pakkett leġiżlattiv relatat mal-governanza ekonomika) - COM(2010)0522, COM(2010)0523, COM(2010)0524, COM(2010)0525, COM(2010)0526 and COM(2010)0527),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 2010/624/UE tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-14 ta’ Ottubru 2010 dwar l-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ self lil u mill-Unjoni taħt il-mekkaniżmu Ewropew għall-istabbilizzazzjoni finanzjarja (9),

wara li kkunsidra r-Rapport tat-Task Force dwar il-Governanza Ekonomika lill-Kunsill Ewropew tal-21 ta’ Ottubru 2010 dwar it-tisħiħ tal-governanaza ekonomika fl-UE,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta, d-28 u t-29 ta’ Ottubru 2010,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-il-Grupp tal-Euro tat-28 ta’ Novembru 2010,

wara li kkunsidra l-Mistoqsija B7-0199/2010 lill-Kummissjoni dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu permanenti għall-kriżijiet biex tiġi protetta l-istabilità finanzjarja taż-żona tal-euro,

wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi hi meħtieġa soluzzjoni komprensiva u integrata għall-kriżi tad-dejn fiż-żona tal-euro peress li approċċ frammentat s'issa ma ħadimx,

B.

billi fl-Ecofin straordinarju tad-9 u l-10 ta’ Mejju 2010 l-Kunsill u l-Istati Membri qablu dwar mekkaniżmu temporanju biex jippreservaw l-istabilità finanzjarja b’ammont ta’ EUR 750 biljun, inkluż fond ta’ stabbilizzazzjoni ta’ reazzjoni rapida (il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni finanzjarja (minn hawn ’il quddiem “EFSM”) b’volum totali ta’ sa EUR 60 biljun u Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (minn hawn ’il quddiem “EFSF”) b’volum totali sa EUR 440 biljun, li għandha tkun ikkomplementata minn fondi tal-FMI sa EUR 250 biljun,

C.

billi l-EFSM huwa bbażat fuq l-Artikolu 122 (2) tat-TFUE u ftehim intergovernattiv bejn l-Istati Membri; billi l-attivazzjoni tiegħu hija suġġetta għal kundizzjonalità b'saħħitha, fil-kuntest ta’ appoġġ konġunt FMI/UE, u għal termini u kondizzjonijiet simili għal dawk tal-FMI, aġġustati għall-ispeċifiċitajiet soċjali u ekonomiċi tal-pajjiżi fejn qed ikun implimentat, kif ukoll skont l-aġenda għall-iżvilupp tagħhom,

D.

billi l-EFSF hija stabbilita bħala entità ad hoc li hija garantita fuq bażi pro rata mill-Istati Membri parteċipanti b'mod ikkoordinat skont il-kwota li jħallsu għall-kapital tal-BĊE u skont il-ħtiġijiet kostituzzjonali nazzjonali tagħhom, u li din se tiskadi wara tliet snin,

E.

billi l-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha tat-12 ta’ Mejju 2010, iddikjarat li l-kriżi wriet li qafas b'saħħtu għall-ġestjoni tal-kriżijiet huwa komplement neċessarju għall-implimentazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir imsaħħaħ kif ukoll għall-mekkaniżmu l-ġdid ta’ sorveljanza makroekonomika maħsub sabiex jevita żviluppi negattivi fil-qagħda baġitarja u l-kompetittività,

F.

billi l-BĊE, fid-dokument tiegħu tal-10 ta’ Ġunju 2010, inkluda proposti għal qafas għall-ġestjoni ta’ kriżijiet ta’ dejn, li jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-Istati Membri taż-żona tal-euro li għandhom problemi ta’ aċċess għal kreditu privat,

G.

billi, fil-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta’ Ottubru 2010, il-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern qablu dwar il-ħtieġa li l-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmu biex jissalvagwardjaw l-istabilità finanzjarja taż-żona tal-euro kollha kemm hi (il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni, (minn hawn ’il quddiem “il-MES”),

H.

billi l-MES huwa maħsub biex jikkomplementa l-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika msaħħa, bl-għan ta’ sorveljanza u koordinazzjoni ekonomika effettivi u rigorużi, li se jiffokaw fuq il-prevenzjoni u se jnaqqsu sostanzjalment il-probabbiltà li jerġa’ jkollna kriżi fil-futur,

I.

billi l-Parlament huwa konvint mill-ħtieġa għal mekkaniżmu permanenti għall-kriżijiet biex jissalvagwardja l-istabilità finanzjarja tal-euro u talab il-ħolqien ta’ Fond Monetarju Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-“EMF”) fir-Rapport Feio,

J.

billi l-Parlament identifika wkoll il-ħtieġa għal mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni ta’ kriżijiet għas-settur bankarju fir-Rapporti Ferreira u Garcia-Margallo bħala komplement meħtieġ għas-setgħat superviżorji mogħtija lill-awtoritajiet il-ġodda (ASE) sabiex jiżguraw is-superviżjoni tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni,

K.

