8.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 70/19


L-Erbgħa 20 ta’ Ottubru 2010
Il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: Rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu (rapport ta’ nofs il-perjodu)

P7_TA(2010)0376

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu (rapport ta’ nofs il-perjodu) (2009/2182(INI))

2012/C 70 E/03

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-7 ta’ Ottubru 2009 dwar it-twaqqif ta’ kumitat speċjali dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali, u s-setgħat, il-kompożizzjoni numerika u t-terminu tal-kariga tiegħu (1), adottata skont l-Artikolu 184 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Speċjali dwar il-Kriżi Finanzjarja, Ekonomika u Soċjali (A7-0267/2010),

Il-kawżi

1.

Jinnota li l-kawżi tal-kriżi kurrenti huma ħafna, li għandha effetti sew immedjati kif ukoll fit-tul, li ma ngħatax kas ta’ bosta sinjali ta’ twissija u li l-iskala tal-kriżi, kif ukoll li saret sottostima tal-impatt u l-effetti kollaterali tagħha;

2.

jinnota li l-kriżi li oriġinat fl-Istati Uniti tal-Amerika bil-bużżieqa tas-subprime kellha għeruq li jmorru lura sa żmien twil ilu;

3.

jinnota li l-iżbilanċi globali, il-governanza regolatorja (ir-regolazzjoni u s-superviżjoni), u l-politika monetarja – flimkien ma’ fatturi speċifiċi inerenti fis-sistema finanzjarja, bħall-kumplessità u l-opaċità tal-prodotti finanzjarji, sistemi ta’ rimunerazzjoni ffukati fuq iż-żmien il-qasir u mudelli tan-negozju inadegwati – huma l-fatturi ewlenin li kkontribwew għall-kriżi finanzjarja kurrenti;

4.

Iqis li l-proliferazzjoni fis-settur finanzjarju ta’ kunflitti ta’ interess, interessi vestiti u każijiet ta’ operaturi li huma “qrib wisq biex ikellmu ’l xulxin” f’xi każijiet aggravaw il-kriżi;

5.

Jinnota li l-politika monetarja espansjonistika tal-Istati Uniti tal-Amerika inkoraġġiet eċċess ta’ likwidità tfittex rendimenti kbar u l-iżvilupp ta’ domanda domestika abbażi tal-kreditu għall-konsum, u b’hekk id-dejn tal-individwi u l-familji, kif ukoll spejjeż għolja tal-gvern iffinanzjati permezz tal-aċċess irħis għall-kapital;

6.

Jinnota li kien hemm aġir spekulattiv fis-swieq finanzjarji, b’xi investituri jieħdu riskji kbar ħafna, u dan safa aggravat mill-oligopolju fl-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu; jinnota li kwalunkwe ekonomija tas-suq taħdem l-aħjar meta tkun akkumpanjata minn regolazzjoni maqbula demokratikament, trasparenti u ta’ diversi livelli flimkien ma’ etika u moralità sani li jinkoarġġixxu sistemi finanzjarji u ekonomiċi sodi li ma jagħmlux ħsara lill-ekonomija reali;

7.

jinnota li l-proliferazzjoni ta’ prodotti kumplessi mhux fuq il-karta tal-bilanċ (SPVs, CDOs, CDS, eċċ.) u arranġamenti ta’ titolizzazzjoni bħala riżultat ta’ sistema bankarja parallela u mhux regolata kabbru r-riskji sistemiċi, mhux ċekknuhom; jinnota li l-istabbilimenti li jikkonċentraw fuq it-tfaddil u fuq il-finanzjament tal-SMEs taw xhieda tal-valur tagħhom;

8.

Jemmen li l-assenza ta’ xejra aktar sostenibbli tal-produzzjoni, d-distribuzzjoni u l-konsum quddiem it-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità u t-tnaqqir tar-riżorsi naturali lkoll jikkontribwixxu għall-kawżi profondi tal-kriżi;

9.

Iqis li l-istrutturi tal-governanza ekonomika u finanzjarja li kienu implimentati fil-bidu tal-kriżi, sew fil-livell dinji, fl-Istati Uniti tal-Amerika jew fi ħdan l-Unjoni Ewropea, naqsu mill-koerenza u mill-konsistenza fil-firda tas-superviżjoni makroprudenzjali minn dik mikro prudenzjali, iffukaw wisq fuq is-superviżjoni mikroprudenzjali minn isfel ’il fuq tal-istituzzjonjiet finanzjarji u fuq il-monitoraġġ ta’ indikaturi makroekonomiċi fil-livell tal-pajjiżi, filwaqt li ttraskuraw li jaraw l-istampa tas-sistema sħiħa rigward żviluppi finanzjarji u makroekonomiċi li jirrikjedu monitoraġġ tal-interkonnessjonijiet bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji u bejn il-pajjiżi;

10.

Jinnota li l-globalizzazzjoni żviluppat mingħajr l-emerġenza jew l-evoluzzjoni parallela ta’ strutturi globali ta’ governanza biex jakkumpanjaw l-integrazzjoni tas-swieq, speċjalment f’dak li jirrigwarda bilanċi jew żbilanċi globali u swieq finanzjarji dinjija, u jara li l-proċess tal-G20 huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, imma jsostni li jeħtieġ li l-pożizzjoni tal-UE tkun rappreżentata b’effikaċja fil-G20;

11.

Jinnota li l-Unjoni Ewropea rrikonoxxiet il-moviment ħieles tal-kapital kif jiddisponu t-Trattati tal-UE f’Lulju 1990, u li dan ikkontribwixxa għall-iżvilupp ekonomiku; jinnota, madankollu, li l-moviment ħieles tal-kapital ma kellux miegħu armonizzazzjni tat-taxxi u tat-tfaddil, regolazzjoni transkonfinali adegwata jew supervijoni fil-livell Ewropew;

12.

Jikkundanna l-fatt li fl-imgħoddi mhux dejjem tħarsu l-prinċipji tal-Patt tal-Istabbiltà u t-Tkabbir u jinnota li seħħew skwilibri sostanzjali bejn l-ekonomiji taż-żona tal-euro;

13.

jinnota li l-assenza ta’ regolazzjoni tajba u ta’ superviżjoni qawwija, u n-nuqqas totali ta’ strumenti għall-ġestjoni tal-kontinġenzi fil-każ ta’ kriżi bankarja, urew kemm baqgħalha x’timxi l-Unjoni Ewropea biex ikollha implimentati mekkaniżmi adegwati biex jilqgħu għall-isfidi ta’ politika assoċjati mal-preżenza ta’ suq intern u sistema finanzjarja integrata; jinnota b’mod partikolari l-assenza ta’ mekkaniżmu transkonfinali ta’ falliment;

L-effetti

14.

Jinnota li d-defiċit publiku fl-Unjoni Ewropea kiber minn 2,3 % tal-PDG fl-2008 għal 7,5 % fl-2010, u minn 2 % għal 6,3 % fiż-żona tal-euro skont l-Eurostat, bil-proporzjon tad-dejn għall-PDG tikber minn 61,6 % tal-PDG fl-2008 għal 79,6 % fl-2010 fl-Unjoni Ewropea u minn 69,4 % għal 84,7 % fiż-żona tal-euro, u b’hekk f’sentejn ixxejnu kważi għoxrin sena ta’ sforzi ta’ konsolidament baġitarju f’xi Stati Membri; jiddeplora din id-daqqa ta’ ħarta minħabba li se tqawwi d-diffikultà tat-trattament tal-qgħad u l-isfidi demografiċi;

15.

Iqis li l-finanzi pubbliċi Ewropej ġa kienu f’qagħda mwegħra qabel il-kriżi: mis-sebgħinijiet ’l hawn il-livell tad-dejn pubbliku tal-Istati Membri gradwalment u bil-mod żdied taħt l-impatt tal-episodji ta’ tnaqqis tar-rata ekonmika li l-UE għaddiet minnhom; jinnota li l-ispiża tal-pjanijiet ta’ rkupru, it-tnaqqis ta’ dħul mit-taxxi u nfiq kbir fuq il-welfare kkawżaw żieda sew fid-dejn pubbliku kif ukoll fil-proporzjon bejn id-dejn pubbliku mal-PDG fl-Istati membri kollha, minkejja li mhux fi grad uniformi fl-Unjoni kollha kemm hi;

16.

Iqis li l-effetti sħaħ tal-kriżi għadhom ma ħarġux fil-beraħ u li ma nistagħux neliminaw il-possibbiltà li nirkadu, f’riċessjoni “b’żewġ qigħan”, partikolarment f’dak li jirrigwarda l-livell tal-qgħad;

17.

Jinnota li l-kriżi kellha impatt fuq il-qgħad fl-UE kollha kemm hi, minkejja li l-qgħad żdied b’medja ta’ 1,9 % biss fl-UE-27, u li l-impatt negattiv fuq l-impjiegi se jkompli minħabba d-dewmien tipiku biex ix-xejriet ekonomiċi joħorġu fid-dieher fis-suq tax-xogħol; jenfasizza li l-previżjonijiet tal-Kummissjoni jindikaw rata tal-qgħad madwar l-UE kolha kemm hi ta’ kważi 11 % fl-2010, rata li se jkollha implikazzjonijiet serji għall-ħaddiema tal-UE;

18.

Jinnota li l-effetti soċjali tal-kriżi huma differenti ħafna minn Stat Membru għal-ieħor: filwaqt li r-rata medja tal-qgħad hija 10 %, f’xi pajjiżi tilħaq 20 %, u saħansitra taqbeż għal aktar minn 40 % taż-żgħażagħ, ħaġa li tenfasizza kemm huma kbar it-titjibiet strutturali meħtieġa f’xi pajjiżi;

19.

