3.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 99/94


Il-Ħamis 25 ta’ Novembru 2010
Politika dwar il-Kummerċ Internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima

P7_TA(2010)0445

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar il-Politika dwar il-Kummerċ Internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima (2010/2103(INI))

2012/C 99 E/18

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-rapporti tat-tliet gruppi ta’ ħidma tal-Grupp Intergovernattiv tal-Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) ippubblikati fl-2007 (1),

wara li kkunsidra l-Pakkett tal-UE dwar it-Tibdil fil-Klima adottat mill-Kunsill Ewropew fis-17 ta’ Diċembru 2008,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-29 u t-30 ta’ Ottubru 2009 rigward in-negozjati dwar il-klima,

wara li kkunsidra s-samit dwar il-klima tan-NU li sar f'Kopenħagen (id-Danimarka) mis-7 sat-18 ta’ Diċembru 2009, u l-Ftehim ta’ Kopenħagen li ħareġ minnu,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew rigward it-tibdil fil-klima, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tal-10 ta’ Frar 2010 dwar l-eżitu tas-samit ta’ Kopenħagen (2) u dik tad-29 ta’ Novembru 2007 dwar il-kummerċ u l-bidla fil-klima (3),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Mejju 2010 dwar l-analiżi tal-alternattivi biex isir progress lil hinn mit-tnaqqis ta’ 20 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett serra u l-valutazzjoni tar-riskju ta’ rilaxx tal-karbonju (COM(2010)0265),

wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ġunju 2010 dwar is-sostenibbiltà tal-bijofjuwils u bijolikwidi (4),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-4 ta’ Novembru 2008 dwar l-inizjattiva tas-swieq tal-materja prima - Nilħqu l-ħtiġijiet kritiċi tagħna għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa (COM(2008)0699),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u l-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent dwar il-kummerċ u t-tibdil fil-klima varat fis-26 ta’ Ġunju 2008,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali tal-kapijiet tal-istati u tal-gvernijiet fis-Samit tal-G 20 f'Pittsburgh tal-24 u l-25 ta’ Settembru 2009,

wara li kkunsidra l-“Evalwazzjoni Internazzjonali tax-Xjenzi u t-Teknoloġiji Agrikoli għall-Iżvilupp”, ippubblikata fl-2008 (5),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0310/2010),

A.

billi t-temperatura tad-dinja diġà żdiedet tul l-aħħar seklu u se tibqa' tiżdied u billi r-riperkussjonijiet ekonomiċi, soċjali u ekoloġiċi tat-tisħin tal-klima qed jieħdu xejriet inkwetanti u li huwa indispensabbli li dan it-tisħin ma jitħalliex jaqbeż żieda ta’ 2 °C,

B.

billi l-ftehim li ntlaħaq fis-samit tan-NU dwar il-klima f'Kopenħagen f'Diċembru 2009 hu inadegwat; billi l-Unjoni Ewropea ma rnexxilhiex tieħu rwol minn ta’ quddiem,

C.

billi l-ftehim li ntlaħaq fis-samit tan-NU dwar il-klima f'Kopenħagen f'Diċembru 2009 mhuwiex biżżejjed u qed joħloq diżappunt,

D.

billi s-samit ta’ Cancun jipprovdi opportunità unika għal djalogu sustantiv, għandu jadotta strumenti legalment vinkolanti u proċeduri ta’ verifika ferm aktar b'saħħithom u għandu jkun pass fundamentali lejn ftehim operattiv komprensiv u legalment vinkolanti li jgħin biex it-tisħin globali jibqa' ferm naqas minn 2 °C,

E.

billi l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hija fattur fil-kompetittività, ġaladarba l-prijoritajiet Ewropej fil-qasam huma l-iffrankar tal-enerġija u s-sorsi rinnovabbli tal-enerġija li jgħinu biex tittejjeb is-sigurtà enerġetika tal-Unjoni u joffru potenzjal qawwi f'dak li jirrigwarda l-iżvilupp industrijali, l-innovazzjoni, l-iżvilupp reġjonali u l-ħolqien tal-impjiegi,

F.

billi l-enerġija ssussidjata u l-emissjonijiet ta’ CO2 mingħajr restrizzjoni f'ċerti pajjiżi joħolqu vantaġġ kumparattiv,

G.

billi għaldaqstant ir-regoli kummerċjali huma deċiżivi fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u billi l-Unjoni, bħala l-akbar forza kummerċjali fid-dinja, jista' jkollha influwenza kbira fuqhom,

1.

Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu dwar l-ambizzjoni tal-Kunsill li sal-2050 jnaqqas l-emissonijiet Ewropej ta’ gassijiet b'effett ta’ serra bi 80 sa 90 % meta mqabbla mal-1990, ambizzjoni meħtieġa biex l-Unjoni tkun tista' terġa' tieħu rwol dinji ta’ tmexxija rigward il-klima filwaqt li pajjiżi oħra huma impenjati bis-sħiħ fl-ekonomija l-ħadra, partikolarment permezz tal-pjanijiet tagħhom għal irkupru ekonomiku; jappoġġa bil-qawwa l-objettiv tat-tnaqqis tal-emissonijiet Ewropej bi 30 % sal-2020, tnaqqis li jqanqal lill-pajjiżi oħra jieħdu impenji aktar ambizzjużi;

2.

Jitlob għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali vinkolanti dwar il-protezzjoni tal-klima u jappoġġja bis-sħiħ l-għan ta’ tnaqqis ta’ 30 % fl-emissjonijiet tad-CO2 fl-Unjoni Ewropea sal-2020 u l-għan fit-tul tal-UE għal tnaqqis ta’ mill-inqas 85 % tal-emissjonijiet tad-CO2 u ta’ gassijiet oħra b'effett ta’ serra sal-2050;

3.

Jenfasizza li l-pajjiżi żviluppati għandhom ikunu minn ta’ quddiem fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2; jemmen li t-twaqqif ta’ standards, it-tikkettar u ċ-ċertifikazzjoni huma strumenti b'potenzjal qawwi għat-tnaqqis fl-użu tal-enerġija, u b'hekk biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima; iqis li l-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif (CDM) naqas milli jindirizza l-ħtiġijiet tal-pajjiżi l-aktar vulnerabbli;

4.

Huwa favur l-intensifikazzjoni tal-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu u li l-gvernijiet tal-Istati Membri jsegwu politika konsistenti u jistabbilixxu qafas legali vinkolanti li jippermetti li, fuq żmien twil, jiġi adottat programm b'fażijiet ta’ għajnuniet li jikkontribwixxu għall-ftuħ tas-suq u l-ħolqien ta’ infrastrutturi minimi, element li huwa essenzjali fi żmien ta’ kriżi u inċertezza kummerċjali;

5.

Ifakkar li politika kummerċjali komuni hija strument għas-servizz tal-objettivi ġenerali tal-Unjoni Ewropea li, skont l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-politika kummerċjali komuni tal-UE “għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni”, u li skont l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għandha tikkontribwixxi b'mod partikolari “għall-iżvilupp sostenibbli tal-pjaneta, is-solidarjetà u r-rispett reċiproku bejn il-popli, il-kummerċ liberu u ġust, il-qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem b'mod partikolari dawk tat-tfal, kif ukoll għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, partikolarment ir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti”;

6.

Jenfasizza li l-politiki kummerċjali tal-Unjoni Ewropea – fil-livelli bilaterali u multilaterali – huma għodda biex jintlaħaq għan u mhux finijiet fihom infushom, u li jeħtiġilhom ikunu koerenti mal-objettivi tagħha rigward it-tibdil fil-klima u jantiċipaw il-konklużjoni ta’ ftehim ambizzjuż dwar il-klima;

7.

Iqis li r-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għandhom jiġu interpretati u żviluppati b'tali mod li jappoġġjaw l-impenji li saru matul il-ftehim ambjentali multilaterali; jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem fuq il-bini ta’ kunsens fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa sabiex is-segretarjati tal-ftehim ambjentali multilaterali jingħataw status ta’ osservaturi fil-laqgħat kollha tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa rigward il-qasam ta’ kompetenza tagħhom u kif ukoll rwol konsultattiv fil-proċeduri ta’ riżoluzzjoni ta’ kunflitti relatati mal-ambjent; jenfasizza li r-regoli internazzjonali ġodda għandhom jiġu mwaqqfa sabiex jiġi eliminat il-vantaġġ komparattiv mogħti permezz ta’ emissjoni rħisa tas-CO2;

8.

Jiddeplora l-fatt li l-ebda wieħed mill-ftehimiet tad-WTO ma jagħmel referenza diretta għat-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-ikel u l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp; jiddeplora l-iżvilupp tal-bijopiraterija ta’ żrieragħ reżistenti għall-klima; iqis li jeħtieġ tibdil fir-regoli tad-WTO biex jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza mal-impenji skont il-Protokoll ta’ Kjoto u l-ftehimiet ambjentali multilaterali; iħeġġeġ b'urġenza li ssir riforma tad-WTO biex il-prodotti jkunu jistgħu jingħarfu skont il-metodi ta’ produzzjoni u pproċessar (PPMs);

9.