billi fil-laqgħa tal-Grupp tal-Euro tas-6 ta’ Diċembru 2010, il-President tiegħu ppropona l-ħolqien ta’ bonds pan-Ewropej biex jappoġġjaw lill-pajjiżi li jidħlu f'inkwiet finanzjarju iżda din l-idea ma kinitx diskussa, għaliex uħud mill-pajjiżi esprimew oġġezzjonijiet għaliha,

L.

billi minn meta l-Kummissjoni ppreżentat il-proposti leġiżlattivi dwar il-governanza ekonomika lill-Parlament u lill-Kunsill fid-29 ta’ Settembru 2010 s-swieq sofrew diversi kriżijiet, inter alia l-kriżi tad-dejn Irlandiż, li jridu jitqiesu mill-Parlament u mill-Kunsill,

M.

billi huwa essenzjali li jkunu ssimplifikati l-proċessi attwali ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika u jitneħħew il-partijiet li jirkbu fuq xulxin biex ikun żgurat li l-istrateġija tal-UE tkun komprensibbli mill-operaturi tas-swieq u miċ-ċittadini, kif ukoll li nibdew nużaw approċċi iktar integrati u nintroduċu bidla fil-proċess tat-teħid taddeċiżjonijiet,

N.

billi l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (minn hawn ’il quddiem il-“BERS”) huwa responsabbli għas-sorveljanza makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja sabiex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ riskji sistemiċi għall-istabilità finanzjarja fl-UE u b’hekk ikunu evitati perjodi ta’ taqlib finanzjarju mifrux u jikkontribwixxi għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern u b’hekk jiżgura kontribut sostenibbli tas-settur finanzjarju għat-tkabbir ekonomiku,

1.

Jistieden lill-Kunsill Ewropew biex jispeċifika kemm jista’ jkun malajr il-bidliet fit-Trattat meħtieġa sabiex ikun stabbilit MES permanenti;

2.

Jenfasizza li, minn perspettiva razzjonali, prattika u demokratika, il-kunsiderazzjoni tal-pakkett leġiżlattiv dwar il-governanza ekonomika ma tistax tinfired mid-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill Ewropew għall-ħolqien ta’ mekkaniżmu permanenti;

3.

Jixtieq, bħala koleġiżlatur, jisħaq fuq il-ħtieġa li jinħoloq mekkaniżmu permanenti għall-kriżijiet li jkun kredibbli, robust, dejjiemi u bbażat fuq ir-realtajiet tekniċi essenzjali, u li għandu jkun adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u ispirat mill-metodu Komunitarju, bil-għan li, fuq in-naħa l-waħda, jissaħħaħ l-involviment tal-Parlament u tittejjeb ir-responsabilità demokratika u fuq in-naħa l-oħra, jintużaw l-għarfien espert, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Kummissjoni; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kunsill Ewropew jipprovdi bażi legali adegwata, fil-qafas ta’ reviżjoni tat-TFUE, għal dan il-għan;

4.

Jinnota li, fi kwalunkwe każ, il-MES għandu jkun ibbażat fuq is-solidarjetà, soġġett għal regoli ta’ kondizzjonalità stretti u ffinanzjat, inter alia, minn għodod ta’ finanzjament innovattivi u/jew mill-multi applikati lill-Istati Membri bħala l-eżitu ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv jew ta’ miżuri relatati ma’ dejn eċċessiv jew żbilanċi eċċessivi jekk ikun hemm dispożizzjoni korrispondenti inkluża fil-pakkett leġiżlattiv dwar il-governanza ekonomika li qed jiġi nnegozjat bħalissa, u fis-sura meħtieġa skont tali dispożizzjoni;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta Komunikazzjoni li tgħaqqad il-linji gwida ġenerali tal-politiki ekonomiċi (Artikolu 121(2) TFUE) kif ukoll il-linji gwida dwar il-politiki tax-xogħol (Artikolu 148(2) TFUE) għall-kunsiderazzjoni fid-dibattitu dwar is-“Semestru Ewropew” biex jitnaqqsu diskussjonijiet bla sens u bla tmiem; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura involviment akbar tal-Parlament Ewropew f'kull stadju ta’ dan id-dibattitu biex tissaħħaħ ir-responsabilità demokratika u biex tgħolli l-profil pubbliku tiegħu;

6.

Iqis li r-rispons tal-politika għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lill-Istati Membri fil-qafas tas-'Semestru Ewropew’ għandhom jitqiesu speċifikament fl-implimentazzjoni tal-proposti leġiżlattivi dwar il-governanza ekonomika li bħalissa qed jiġu diskussi mill-Parlament u mill-Kunsill;

7.

Jinnota li l-BERS għandu jikkoopera mill-qrib mal-Kummissjoni, mal-Kunsill u mal-Parlament fl-identifikazzjoni tar-riskju sistemiku u fl-iżgurar tal-funzjonament kif suppost tal-MES, speċjalment fir-rigward tal-valutazzjoni tas-solvenza tal-pajjiż ikkonċernat;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta Komunikazzjoni, wara konsultazzjoni mal-BĊE, li jkun fiha deskrizzjoni komprensiva tal-MES, li tiċċara l-pożizzjoni tal-investituri, ta’ dawk li jfaddlu u tal-parteċipanti fis-suq u li tiddikjara b'mod espliċitu li l-MES se jkun totalment konsistenti mal-politika u l-prattiċi tal-FMI rigward l-involviment tas-settur privat sabiex ixejjen it-tħassib tas-suq;

9.

