3.4.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 99/89 |
Il-Ħamis 25 ta’ Novembru 2010
Ukraina
P7_TA(2010)0444
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar l-Ukraina
2012/C 99 E/17
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina, |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta adottata fis-Samit UE-Ukraina li sar fi Brussell fit-22 ta’ Novembru 2010, |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u r-Rakkomandazzjonijiet Finali maħruġa wara l-15-il laqgħa tal-Kumitat għall-Kooperazzjoni Parlamentari UE-Ukraina, li saret fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2010 fi Kyiv u f’Odessa, |
— |
wara li kkunsidra d-deleagzzjoni tal-Kumitat għall-Kooperazzjoni Parlamentari UE-Ukraina li ossservat l-elezzjonijiet lokali u reġjonali li saru fl-Ukraina fil-31 ta’ Ottubru 2010, |
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 1998 u n-negozjati li għadhom għaddejjin dwar il-ftehim ta’ assoċjazzjoni maħsub biex jissostitiwixxi l-FSK, |
— |
wara li kkunsidra l-14-il laqgħa tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni UE-Ukarina li sar fil-Lussemburgu fil-15 ta’ Ġunju 2010, |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Sħubija tal-Lvant varata fi Praga fis-7 ta’ Mejju 2009, |
— |
wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tas-Sħubija tal-Lvant adottata mill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin fil-25 ta’ Ottubru 2010, |
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1755 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, adottata fil-5 ta’ Ottubru 2010, dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fl-Ukraina, |
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Ukraina tas-16 ta’ Settembru 2010, |
— |
wara li kkunsidra l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukraina, li tissostitwixxi l-Pjan ta’ Azzjoni u li ġiet approvata mill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni UE-Ukraina f’Ġunju 2009, |
— |
wara li kkunsidra l-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina dwar il-faċilitazzjoni tal-viża, iffirmat fit-18 ta’ Ġunju 2007, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008, u d-djalogu dwar il-viża bejn l-UE u l-Ukraina varat f’Ottubru 2008, |
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kumitat għall-Kooperazzjoni Parlamentari UE-Ukraina dwar il-Politika tal-Viża bejn l-Ue u l-Ukraina tal-4 ta’ Novembru 2010, |
— |
wara li kkunsidra l-bidliet tal-aħħar minuta fil-liġi elettorali tal-Ukraina li għadda l-Parlament Ukrain (Verkhovna Rada) f’Ġunju 2010, ftit qabel ma saru l-elezzjonijiet lokali, |
— |
wara li kkunsidra l-Programm Nazzjonali Indikattiv 2011-2013 għall-Ukraina, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
A. |
billi l-Ukraina hija pajjiż Ewropew ta’ importanza strateġika għall-UE; billi d-daqs, ir-riżorsi, il-popolazzjoni u l-lok ġeografiku tagħha lill-Ukraina jagħtuha pożizzjoni partikolari fl-Ewropa u jagħmluha protagonist reġjonali ewlieni, |
B. |
billi kemm il-President elett il-ġdid Viktor Yanukovych kif ukoll il-Verkhovna Rada kkonfermaw id-determinazzjoni tal-Ukraina li tingħaqad mal-Unjoni Ewropea, |
C. |
billi saru allegazzjonijiet li l-libertajiet demokratiċi, bħalma huma l-libertà tal-għaqda, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-media, sfaw mhedda f’dawn l-aħħar xhur, |
D. |