Jenfasizza, b'referenza għall-Preambolu tal-Ftehim tad-WTO u l-Artikolu XX b), d) u g) tal-GATT, li l-kummerċ internazzjonali ma għandux jirriżulta fl-isfruttament żejjed tar-riżorsi naturali u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-prinċipju ta’ preferenza kollettiva fil-qafas tad-WTO, speċjalment rigward prodotti sostenibbli, li jirrispettaw il-klima u etiċi;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-membri tad-WTO jiksbu opinjoni minn din tal-aħħar li tirrikonoxxi l-importanza tat-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi tiegħu u tħeġġeġ lid-WTO taħdem biex tiżgura li r-regoli tad-WTO jippromwovu u mhux jimminaw l-isforzi dinjija biex it-tibdil fil-klima jiġi miġġieled, jitnaqqas u li jsir adattament għalih;

11.

Jesprimi s-sogħba tiegħu li l-membri tad-WTO għad iridu jsibu mod kif jintegraw dan it-trattat fis-sistema tal-istituzzjonijiet u r-regoli tan-NU dwar il-protezzjoni ambjentali, inkluż it-tibdil fil-klima, kif ukoll il-ġustizzja soċjali u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem kollha; jinsisti li l-obbligi u l-objettivi skont il-Ftehimiet Ambjentali Multilaterali, bħall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima, u istituzzjonijiet oħra tan-NU (il-FAO, l-ILO u l-IMO) iridu jieħdu preċedenza fuq l-interpretazzjoni dejqa tar-regoli kummerċjali;

12.

Peress li għaddew aktar minn 15-il sena mid-Deċiżjoni Ministerjali tad-WTO dwar il-Kummerċ u l-Ambjent, li ttieħdet f'Marrakexx fil-15 ta’ April 1994, jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sa mhux aktar tard minn nofs l-2011, rapport li jivvaluta l-punt sa kemm il-Kumitat tad-WTO għall-Kummerċ u l-Ambjent issodisfa d-dmirijiet tiegħu kif stabbiliti f'dik id-Deċiżjoni u l-konklużjonijiet tagħha dwar x'fadal isir, b'mod partikulari fil-kuntest tad-djalogu globali dwar il-mitigazzjoni u l-adattament għat-Tibdil fil-Klima u d-WTO;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinsistu, fil-qafas tan-negozjati tad-WTO u ta’ ftehimiet bilaterali dwar il-kummerċ, li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, partikolarment rigward il-materja prima naturali, ma xxekkilx il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi u li l-għanijiet tal-ħarsien tal-klima u l-konservazzjoni tal-ispeċijiet isiru parti integrali fil-ftehimiet; għal dan il-għan jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ l-organizzazzjoni ta’ laqgħa konġunta tal-ministri tal-kummerċ u tal-ambjent tad-WTO anke qabel il-Konferenza tal-Partijiet tal-UNFCCC li se ssir f'Johannesburg fl-2011; ifakkar li l-UNFCCC hija l-forum fejn għandu jintlaħaq ftehim internazzjonali biex jiġi affrontat it-tibdil fil-klima;

14.

Iqis li huwa iktar urġenti minn qatt qabel li jitnieda dibattitu pubbliku dwar it-twaqqif ta’ Organizzazzjoni Ambjentali Dinjija;

It-tisħiħ tal-interazzjoni pożittiva bejn il-kummerċ u l-ħarsien tal-klima

15.

Jirrikonoxxi r-rwol pożittiv li l-kummerċ jista' jkollu fit-tifrix ta’ prodotti u servizzi li għandhom sehem fil-ħarsien tal-klima; iqis li l-ħarsien tal-klima u l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ jistgħu jsaħħu lil xulxin reċiprokament billi jiffaċilitaw l-iskambju tal-prodotti u tas-servizzi ambjentali, imma li għal dan jeħtieġ li minn qabel tkun stabbilita lista ta’ dawn l-oġġetti u servizzi skont kriterji ambjentali u f'kollaborazzjoni mal-pajjiżi membri tad-WTO;

16.

Jirrikonoxxi li l-kummerċ huwa għodda importanti għat-trasferiment tat-teknoloġija lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza l-bżonn li jitnaqqsu l-ostakoli għal “kummerċ aħdar” billi, pereżempju, jonqsu t-tariffi fuq il-“prodotti ħodor” fil-livell tad-WTO;

17.

Jittama li l-UE tagħti eżempju tajjeb billi tnaqqas l-ostakoli, bħalma huma t-tariffi u l-imposti, għall-kummerċ fit-teknoloġiji “ħodor” u fi prodotti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u lill-klima, u biex tippromwovi l-hekk imsejħa prodotti u servizzi ambjentali (EGS), anke fuq il-bażi tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Bali u l-Fond Aħdar għall-Klima ta’ Kopenħagen;

18.