Iqis li, filwaqt li politika tat-tnaqqis tad-dejn hija importanti, konsolidament rapidu tal-finanzi pubbliċi m’għandhiex tagħmel ħsara lis-sistemi tal-protezzjoni soċjali u lis-servizzi pubbliċi, proprju meta dawn bir-raġun tfaħħru għar-rwol tagħhom bħala stabilizzaturi awtomatiċi li jtaffu l-kriżi; jinnota li t-trawwim tal-effiċjenza fil-protezzjoni soċjali u fis-servizzi pubbliċi jistgħu fl-istess waqt itejbu l-effiċjenza ekonomika u l-kwalità tas-servizzi; jirrikonoxxi li jekk ma jirnexxilniex nilħqu bilanċ tajjeb dan jista’ jwassal għal tkabbir kajman fuq medda twila ta’ żmien, flimkien ma’ qgħad persistenti, u b’hekk għat-tnaqqir ineżorabbli tal-kompetittività tal-Ewropa;

20.

Jinnota livelli għolja ta’ qgħad m’għandhomx biss konsegwenzi soċjali, imma wkoll effetti kbar ekonomiċi, minħabba li n-nies qiegħda ma jistgħux jikkontribwixxu wisq għad-domanda domestika u jħallsu anqas taxxi u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali; jinnota li dan itaqqal il-piż fuq dawk li jaħdmu, fil-forma ta’ taxxi ogħla, u fuq il-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni minħabba piż akbar ta’ dejn;

21.

Jinnota li abbażi taċ-ċifri tal-2007, li huma l-aħħar ċifri disponibbli u b’hekk huma ta’ qabel il-kriżi, kien hemm 30 miljun fqir impjegati u, skont ċifir riċenti, 79 miljun ruħ jgħixu taħt il-livell tal-faqar fl-Unjoni Ewropea, u huwa porbabbli li dan l-għadd kompla jikber minn dak iż-żmien ’l hawn;

22.

Jinnota li, minbarra l-qgħad, il-kriżi kellha impatt soċjali b’bosta lati, partikolarment bit-tnaqqir ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol, aktar diffikultajiet għal xi nies biex ikollhom aċċess għal ħtiġijiet u servizzi bażiċi, aktar nies bla djar, dejn eċċessiv u esklużjoni finanzjarja;

23.

Jinnota li, bħal kwalunkwe kriżi oħra, dik tal-lum qed ikollha effetti negattivi fuq it-tkabbir u l-impjiegi, bl-ewwel daqqiet jaqgħu fuq dawk l-aktar vulnerabbli, inklużi ż-żgħażagħ, it-tfal u n-nisa, kif ukoll fuq il-minoranzi etniċi u l-immigranti;

24.

Jaqsam it-tħassib dwar l-aspetti proċikliċi tar-regoli ta’ tassazzjoni u kontabilità prudenzjali li jamplifikaw l-fluttwazzjonijiet li huma inerenti fil-funzjonament tal-ekonomija tas-suq;

Ir-reazzjoni

25.

Jinnota li s-salvataġġ tas-settur bankarju mill-gvernijiet jirrappreżenta biss parti mill-ispejjeż li l-kriżi finanzjarji kkawżat lis-soċjetà, filwat li l-kosts tar-riċessjoni u taż-żeda fid-dejn pubbliku se jkunu sostanzjali, b’telf ta’ madwar USD 60 triljun madwar id-dinja;

26.

Jinnota i l-kriżi wasslet għal żieda drammatika fl-għajnuna mill-istat, wara l-adozzjoni ta’ qafas temporanju għall-għajnuna mill-istat, u jiddispjaċih għal-effett ħażin li dan seta’ kellu fuq iż-żamma ta’ kundizzjonijiet ugwali tas-suq fl-Ewropa. Jitlob lill-Kummissjoni tieħu rwol qawwi ta’ tmexxija fil-ġlieda kontra l-protezzjoniżmu u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni;

27.

Japprova l-miżuri mhux konvenzjonali implimentati tul dawn l-aħħar sentejn mill-BĊE u mill-banek ċentrali nazzjonali biex isalvaw banek fl-Istati Membri li kienu qed jissugraw li jfallu minħabba livelli ta’ assi tossiċi bħal qatt qabel; jilqa’ b’mod speċjali l-fatt li garaziji għad-depożiti ingħataw lil klijenti ta’ dawn il-banek, iżda jenfasizza l-ħtieġa li dawn il-miżuri mhux konvenzjonali gradwalment jitneħħew biex jipprevjenu l-kompetizzjoni inġusta fis-settur bankarju;

28.

Jinnota li f’Ottubru 2008 l-Unjoni Ewropea adottat il-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku, li jammonta għal 1,6 % tal-PDG tagħha, imqabbel ma’ 5 % fiċ-Ċina u 6,55 % fl-Istati Uniti tal-Amerika;

29.

Jilqa’ l-adozzjoni, mill-Kunsilll Ecofin fl-10 ta’ Mejju 2010, tal-pjan ta’ stabbilizzazzjoni ta’ EUR 750 biljun, li stabbilixxa mekkaniżmu ta’ stabbiltà finanzjarja biex jindirizza r-riskji ta’ inadempjenza minn debituri sovrani, parzjalment bl-użu tal-Artikolu 122 tat-TFUE bħala l-bażi legali ta’ dan il-pjan; jinnota d-defiċit demokratiku inerenti tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-pakkett ta’ salvattaġġ u l-vakwu ta’ obbligu ta’ rendikont tagħhom, li ma kinux jinkludu konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew; jesiġi li l-Parlament Ewropew ikun involut bħala koleġiżlatur fil-proposti u d-deċiżjonijiet li ġejjin dwar is-salvataġġ ta’ kriżi;

Il-pjanijiet nazzjonali ta’ rkupru

30.

Jiddispaċih dwar il-livell baxx ta’ koordinament bejn id-diversi pjanijiet nazzjonali ta’rkurpu, minħanna li l-efett multiplikatru u l-potenzjal ta; lieva ta’ koordinament fil-livell tal-UE x’aktarx ikun sebaq l-effett li jista’ jintlaħaq bi ppjanar prinċipalment nazzjonali, fejn hemm ir-riskju ta’ kontradizzjonijiet reċiproċi; jitlob li jkun hemm tqawwija tad-dimensjoni Ewropea ta’ pjanijiet ta’ rkupru u investimenti kbar fil-ġejjieni;

31.

Jitlob lill-Kummissjoni tagħti rapport preċiż ħafna dwar l-effikaċja tal-pakketti nazzjonali ta’ salvataġġ tal-banek u dwar pjanijiet nazzjonali u Ewropej ta’ rkupru deċiżi tul il-ħarifa u x-xitwa tal-2008-2009 fir-rigward tal-miri tal-Unjoni għaż-żmien il-qasir u fit-tul, inkluża analiżi komprensiva tal-konsegwenzi tal-mekkaniżmi riveduti tal-għajnuna mill-istat adottati b’rispons għall-kriżi u rigward il-kompetizzjoni u ż-żamma ta’ kudizzjonijiet ugwali għal kulħadd fl-UE, ir-riforma finanzjarja u l-ħolqien tal-impjiegi;

32.

Jinnota li xi Stati Membri, partikolarment dawk li rċevew għajnuna mill-KE għal-bilanċ tal-pagamenti, fil-preżent m’għandhomx opportunitajiet joħolqu pjanijiet nazzjonali ta’ rkupru b’elementi li jippermettu t-tkabbir u stimolu tal-impjiegi, ġaladarba l-għażliet sas-sena 2012 huma llimitati għal qtugħ tal-infiq, żidiet tat-taxxi u tnaqqis tal-PDG;

Il-ġejjieni – Ewropa tal-valur miżjud

33.

Ma jqisux aċċettabbli li l-Unjoni tkun l-unika spazju integrat li fih il-kwistjoni tal-enerġija, speċjalment it-taħlita tal-enerġija, mhijiex ikkunsidrata bħala kwistjoni strateġika sew internament kif ukoll fil-kuntest tar-relazzjonijiet mal-pajjiżi sħab; iqis li inizjattivi dwar l-enerġija jeħtieġ li jittieħdu fl-UE abbażi ta’ koordinament mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istati membri u s-setturi rilevanti tal-industrija bil-għan li jissalvagwardjaw il-provvista tas-sorsi tal-enerġija, bħaż-żejt u l-gass, lill-Istati Membri tal-Unjoni permezz ta’ netwerk diversifikat ta’ pipelines tal-enrġija, partikolarment permezz ta’ negozjar ta’ kuntratti ta’ provvista u l-organizzazzjoni ta’ kapaċita ta’ ħżin, kif ukoll bil-finanzjament u l-koordinament tar-riċerka u l-iżvilupp ta’ sorsi ġodda tal-enerġija bħala parti mill-programmi rilevanti kollha bħalma huwa s-Seba’ Programm Kwadru 2007-2013 u l-aġġornamenti sussegwenti tiegħu;

34.