billi s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Ukraina tal-1 ta’ Ottubru 2010 terġa’ tistabbilixxi sistema presidenzjali ta’ governanza; billi għandu jibqa’ prijoritarju l-istabbiliment ta’ sistema demokratika, effikaċi u dejjiema ta’ kontrolli u kontrobilanċi u l-proċess biex dan jintlaħaq għandu jkun miftuħ, inklużiv u aċċesibbli għall-partiti politiċi u l-protagonisti kollha fl-Ukraina, |
E. |
billi l-elezzjonijiet lokali u reġjonali li saru fl-Ukraina fil-31 ta’ Ottubru 2010 saru f’atmosfera kalma u mingħajr inċidenti; billi ġiet espressa kritika dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni ta’ dawn l-elezzjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-liġi elettorali, il-proċeduri għall-adozzjoni tagħha u xi aspetti speċifiċi dwar is-sustanza tagħha, |
F. |
billi wara l-elezzjonijiet presidenzjali li saru f’Jannar 2010 qed ikun hemm dejjem iktar sinjali ta’ tħassib fir-rigward tat-tnaqqis fir-rispett għad-demokrazija u l-pluraliżmu, kif juru, b’mod partikolari, it-trattament ta’ xi NGOs u lmenti individwali minn ġurnalisti dwar pressjoni mill-edituri tagħhom jew mis-sidien tal-istabbilimenti tal-media tagħhom biex ikopru jew ma jkoprux ċerti avvenimenti, kif ukoll attività aktar qawwija u motivata politikament tas-Servizz ta’ Sigurtà tal-Ukraina (SBU) u l-użu ħażin tar-riżorsi amministrattivi u ġudizzjarji għal skopijiet politiċi, |
G. |
billi r-Rappreżentant tal-OSCE għal-Libertà tal-Media fit-13 ta’ Ottubru 2010 afferma li l-Ukraina laħqet livell għoli ta’ libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni, iżda li għandha tadotta provvedimenti urġenti biex tissalvagwardjahom, u stieden lill-Gvern Ukrain biex joqgħod lura minn kull tentattiv li jinfluwenza jew li jiċċensura l-kontenut tal-mezzi tal-komunikazzjoni u biex jikkonforma mal-istandards internazzjonali dwar il-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni u jonora l-impenji tal-OSCE, |
H. |
billi s-Sħubija tal-Lvant tista’ toffri lill-Ukraina mezz addizjonali biex tintegra mal-Unjoni Ewropea, imma tista’ biss tkun ta’ suċċess jekk tkun ibbażata fuq proġetti prattiċi u kredibbli u jekk tkun iffinanzjata biżżejjed, |
1. |
Jenfsizza li, skont l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Ukraina tista’ tapplika biex tissieħeb fl-UE bħal kull Stat Ewropew ieħor li jaderixxi mal-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt; |
2. |
Jenfasizza li l-Ukraina għandha perspettiva Ewropea u rabtiet storiċi, kulturali u ekonomiċi qawwija mal-Unjoni Ewropea, u li hija waħda mis-sħab ewlenin tal-Unjoni fil-viċinat tal-Lvant tagħha, ladarba għandha influwenza sinifikanti fuq is-sigurtà, l-istabbiltà u l-prosperità tal-kontinent kollu; |
3. |
Jilqa’ d-dikjarazzjonijiet ta’ kunsens mill-Gvern Ukrain u mill-oppożizzjoni politika dwar l-aspirazzjonijiet tal-Ukraina rigward it-triq lejn l-integrazzjoni Ewropea u l-ambizzjoni tagħha fit-tul li ssir Stat Membru tal-Unjoni Ewropea; jinnota li l-protagonisti kollha fix-xena politika tagħha jissuktaw jappoġġaw din il-mira bil-kunsens tagħhom; jitlob lill-awtoritajiet Ukraini jistabbilixxu forum komuni biex jikkoordina l-pożizzjoni politika tal-Ukraina fir-rigward tal-Unjoni Ewropea, fejn dak il-forum għandu jikkonsisti minn politiċi sew mill-koalizzjoni fil-gevrn kif ukoll mill-oppożizzjoni; |
4. |
