15.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 169/45


L-Erbgħa 15 ta’ Diċembru 2010
Il-futur tas-sħubija strateġika UE-Afrika wara it-tielet Summit UE-Afrika

P7_TA(2010)0482

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2010 dwar il-futur tas-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Afrika wara t-Tielet Samit bejn l-UE u l-Afrika

2012/C 169 E/06

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Tripli maħruġa mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern fit-30 ta’ Novembru 2010,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ta’ Qabel is-Samit tal-Parlament Ewropew u tal-Parlament Pan-Afrikan tas-27 ta’ Novembru 2010,

wara li kkunsidra Artikoli 177 sa 181 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi s-sħubija bejn l-Afrika u l-UE hija bbażata fuq l-interess reċiproku fl-esplojtjar tal-potenzjali tagħhom ikkombinati flimkien,

B.

billi d-Dikjarazzjoni ta’ Tripli tagħti sura konkreta lir-rieda tal-mexxejja differenti li tiġi kkonsolidata s-sħubija strateġika stabbilita tliet snin ilu bejn iż-żewġ kontinenti sabiex flimkien jaffrontaw l-isfidi komuni u jiġi promoss it-tkabbir ekonomiku sostenibbli għall-benefiċċju ta’ dawk kollha li jgħixu fl-Afrika,

C.

billi l-UE hija responsabbli għal aktar minn nofs l-għajnuna għall-iżvilupp u għadha s-sieħba fil-kummerċ li hi l-aktar importanti tal-Afrika,

D.

billi l-Afrika qiegħda tiddiversifika s-sħubijiet tagħha, partikolarment ma’ pajjiżi ewlenin fl-Asja u fl-Amerika Latina,

1.

Jilqa’ b’sodisfazzjon l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Strateġiku 2010-2013 u tas-sħubijiet tiegħu, u jittama li se tikkontribwixxi valur miżjud fir-rigward tal-Ftehim ta’ Cotonou u l-Unjoni għall-Mediterran u li hija espressjoni ta’ approċċ ambizzjuż għar-relazzjonijiet interkontinentali;

2.

Jenfasizza li l-prinċipji li huma l-bażi tal-istrateġija konġunta bejn l-Afrika u l-UE għandhom ikunu mfassla b'tali mod li jappoġġaw il-ħtiġijiet sostenibbli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiġi miġġieled l-faqar, jiġu ggarantiti dħul u għajxien diċenti kif ukoll ir-realizzazzjoni tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem, inklużi d-drittijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali;

3.

Jittama li l-lezzjonijiet se jiġu meħuda mid-diffikultajiet li nqalgħu waqt l-implimentazzjoni tal-ewwel “Pjan ta’ Azzjoni”, għall-2008-2010 u jittama li l-intenzjonijiet espressi bħala prinċipju fid-Dikjarazzjoni Finali mill-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern jiġu mwettqa;

4.

Jinnota b’interess li kemm is-settur privat kif ukoll is-soċjetà ċivili, b'mod partikolari dawk tal-Afrika, jistgħu jitħallew jagħtu kontribut wisq aktar effettiv għall-istrateġija milli kien il-każ sal-ġurnata tal-lum.

Sħubija 1. Paċi u sigurtà

5.

Jirrikonoxxi wkoll id-dimensjoni importatnti tal-integrazzjoni reġjonali għat-tkabbir u l-iżvilupp u jenfasizza b'mod partikolari l-impenn tad-Dikjarazzjoni ta’ Tripli biex l-Arkitettura Afrikana tal-Paċi u tas-Sigurtà ssir funzjonali għalkollox b'kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet reġjonali;

6.

Jilqa’ l-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ Architettura Afrikana tal-Paċi u tas-Sigurtà bil-għan li jiġu indirizzati l-isfidi tal-paċi u tas-sigurtà fuq il-kontinent Afrikan; jenfasizza f’dan ir-rigward kemm hu importanti li jiġi pprovdut finanzjament prevedibbli u sostenibbli għall-operazzjonijiet Afrikani ta’ appoġġ għall-paċi, kemm hu meħtieġ li jinbnew kapaċitajiet lokali ta’ rkuprar, u d-determinazzjoni li l-popolazzjoni ċivili tiġi mħarsa fil-konflitti armati;

7.

Huwa tal-fehma li l-politika tal-prevenzjoni tal-kunflitti hija prekondizzjoni essenzjali għall-paċi dejjiema u li l-kawżi strutturali tal-kunflitti għadhom jiġu indirizzati billi tiġi stabbilita politika ta’ żvilupp sostenibbli bil-għan li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi tal-popolazzjoni Afrikana u jiġu miġġielda l-qgħad, l-inġustizzji soċjali u ekonomiċi;

8.

