3.4.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 99/46 |
Il-Ħamis 25 ta’ Novembru 2010
Is-26 Rapport Annwali dwar il-Monitoraġġ tal-Applikazzjoni tad-Dritt tal-Unjoni Ewropea (2008)
P7_TA(2010)0437
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar is-26 Rapport Annwali dwar il-Monitoraġġ tal-Applikazzjoni tad-Dritt tal-Unjoni Ewropea (2008) (2010/2076(INI))
2012/C 99 E/10
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra r-Rapport mill-Kummissjoni jismu Rapport ta’ Valutazzjoni tal-“EU Pilot” COM(2010) 0070), |
— |
wara li kkunsidra l-25 Rapport Annwali mill-Kummissjoni dwar il-Kontroll tal-applikazzjoni tad-Dritt Komunitarju (2007) (COM(2008)0777), |
— |
wara li kkunsidra -dokumenti ta’ ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni (SEC(2009)1683, SEC(2009)1684, SEC(2009)1685 u SEC(2010)0182), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Settembru 2007 bl-isem “Ewropa Li Tikseb ir-Riżultati – L-applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja” (COM(2007)0502), |
— |
wara li kkunsidra -Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Marzu 2002 dwar ir-relazzjonijiet mal-kwerelant fir-rigward ta’ ksur tal-liġi Komunitarja (COM(2002)0141), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Frar 2008 dwar it-23 Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja (2005) (1), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar ir-rwol tal-imħallef nazzjonali fis-sistema ġudizzjarja Ewropea (2), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 119(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0291/2010), |
1. |
Jiddispjaċih li, bil-kontra ta’ dak li ġara fil-passat, il-Kummissjoni ma wieġbet bl-ebda mod għall-kwistjonijiet li qajjem il-Parlament fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikulari r-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tal-21 ta’ Frar 2008; jinnota n-nuqqas ta’ titjib fir-rigward tat-trasparenza, b'mod partikolari b'rabta mal-proġett “EU Pilot” u l-kwistjoni tar-riżorsi umani; |
2. |
Jinnota li permezz tal-proġett “EU Pilot”, il-Kummissjoni għandha l-għan li żżid “l-impenn, il-kooperazzjoni u s-sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri” (3) u, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-amministrazzjonijiet nazzjonali, qed tqis kif għandha tiġi trattata l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea; iqis li din l-inizjattiva hija reazzjoni għall-ħtieġa l-ġdida ta’ kooperazzjoni fost l-Istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea fl-interess ta’ Unjoni li taħdem sew u li tkun iffukata fuq iċ-ċittadin wara l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona; jissottolinja l-obbligu li għandha l-Kummissjoni skont l-Artikolu 17 TUE li “tissorvelja l-applikazzjoni tat-Trattati kif ukoll tal-miżuri adottati mill-Istituzzjonijiet skond dawn it-Trattati”; |
3. |
Jinnota li minn banda, jingħad li ċ-ċittadini għandhom rwol essenzjali fl-iżgurar ta’ konformità mal-liġi tal-UE fil-post (4), filwaqt li mill-banda l-oħra, fl-EU Pilot, qed jiġu saħansitra esklużi ulterjorment minn kwalunkwe proċedura sussegwenti; iqis li dan mhuwiex konformi mad-dikjarazzjonijiet solenni tat-Trattati li “d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista' jkun qrib iċ-ċittadin” (Artikolu 1 TUE), li “l-istituzzjonijiet […] tal-Unjoni […] għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b'mod kemm jista' jkun miftuħ” (Artikolu 15 TFUE) u li “Fl-attivitajiet kollha tagħha, l-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipju tal-ugwaljanza taċ-ċittadini tagħha, li għandhom jingħataw attenzjoni ndaqs mill-istituzzjonijiet [tagħha]” (Artikolu 9 TUE); |
4. |
Jinnota li biex l-UE Pilot jiġi operattiv, il-Kummissjoni ġolqot “dejtabejż on-line kunfidenzjali” (5) għall-komunikazzjoni bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istat Membru; jistieden lill-Kummissjoni tagħti lill-Parlament aċċess reali għal dik il-bażi ta’ data biex ikun jista' jwettaq ir-rwol ta’ skrutinju tiegħu fuq it-twettiq mill-Kummissjoni tar-rwol tagħha bħala gwardjan tat-Trattati; |