Jirrimarka li l-elezzjonijiet lokali u reġjoanli tal-31 ta’ Ottubru 2010, minkejja li teknikament saru b’mod ordnat, ma stabbilixxewx standard ġdid pożittiv; jiddispjaċih li l-Ukraina bidlet il-liġijiet elettorali tagħha ftit xhur qabel ma saru l-elezzjonijijet lokali u reġjonali, b’tali mod li tħalla ftit wisq żmien għat-titjib tal-liġi u għat-tħejjija biex l-elezzjonijiet isiru b’mod tajjeb u demokratiku; |
5. |
Jiddispjaċih li, minħabba li t-talbiet għar-reġistrazzjoni mill-partiti tal-oppożizzjoni ma ntlaqgħux mill-kummissjonijiet elettorali qabel is-sottomissjoni tal-lista tal-Partit tar-Reġjuni, il-partit fil-gvern effettivament rebaħ l-ewwel post fil-listi f’madwar 85 % tal-kostitwenzi; jinnota li minħabba l-anomaliji fil-liġi elettorali, li naqset milli tipprovdi salvagwardji suffiċjenti biex tipproteġi d-dritt tal-partiti stabbiliti li jikkompetu, xi partiti, bħal Batkivshchyna, f’bosta distretti ma setgħux jirreġistraw il-kandidati u jiħdu sehem fl-elezzjonijiet; |
6. |
Jiddispjaċih li r-regoli tal-elezzjoni għadhom qed jiġu diskussi; japprova l-ħtieġa li l-qafas elettorali jittejjeb u jagħmel il-qalb bix-xogħol li sar f’kooperazzjoni mal-esperti tal-UE u tal-OSCE għall-iżvilupp ta’ abbozz ġdid tal-Kodiċi Elettorali; jinnota li abbozz ta’ Kodiċi Elettorali Unifikat issa tressaq għall-adozzjoni mill-Verkhovna Rada; jenfasizza li t-trasparenza tal-prċess elettorali huwa kontinġenti fuq iċ-ċarezza tal-qafas legali; jistieden lill-awtoritajiet tal-Ukraina biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tkun iffinalizzata f’waqtha, ħafna qabel l-elezzjonijiet parlamentari tal-2012; |
7. |
Huwa mħasseb bl-iżviluppi reċenti li jistgħu jheddu l-libertà tal-media u l-pluraliżmu; jistieden lill-awtoritajiet biex jieħdu l-miżuri neċessarji kollha ħalli jipproteġu dawn l-aspetti essenzjali ta’ soċjetà demokratika u joqogħdu lura minn kwalunkwe tentattiv biex jikkontrollaw, direttament jew indirettament, il-kontentut tar-rapporti fil-media nazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta’ riforma tal-liġijiet li jirregolaw is-settur tal-media u għalhekk jilqa’ proposta reċenti li tikkonċerna l-introduzzjoni ta’ Xandir ta’ Servizz Pubbliku fl-Ukraina; jilqa’ wkoll l-assigurazzjonijiet pubbliċi mogħtija mill-awtoritajiet tal-Ukraina li l-qafas legali meħtieġ biex jiġi stabbilit xandar ta’ servizz pubbliku se jiġi konkluż sal-aħħar tas-sena; jiddeplora l-fatt li żewġ stazzjonijiet indipendenti, TVi u TV5, ġew imċaħħda minn xi frekwenzi tax-xandir tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li l-proċedimenti legali ma jwasslux għar-revoka selettiva ta’ frekwenzi tax-xandir u jirrevedu kwalunkwe deċiżjoni jew ħatra li tista’ twassal għal konflitt ta’ interess; |
8. |
Jistieden lill-Gvern tal-Ukraina biex il-leġiżlazzjoni dwar il-libertà tal-media jġibha konformi mal-istandards tal-OSCE; azzjoni deċiżiva f’dan ir-rigward issaħħaħ il-kredibilità tal-Ukraina bħala Presidenza fil-Kariga tal-OSCE għall-2013; |
9. |
Jistieden lill-awtoritajiet Ukraini jinvestigaw bir-reqqa l-għejbien ta’ Vasyl Klymentyev, il-kap editur ta’ gazzetta li tiffoka fuq il-korruzzjoni fir-reġjun ta’ Kharkiv; |
10. |
Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kredibbiltà, l-istabbiltà, l-indipendenza u l-effikaċja tal-istituzzjonijiet, biex b’hekk jiġu ggarantiti d-demokrazija u l-istat tad-dritt u jinġieb ’il quddiem proċess ta’ riforma kostituzzjonali konsenswali bbażat fuq is-separazzjoni ċara tas-setgħat u kontolli u kontrobilanċi effikaċi bejn l-istituzzjonijiet tal-istat; jenfasizza li l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta’ Venezja) hija kruċjali sabiex jiġi żgurat li l-pakketti ta’ riformi leġiżlattivi li qegħdin jiġu żviluppati attwalment ikunu konsistenti għalkollox mal-istandards u l-valuri Ewropej; jistieden lill-partijiet interessati politiċi relevanti, inklużi l-gvern u l-oppożizzjoni, biex jipparteċipaw f’dan il-proċess, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Ukraina biex jitolbu l-opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja dwar il-verżjonijiet finali tal-abbozzi ta’ liġijiet; |
11. |
Jistieden lill-partiti kollha fil-Verkhovna Rada biex jappoġġaw u jippromwovu sistema ta’ kontrolli u kontrobilanċi effikaċi f’konnessjoni mal-operat leġittimu tal-gvern; |
12. |
Jistieden lill-awtoritajiet biex jinvestigaw b’mod sħiħ kull rapport dwar ksur tad-drittijiet u l-libertajiet, jirmedjaw kwalukwe ksur identifikat u jinvestigaw ir-rwol tal-SBU rigward l-indħil fil-proċess demokratiku; |
13. |
Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-Ukraina fis-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea; jisħaq fuq l-importanza li tintensifika l-koperazzjoni bejn l-Ukraina u l-UE fil-qasam tal-enerġija; jistieden lill-Ukraina biex timplimenta l-impenji tagħha skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Konferenza UE-Ukraina dwar l-Investiment Internazzjonali dwar il-Modernizzazzjoni tas-Sistema ta’ Tranżitu tal-Gass tal-Ukraina; jitlob li jiġu konklużi aktar ftehimiet bejn l-UE u l-Ukraina bil-għan li jiżgura l-provvisti tal-enerġija għaż-żewġ naħat, inkluża sistema ta’ tranżitu affidabbli u diversifikata għall-gass u ż-żejt; jenfasizza li sabiex l-Ukraina jkollha sistema moderna ta’ tranżitu tal-gass, tirrikjedi servizzi ta’ tranżitu trasparenti, effiċjenti u ta’ kwalità permezz ta’ netwerk modernizzat għat-trasport tal-gass; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi l-assistenza teknika meħtieġa biex tittejjeb radikalment l-effiċjenza enerġetika tan-netwerk tal-elettriku tal-Ukraina u biex tintensifika l-kooperazzjoni rigward ir-riforma tas-settur tal-gass, sabiex isir konformi mal-istandards tal-UE; |
14. |
Jappoġġja t-talba li saret mill-Kapijiet ta’ Stat tal-UE u tal-Ukraina, fl-okkażjoni tat-tifkira tal-25 anniversarju tad-diżastru ta’ Chernobyl f’Kiev, biex jiġi mobilizzat l-appoġġ kollu meħtieġ biex tiġi kkompletata l-istruttura ta’ protezzjoni tal-Unità 4 ta’ Chernobyl u biex titkompla d-diżattivazzjoni tat-tliet unitajiet l-oħra; jenfasizza li t-trasparenza hija kruċjali għall-proġett ta’ kostruzzjoni tal-istruttura ta’ protezzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-passi li jmiss u tal-istadju attwali li ntlaħaq fix-xogħol; |
15. |
Jagħmel il-qalb jara l-progress fin-negozjati dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukraina, b’mod partikolari l-aspetti tiegħu relatati ma’ Żona fonda u komprensiva tal-Kummerċ Ħieles (DCFTA); jinnota li l-konklużjoni tan-negozjati dwar il-ftehim jiddependu mill-kapaċità u r-rieda tan-naħa Ukraina li tqarreb il-liġijiet u r-regolamenti tagħha lejn dawk tal-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni tinnegozja d-DCFTA mal-Ukraina b’tali mod li d-dispożizzjonijiet tagħha mhux biss jiftħu s-swieq tal-UE u tal-Ukraina għall-kummerċ reċiprokament benefiku, imma jappoġġa l-modernizzazzjoni tal-ekonomija tal-Ukraina; jenfasizza li d-DCFTA għandha tgħin l-integrazzjoni gradwali tal-Ukraina fis-suq intern tal-UE, inkluża l-estensjoni tal-erba’ libertajiet għall-pajjiż; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Ukraina biex iħaffu l-progress f’dan il-qasam abbażi tal-kisbiet tal-Ukraina bħala membru tad-WTO; iħeġġeġ liż-żewġ partijiet biex jagħmlu kulma huwa meħtieġ ħalli fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla jintlaħaq qbil finali; |