Jipproponi li l-Kummissjoni tassumi responsabbiltà sħiħa għall-iżgurar tad-direzzjoni u l-finanzjament tal-proġetti fl-oqsam li ġejjin:

investimenti ġodda fir-riċerka u l-iżvilupp u fl-iskjerament ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli, fl-effiċjenza tal-enerġija, speċjalment fil-binjiet tal-Ewropa, kif ukoll fl-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi b’mod aktar ġenerali,

it-tisħiħ tan-netwerk Ewropew tal-enerġija permezz tal-interkonnessjoni tan-netwerks nazzjonali u tad-distribuzzjoni tal-enerġija minn ċentri maġġuri tal-produzzjoni tal-enrġija rinnovabbli lill-konsumaturi, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ forom ġodda ta’ ħżin tal-enerġija u s-“supergrid” tal-Kurrent Dirett Ewropew ta’ Vultaġġ Għoli (HVDC);

il-promozzjoni ta’ infrastrutturi tal-UE bbażati fl-ispazju fil-qasam tar-radjunavigazzjoni u l-osservazzjoni tad-dinja biex inrawmu l-provvista ta’ servizzi ġodda tal-UE u l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet innovattivi, kif ukoll biex niffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE;

l-iżvilupp ta’ servizz ferrovjarju pubbliku rapidu li jgħaqqad l-Unjoni mil-Lvant għall-Punent u mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, flimkien ma’ pjanijiet għall-iffaċilitar tal-investiment fl-infrastruttura teigħu u fl-infrastruttura kritika ta’ sjieda pubblika;

il-provvista ta’ aċċess għall-internet fl-Unjoni kollha, bl-iżgurar tat-twettiq rapidu tal-aġenda diġitali tal-UE u l-provvista ta’ aċċess affidabbli u b’xejn liċ-ċittadini kollha;

l-iżvilupp tar-rwol mexxej tal-UE fil-qasam tas-saħħa elettronika;

l-ikkompletar tal-iżvilupp tal-mobbiltà elettrika u l-ħolqien ta’ standards komuni għaliha;

35.

Jemmen li, filwaqt li jista’ jkun hemm ċbil fwar kwistjonjiiet ta’ governanza u fuq l-attività tal-UE f’termini ta’ kompetenza konġunta u azzjoni supplimentari, l-Unjoni jeħtieġ li jkollha riżorsi, speċjalment dawk finanzjarji, biex tkun tista’ taħdem fi strateġija ta’ dan it-tip;

Ir-regolazzjoni u s-superviżjoni finanzjarja

36.

Jinnota li l-għan aħħari tas-sistema finanzjarja huwa li tipprovdi strumenti f’lokhom għat-tfaddil u għall-utilizzazzjoni tat-tfaddil fil-forma ta’ investimenti biex jagħtu appoġġ lill-ekoenomija reali u jippromwovu l-effiċjenza ekonomika, filwaqt li tassumi parti mir-riskju tal-impriżi u tal-individwi u l-familji, li tottimizza l-finanzjament fit-tul tal-pensjonijiet, u li toħloq l-impjiegi, kif jagħmlu pereżempju l-banek reġjonali u lokali għall-konsumaturi; jinnota li din il-funzjoni hija partikolarment importanti f’sitwazzjoni fejn huma meħtieġa mezzi ġodda ta’ tkabbir, li jwasslu għal investiment sostanzjali f’teknoloġiji nodfa;

37.

Jenfasizza li l-iżvilupp finanzjarju jeħtieġ li jintuża fil-kawża tat-trattament ekwu billi l-aċċess għall-kreditu u għall-assigurazzjoni jiġi estiż – soġġett għal salvagwardji adegwati – lil sezzjonijiet tal-popolazzjoni li fil-preżent huma maqtugħin minnu; billi r-riforma regolatorja fil-qasam finanzjarju ma għandhiex issir għall-iskop waħdani li tiżgural-istabbiltà finanzjarja, imma jeħtiġilha wkoll tirrifletti l-objettivi tat-tkabbir sostenibbli;

38.

Jinnota li din il-kriżi timmarka l-limiti ta’ sistema ta’ awtoregolazzjoni u serħan żejjed fuq il-kapaċità ta’ parteċipanti tas-suq fis-settur finanzjarju u ta’ aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu li dejjem jivvalutaw u jimmaniġġaw ir-riskji sewwa u jevitaw il-periklu morali;

39.

Jilqa’ l-proposti attwali tal-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) u r-rwol tal-istituzzjoni bħala tali, imma huwa u jżomm quddiem għajnejh li approċċ ta’ “daqs wieħed għal kulħadd” huwa ħażin għall-istituzzjonjiet finanzjarji fl-UE, huwa tal-fehma li r-regolazzjoni għandha ssir f’waqt magħżul u abbażi ta’ valutazzjonijiet komprensivi tal-impatt tagħha fuq il-grad safejn l-istituzzjonijiet finanzjarji jaqdu l-ekonomija reali u s-soċjetà; jaqsam it-tħassib espress dwar il-livell adegwat ta’ rekwiżiti tal-kapital u t-tul tal-perjodi ta’ tranżizzjoni;

40.

Jinnota li t-trasparenza fir-rendikonti sew korporattivi kif ukoll f’dawk tal-Istati Membri hija meħtieġa biex terġa’ lura l-fiduċja; jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tinvestiga l-użu ta’ tranżazzjonijiet mhux fuq il-karta tal-bilanċ, obbligazzjonijiet mhux finanzjati, il-proliferazzjoni ta’ SPVs u SPEs u biex tillimita l-użu tagħhom jew tesiġi dikjarazzjonijiet mandatorji fil-kontijiet ippubblikati;

41.

Jinnota li nuqqas maġġuri fis-sistema ta’ sorveljanza ħareġ fi-dieher bħala riżultat ta’ din il-kriżi; jitlob li l-opportunitajiet għall-arbitraġġ regolatorju jiġi mminimizzati globalment permezz ta’ qbil sod fil-livell tal-G20 u fi ħdan l-Unjoni Ewropea, u, fejn possibbli, jiġu aboliti permezz tal-applikazzjoni ta’ ġabra ta’ regoli komuni għas-servizzi finanzjarji;

42.

Jemmen li jeħtieġ li jingħalqu l-lakuni fir-regolazzjoni li ħallew sussidjarji ta’ servizzi finanzjarji barranin joperaw negozju sinifikanti u mhux regolat fl-UE;

43.

Jinnota li fil-preżent ma hemmx biżżejjed regolazzjoni internazzjonali għall-ġestjoni tal-kriżijiet fis-settur finanzjarju; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti konkreti għal qafas tal-UE dwar il-ġestjoni transkonfinali tal-kriżi fis-settur finanzjarju, fil-qies ta’ inizjattivi meħuda minn korpi internazzjonali bħall-G20 u l-FMI, sabiex jiżguraw kundizzjonijiet kompetittivi ugwali fil-livell dinji;

44.

jinnota li standards, partikolarment meta jużaw il-valur ġust, huma proċikliċi fl-impatt tagħhom fuq it-teħid ta’ deċiżjonijiet, b’mod partikolari minn istituzzjonijiet finanzjarji li serrħu wisq fuqhom; jinnota li dan in-nuqqas huwa osservabbli wkoll f’xi regoli regolatorji, prudenzjali u tat-tassazzjoni;

45.

Huwa konxju dwar il-problemi speċifiċi assoċjati mal-parti importanti tas-setturi bankarji u tal-assigurazzjoni miżmuma minn stabbilimenti barranin f’bosta mill-Istati Membri l-ġodda;

46.

Jinnota li jeħtieġ li jintlaħaq bilanċ bejn il-ħtieġa tat-teħid ta’ passi li jgħinu biex jippreservaw l-istabbiltà finanzjarja u l-ħtieġa li tinżamm l-abbiltà tal-banek li jipprovdu l-kreditu għall-ekonomija; huwa importanti li s-sistema bankarja tkun tista’ taqdi r-rwoli fundamentali tagħha fi żminijiet normalikif ukoll fi żminijiet ta’ kriżi;

47.

Jinnota li d-daqs tal-istituzzjonijiet finanzjarji u l-karti tal-bilanċ rispettivi tagħhom daħħlu l-kunċett ta’ “kbar wisq biex ifallu”; jitlob lill-Kummissoi, għalhekk, biex tesiġi li l-banek jipproduċu “testament ħaj” li jagħti dettalji dwar l-istralċ ordnat tagħhom fil-każ ta’ kriżi;

48.

Jifraħ bir-rwol qawwi tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fil-qafas tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), li jħallih jagħti kontribut kbir għall-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni Ewropea;

49.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiddaħħlu standards ġodda għad-dejta fis-settur finanzjarju, biex b’hekk tissaħħaħ il-kapaċità tal-Kummissjoni Ewropea għall-monitoraġġ u s-sorveljanza;

50.

Jixtieq jinkoraġġixxi l-innovazzjoni finanzjarja bil-kundizzjoni li twassal għall-iżvilupp ta’ għododo trasparenti għall-finanzjament tal-innovazzjoni teknoloġika, l-investimenti fit0tul, il-fondi tal-pensjoni, l-impjiegi u l-ekonomija ħadra; jistenna bil-ħerqa aktar azzjoni tal-UE fil-qasam tal-finanzjament innovattiv bil-għan li jiġi mmobilizzat it-tfaddil fit-tul favur investimenti sostenibbli u strateġiċi u favur l-aċċess imwessa’ għas-servizzi finanzjarji;

51.

Jerġa’ jafferma l-importanza ewlenija ta’ sistema ta’ superviżjoni u regolazzjoni li ma tħalli barra mir-reġsitri kummerċjali l-ebda tranżazzjoni finanzjarja u l-ebda strument finanzjarju; jinsisti li l-hedge funds jeħtieġ li jkunu soġġetti għal-istess regoli bħal kwalunkwe u kull fond ta’ investiment; jenfasizza li s-superviżjoni u r-regolazzjoni jeħtieġ li jimmiraw fuq movimenti spekulattivi fis-swieq finanzjarji biex titrażżan l-ispekulazzjoni kontra l-pajjiżi, il-valuti u l-ekonomiji;

52.