5. |
Jenfasizza li r-rwol attiv taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea huwa ddikjarat b'mod ċar fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari b'referenza għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej; iqis li l-possibilità għaċ-ċittadini li jistabbilixxu l-aġenda leġiżlattiva hija marbuta wkoll b'mod dirett mar-rwol reali u essenzjali tagħhom fl-iżgurar tal-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u l-konformità miegħu u t-trasparenza u l-affidabilità tal-proċeduri relatati; |
6. |
Jinnota li fis-sommarju tal-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-Dritt Komunitarju, hemm aktar enfasi fuq it-traspożizzjoni milli fuq l-applikazzjoni vera u proprja. Jitlob lill-Kummissjoni tagħraf kif jixraq ir-rwol tal-petizzjonijiet fil-monitoraġġ tal-applikazzjoni vera u proprja tad-Dritt Komunitarju; il-petizzjonijiet ta’ sikwit huma l-ewwel indikaturi li, lilhinn mit-traspożizzjoni, l-Istati Membri jkunu għadhom lura fl-implimentazzjoni tal-provvedimenti ta’ natura legali; |
7. |
Huwa tal-fehma li, fil-forma attwali tagħhom, ir-rapporti annwali tal-Kummissjoni “dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea” ma jagħtux liċ-ċittadini jew lill-istituzzjonijiet l-oħra biżżejjed informazzjoni dwar is-sitwazzjoni reali tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE, peress li l-Kummissjoni tirreferi biss għal proċedimenti formali li jinfetħu kontra l-Istati Membri li ma jkunux ittrasponew il-liġi tal-UE fl-ordinamenti legali nazzjonali tagħhom; iqis madankollu li jkun ukoll fl-interess taċ-ċittadini u tal-Parlament li dawn jiġu infurmati meta l-Kummissjoni tiftaħ proċeduri ta’ ksur għal traspożizzjoni inkorretta jew ħażina tad-Dritt tal-UE, flimkien ma’ dettalji dwar dawn il-proċeduri ta’ ksur; |
8. |
Jixtieq li jiżgura li l-Kummissjoni tkompli tipproduċi data dettaljata dwar it-tipi kollha ta’ ksur, u li din id-data tkun disponibbli liberament kollha kemm hi għall-Parlament biex ikun jista' jwettaq ir-rwol tiegħu ta’ skrutinju fuq it-twettiq mill-Kummissjoni tar-rwol tagħha bħala gwardjan tat-Trattati; jindika li l-ġbir u l-kategorizzazzjoni ta’ din id-data għandhom ikunu konsistenti mar-rapporti annwali preċedenti biex il-Parlament jiġi megħjun jagħmel valutazzjonijiet sinifikanti tal-progress li jkun qiegħed isir mill-Kummissjoni, irrispettivament minn jekk il-ksur ikunx ġie proċessat permezz tal-EU Pilot jew il-proċedura ta’ ksur oriġinali; |
9. |
Jinnota li d-dewmien fl-applikazzjoni, it-traspożizzjoni u l-eżekuzzjoni korretti tad-Dritt Komunitarju jaffettwa direttament il-ħajja ta’ kull jum taċ-ċittadini u t-tgawdija ta’ jeddijiethom, u dan iwassal għall-inċertezza legali u jipprevjenihom milli jgawdu l-benefiċċji sħaħ tas-suq intern; jenfasizza l-ispejjeż għoljin li ġejjin min-nuqqas ta’ ottemperanza u n-non-applikazzjoni tad-Dritt tal-UE u n-nuqqas konsegwenti ta’ fiduċja fl-Istituzzjonijiet Ewropej; |
10. |
Jiddeplora l-fatt li xi Stati Membri jissottovalutaw is-siwi tal-applikazzjoni korretta u f’waqtha tad-Dritt tal-UE; iħeġġiġhom jagħtu prijorità kif jixraq lit-traspożizzjonijiet u l-applikazzjoni, ħalli jkun evitat id-dewmien; |
11. |
Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi “kodiċi proċedurali” fil-forma ta’ regolament taħt il-bażi ġuridika ġdida tal-Artikolu 298 TFUE, fejn tistabbilixxi l-varji aspetti tal-proċediment ta’ ksur, inklużi notifiki, skadenzi, id-dritt li wieħed isemma' leħnu, l-obbligu ta’ għoti ta’ raġunijiet, eċċ., sabiex jiġu infurzati d-drittijiet taċ-ċittadini u t-trasparenza; ifakkar lill-Kummissjoni li l-Komunikazzjoni 2002 tagħha tirrappreżenta punt ta’ riferiment importanti għat-tfassil ta’ dan il-“kodiċi proċedurali”; |
12. |
Ifakkar li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali dan l-aħħar nieda Grupp ta’ Ħidma dwar id-dritt amministrattiv tal-UE bl-għan li jeżamina jekk il-kodifikazzjoni tad-dritt amministrattiv tal-UE hijiex possibbli u x'jinvolvi proġett bħal dan fil-prattika; iqis li l-konklużjonijiet ta’ dan il-Grupp ta’ Ħidma għandhom jitqiesu meta jiġi diskuss kodiċi amministrattiv Ewropew; |