Jisħaq fuq l-importanza tal-innovazzjoni fit-teknoloġiji ħodor u jirrikonoxxi r-rwol li jista' jkollu l-kummerċ fit-trasferiment ta’ dawn it-teknoloġiji bejn il-pajjiżi;

19.

Jistieden lill-UE tkun minn ta’ quddiem fl-identifikazzjoni ta’ ostakoli rilevanti għat-tixrid ta’ teknoloġiji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima;

20.

Jirrikonoxxi li l-inċentiv għall-innovazzjoni jista' jsir permezz ta’ diversi sistemi ta’ premju u li dawn is-sistemi ma jiffarovixxux bl-istess mod it-trasferimenti tat-teknoloġiji; jinnota wkoll li, biex is-sistemi tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali jittrasferixxu t-teknoloġija, irid jiġi indirizzat it-tħassib dwar il-protezzjoni tagħhom minħabba istituzzjonijiet politiċi dgħajfin u n-nuqqas tal-istat tad-dritt; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tistudja s-sistemi kollha ta’ premju għall-innovazzjoni, filwaqt li tqis ir-riskju li xi pajjiżi jkunu esklużi, u biex ir-riżultati ta’ dan ix-xogħol tintegrahom fid-diplomazija tagħha rigward il-klima;

21.

Jinsab imħasseb fuq l-effett ta’ distorsjoni tas-sussidji għall-enerġiji fossili fuq il-kummerċ internazzjonali, minħabba l-impatt tagħhom fuq il-klima u l-ispiża li jirrappreżentaw għall-finanzi pubbliċi; jilqa' favorevolment l-impenn tal-G 20 favur it-tneħħija gradwali ta’ dawn is-sussidji;

22.

Jixtieq li l-Unjoni Ewropea tieħu rwol ta’ tmexxija dinjija fuq din il-materja, u jitlob lill-Kummissjoni tipproponi bil-ħeffa kalendarju għat-tneħħija gradwali ta’ dawn is-sussidji fl-Unjoni, ladarba dan il-proċess se jkollu jinvolvi l-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ akkompanjament soċjali u industrijali; ifakkar, barra minn hekk, it-talba tal-Parlament Ewoprew lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinfurmaw lill-Parlament Ewropew dwar self mogħti minn aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u l-Bank Ewropew tal-Investiment għal proġetti li jkollhom impatt ħażin fuq il-klima;

23.

Jopponi s-sussidji tal-fjuwils fossili u jappella għat-tisħiħ tal-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu u ekoloġiċi kif ukoll l-istudju u l-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija deċentralizzati, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; f'dan il-kuntest, ifakkar fil-ftehim tal-G 20 biex jiġu eliminati gradwalment is-sussidji fuq il-fjuwils fossili u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposti għal strateġija Ewropea għall-implimentazzjoni tiegħu b'kalendarji ċari u mekkaniżmi ta’ kumpens fejn ikunu f'lokhom;

Prezzijiet aktar ġusti fil-kummerċ internazzjonali u l-evitar ta’ emissjonijiet tal-karbonju

24.

Jinnota li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tista' taħdem kontra l-ħarsien tal-klima jekk ċerti pajjiżi jiksbu vantaġġ kompetittiv min-nuqqas ta’ azzjoni rigward il-klima; jissuġġerixxi għalhekk li ssir riforma tar-regoli tad-WTO dwar l-antidumping biex jinkludu l-kwistjoni ta’ prezz ambjentali ġust skont normi dinjija tal-ħarsien tal-klima;

25.

Jiddispjaċih li s-sussidji tal-prezzijiet tal-enerġija u n-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet jew kwoti fuq l-emissjonijiet ta’ CO2 f'ċerti pajjiżi jagħtihom vantaġġ kumparattiv; minħabba n-nuqqas ta’ restrizzjonijiet b'rabta mal-emissjonijiet ta’ CO2, li għalhekk jiġu jiswew relattivament ftit, dawn il-pajjiżi m'għandhom l-ebda inċentiv biex jidħlu fil-ftehimiet multilaterali dwar it-tibdil fil-klima;

26.

Jinnota madankollu li n-negozjati dwar il-klima jserrħu fuq il-prinċipju ta’ “responsabbiltà komuni imma ddifferenzjata” u li d-dgħufija tal-politiki klimatiċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw ġeneralment hija dovuta għall-fatt li għandhom anqas kapaċità finanzjarja jew teknoloġika, u mhux minħabba xi mira ta’ dumping ambjentali;

27.

Jixtieq, f'dan il-kuntest, li d-dibattitu Ewropew fuq l-emissjonijiet tal-karbonju industrijali fir-rigward tas-sistema Komunitarja tal-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet (EU-ETS) u dwar il-mezzi ta’ rimedju jinbeda b'mod kawt;

28.