Iqis li l-adozzjoni tal-liġi ġdida tal-Istati Uniti tal-“Minerali ta’ Kunflitt” hija pass enormi 'l quddiem fil-ġlieda kontra l-esplojtazzjoni illegali tal-minerali fl-Afrika, li jħeġġeġ gwerer ċivili u konflitti; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom joħorġu bi proposti simili sabiex tiġi żgurata t-traċċabilità tal-minerali importati fis-suq tal-UE filwaqt li jitqiesu l-Inizjattiva ta’ Trasparenza fl-Industrija Estrattiva (EITI);

Sħubija 2. Governanza demokratika u drittijiet tal-bniedem

9.

Jistieden lill-UE u lill-Unjoni Afrikana (UA) jindirizzaw b’mod konġunt il-kwistjonijiet ewlenin li jkunu ta’ interess komuni għaż-żewġ naħat bħalma huma r-reazzjonijiet għall-kriżijiet politiċi u l-appoġġ għall-governanza ekonomika bil-ħsieb li jiġu fformulati aġendi ta’ governanza komuni għaż-żewġ naħat permezz tal-Pjattaforma għad-Djalogu dwar il-Governanza u d-Drittijiet tal-Bniedem li għadha kif ġiet stabbilita;

10.

Jilqa' b’sodisfazzjon il-fatt li l-impenn konġunt bejn l-UE u l-Afrika għall-prinċipji fundamentali li jinkludu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demoktariċi, l-istat tad-dritt u l-kundanna ta’ kull sura ta’ terroriżmu;

11.

Jinnota li, fid-Dikjarazzjoni tagħhom, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern jindikaw li huma “għaqda waħda fil-(…) ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fuq iż-żewġ kontinenti”; jenfasizza l-prinċipju tal-universalità ta’ dawn id-drittijiet, li jridu jiġu partikolarment osservati fl-azzjonijiet ippjanati bħala parti mis-“Sħubija dwar il-Governanza Demokratika u d-Drittijiet tal-Bniedem”;

12.

Jiddispjaċih qatigħ, meta wieħed iqis l-impenji ripetuti tagħna għall-governanza demokratika u għad-drittijiet tal-bniedem, minħabba l-fatt li Robert Mugabe ġie mistieden u pparteċipa b’mod attiv fit-Tielet Samit bejn l-Afrika u l-UE; jistieden lill-atturi kollha jieħdu pożizzjoni politika aktar qawwija fil-ġejjieni bil-għan li jibagħtu messaġġ ċar tat-twemmin sod tagħna fl-istat tad-dritt u d-demokrazija;

13.

Iħeġġeġ biex l-azzjonijiet kollha mmexxija skont il-kundizzjonijiet tad-diversi sħubiji jiġu segwiti mingħajr ebda diskriminazzjonijiet fuq il-bażi ta’ sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew konvinzjoni, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali jew kontra nies li qed jgħixu bl-HIV/AIDS;

14.

Japprova uffiċjalment l-istedina tal-Parlament Pan-Afrikan lill-istati membri kollha tal-Unjoni Afrikana biex jirratifikaw il-Karta tal-Unjoni Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza;

15.

Jenfasizza t-talba tal-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy biex il-mexxejja Afrikani jappoġġjaw il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) u “jesprimu l-qbil sħiħ tagħhom mal-prinċipju tal-ġlieda kontra impunità”;

16.

Iħeġġeġ lill-UE u lill-UA jimpenjaw ruħhom biex jaħdmu flimkien bil-għan li jiżguraw kooperazzjoni Afrikana u Ewropea aħjar fil-korpi internazzjonali relevanti, inkluża n-NU;

Sħubija 3. Kummerċ, integrazzjoni reġjonali u infrastruttura

17.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-ftehim bejn l-UE u l-UA li jidħlu fi djalogu politiku bil-għan li jsibu soluzzjonijiet għal kwistjonijiet ta’ interess komuni dwar il-Ftehimiet ta’ Sħubiji Ekonomiċi; jagħraf li l-integrazzjoni reġjonali, il-kummerċ u l-investimenti huma kruċjali għall-istabilità ekonomika u t-tkabbir sostenibbli;

18.

Iħeġġeġġ lill-UE u lill-UA jikkooperaw flimkien fl-esplojtazzjoni sostenibbli tal-materja prima, speċjalment billi jiffukaw fuq il-bini tal-kapaċità, il-governanza, l-iżvilupp tal-infrastruttura, l-investimenti, l-għarfien u l-ħiliet ġeoloġiċi, u fuq it-trasparenza tal-kuntratti tal-minjieri; jitlob f’dan ir-rigward li jiddaħħlu politiki dwar il-materja prima li jkunu ambjentalment sodi u soċjalment sostenibbli, li jkunu ta’ benefiċċju wkoll għall-popolazzjoni lokali;

19.