13. |
Ifakkar li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali reċentement adotta b'mod unanimu ittra ta’ appoġġ għall-opinjonijiet ta’ petizzjonant li talab li jkun hemm proċedura amministrattiva standard għas-superviżjoni u l-eżekuzzjoni tad-Dritt tal-UE li, filwaqt li tirrispetta d-diskrezzjoni tal-Kummissjoni li tiddeċiedi meta tipproċedi u kontra min, tirrestrinġi din id-diskrezzjoni fi ħdan il-limiti tal-prassi amministrattiva tajba (6); |
14. |
Ifakkar li l-Kummissjoni għandha rwol primarju bħala l-gwardjan tat-Trattati fl-iżgurar tal-applikazzjoni korretta u f'waqtha tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mill-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-kompetenzi kollha mogħtija lilha mit-Trattati, speċjalment id-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-Artikolu 260 TFUE dwar in-nuqqas ta’ notifika mill-Istati Membri tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-direttivi; |
15. |
Ifakkar dwar ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-9 ta’ Frar 2010 dwar Ftehim ta’ Qafas Rivedut bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni (7) li fiha jistieden lill-Kummissjoni biex “tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Parlament informazzjoni fil-qosor dwar il-proċeduri kollha ta’ ksur ibbażati fuq l-ittra ta’ tqegħid fil-mora, inkluż, jekk il-Parlament jitlob li jsir hekk, … dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw il-proċedura ta’ ksur” (8); |
16. |
Huwa tal-fehma li ċ-ċittadini tal-UE għandhom jistennew l-istess livell ta’ trasparenza mill-Kummissjoni kemm jekk qed jilmentaw formalment kemm jekk qed jeżerċitaw jeddhom li jagħmlu petizzjoni skont it-termini tat-Trattat; jitlob, għaldaqstant, li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu jingħatalu tagħrif ċar dwar l-istadji li ntlaħqu fil-proċeduri għal vjolazzjoni li huma koperti wkoll b'petizzjoni miftuħa. Jitlob lill-Kummissjoni, inoltre, li tikkjarifika ċ-ċirkwiti għat-trattament tat-talbiet għal tagħrif u tal-ilmenti għall-benefiċċju tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-pubbliku inġenerali; |
17. |
Jappoġġja b’approvazzjoni l-provvedimenti ppjanati mill-Kummissjoni għall-2009 u oltre ħalli jiżguraw l-ottemperanza da parti tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni Ewropea u jitlob li jkun assoċjat fil-proċeduri ta’ ksur fil-każijiet fejn il-petizzjonijiet għadhom pendenti, bħalma hu l-każ tal-Campania dwar il-leġiżlazzjoni tal-iskart u l-każ ta’ Spanja dwar il-leġiżlazzjoni tal-ġestjoni tal-ilma. |
18. |
Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament b'data rilevanti ħalli tippermetti analiżi tal-valur miżjud li l-proġett “EU Pilot” jagħti lill-proċess eżistenti tal-ġestjoni ta’ fajls ta’ ksur, li jiġġustifika l-estensjoni ulterjuri tal-proġett; iqis li din id-data għandha pereżempju tippermetti lill-Parlament li jivverifika jekk l-10 ġimgħat mogħtija lill-Istati Membri biex isibu soluzzjoni għal każ konkret idewmux ulterjorment it-tibdija ta’ proċedura ta’ ksur, li d-dewmien tagħha diġà huwa twil ħafna u indeterminat; |
19. |
Jinnota b'interess partikolari l-impenn tal-Kummissjoni li tipprovdi sistematikament valutazzjoni tat-tweġiba għal ilment mogħtija minn Stat Membru; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni bħal din bl-akbar attenzjoni u wara analiżi mingħajr dewmien tad-dossier; jitlob li jiġi ċċarat ir-rwol tal-kwerelant fil-proċess ta’ valutazzjoni; |
20. |
Jitlob lill-Kummissjoni talloka biżżejjed riżorsi ħalli tkun tista' tiġi ssorveljata bis-sħiħ l-implimentazzjoni tad-Dritt tal-UE, jinbdew każijiet proprji u jiġu żviluppati prijoritajiet għal azzjonijiet iktar b'saħħithom u sistematiċi; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament, kif diġà intalab bosta drabi, b'data ċara u eżawrjenti dwar ir-riżorsi impenjati għall-ipproċessar ta’ każijiet ta’ ksur fil-bosta Direttorati-Ġenerali u dwar dawk allokati lill-proġett “EU Pilot”; ifakkar lill-Kummissjoni li l-Parlament impenja ruħu li jappoġġaha permezz ta’ żieda fl-approprjazzjonijiet baġitarji għal żieda fir-riżorsi; |