Iqis li l-governanza korporattiva laxka tal-istituzzjonijiet finanzjarji kkontribwiet għal-kriżi u li jeħtieġ li tkun indirizzata biex niżguraw li l-kumitati għar-riskju jkunu operattivi u effikaċi, li l-membri tal-bord ikollhom biżżejjed għarfien dwar il-prodotti u l-ġestjoni tal-istituzzjoni u li d-diretturi mhux eżekuttivi jerfgħu r-responsabbiltà għall-allinjament tal-interessi tal-investituri u tal-impjegati mal-politiki dwar il-kumpens;

53.

Jinnota nuqqas ta’ valuri u etika fl-aġir ta’ xi protagonisti fi swieq u f’istituzzjonijiet finanzjarji; jenfasizza li s-swieq u l-istituzzjonijiet finanzjarji jeħtiġilhom iqisu, bħala parti mir-responsabbiltà soċjali korporattiva tagħhom, l-interessi tal-patijiet kollha involuti, bħalma huma l-klijenti, l-azzjonisti u l-impjegati tagħhom;

54.

Huwa tal-fehma li sett biżżejjed wiesa’ ta’ kriterji għar-rirskju sistemiku jeħtieġ li jintuża bħala l-bażi għall-kategorizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finazjarji, speċjalment fi ħdan l-UE; Iqis li l-użu ta’ dawn il-kriterji jinvolvi li jiġi determinat f’kemm-il Stat Membru joperaw l-istituzzjonjiet u kemm huma kbar, u, fuq kollox, il-kapaċità ta’ istituzzjoni partikolari biex tħarbat is-suq intern – punt li kien sottolinjat meta l-kriżi wriet li l-kobor kien biss fattur wieħed minn bosta li qajmu riskju sistemiku;

55.

Jidhirlu kruċjali li l-UE għandha tqis, hija u tiddefnixxi regoli ġodda, il-ħtieġa li żżomm u tespandi d-diversità strutturali tas-settur finanzjarju tagħha, u jemmen li l-ekonomija Ewropea teħtieġ netwerk solidu ta’ banek reġjonali u lokali, bħalma huma banek tat-tfaddil u kooperattivi, filwaqt li tirrikonoxxi li banek differenti għandhom oqsma ta’ għarfien espert u kompetenzi tal-qofol differenti; jinnota li fil-kriżi ħareġ ċar kemm tiswa l-pluralità u li din qawwiet l-istabbiltà, kif ukoll li l-uniformità tista’ twassal għall-fraġġiltà sistemika;

56.

Isejjaħ biex jitreġġa’ lura r-rwol tal-maniġer tal-bank tradizzjonali li, minħabba li jaf il-karattru, l-istorja u l-pjan tan-negozju tal-applikanti għas-self, huwa fil-qagħda li jieħu riskju kkalkolat abbażi ta’ għarfien personali skont il-leġiżlazzjoni tal-UE bħall-MIFID u d-direttivi dwar il-kreditu tal-konsumatur li jiddisponu dwar l-informazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur;

57.

Jenfasizza li, biex naħju u niżblukkaw il-fluss tal-kreditu lil kumpaniji u individwi, huwa essenzjali li nsibu soluzzjonjiet fit-tul għad-diffikultajiet imqajma mill-ammont enormi ta’ dejn pubbliku sew għall-familji u l-individwi kif ukoll għan-negozji;

58.

Jitlob għal aktar trasparenza fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u f’dawk mal-istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin;

59.

Jilqa’ l-porposta tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Ġunju 2010 u jqis li l-mudell kummerċjali tal-Aġenziji ta’ Klassifikazzjoni tal-Kreditu jista’ jwassal għal kunflitt ta’ interessi, ġaladarba l-aġenziji jintużaw biex ikejlu s-saħħa finanzjarja tal-kumpaniji li jħallsuhom, u li l-mudell tagħhom ma jippermettilhomx jivvalutaw l-aspetti makroekonmiċi tad-deċiżjonijiet; jagħraf li l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu kkontribwew għall-kriżi minħabba li l-inċentivi tagħhom ġew stabbiliti b’mod li jagħmel il-ħsara, l-aktar minħabba nuqqas ta’ kompetizzjoni; jipproponi li ssir riċerka dwar l-affidabbiltà ta’ sistema li fiha l-investituri u dawk li jfaddlu jħallsu għall-aċċess għall-informazzjoni li jeħtieġu;

60.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tvara studju dwar il-fattibbiltà u l-impatt dwar it-twaqqif ta’ Aġenzija Ewropea ta’ Klassifikazzjoni tal-Kreditu pubbika u indipendenti, u jqis li l-qortijiet tal-awdituri, bħala korpi indipendenti, għandhom jikkontribwixxu attivament għall-klassifikazzjoni tad-dejn sovran; jemmen li dan l-iżvilupp jintroduċi pluralità pożittiva ta’ standards; iqis li aktar kompetizzjoni fis-suq tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tista’ ttejjeb il-kwalità tal-klassifikazzjonijiet;

61.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tesplora proposti dwar id-drittijiet tal-vot tal-azzjonisiti f’termini ta’ aktar trasparenza rigward l-identitajiet u l-istrateġiji tal-azzjonijsti u inkoraġġiment ta’ investimenti fit-tul;

Il-governanza tal-UE

62.

Jidhirlu li fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika u soċjali l-Ewropej jistennew li l-obbligu ta’ rendikont, ir-responsabbiltà u s-solidarjetà jkunu l-prinċipji li jiggwidaw it-teħid tad-deċiżjonjiet Ewropej;

63.

Jinnota li għal għexieren ta’ snin qabel il-kriżi, bosta pajjiżi Ewropej kienu qed iġarrbu tkabbir ekonomiku kajman u qgħad għoli minħabba nuqqas ta’ kapaċità f’xi Stati Membri li jirriformaw l-ekonomiji tagħhom lejn ekonomija mmexxija mill-għarfien u li jerġgħu jiksbu l-kompetittivita tagħhom fis-swieq internazzjonali, kif ukoll minħabba domanda domestka baxxa; jinnota li l-Ewropa teħtieġ swieq finanzjarji aktar trasparenti u effiċjenti u aktar tkabbir ekonomiku li jwassal għal impjiegi ta’ kwalità għolja u l-inklużjoni soċjali;

64.

Jinnota li l-Unjoni Ewropea qed issibha aktar diffiċli biex toħroġ mill-kriżi minn reġjuni oħra tad-dinja, l-aktar minħabba risposti mhux f’lokhom, insuffiċjenti u tard għall-kriżi u għad-dgħufija strutturali tal-kapaċità ta’ governanza tagħha, u jinnota li r-riskju se ddgħajjef serjament u b’mod permanenti l-pożizzjoni ekonomika, u allura politika, tagħha fix-xena dinjija, li jista’ jkun li tista’ terġa’ tintlaħaq biss fuq medda twila ta’ żmien u biss jekk l-UE tkun fil-qagħda li tikkunsidra s-sostenibbilta tal-kunċett tal-“mod Ewropew tal-għixien” fit-tul mingħajr ma timmina l-valuri ċentrali tiegħu;

65.

Iqis li l-Unjoni biex tilqa’ għall-isfida li għandha quddiemha se jkun jeħtiġilha tilħaq koerenza akbar fit-tfassil tal-politika; għaldaqstant iqis li huwa essenzjali li l-politiki implimentati jkunu konsistenti; iqis li azzjoni mill-istituzzjonijiet tal-UE se tkun deċiżiva hawnhekk;

66.

Jinnota wkoll l-istrutturi mankanti tal-governanza ekonomika fl-Unjoni Ewropea, fejn din il-frammentazzjoni ttellef il-kapaċità tal-Unjoni li timponi l-piż tagħha f’diskussjonijiet dwar l-iżbilanċi makroekonomiċi maġġuri, partikolarment mal-Istati Uniti u maċ-Ċina;

67.

Jemmen li l-kriżi kixfet xejra fil-politiki ekonomiċi ta’ dawn l-aħħar snin li ħallew bosta pajjiżi, kemm fiż-żona tal-euro kif ukoll barra minnha, b’rata allarmanti ta’ dejn pubbliku;

68.

Jirrimarka li s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-tul hija essenzjali għall-istabbiltà u t-tkabbir; jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni biex issaħħaħ il-ġestjoni taż-żona tal-euro fuq medda ta’ żmien medja u twila, li huma maħsuba biex jevitaw li jkun hemm xi ripetizzjoni tal-kriżi monetarja attwali, u jaqbel magħha li l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jeħtieġ mekkaniżmi aktar effikaċi ta’ inċentivi u penali;

69.

Jenfasizza li biex jerġa’ jkun hemm rati sodi ta’ tkabbir u biex jintlaħaq l-objettiv ta’ żvilupp ekonomiku sostenibbli u koeżjoni soċjali, għandha tingħata prijorità lit-trattament tal-iżbilanċi makroekonomiċi persistenti u sinifikanti u d-diverġenzi fil-kompetittività; jilqa’ r-rikonoxximent ta’ din il-ħtieġa mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika;

70.

Jinnota li l-kriżi ħarġet fid-dieher dgħufijiet strutturali f’ċerti Stati Membri tal-UE u jinnota li l-problemi ta’ xi Stati Membri rigward il-finanzjament tad-dejn permezz tas-swieq jista’ jiġi attribwit għal governanza inadegwata u, kif irrapporta l-FMI, għall-fatt i s-swieq finanzjarji internazzjonali taw allarmi barra minn lokhom;

71.