Iħeġġeġ lill-istati membri kollha tal-Unjoni Afrikana jiffaċilitaw l-istabbiliment ta’ qafas legali u fiskali li jwassal biex min-naħa l-waħda jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku u jiġi attirat l-investiment barrani dirett (IBD), u biex min-naħa l-oħra tinqered il-korruzzjoni u tinqatgħu l-burokrazija żejda u l-amministrazzjoni ħażina fuq in-naħa l-oħra;

20.

Iħeġġeġ lill-mexxejja Afrikani u tal-UE jonoraw l-impenn ta’ Tripli u jużaw l-istrateġija bħala għodda biex tingħata spinta lill-kummerċ intrakontinentali Afrikan, inklużi pakketti ta’ appoġġ imtejba għall-komunitajiet ekonomiċi reġjonali u għat-titjib tal-infrastutturi madwar il-kontinent Afrikan kollu;

Sħubija 4. Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju

21.

Jinnota t-tiġdid tal-impenn tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li jallokaw 0,7 % tal-PGD tagħhom sal-2015, li hija ħaġa vitali jekk l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju għandhom jintlaħqu sal-2015;

22.

Se jfittex li jiżgura, b’mod partikolari, li l-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju jkun ċentrali għat-twettiq tas-Sħubijiet kollha;

23.

Ifakkar li attivitajiet speċifiċi dwar is-saħħa materna, tat-trabi tat-twelid u tat-tfal, il-ġeneru, l-edukazzjoni, il-politika tal-art u l-iżvilupp sostenibbli, l-aċċess għall-ilma u l-kundizzjonijiet tajba għall-ħarsien tas-saħħa, u dwar il-persuni b'diżabilità huma kruċjali biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju; jinkoraġġixxi l-kontinwità tal-programmi fil-qasam tal-edukazzjoni u s-saħħa;

24.

Jenfasizza kemm hu importanti li tġi ggarantita s-sigurtà tal-ikel fl-Afrika kollha u jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu s-setturi tas-sajd u tal-agrikoltura fl-Afrika, b'mod sostenibbli, speċjalmant fir-rigward tal-bdiewa b’ażjendi tal-biedja żgħar u s-sajjieda;

25.

Ifakkar fir-rwol dominanti li twettaq l-agrikoltura fl-ekonomiji nazzjonali Afrikani; jenfasizza għalhekk ir-rwol ċentrali tal-armonizzazzjoni tal-istandards sanitarji u fitosanitarji, kif ukoll il-bini tal-kapaċità għas-settur agrikolu Afrikan;

26.

Jiddispjaċih li l-akkwist attwali ta’ art għall-biedja fl-Afrika minn investituri barranin appoġġjati mill-gvern, li, jekk ma jsirx sew, jhedded li jdgħajjef is-sigurtà tal-ikel fuq livell lokali u jwassal għal konsegwenzi serji u b'riperkussjonijiet li jmorru 'l bogħod, ma ġiex indirizzat mis-Summit;

27.

Jemmen li l-mexxejja Afrikani u tal-UE għandhom juru l-impenn veru tagħhom li jistabbilixxu mekkaniżmu biex jiġi evitat il-ħruġ illegali ta’ kapital għall-evażjoni tat-taxxa, tiġi promossa trasparenza sħiħa dwar ir-rappurtar pajjiż pajjiż u biex tiġi intensifikata l-pressjoni internazzjonali fuq il-ġurisdizzjonijiet kollha li jista’ jkun li jippermettu l-evitar jew l-evażjoni tat-taxxa fl-Afrika;

Sħubija 5. Enerġija

28.

Jemmen li l-enerġija rinnovabbli hija vitali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Afrika u jenfasizza t-talba tal-President Barroso għal rivoluzzjoni ħadra enerġetika fl-Afrika;

29.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-Programm ta’ Kooperazzjoni fl-Enerġija Rinnovabbli bejn l-Afrika u l-UE u l-miri politiċi miftiehma fil-Laqgħa ta’ Livell Għoli ta’ Vjenna dwar l-Enerġija f'Settembru 2010, li għandhom jintlaħqu sal-2010, inkluż li jinġieb aċċess għal servizzi tal-enerġija moderni u sostenibbli lil 100 miljun ruħ Afrikana addizzjonali, li tiġi rduppjata l-kapaċità tal-konnessjonijiet transkonfinali tal-elettriċità fi ħdan l-Afrika u jiġi rduppjat l-użu tal-gass naturali fl-Afrika, u jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli fl-Afrika u tittejjeb l-effiċjenza enerġetika fl-Afrika fis-setturi kollha;

Sħubija 6. Tibdil tal-klima

30.