Ifakkar li, fil-fatt, skont l-aħħar komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Mejju 2010 (COM(2010)0265) dwar dan is-suġġett, ftit huma s-setturi industrijali li huma vulnerabbli b'mod sinifikanti għall-emissjonijiet tal-karbonju u jqis li l-identifikazzjoni tagħhom tirrikjedi analiżi settorjali fina; jistieden lill-Kummissjoni tuża approċċċ bħal dan fil-futur qrib, aktar milli tuża xi kriterji kwantitattivi identifikati għas-setturi industrijali kollha;

29.

Jenfasizza li m'hemmx soluzzjoni waħda għas-setturi industrijali vulnerabbli għall-emissjonijiet tal-karbonju, u li n-natura tal-prodott jew inkella l-istruttura tas-suq huma kriterji essenzjali għall-għażla bejn l-għodod disponibbli (allokazzjoni ta’ kwoti bla ħlas, għajnuniet mill-Istat jew aġġustament fil-fruntieri);

30.

Iqis li ftehim multilaterali dwar il-klima jkun l-aħjar strument biex jiġu internalizzati fatturi ambjentali negattivi esterni b'rabta mas-CO2, iżda li hemm riskju li dan ma jintlaħaqx fil-ġejjieni qarib; iqis għalhekk li l-Unjoni Ewropea għandha tanalizza l-possibilitajiet li timplimenta, għas-setturi industrijali li tabilħaqq huma esposti għar-rilokazzjoni tal-karbonju, strumenti ambjentali adegwati kumplementari għall-irkantar tal-kwoti tas-CO2 tas-sistema tal-Unjoni ta’ skambju tal-kwoti tal-emissjonijiet, partikolament ta’ “mekkaniżmu ta’ inklużjoni tal-karbonju”, waqt li jiġu rispettati r-regoli tad-WTO. Mekkaniżmu ta’ dan it-tip jippermetti li jiġu miġġielda r-riskji tat-trasferimenti tal-emissjonijiet tas-CO2 lejn il-pajjiżi terzi;

31.

Jiddikjara bla ekwivoċi li l-aġġustamenti tat-taxxi konfinali ma għandhomx iservu bħala strument għall-protezzjoniżmu imma pjuttost bħala mod biex jitnaqqsu l-emissjonijiet;

Favur id-differenzjazzjoni tal-prodotti skont l-impatt tagħhom fuq il-klima

32.

Iqis li l-Unjoni Ewropea, bħala l-akbar blokk ta’ kummerċ internazzjonali, tista' tistabbilixxi standards fuq livell globali u tappoġġja l-iżvilupp u t-tixrid ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni u ta’ ttikkettjar li jqisu kriterji soċjali u ekoloġiċi; ifakkar il-ħidma ta’ suċċess ta’ NGOs internazzjonali għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ tikketti u ċertifikazzjoni ta’ dan it-tip, u b'mod partikolari jappoġġja l-użu usa' tagħhom;

33.

Ifakkar li l-qafas tad-WTO jippermetti li jittieħdu miżuri ta’ kwalifikazzjoni tal-kummerċ jekk ikunu meħtieġa, proporzjonali u ma jiddiskriminawx kontra pajjiżi b'kundizzjonijiet ta’ produzzjoni identiċi; jinnota, madankollu, li hemm bżonn urġenti ta’ kjarifiki biex dawn il-miżuri jkunu jistgħu japplikaw abbażi ta’ kriterji klimatiċi relattivi għall-PMP ta’ dawn il-prodotti;

34.

Jitlob lill-Kummissjoni biex taħdem favur li jinbdew mill-ġdid id-diskussjonijiet fi ħdan id-WTO fuq il-PMP u l-possibbiltà li prodotti simili jkunu ddifferenzjati skont l-impronta tal-karbonju tagħhom, l-impronta enerġetika jew standards teknoloġiċi; iqis li inizjattiva f'dan is-sens tista' tintlaqa' mill-membri tad-WTO jekk tkun akkumpanjata minn miżuri li jiffaċilitaw it-trasferiment tat-teknoloġiji;

35.

Jixtieq madankollu li -nuqqas ta’ ċarezza attwali dwar il-PMP fi ħdan id-WTO ma jwaqqax l-Unjoni fl-immobiliżmu, ġaladarba l-Unjoni għandha, bil-maqlub, tisfrutta dawn il-marġni ta’ manuvra;

36.