Iqis li l-kriżijiet finanzjarja fil-Greċja u f’pajjiżi oħra fiż-żona tal-euro huma kwestjoni serja għaż-żona tal-euro kollha kemm hi u li jirriflettu d-dgħufijiet taż-żona tal-euro rigward it-trattament tal-effetti sekondarji tas-settur finanzjarju globali;

72.

Iqis li kwalunkwe mudell ta’ żvilupp ibbażat fuq ix-xewqa espressa minn kulħadd li ma nerġgħux lura għall-istatus quo jeħtieġlu jagħmel rabta bejn is-sostenibbiltà u s-solidarjetà; jippropni li l-istrateġija tal-Unjoni fil-ġejjieni għandha tkun sostenibbli f’termini tas-swieq finanzjarji, l-ekonomija, l-infiq tal-gvern, l-impetu ekonomiku u soċjali, il-klima u l-ambjent;

73.

Huwa favur l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, li d-dħul minnha jmur biex itejjeb it-tħaddim tas-suq billi titnaqqas l-ispekulazzjoni u jgħin biex jiġu ffinanzjati l-beni pubbliċi globali u jitnaqqsu d-defiċits pubbliċi; iqis li taxxa bħal din għandha tkun stabbilita fuq bażi wiesgħa kemm jista’ jkun, jew, jekk dan ma jkunx possibbli, it-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji għandha tkun introdotta bħala l-ewwel pass fil-livell tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni twettaq malajr studju ta’ fattibbiltà li jqis il-kundizzjonijiet indaqs globali kif ukoll tippreżenta proposti leġiżlattivi konkreti;

74.

Iqis li biex jiġi evitat ir-riskju ta’ terremoti sekondarji strutturali, il-kriterju ewlieni għall-għażliet ta’ politika għandu jkun l-iffukar tal-istrateġija ta’ ħruġ fuq it-tkabbir sostenibbli; minn din il-perspettiva, il-kontenut tal-pakketti fiskali huwa essenzjali; l-għażleit ta’ politika għandhom isiru b’miri fiż-żmien medju sa twil, u l-investiment pubbliku jeħtieġ li jkun immirat sewwa u jiffoka fuq l-innovazzjoni, ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-effiċjenza tal-enerġija, u t-teknoloġiji ġodda għandhom jitqiesu bħala prijorità;

75.

Jirrimarka li l-akbar suċċessi tal-Unjoni ħarġu mit-twettiq ta’ proġetti prattiċi u mill-implimentazzjoni ta’ politiki sostantivi, bħalma huma s-suq intern, il-politika kummerċjali komuni, l-euro, il-varar ta’ riformi strutturali u l-programm Erasmus, li l-Kummissjoni qed taħdem biex iġġibhom ’il quddiem;

76.

Iqis li s-solidarjetà bejn il-ġenrazzjonijiet tfissser li la ċ-ċittadini żgħar u lanqas dawk anzjani m’għandhom jitgħabbew b’piżijiet żejda ta’ dejn kuntrattat fl-imgħoddi;

77.

Jinnota li l-kriżi tefgħet dawl ġdid fuq l-isfida demografika u l-isfida tal-finanzjament tal-pensjonijiet; iqis li l-finanzjament tal-pensjonijiet ma jistax jitħalla għalkollox f’idejn is-settur pubbliku, imma għandna nistrieħu fuq sistemi tripartitiċi li jinkludu skemi ta’ pensjonjiet pubbliċi, tax-xogħol u privati debitament garantiti b’regolazzjoni u superviżjoni speċifika biex jipproteġu lill-investituri; iqis, barra minn hekk, li l-pensjonijiet se jeħtiġilhom jgħaddu minn riforma mal-Ewropa kollha kemm hi biex jikkontribwixxu għall-finanzjament tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet; iqis li ż-żieda fit-tul tal-ħajja tqajjem kwistjonijiet b’effetti b’ħafna dimensjonijiet rigward l-organizzazzjoni tas-soċjetà li ma kinux antiċipati;

78.

Jemmen li l-Ewropa teħtieġ Unjoni aktar magħquda, aktar effiċjenti u anqas burokratika, u mhux biss aktar koordinazzjoni; jemmen li l-Kummissjoni, li l-kompitu tagħha huwa li tiddefinixxi l-interess Ewropew u tiddefendih, jeħtiġilha, bi prijorita u fi qbil mad-dritt ta’ inizjattiva tagħha, timpenja ruħha favur azzjoni f’isem l-Unjoni f’dawk l-oqsma li fihom għandha kompetenzi konġunti jew il-kompetenza li tikkoordina l-azzjonijiet tal-Istati Membri, filwaqt li timplimenta u tinforza politiki komuni u tiddefinixxi l-konfini ta’ azzjoni minn protagonisti tas-suq jew statali li ttellef is-suq intern; iqis li huwa vitali li l-Kummissjoni tutilizza regolamenti u mhux direttivi bħala l-bażi legali ħalli tiffaċilita l-adozzjoni uniformi fl-UE kollha kemm hi u tipprevjeni d-distorsjonijiet;

79.

Jitlob lill-Kummissjoni torganizza, fejn jeħtieġ, fora settorjali b’tali mod li l-partjiet kollha interessati f’suq partikolari jkunu jistgħu jaħdmu flimkien bil-għan li jinkoraġġixxu l-varar mill-ġdid ta’ politika industrijali Ewropea ġenwina kif ukoll irawmu l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi; ifakkar li f’din il-ħidma jeħtiġilna nżommu quddiem għajnejna l-impenji tagħna dwar it-tibdil fil-klima u l-potenzjal ta’ ċerti teknoloġiji ħodor; iqis li jeħtieġ li l-baġit tal-UE jintuża aħjar, b’tali mod li jsir katalist reali tal-isforzi nazzjonali kollha fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni u l-ħolqien ta’ negozji u impjiegi ġodda; barra minn hekk jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposti konkreti dwar kif tista’ tittejjeb il-kooperazzjoni bejn in-negozji u r-riċerka u jitrawmu r-raggruppamenti (“clusters”), u kif strateġija bħal din tista’ tiġi appoġġata b’fondi adegwati; jenfasizza li forza li tmexxi ’l quddiem l-iżvilupp fi kwalunkwe suq hija l-kompetizzjoni libera u ġusta, li fiha protagonisti ġodda jistgħu jidħlu fis-suq faċilment u fejn ma jkun hemm l-ebda privileġġ li jgħawweġ is-suq;

80.

Jistiedn lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ tal-kelma u l-ispirtu tal-Ftehim ta’ Qafas rigward is-sħubija speċjali mal-Parlament Ewropew bil-għan li jiġu definiti l-prijoritajiet tal-aġenda Ewropea fl-interess taċ-ċittadini; jitlob li jkun hemm djalogu intensifikat mal-parlamenti nazzjonali, b’mod partikolari fl-oqsma ta’ kwistjonijiet baġitarji u finanzjarji; iwissi kontra kwalunkwe tentattiv biex jinħolqu istituzzjonijiet separati fuq bażi intergovernattiva, li jeskludu lil xi pajjiżi mit-teħid tad-deċiżjonijiet u ma jħallux li l-fehma ta’ kull Stat Membru tingħata l-istess importanza;

81.

Jemmen li governanza ekonomika effikaċi timplika li l-Kummissjoni tingħata responsabbiltà xierqa u aktar b’saħħitha ta’ ġestjoni, biex b’hekk tkun tista’ tuża kemm l-istrumenti eżistenti kif ukoll dawk ġodda previsti fit-Trattat ta’ Lisbona, bħall-Artikoli 121, 122, 136, 172, 173 u 194, li jagħtu lill-Kummissjoni l-kompitu li tikkoordina l-pjanijiet u l-miżuri ta’ riforma u li tistabbilixxi strateġija komuni;

82.

Jemmen li t-tisħiħ tal-governanza ekonomika jeħtieġlu jimxi id f’id mat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-governanza Ewropea, li għandha tintlaħaq permezz tal-involviment aktar mill-qrib u fil-ħin opportun tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess kollu;

83.

Jippropni li r-responsabbiltà għall-affarijiet ekonomiċi u monetarji fil-Kummissjoni għandha tingħata lil wieħed mill-Viċi Presidenti tagħha; jipproponi li dik il-persuna tingħata l-kompitu li tiżgura li l-attività ekonomika tal-UE tkun konsistenti, li tissorvelja l-mod kif il-Kummissjoni teżerċita r-responsabilitajiet tagħha rigward affarijiet ekonomiċi, monetarji u relatati mas-suq u li tikkoordina aspetti oħra tal-attività ekonomika tal-Unjoni; jissuġġerixxi wkoll li dik il-persuna għandha tipparteċipa fil-ħidma tal-Kunsill Ewropew, tippresjedi l-Kunsill tal-Ecofin u l-Grupp tal-Euro u tirrappreżenta l-UE f’korpi internazzjonali rilevanti;

84.

Iqis li d-diffikultajiet baġitarji li l-Istati Membri qed jiffaċċaw bħalissa u l-ħtieġa għal investiment konsiderevoli jirrikjedu, biex l-objettivi strateġiċi tal-Unjoni għandhom jintlaħqu sal-2020, mudelli finanzjarji ġodda li jinvolvu fndi sew pubbliċi kif ukoll privati;

85.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jaċċelleraw il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet biex is-settur pubbliku u dak privat jikkooperaw mill-qrib inkluż fil-forma ta’ sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat, biex jintlaqa’ għall-isfida ta’ investiment fit-tul fil-livell nazzjonali u Ewropew, b’mod li jwassal għal tkabbir sostenibbli, inklussiv u kompetittiv;

Il-politika ekonomika u monetarja tal-Unjoni

86.