21. |
Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra mekkaniżmi innovattivi, bħalma hija l-proċedura ta’ valutazzjoni reċiproka kkontemplata fid-Direttiva tas-Servizzi, ħalli tkun żgurata applikazzjoni aktar effettiva tad-Dritt tal-UE; |
22. |
Jilqa' l-istruttura li għadha kif inħolqot li tippermetti liċ-ċittadini li jkunu qed ifittxu l-pariri jew l-għajnuna jew kif jagħmlu lment li jinqdew f’post wieħed, mingħajr ħafna ġiri, jiġifieri permezz tal-“Your Europe” (9). Biż-żieda mal-lista ta’ strumenti disponibbli għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadin, tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini (Art. 11(4) TUE) li ngħatat ħafna pubbliċità, seħħet żieda esponezjali tal-ħtieġa għall-ispjegazzjoni u l-għoti ta’ gwida. Il-Parlament Ewropew jixtieq ikun imdaħħal fl-iżvilupp ta’ din il-websajt ħalli tkun żgurata l-koerenza mal-pjanijiet tiegħu għal għoti aħjar ta’ gwida liċ-ċittadini; |
23. |
Ifakkar fil-wegħda tal-Kunsill li jħeġġeġ lill-Istati Membri jfasslu u jippubblikaw tabelli li juru l-korrelazzjoni bejn id-direttivi u l-miżuri nazzjonali tat-traspożizzjoni; jenfasizza li dawn it-tabelli huma essenzjali biex il-Kummissjoni tkun tista' tissorvelja b'mod effettiv il-miżuri ta’ implimentazzjoni fl-Istati Membri kollha; |
24. |
Iħeġġeġ it-tisħiħ tar-rwol tal-Parlament fl-oqsma tal-applikazzjoni, l-infurzar u tal-monitoraġġ tar-regoli tas-suq uniku; jappoġġja l-idea ta’ Forum annwali tas-Suq Uniku; |
25. |
Jagħmel enfasi fuq ir-rwol fundamentali tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern u t-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq tal-Konsumatur fil-kuntest ta’ użu aktar effettiv tal-istrumenti ta’ kontroll u ta’ benchmarking, li jikkostitwixxu mekkaniżmu dixxiplinari indirett importanti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu finanzjament u persunal adegwati ħalli jkun żgurat li t-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq tal-Konsumatur tkun tista' tiġi żviluppata aktar; |
26. |
Jinnota li l-qrati nazzjonali għandhom rwol vitali fl-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea u jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi tal-UE biex iżżid u tikkoordina taħriġ għall-imħallfin nazzjonali, għall-professjonisti fil-qasam tal-liġi u għall-uffiċjali li jaħdmu fl-amministrazzjonijiet nazzjonali; |
27. |
Huwa tal-opinjoni li meta l-Kummissjoni tibda proċedura ta’ ksur kontra Stat Membru, għandha toħroġ ukoll komunikazzjoni b’dikjarazzjoni li l-att li kiser il-leġiżlazzjoni tal-UE jista' jiġi impunjat miċ-ċittadini affettwati tal-Istat Membru li jkun fil-qrati nazzjonali tagħhom; |
28. |
Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Ġunju 2010 dwar it-Taħriġ Ġudizzjarju fi kwestjonijiet ċivili u kummerċjali; iqis li huwa ta’ importanza fundamentali li t-taħriġ ġudizzjarju jittejjeb inter alia fil-prospettiva tal-Pjan ta’ Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma; |
29. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Ombudsman Ewropew u lill-parlamenti tal-Istati Membri. |
(1) ĠU C 184 E, 6.8.2009, p. 63.
(2) ĠU C 294 E, 3.12.2009, p. 27.
(3) Rapport ta’ Valutazzjoni tal-EU Pilot, p. 2.
(4) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002, p. 5:“il-Kummissjoni rrikonoxxiet regolarment ir-rwol vitali tal-kwerelant fl-identifikazzjoni ta’ ksur tal-liġi Komunitarja”.
(5) Rapport mill-Kummissjoni “Rapport ta’ Valutazzjoni tal-EU Pilot” COM(2010) 0070, p. 2.
(6) “Id-diskrezzjoni taf tkun ħażen neċessarju fil-gvern modern; madankollu, diskrezzjoni assoluta flimkien ma’ nuqqas assolut ta’ trasparenza huma fundamnetalment kuntrarji għall-istat tad-dritt” - Rapport Frassoni (2005/2150(INI))dwar il-21 u t-22 Rapport Annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja (2003 u 2004), p. 17 tan-Nota Spjegattiva.
(7) Testi adottati ta’ dik id-data, P7_TA(2010)0009.
(8) idem, paragrafu 3(e) punt 5.
(9) http://ec.europa.eu/youreurope/