Jenfasizza li għandhom isiru sforzi biex jiġi żgurat li l-effetti negattivi fuq l-ambjent dovuti għall-kummerċ jiġu riflessi fil-prezzijiet u biex il-prinċipju “min iniġġes iħallas” jiġi infurzat; iħeġġeġ li s-sistemi ta’ ttikkettar u ta’ informazzjoni rigward l-istandards ambjentali jkunu sinkronizzati;

37.

Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu, għal din ir-raġuni, rigward l-istabbiliment mill-Unjoni Ewropea ta’ kriterji ta’ sostenibbiltà għall-agrofjuwils prodotti fl-Unjoni u importati; jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tistudja t-twessigħ ta’ dan l-approċċ ħalli jkopri l-bijomassa u l-prodotti agrikoli; jitlob li t-tibdiliet indiretti fl-użu tal-artijiet relatati mal-agrofjuwils jiġu meqjusa u jistenna li l-Kummissjoni tressaq proposta qabel tmiem l-2010, f'konformità mal-impenn li hija ħadet mal-Parlament Ewropew;

38.

Jirrakkomanda l-iżvilupp ta’ standards u kriterji ta’ sostenibbiltà stretti u vinkolanti għall-produzzjoni tal-bijofjuwils u l-bijomassa li jqisu l-emissjonijiet ta’ gassijiet u partikuli żgħar li jagħmlu ħsara lill-klima minħabba t-tibdil indirett tal-użu tal-art (ILUC) u ċ-ċiklu ta’ produzzjoni kollu; jenfasizza li s-salvagwardja tal-provvista tal-ikel għall-popolazzjoni għandu jkollha prijorità fuq il-produzzjoni tal-bijofjuwils, u li hemm bżonn urġenti li s-sostenibilità tal-politika u l-prattika tal-użu tal-art tiġi affrontata b'approċċ aktar olistiku;

39.

Iqis bħala kruċjali li jkun hemm standards ibsin b'rabta mas-sostenibilità fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali tal-bijofjuwils, filwaqt li jitqies l-impatt ambjentali u soċjali kontradittorju tagħhom;

40.

Jilqa' l-ftehim Ewropew milħuq dwar il-kummerċ illegali tal-injam u jistenna b'ħerqa li jsir progress fil-Ftehimiet ta’ Sħubija Volontarja;

Il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ m'għandhiex timmina politiki ambizzjużi dwar il-klima

41.

Huwa mħasseb dwar ir-rieda tal-Kummissjoni li fil-ftehimiet kummerċjali tagħfas fuq il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tal-injam, u b'mod partikolari l-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tiegħu, minkejja r-riskju akbar tad-deforestazzjoni u r-riperkussjonijiet ħżiena fuq il-klima, il-bijodiversità, l-iżvilupp u l-popolazzjonijiet lokali;

42.

Jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa ta’ konsistenza bejn l-objettivi tal-klima u tal-bijodiversità u l-kundizzjonijiet kummerċjali sabiex jiġi żgurat li, pereżempju, l-isforzi biex tiġi affrontata d-deforestazzjoni jkunu effikaċi;

43.

Huwa tal-fehma li l-ftehimiet internazzjonali ġodda għall-ħarsien tal-ambjent iridu jinkludu garanziji sodi dwar it-tnaqqis tal-impatt nagattiv fuq l-ambjent tal-kummerċ internazzjonali fl-injam u dwar l-eliminazzjoni tad-deforestazzjoni, li huma estensivi b'mod inkwetanti;

l-integrazzjoni sħiħa tat-trasport fil-problematika kummerċ/klima

44.

Jiddispjaċih li s-sistema kummerċjali attwali toħloq firda globali bejn ix-xogħol u l-produzzjoni ibbażata fuq input għoli ħafna tat-trasport - li ma tagħmilx tajjeb għall-ispiża ambjentali tagħha; jixtieq li l-kost klimatiku tat-trasport internazzjonali jiġi internalizzat fil-prezz tiegħu, sew jekk dan isir permezz tal-implimentazzjoni ta’ taxxi jew permezz ta’ sistemi ta’ skambju tal-kwoti bi ħlas; jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għall-inklużjoni tal-avjazjoni fl-EU-ETS u jistenna mill-Kummissjoni inizjattiva simili għat-trasport marittimu sal-2011 li tidħol fis-seħħ fl-2013, jekk jirriżulta li ma jkunx possibbli li jiġi implimentat mekkaniżmu dinji sa dak iż-żmien; jiddispjaċih li l-fjuwil użat għat-trasport ta’ prodotti barra l-pajjiż mhuwiex soġġett għal taxxi; hu favur l-impożizzjoni ta’ taxxi fuq dak il-fjuwil u fuq dawk il-prodotti, b'mod partikolari fuq prodotti li jinġarru bl-ajru; jistenna li l-Kummissjoni, barra minn hekk, tieħu l-inizjattiva li teżamina l-għajnuniet mill-Istat mogħtija lill-modi l-aktar niġġiesa ta’ trasport, bħall-eżenzjoni mit-taxxa għall-enerġija tal-pitrolju;

45.