Jikkonferma l-impenn tiegħu favur l-euro; jirrikonoxxi l-funzjoni strateġika u l-valur ta’ munita unika; jenfasizza t-trasparenza u l-benefiċċji ekonomiċi li l-euro ġab fiż-żona tal-euro; huwa tal-fehma li, l-ewwel u qabel kollox, l-euro jeħtieġ li jkun sur ta’ stabbiltà għall-ekonomija Ewropea;

87.

Jinnota li l-objettiv primarju tal-politika monetarja tal-BĊE huwa ż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet; jirrimarka li l-objettiv tal-istabbiltà tal-prezzijiet ma jistax jintlaħaq b’mod effikaċi ħlief jekk jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali tal-inflazzjoni; ifakkar li l-Artikolu 127 tat-TFUE jafda lill-BĊE l-kompitu li jsostni l-politiki ekonomiċi ġenerali tal-Unjoni; iqis li huwa essenzjali li l-Istati Membri fiż-żona tal-euro u dawk bi status speċjali jissodisfaw l-obbligi tagħhom għalkollox u ma jħallu l-ebda dubju dwar l-għanijiet komuni tal-istabbiltà tal-prezzijiet, l-indipendenza tal-BĊE, id-dixxiplina baġitarja u t-trawwim tat-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività;

88.

Jifraħ lill-BĊE għall-isforzi tiegħu biex jikkontrolla l-inflazzjoni, imma jitlob li l-BĊE jkollu rwol akbar fil-kontroll tal-inflazzjoni tal-assi;

89.

Jinnota li, biex tirreżisti tnaqqis tar-rata ekonomika, unjoni monetarja teħtieġ koordinazzjoni qawwija tal-politiki ekonomiċi; jiddispjaċih li fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja l-enfasi kien pjuttost fuq ix-xaqliba “monetarja”;

90.

Jaqbel mal-FMI li l-ġestjoni tal-kriżi mhijiex alternattiva għall-azzjonijiet korrettivi ta’ politika u għar-riformi fundamentali meħtieġa biex isaħħu s-sisien tal-Unjoni Monetarja Ewropea;

91.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li ż-żona tal-euro tqawwi l-kapaċità tagħha li tilqa’ għall-isfidi billi tikkompleta struttura istituzzjonali bbażata sew fuq inċentivi kif ukoll fuq sanzjonijiet għall-azzjonijiet meħtieġa;

92.

Jenfasizza li l-PST huwa l-uniku strument regolatorju eżistenti li jista’ jipprovdi qafas regolatroju fundamentali għall-politiki makroekonmiċi u għall-finanzi pubbliċi fl-UE;

93.

Jinnota li l-bidla għall-euro, kif wera r-rapport dwar l-ewwel għaxar snin tal-munita komuni, wkoll kixfet twessigħ tad-diverġenzi fil-kompetittività bejn l-ekonomiji taż-żona tal-euro, u b’hekk ħarrxet il-konsegwenzi għall-pajjiżi ekonomikament dgħajfa u wasslet għal żbilanċi kummerċjali fi ħdan iż-żona tal-euro; jinnota, madankollu, li l-benefiċċji tal-euro għall-Unjoni sħiħa kienu sostanzjali, pereżempju f’termini ta’ stabbiltà ekonomika relattiva, stabbiltà tal-prezzijiet u rata baxxa ta’ inflazzjoni;

94.

Jenfasizza li ħafna pajjiżi jeħtiġilhom ireġġgħu l-ordni fil-fiskalità tagħhom u jnaqqsu l-livelli tad-defiċit u d-dejn tagħhom b’mod sinifikanti; jaqbel mal-Kunsill dwar il-ħtieġa li jiġu żgurati s-sostenibbiltà fiskali u t-tkabbir ekonomiku mtejjeb fl-Istati Membri kollha, u għalhekk jaqbel li l-pjanijiet għall-konsolidament fiskali u r-riformi strutturali jeħtieġ li jiġu ddefiniti u implimentati skont dan;

95.

Jinnota li dan jista’ jwassal għal strateġiji ta’ konsoldiazzjoni finanzjarja li jirrestinġu bil-kbir il-kapaċità tal-gvernijiet biex jaġixxu; fl-istess waqt, iwissi li dawn il-pakketti ta’ awsterità m’għandhomx iwasslu għal miżuri li jistgħu jrażżnu l-irkupru ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-koeżjoni soċjali;

96.

Iqis li l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa għodda importanti biex is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi titwiegħed taħt pressjoni, u b’hekk ta kontribut favur ir-responsabbiltà ekonomika fiż-żona tal-euro; jirrikonoxxi li safa mtellef minn infurzar nieqes u ma tax biżżejjed saħħa għal-ottimizzazzjoni tal-politiki ekonomiċi ta’ kull wieħed mil-Istati Membri u taż-żona tal-euro kollha kemm hi; iqis li dan l-istrument tal-politika ekonomika ma tfassalx biex jaqdi ta’ proċess korrettiv sostenibbli li jpatti għal żbilanċi kurrenti u li jimmaniġġa perjodi ta’ kriżi jew inkella ta’ tkabbir tassew baxx; huwa tal-fehma li, lil hinn mill-applikazzjoni tar-regoli eżistenti, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw politiki interni biex irawmu t-tkabbir, l-innovazzjoni, il-kompetittività u objettiv kwalitattiv skont liema d-defiċit pubbliku ma jkunx jista’ jaqbeż ċerti livelli normattivi;

97.

Iqis li l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir ma jqisx żbilanċi oħra bħal dawk tad-dejn privat u fil-kont kurrenti, li wkoll għandhom effett fuq l-unjoni monetarja;

98.

Jinnota li, anki wara li ħien ħareġ ċar li l-akkuratezza tad-dejta statistika rrappurtata minn xi Stati Membri f’xi każijiet kienet dubjuża, matul it-terminu parlamentari preċedenti meta kienet qed tiġi riveduta d-Direttiva dwar l-Eurostat, il-Kunsill kien kontra li l-Eurostat jingħata l-poter li jwettaq kontrolli fil-post kif irrakkomanda l-Parlament Ewropew;

99.

Iqis li l-awtiru tat-Trattat ta’ Maastricht kienu jistennew konverġenza tal-kompetittività bejn l-Istati Membri fiż-żona tal-euro u ma kinux antiċipaw il-livell għoli ta’ diverġenzi, li fl-aħħar mill-aħħar wasslu għal twessigħ tal-ispreads, hekk kif biżgħat dwar is-solvenza ta’ xi Stati Membri għollewlhom il-primjum tar-riskju;

100.

Jinnota li l-aħħar xhur raw għadd ta’ eċċezzjonijiet temporanji għall-applikazzjoni tan-normi Ewropej dwar l-għajnuna mill-istat, li bis-saħħa tagħhom l-Istati Membri kellhom l-opportunità jilqgħu għall-impatt tal-kriżi; jinnota li l-fażi ta’ tkabbir li sejrin lejha tirrikjedi pedamenti sodi, u huwa f’dan il-kuntest li jeħtiġilna gradwalment nerġgħu lura għar-reġim normali tal-għajnuna mill-istat u b’hekk niżguraw kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd fl-Ewropa;

101.

Iħeġġeġ sabiex jissaħħu d-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, speċjalment it-taqsima preventiva tiegħu, fejn l-aktar strument b’saħħtu attwalment disponibbli biex l-Istati Membri jiġu mġiegħla jikkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill huwa l-pressjoni li l-Istati Membri jagħmlu fuq xulxin; iħeġġeġ sabiex is-sorveljanza ekonomika li titwettaq mill-Kummissjoni tingħata aktar saħħa; iqis li għandha tiġi esplorata l-possibbiltà li jinħolqu inċentivi għall-konsolidament fiskali;

102.

Jipproponi t-twaqqif ta’ mekkaniżmu effikaċi ta’ inċentivi u penali li għandu jiġi applikat għall-mplimentazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li jgħin biex jipprevjeni li kriżi kurrenti tkompli tmur għall-agħar u jiżgura l-prevenzjoni ta’ kriżi ġdida fil-ġejjieni;

103.

Jemmen li s-sorveljanza multilaterali u t-talbiet għall-aġġustament jeħtieġ li jkunu diretti lejn sitwazzjonijiet sew ta’ defiċit kif ukoll ta’ eċċess pożittiv, fil-qies taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull pajjiż, f’termini tad-demografija pereżempju, u li jeħtieġ li jirrigwardaw livelli tad-dejn privat, xejriet fil-pagi mqabbla mal-produttività tax-xogħol, l-impjiegi – speċjalment taż-żgħażagħ – u bilanċi tal-kontijiet kurrenti; iqis li dawn il-fatturi, jekk ma jkunux jistgħu jitħaddmu bl-istess mod bħall-kriterji attwali tal-patt ta’ stabbiltà, għandhom jintużaw bħala sinjali ta’ twissija; jemmen li jeħtieġ li jkun hemm aktar trasparenza fir-rigward tad-dejta dwar il-finanzi pubbliċi, u jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-kwalità tad-dejta statistika;

104.

Iħeġġeġ lil-Kummissjoni timplimenta mekkaniżmu infurzat Ewropew ta’ sanzjonjiet li jkun taħt il-kompetenza ċara tagħha fi ħdan iż-żona tal-euro ħalli l-Istati Membri jiġu mġiegħla jirrispettaw ir-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir;

105.