16. |
Jistieen lill-awtoritajiet tal-Ukraina biex jintensifikaw l-isforzi kontra l-korruzzjoni; jistenna, f’dan ir-rigward, li dikjarazzjonijiet politiċi pożittivi jimxu id f’id ma’ azzjoni deċiżiva fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livelli kollha, abbażi tal-imparzjalità politika; isejjaħ għall-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet indaqs għan-negozji u biex l-istess regoli jiġu applikati għall-investituri domestiċi u dawk barranin; f’dak ir-rigward, jiddeplora l-involviment żejjed tan-negozji l-kbar fil-ħajja politika; |
17. |
Huwa skoraġġut minħabba l-fatt li l-Verkhovna Rada adottat emendi għal-Liġi ġdida dwar l-Akkwist Pubbliku, skont liema oġġetti, xogħlijiet u servizzi akkwistati bil-għan li l-Kampjonat tal-Futbol Ewropew 2012 jinżamm fl-Ukraina jiġu esklużi mill-ambitu ta’ dik il-liġi; |
18. |
Iħeġġeġ lill-Parlament Ukrain biex jgħaddi l-abbozz ta’ liġi “dwar l-aċċess għall-informazzjoni pubblika” fi qbil mal-istandards Ewropej u internazzjonali; |
19. |
Jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża għall-Ukraina kif maqbul fl-14-il Samit UE-Ukraina fit-22 ta’ Novembru 2010; iqis li l-Pjan ta’ Azzjoni huwa għodda prattika biex jinġiebu ’l quddiem riformi essenzjali fl-oqsma rilevanti, b’mod partikolari l-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt u r-rispett għal-libertajiet fundamentali; jitlob lill-Kummissjoni biex tassisti lill-awtoritajiet tal-Ukraina fl-isforzi tagħhom biex javvanzaw lejn liberalizzazzjoni tal-viża; |
20. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jabolixxu l-imposti għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet nazzjonali u ta’ Schengen għal ċittadini tal-Ukraina bħala objettiv intermedju; |
21. |
Jitlob lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri u mal-Ukraina biex tħejji miżuri speċjali li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-Kampjonat tal-Futbol Ewropew tal-2012, bl-għan li l-ivvjaġġar ta’ dawk li għandhom il-biljetti jkun iffaċilitat, u li din din l-okkażjoni speċjali tintuża bħala perjodu ta’ ttestjar għal sistema finali bla obbligu ta’ viża; |
22. |
Jilqa’ l-appoġġ attiv tal-Ukraina għas-Sħubija tal-Lvant u l-Assemblea Parlamentari Euronest; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jintensifikaw aktar il-kooperazzjoni mal-Ukraina firl-kuntest tal-iżviluppi fil-viċinat, b’mod partikolari l-iżvilupp tal-politiki għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed; |
23. |
Jisħaq fuq l-importanza li titqawwa l-kooperazzjoni rigward l-iskambji taż-żgħażagħ u l-istudenti u fuq l-iżvilupp ta’ programmi ta’ boroż ta’ studju li jippermettu lill-Ukraini jsiru jafu l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha; jemmen li l-programm Erasmus għall-iskambji fl-edukazzjoni għolja għandu jiġi estiż għal studenti mis-sitt pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; |
24. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSCE. |