Jinnota li l-mekkaniżmu permanenti għall-kriżijiet għandu jkun implimentat malajr kemm jista’ jkun sabiex tkun żgurata l-istabilità fis-swieq u biex tiġi msaħħa ċ-ċertezza fir-rigward ta’ bonds li nħarġu qabel ma ġie stabbilit il-mekkaniżmu permanenti għall-kriżijiet;

10.

Jirrikonoxxi li, filwaqt li huwa fl-interess tal-Istati Membri kollha li jitwaqqaf mekkaniżmu ta’ kriżi li jaħdem, mhux l-Istati Membri kollha se jkunu membri jew kandidati taż-żona tal-euro sa meta jitwaqqaf dan il-mekkaniżmu, u jinnota li s-sitwazzjonijiet partikolari tagħhom għandhom jiġu ċċarati, speċjalment fil-każ ta’ dawk li mixjin lejn iż-żona tal-euro u li għandhom dejn sovran f'euro; ifakkar li membri li mhumiex fiż-żona tal-ewro jibbenefikaw mill-faċilità tal-bilanċ tal-pagamenti skont l-Artikolu 143 tat-TFUE;

11.

Jinnota għalhekk li l-Istati Membri barra ż-żona tal-euro għandhom ikunu involuti fil-ħolqien ta’ mekkaniżmu bħal dan u li dawk l-Istati Membri li huma lesti li jipparteċipaw fil-mekkaniżmu għandu jkollhom din il-possibiltà;

12.

Jitlob lill-Kunsill Ewropew jipprovdi s-sinjal politiku meħtieġ għal investigazzjoni tal-Kummisssjoni f'sistema futura tal-eurobonds, bi specifikazzjoni ċara tal-kondizzjonijiet li taħthom tali sistema tkun ta’ beneficcju għall-Istati Membri parteċipanti kollha u għaż-żona ewro fl-intier tagħha;

13.

Jenfasizza li din il-kondizzjonalità stretta u ta’ żieda għandha sservi biex terġa’ ġġib it-tkabbir sostenibbli u mhux tintlaħaq a spejjeż tal-aktar vulnerabbli u għalhekk ma għandhiex issarraf fit-tnaqqis tad-dħul minimu u fl-aggravazzjoni tal-faqar u l-inugwaljanzi;

14.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef tagħmel proposta leġiżlattiva li tiddefinixxi bażi ta’ taxxa konsolidata komuni tal-kumpaniji (BTKKK);

15.

Jinsisti li r-regoli għandhom jiġu adattati biex jagħmlu dispożizzjoni għall-parteċipazzjoni fuq bażi ta’ kull każ għalih tal-kredituri mis-settur privat, b’koerenza sħiħa mal-politiki tal-FMI;

16.

Jenfasizza l-ħtieġa għal grad għoli ta’ trasparenza fit-tagħrif dwar il-kontijiet nazzjonali, inkluża l-attività kollha li ma tidhirx fil-karta tal-bilanċ; jinnota li din trid tkun appoġġata minn verifiki esterni, statistika u data affidabbli, u responsabilità; jilqa’ l-poteri mtejba tal-Eurostat u jfakkar li l-Parlament fil-passat talab biex l-Eurostat ikun jista’ jagħmel spezzjonijiet għal għarrieda tal-kontijiet ta’ Stat Membru bħala miżura għat-titjib tas-sorveljanza fiskali;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta Komunikazzjoni li jkun fiha deskrizzjoni komprensiva ta’ klawżoli u kundizzjonijiet mehmuża mal-EFSM, kif ukoll mal-istrumenti l-oħra tal-UE għall-għajnuna finanzjarji u pakketti mogħtija b’reazzjoni għall-kriżi;

18.

Jitlob lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament Ewropew dwar l-effett stmat fuq il-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-UE (a) tal-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja u (b) tal-użu tal-linja sħiħa tal-kreditu;

19.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tqassam skont il-prijorità l-infiq mill-baġit tal-UE f'kull sena tal-eżistenza tal-EFSM bil-għan li tistabbilixxi l-ordni li fih il-baġit ikollu jiġi kkanċellat f'każ li jkun hemm bżonn li jingħata lura ammont sa EUR 60 biljun;

20.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-President tal-Grupp tal-Euro, lill-Kummissjoni, lill-BĊE u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.


(1)  Testi Adottati, P7_TA(2010)0276.

(2)  Testi Adottati, P7_TA(2010)0277.

(3)  Mistoqsija orali 0095/2010.

(4)  Testi Adottati, P7_TA(2010)0253.

(5)  Testi Adottati, P7_TA(2010)0337.

(6)  Testi Adottati, P7_TA(2010)0377.

(7)  Testi Adottati, P7_TA(2010)0376.

(8)  ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

(9)  ĠU L 275, 20.10.2010, p. 10.