Jinnota li l-emissjonijiet tad-CO2 fil-kummerċ internazzjonali jistgħu jitnaqqsu b'mod sinifikanti; jitlob li n-nefqa ambjentali u tat-trasport jiġu integrati fil-prezzijiet tal-prodott (internalizzazzjoni tal-kosts esterni), partikolarment billi t-trasport marittimu, li jkopri 90 % tat-trasport fil-kummerċ internazzjonali, jiġi inkluż fl-Iskema Ewropea għall-Iskambju tal-Emissjonijiet (ETS);

46.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu kull ma jistgħu ħalli jiksbu ftehim legalment vinkolanti dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet mit-traffiku marittimu fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali;

47.

Iqis bħala importanti li l-impenji internazzjonali b'rabta mat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett ta’ serra jiġu applikati wkoll għat-trasport internazzjonali bl-ajru u bil-baħar;

48.

Jenfasizza li ż-żieda fl-emissjonijiet ta’ CO2 marbuta mat-trasport u l-kummerċ internazzjonali timmina l-effikaċja tal-istrateġija tal-UE dwar it-tibdil fil-klima; huwa tal-fehma li din hija raġuni valida biżżejjed biex l-istrateġija għall-iżvilupp ibbażata fuq l-esportazzjoni tinbidel għal waħda ta’ żvilupp endoġenu bbażat fuq produzzjoni u konsum lokali u diversifikati fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; ifakkar li tali strateġija jkollha effetti pożittivi fuq l-impjieg kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

49.

Iqis li, sakemm il-kost klimatiku ma jidhirx fil-prezz tat-trasport, għandha tiġi inkoraġġita l-promozzjoni tal-produzzjoni lokali u sostenibbli, b'mod patikolari permezz ta’ informazzjoni aħjar lill-konsumaturi;

It-tisħiħ tal-għodod biex il-kummerċ u l-klima jinġiebu f'koerenza ma’ xulxin

50.

Jitlob, bil-għan li tkun żgurata l-koerenza bejn il-politiki kummerċjali u dawk klimatiċi tal-Unjoni Ewropea, li jissawwar bilanċ tal-karbonju ta’ kwalunkwe politika kummerċjali, li din il-politika possibbilment tiġi modifikata biex dan il-bilanċ jittejjeb, u li jittieħdu obbligatorjament miżuri ta’ kumpens – kooperazzjoni politika, teknoloġika jew finanzjarja – fil-każ ta’ bilanċ negattiv għall-klima;

51.

Iħeġġeġ lill-UE tuża d-dispożizzjonijiet ambjentali komprensivi fi ftehimiet kummerċjali bilaterali u reġjonali bħala għodod tal-iżvilupp, billi tenfasizza l-ħtieġa għal implimentazzjoni tajba ta’ klawsoli ambjentali u ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni biex jippromwovu t-trasferiment tat-teknoloġija, l-għajnuna teknika u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet;

52.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi sistematikament klawsoli ambjentali fil-ftehimiet kummerċjali konklużi ma’ pajjiżi li mhumiex membri tal-UE, b'enfasi partikolari fuq it-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ CO2 u fuq it-trasferiment ta’ teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi;

53.

Jilqa' l-introduzzjoni tad-dimensjoni tat-tibdil fil-klima fil-Valutazzjonijiet tal-Impatt fuq is-Sostenibilità (SIA) fil-ftehimiet kummerċjali; jinnota l-fatt li, madankollu, f'ċerti każi, bħall-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar il-Kummerċ Liberu, l-SIA tixhed li l-ftehim se jkollu impatti klimatiċi ħżiena li ma ġewx indirizzati qabel ma ġie konkluż; jikkunsidra li l-ftehimiet kummerċjali ma għandhom bl-ebda mod idgħajfu l-ftehimiet ambjentali multilaterali (MEAs);

54.

Huwa tal-fehma li għandhom jiġu introdotti kriterji ambjentali fir-riforma tal-GSP;

55.

Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha ssegwi qafas armonizzat fl-istrateġiji ta’ negozjar tagħha fir-rigward tal-politika kummerċjali u ambjentali, biex is-sħab ma jingħatawx raġuni għal tħassib rigward ostakoli kummerċjali, filwaqt li tiżgura l-konformità mal-objettivi vinkolanti tagħha għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

56.