Huwa tal-fehma li l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir were li ma kienx effiċjenti biżżejjed biex jikkoordina l-politiki fiskali, li s-serħan tiegħu fuq il-politiki ta’ pajjiżi individwali qajjem probelmi dwar l-infurzar u l-ekwità tal-informazzjoni, li naqas milli jorbot il-livelli tal-impjiegi mal-ħolqien tal-postijiet tax-xogħol b’tali mod li jiġġenera taħlita ekonomika bbilanċjata sewwa, u li naqas ukoll milli jindirizza l-kwistjonijiet tal-konverġenza reali, il-kompetittività u l-ħolqien ta’ sinerġiji fiż-żona tal-euro; huwa tal-fehma, għaldaqstant, li jeħtieġ li jkun hemm aktar koordinament nbejn l-Istati membri, u b’mod partikolari fost l-ekonomiji taż-żona tal-euro, biex jissaħħaħ il-bilanċ ekonomiku taż-żona tal-euro;

106.

Iqis li l-linji gwida wesgħin għall-politika ekonomika sew għallistabbiltà kif ukoll għat-tkabbir stabbiliti b’mod konġunt mal-Parlament għandhom jintużaw bħala qafas għad-diskussjoni u l-valutazzjoni tal-baġits tal-Istati Membri – qabel ma jiġu ppreżentati lill-parlamenti nazzjonali rispettivi;

107.

Jemmen li, minbarra li jkollhom munita unika, il-pajjiżi taż-żona tal-euro jeħtiġilhom jagħmlu pass ieħor billi jagħmlu arranġamenti għall-ħruġ u l-ġestjoni reċiproka ta’ proporzjon tad-dejn sovran tal-Istati Membri biex b’hekk jifirxu bażi għal sorveljanza multilaterali aktar kumplessa bl-għajnuna tal-FME u l-FESF, biex jiġi żgurat li s-suq taż-żona tal-euro bħala tali jkun aktar attraenti u għall-ġestjoni konġunta tad-djun;

108.

Iqis li l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali, speċjalment l-adattament u r-ristrutturar tas-sistemi tad-distribuzzjoni soċjali FL-Istati membri l-ġodda, teħtieġ sostenn qawwi u solidarjetà mill-Unjoni; irrispetivament minn kwalunkwe sitwazzjoni globali ta’ kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali, iż-żona tal-euro u l-ERM II għandhom jitkabbru aktar permezz ta’ Stati Membri ġodda li jkunu ssodisfaw il-kriterji ta’ Maastricht; deċiżjonijiet bħal dawn, inter alia, jagħtu xhieda tal-istabbiltà u s-sostenibbiltà taż-żona tal-euro fiha nnifisha;

109.

Iqis li, biex ma jitħallewx ifeġġu diverġenzi fi ħdan iż-żona tal-euro, huwa ta’ importanza ewlenija l-livellar tad-differenzi maġġuri eżistenti fil-kompetittività fiż-żona tal-euro billi ż-żidiet fil-pagi jinżammu allinjati mal-kisbiet ta’ produttività u l-previżjonijiet tal-inflazzjoni;

110.

Jitlob titjib sostanzjali fid-djalogu soċjali dwar kwistjonijiet makroekonomiċi, li jeħtieġ li jkun jinvolvi aktar minn informazzjoni lis-sħab soċjali dwar il-linji gwida proposti jew adottati;

111.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiddefinixxu linji gwida komuni wiesgħa għall-UE għall-implimentazzjoni ta’ ekonomija tas-suq sostenibbli; jemmen li linji gwida tali għandhom ikunu definiti annwalment abbażi ta’ valutazzjoni li tinkjludi l-evoluzzjoni tal-pagi/produttività fil-livell nazzjonali u Ewropew permezz ta’ djalogu soċjali f’loku;

Il-politika fiskali

112.

Isejjaħ biex ikun hemm strateġija baġitarja komuni għar-ristawr u s-salvagwardja tal-UE bħala żona ta’ tkabbir ekonomiku fit-tul;

113.

Iqis li l-infiq pubbliku meta jintuża b’mod effiċjenti u b’orjentazzjoni lejn il-ġejjieni (fuq l-edukazzjoni, it-taħriġ, l-infrastruttura, ir-riċerka, l-ambjent, eċċ.) jistgħu jistabbilizzaw l-ekonomija billi maż-żmien irawmu tkabbir san u sostnut; huwa tal-fehma li l-infiq pubbliku ta’ kwalità għolja u responsabbli flimkien mat-trawwim tal-potenzjal intraprenditorjali u innovattiv tas-settur privat jista’ jmexxi ’l quddiem il-progress ekonomiku u soċjali;

114.

Jenfasizza l-importanza li tiġi stabbilita konnessjoni iktar b’saħħitha bejn l-istrumenti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-Ewropa 2020 billi jiġu ppreżentati b’mod koerenti, biex b’hekk ikun possibbli wkoll li jsir tqabbil aħjar tal-baġits nazzjonali fir-rigward tal-infiq f’kategoriji differenti; jemmen li l-Istati Membri għandhom iqisu l-politiki ekonomiċi tagħhom mhux biss bħala xi ħaġa ta’ interess nazzjonali, iżda wkoll bħala kwistjoni ta’ interess komuni, u għandhom jifformulaw il-politiki tagħhom skont dan; ifakkar lill-Istati Membri fir-rwol imsaħħaħ tal-Linji Gwida Ġenerali għall-Politika Ekonomika;

115.

Jinsisti li, jekk l-istrateġija Ewropa 2020 trid tkun kredibbli, jeħtieġ li jkun hemm kompatibbiltà u kumplementarjetà akbar bejn il-baġits nazzjonali tas-27 Stat Membru tal-UE u l-baġit tal-UE; jenfasizza r-rwol akbar li għandu jkollu l-baġit tal-UE rigward il-ġmigħ tar-riżorsi;

116.

Iqis li investiment pubbliku iffukat b’mod intelliġenti jista’ jkollu effett qawwi fuq l-invesitment fit-tul; jipproponi l-estensjoni tal-mandat tal-BEI biex jinkludi l-kapaċità ta’ ħruġ ta’ Eurobonds għal investiment fi proġetti strutturali ewlenin skont il-prijoritajiet strateġiċi tal-UE;

117.

Jinnota li l-munita unika tista’ topera biss jekk l-Istati Membri jikkoordinaw il-politiki baġitarji tagħhom u jekk ipoġġu l-karti kollha fuq il-mejda; jirrikonoxxi li dan il-proċess jeħtieġ kooperazzjoni mill-qrib mal-parlamenti nazzjonali;

118.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex, bl-appoġġ tal-Eurostat, itejbu l-komparabbiltà ta’ nfiq skont il-baġits nazzjonali għall-identifikazzjoni tal-komplementarjetà jew il-konverġenza ta’ politika;

119.

Jemmen li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu biex jilħqu l-introduzzjoni ta’ prinċipji fiskali li ma jissuktawx jinkoraġġixxu d-dejn fis-setturi pubbliċi u privati u r-rimunerazzjoni fuq perjodu ta’ żmien qasir fis-settur privat u li jistgħu jinkludu mekkaniżmi bonus/malus ibbażati fuq kriterji marbutin ma’ xogħol u ambjent deċenti;

120.

Jinnota li l-irkupru mill-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali u l-ħruġ mill-kriżi tad-dejn sovran se jeħtieġu proċess fit-tul li għandu jitfassal tajjeb u jiżgura żvilupp bilanċjat u sostenibbli; jirrikonoxxi li jista’ jkun hemm bżonn ta’ kompromessi bejn it-tkabbir, il-ġustizzja u l-istabbilità finanzjarja u li dawn il-kompromessi għandhom ikunu soġġetti għat-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti għall-iżvilupp finanzjarju li jikkunsidraw dawn l-għanijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-istrateġija UE 2020, u tispjega t-tipi ta’ kompress li dwarhom għandhom jittieħdu deċiżjonijiet politiċi; jittama li dawn jipprovdu l-bażi li fuqha l-Unjoni tkun tista’ tiffaċilita d-dibattitu u tippermetti paraguni ta’ politika, wara konsultazzjoni mal-protagonisti kollha li għandhom sehem fir-riforma tas-suq finanzjarju (banek, investituri, min ifaddal u is-sħab soċjali); jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tinvolvi l-Parlament Ewropew aktar mill-qrib f’dan il-proċess, b’mod partikolari fit-tfassil u aktar tard fl-implimentazzjoni tal-istrateġija UE 2020;

121.

Iħeġġeġ lill-Unjoni tħejji lilha nnifisha aħjar bi strumenti kontraċikliċi għall-ġestjoni tal-politika ekonomika;

122.

Iqis li it-Trattat ta’ Lisbona, bħalissa, joffri kull strument meħtieġ għad-dħul fis-seħħ tal-governanza ekonomika reali tal-Unjoni u għall-kontroll aħjar tal-istat tal-finanzi pubbliċi fl-Istati Membri;

Is-suq intern

123.

Jenfasizza t-talbiet magħmula fir-rapporti ta’ Mario Monti u Louis Grech, li ġew adottati mill-Parlament Ewropew fl-20 ta’ Mejju 2010, għal approċċ aktar olistiku għas-suq intern, kemm f’termini ta’ strateġija u perċezzjoni, bil-għan li jsir aktar effettiv u jerġa’ jrodd lura l-fiduċja pubblika; jenfasizza l-importanza tal-“Att dwar is-Suq Uniku”, inizjattiva magħmula minn ġabra ta’ proposti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi għat-tisħiħ u l-aġġornament tas-suq intern, it-twettiq tas-suq diġitali intern u l-indirizzar u t-tkissir tal-bqija tal-ostakli;

124.