Jistieden lill-UE u lill-UA jgħaqqdu bejniethom l-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti;

31.

Ifakkar fl-impenn tal-UE tas-somma ta’ EUR 7,2 biljun fl-2010-2012 għal proġetti u inizjattivi li jinbdew malajr li jirrigwardaw it-tibdil tal-klima, li parti sinifikanti minnha se tkun disponibbli għall-Afrika;

32.

Jenfasizza li huma n-nies l-aktar foqra tad-dinja li jintlaqtu l-ewwel u l-agħar mit-tibdil tal-klima u jistieden lill-atturi kollha jappoġġjaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw ħalli jadattaw ruħhom għall-impatt tat-tibdil tal-klima u jikbru b'mod li jkun baxx fil-karbonju bil-għan li l-faqar jiġi eradikat;

33.

Jinnota li huwa kruċjali li jsir progress fir-rigward ta’ qbil globali dwar il-klima jekk għandu jiġi affrontat il-faqar u, f’dan il-kuntest, jenfasizza l-potenzjal immens għar-riżorsi naturali – ix-xemx, ir-riħ, ix-xmajjar u l-mareat – li l-pajjiżi Afrikani spiss jippossedu b'abbundanza;

Sħubija 7. Migrazzjoni, mobilità u impjiegi

34.

Josserva li l-migrazzjoni ma għandhiex effetti pożittivi u jinsisti fuq il-ħtieġa li jkun hemm strateġija komuni kompluta b’kalendarju u proġetti b’miri speċifikati biex jitnaqqsu l-effetti negattivi tal-migrazzjoni illegali;

35.

Ifakkar fl-impenn tas-sħab kollha li joħolqu impjiegi aktar u aħjar permezz tal-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli u inklużiv;

36.

Jilqa’ b’sodisfazzjon it-tisħiħ tal-programmi eżistenti fir-rigward tal-mobilità tal-istudenti u tal- akkademiċi, flimkien ma’ inizjattivi bħalma huma l-Università Pan-Afrikana u l-Istrutturi u l-Programmi Edukattivi tat-Tuning;

37.

Iqis li t-telf tal-aħjar imħuħ hija problema maġġuri għall-Afrika u li n-nies professjonali li ħallew il-pajjiż għandhom jingħataw inċentivi qawwija biex jerġgħu lura u japplikaw il-benefiċċju tat-taħriġ tagħhom fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom;

Sħubija 8. Xjenza, soċjetà tal-informazzjoni u sħubija spazjali

38.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-illanċjar ta’djalogu ta’ livell għoli dwar politika tax-xjenza u t-teknoloġija fil-livell uffiċjali u ministerjali superjuri bil-għan li jissaħħaħ il-qafas ta’ kooperazzjoni fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija sabiex tingħata mbuttatura lit-tkabbir ekonomiku inklussiv u lill-iżvilupp soċjali aktar mgħaġġla fl-Afrika;

Kummenti ġenerali

39.

Jinnota li s-Sudan mhijiex irrappreżentata, peress li l-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż ma jqisux ruħhom marbuta mid-Dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern li ġiet adottata fi Tripli, u jixtieq jara l-elementi kollha tal-Ftehim ta’ Paċi tal-2005 implimentati, kif hemm iddikjarat fid-Dikjarazzjoni msemmija, inkluż għalhekk ir-referendum skedat għal Jannar 2011 li jrid jippermetti lin-nies tan-nofsinhar tas-Sudan jagħżlu huma d-destin tagħhom;

40.

Jiddispjaċih li ċerti Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern mill-Istati Membri aktar kbar tal-UE ma kinux jistgħu jattendu għas-Samit ta’ bejn l-UE u l-Afrika;

41.

Jiddispjaċih li ma hemm l-ebda pjan ta’ finanzjament biex jakkumpanja l-istrateġija konġunta tal-Afrika u l-UE u għal darba oħra jitlob li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) jiġi taħt il-baġit tal-UE ħalli tkun tista’ ssir sorveljanza parlamentari tal-implimentazzjoni tad-diversi strumenti finanzjarji tal-UE użati fil-ħolqien tas-sħubijiet differenti;

42.

Jittama li jkun hemm involviment akbar min-naħa tal-korpi ministerjali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija;

43.

Jitlob li l-Parlament Pan-Afrikan u l-Parlament Ewropew ikunu jistgħu jeżerċitaw ir-rwol superviżorju tagħhom fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Strateġiku;

44.

Jistieden lill-parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi kollha Afrikani u tal-UE jeżaminaw u jiddibattu dwar il-Pjan Strateġiku;

*

* *

45.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni tal-UE u lill-Kunsill u lill-Kummissjoni tal-UA, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan (PPA).