Iqis li għandu jkun hemm iktar sforzi biex tintlaħaq “diplomazija b'rabta mal-klima” u iktar konsistenza fir-rabtiet kummerċjali tal-UE ma’ Stati li mhumiex marbuta bi ftehimiet multilaterali ta’ ħarsien tal-ambjent;

Il-koerenza bejn il-kummerċ u l-klima tal-Unjoni mill-perspettiva tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw

57.

Jirrikonoxxi li l-koerenza bejn il-politika kummerċjali u dik klimatika tal-Ewropa tista' tintuża jew tiġi perċepita mill-pajjiżi sħab bħala mezz indirett biex innaqqsu l-importazzjoni u nqawwu l-esportazzjoni tagħna;

58.

Jinsisti għaldaqstant fuq l-importanza li ninnegozjaw ma’ dawn il-pajjiżi kwalunkwe miżura li l-Unjoni tista' tieħu, b'mod partikolari l-aġġustament fil-fruntieri, u dwar il-ħtieġa għall-Unjoni li tirrispetta l-impenji tagħha mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw rigward l-għajnuna dwar il-klima;

59.

F'dan ir-rigward, huwa mħasseb li l-finanzjamenti “prekoċi” mwiegħda mill-pajjiżi Ewropej waqt is-samit ta’ Kopenħagen dwar il-klima parzjalment jidderivaw minn impenji meħuda fil-kuntest tal-għajnuna pubblika għall-iżvilupp u jiġu pprovduti fil-forma ta’ self, kontra t-talbiet tal-Parlament Ewropew; jitlob li l-Kummissjoni tagħmel rapport dwar dawn il-finanzjamenti li jippermetti li dak li jkun jiġġudika dwar il-korrispondenza bejn ir-realtà, l-impenji meħuda u t-talbiet tal-Parlament; jappella wkoll għal koordinament aħjar tal-finanzjamenti rigward l-utilizzazzjoni tematika u ġeografika tagħhom;

60.

Ifakkar l-impenn tal-pajjiżi industrijalizzati, fosthom l-Istati Membri tal-Unjoni, li jirriflettu dwar finanzjamenti innovattivi biex jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima;

61.

Huwa konvint li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tas-solidarjetà bejn il-pajjiżi industrijalizzati u dawk li qed jiżviluppaw u possibilment b'koperazzjoni aktar mill-qrib bejn in-NU, id-WTO u l-Istituzzjonijiet l-oħra ta’ Bretton Woods; jitlob għalhekk li titfassal, flimkien mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, dawk emerġenti u dawk industrijalizzati, strateġija komprensiva għat-tassazzjoni tal-enerġija u tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sabiex, minn naħa, ma jitħalliex ikun hemm r-rilokazzjoni tal-kummerċ (carbon leakage), u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi ġġenerat finanzjament għal miżuri tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u għat-tnaqqis tal-konsegwenzi tiegħu u għall-adattament għalihom;

62.

Jenfasizza li ż-żieda fit-trasferiment tat-teknoloġija bħala mezz biex jiġi indirizzat ir-rilaxx tal-karbonju se tkun element kritiku tal-iskema klimatika wara l-2012; jiddeplora l-fatt li t-trasferiment tat-teknoloġija huwa biss parti żgħira mill-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu għajnuna teknika u finanzjarja addizzjonali lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiffaċċjaw il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima, jissodisfaw standards relatati mal-klima u jinkludu valutazzjonijiet tal-impatt minn qabel tal-istandards, tikkettar u ċertifikazzjoni b'rabta mal-iżvilupp;

*

* *

63.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali kif ukoll lis-segretarju eżekuttiv tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u lis-16-il Konferenza tal-Partijiet (COP 16).


(1)  Climate Change 2007: Synthesis Report; editjat minn Rajendra K. Pachauri u Andy Reisinger, Ġinevra 2007, http://www.ipcc.ch/pdf/assessment-report/ar4/syr/ar4_syr.pdf; u r-rapporti tal-gruppi ta’ ħidma: The Physical Science Basis, Kontribut tal-Grupp ta’ Ħidma I, editjat minn S. Solomon, D. Qin, M. Manning, Z. Chen, M. Marquis, K. Averyt, M. Tignor u H.L. Miller, Jr.; Impacts, Adaptation and Vulnerability, Kontribut tal-Grupp ta’ Ħidma II, editjat minn M. Parry, O. Canziani, J. Palutikof, P. van der Linden u C. Hanson; Mitigation of Climate Change, Kontribut tal-Grupp ta’ Ħidma III, editjat minn B. Metz, O. Davidson, P. Bosch, R. Dave u L. Meyer.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2010)0019.

(3)  ĠU C 297 E, 20.11.2008, p. 193.

(4)  ĠU C 160, 19.6.2010, p. 1 u 8.

(5)  http://www.agassessment.org/