Iqis bħala essenzjali li l-Att dwar is-Suq Uniku jinkludi aġenda ambizzjuża għall-protezzjoni soċjali u tal-konsumaturi f’forma tal-inklużjoni ta’ klawsola soċjali fil-leġiżlazzjoni kollha dwar is-suq intern, fil-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi tal-interess ekonomiku ġenerali, u pakkett leġiżlattiv ambizzjuż għall-protezzjoni tal-konsumatur li jagħmel differenza fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini u jwassal għal titjib tal-kordinazzjoni fiskali permezz tal-armonizzazzjoni tal-bażi ta’ taxxa fuq il-kumpaniji u r-rati tal-VAT;

125.

Jinnota li l-bżonn li s-suq intern jeħtieġ l-appoġġ ta’ kulħadd hu ewlieni għall-proġett Ewropew u l-pedament tal-ħolqien tal-ġid sostenibbli fl-UE;

126.

Jinnota li s-suq intern hu wieħed mill-mexxejja ewlenin tat-tkabbir Ewropew; jenfasizza li l-istrateġija UE 2020 għandha sservi ta’ programm reali għat-tkabbir u l-impjiegi bil-għan li tkun iffaċċjata l-kriżi ekonomika u jissaħħaħ is-suq intern;

127.

Huwa tal-fehma li l-inizjattivi minn stati partikolari ma jistgħux ikunu effettivi mingħajr azzjoni kordinata fil-livell tal-UE, b’hekk hu importanti li l-Unjoni Ewropea titkellem b’vuċi waħda, soda u timplimenta azzjonijiet komuni. Is-solidarjetà li fuqha hu bbażat il-mudell ekonomiku soċjali Ewropew, u l-kordinament tar-rispons nazzjonali kienu kruċjali biex jiġu evitati miżuri ta’ protezzjoni għall-perjodu qasir ta’ żmien mill-Istati Membri individwali; jesprimi t-tħassib tiegħu li jekk il-protezzjoniżmu ekonomiku jerġa’ jitfaċċa fil-livell nazzjonali dan x’aktarx iwassal għall-frammentazzjoni tas-suq waħdieni u għal tnaqqis fil-kompetittività, u għalhekk jeħtieġ li jiġi evitat; jesprimi t-tħassib tiegħu li l-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali tista’ tintuża biex tiġġustifika l-qawmien mill-ġdid ta’ miżuri ta’ protezzjoniżmu f’diversi Stati Membri, filwaqt li r-riċessjoni titlob minflok, għal mekkaniżmi ta’ salvagwardja komuni;

128.

Hu tal-fehma li l-progress fis-Suq Intern m’għandux ikun ibbażat fuq id-denominatur komuni l-aktar baxx. Iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni tieħu t-tmexxija u tressaq proposti kuraġġużi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw il-metodu ta’ kooperazzjoni msaħħa f’oqsma fejn il-proċess li jintlaħaq ftehim bejn 27 ma jkunx possibbli; pajjiżi oħra jkunu ħielsa li jingħaqdu f’dawn l-inizjattivi avanzati fi stadju aktar tard;

129.

Iwissi kontra l-kunċett li l-ekonomija Ewropea tista’ b’xi mod tiżviluppa u tikber mingħajr kummerċ liberu u ġust mal-akbar numru ta’ pajjiżi possibli fid-dinja, inkluż l-Istati Uniti, bħalissa l-akbar sieħeb kummerċjali tagħna u l-ekonomiji emerġenti l-oħra bħaċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil. iqis li l-Unjoni Ewropea għandha wkoll tafda f’ħilitha billi tagħmel użu aħjar tas-suq intern tagħha, speċjalment għaliex il-parti l-kbira tat-tkabbir tagħha hu marbut ukoll mat-talba pubblika;

130.

Jenfasizza l-ħtieġa li fi żmien ta’ globalizzazzjoni, jinħeles il-potenzjal kummerċjali tas-suq intern, biex tingħata spinta lill-ħolqien tax-xogħol u l-innovazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda fl-Ewropa.

131.

Jemmen li sabiex jiġi stabbilit suq uniku effettiv, il-Kummissjoni għandha tipproduċi sett ċar ta’ prijoritajiet politiċi permezz tal-adozzjoni ta’ “Att dwar is-Suq Uniku”, li għandu jkopri kemm l-inizjattivi leġiżlattivi kif ukoll dawk mhux leġiżlattivi, bil-għan li tinħoloq ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva ħafna;

132.

Jirrikonoxxi li, fi ħdan l-Unjoni Ewropea, il-bini ta’ suq intern mingħajr xi forma ta’ armonizzazzjoni fiskali, b’mod partikolari rigward it-taxxi tal-kumpaniji u tifsira tat-taqsimiet ta’ protezzjoni soċjali, wasslu, sa ċertu punt, għal kompetizzjoni eċċessiva bejn l-Istati Membri biex jattiraw kontributuri fiskali minn Stati Membri oħra; jinnota, madankollu, li wieħed mill-akbar vantaġġi tas-suq intern kienu t-tneħħija tal-ostakli għall-mobilità u l-armonizzazzjoni tar-regolamenti instituzzjonali, il-promozzjoni tal-għarfien kulturali, l-integrazzjoni, it-tkabbir ekonomiku u s-solidarjetà Ewropea;

133.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni twettaq eżerċizzju indipendenti biex tidentifika l-akbar 20 sors ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjon u frustrament relatat mas-suq uniku li ċ-ċittadini jħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum, partikolarment b’rabta mal-kummerċ elettroniku, il-kura medika transkonfinali u r-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki professjonali;

134.

Jistieden lill-Istati Membri biex, fl-aħħar nett, jaċċettaw tabelli ta’ korrelazzjoni rigward l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni sabiex id-defiċits fil-leġiżlazzjoni jkunu iktar trasparenti;

135.

Jenfasizza li suq tal-akkwist pubbliku li jaħdem sew huwa essenzjali għas-Suq Intern; jibqa’ mħasseb, madankollu, dwar il-fatt li għad baqa’ problemi sinifikanti għall-awtoritajiet pubbliċi fil-kisba tal-għanijiet ta’ politika tagħhom, fi ħdan sett kumpless ta’ regoli kif ukoll fl-iżgurar tal-aċċess tal-SMEs għas-swieq tal-akkwist pubbliku;

136.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta għall-introduzzjoni ta’ “klawsola sunrise”, li tiżgura li l-liġijiet tas-suq intern tal-UE jiddaħħlu awtomatikament fis-seħħ fi żmien stipulat jekk l-Istati Membri ma jkunux ittrasponewha fil-ħin;

137.

Jemmen li d-dħul fis-seħħ ta’ regoli sodi u effettivi għal żona ekonomika, wara kriżi fil-livell ta’ dik li għaddejna minnha, jirrappreżenta l-iktar kontribut sinifikanti għall-kompetittività; iqis li l-awtoritajiet tal-UE għandhom responsabbiltà partikolari għall-iżgurar li tinżamm l-aġenda tar-riforma, inter alia mill-awtoritajiet politiċi nazzjonali;

138.

Huwa tal-fehma li l-Ewropa għandha, għal darba oħra, tinbidel f’imkien favorevoli għall-investimenti u l-produzzjoni, u ssir standard ta’ kejl dinji għall-innovazzjoni u t-tkabbir; jemmen li l-istituzzjonijiet finanzjarji, kemm pubbliċi kif ukoll privati, għandhom jagħmlu dak kollu possibli biex jiżguraw li s-swieq finanzjarji jaħdmu għall-benefiċċju tal-ekonomija reali u tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju;

139.

Jitlob lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni annwali tal-ħtiġijiet ta’ investiment pubbliku u privat u kif dawn qegħdin, jew għandhom jintlaħqu;

It-tassazzjoni

140.

Jirrikonoxxi li l-iżvilupp aħjar tas-suq intern tal-Unjoni, jeħtieġ approċċ kordinat kemm fil-livell nazzjonali u tal-UE biex jiġu kapitalizzati l-aħjar prattiki fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali, filwaqt li jitfasslu inċentivi adegwati biex il-kontributuri fiskali iħallsu t-taxxi dovuti minnhom u biex l-awtoritajiet fiskali fl-Istati Membri jadottaw miżuri ta’ prevenzjoni effettivi kontra kull tip ta’ prattika ħażina;

141.

Iqis li t-tnaqqis tal-livelli tal-frodi fiskali għandu jgħin biex jitnaqqsu d-defiċits pubbliċi mingħajr ma żieda fit-taxxi, filwaqt li jitrażżan l-infiq soċjali; huwa mħasseb dwar id-distorsjoni maħluqa fis-suq intern minħabba l-livelli differenti ta’ frodi fiskali fl-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni tħejji valutazzjoni ta’ impatt li tevalwa l-problemi differenti kkawżati mill-evażjoni fiskali u l-ekonomija s-sewda fl-Istati Membri kollha;

142.

Jenfasizza l-fatt li l-kisba ta’ finanzi pubbliċi sostenibbli jeħtieġ mhux biss infiq responsabbli, iżda wkoll tassazzjoni adegwata u ġusta, ġbir iktar effikaċi tat-taxxi mill-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa u ġlieda aktar intensiva kontra l-evażjoni fiskali; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi sett ta’ miżuri ta’ għajnuna għall-Istati Membri biex ireġġgħu lura l-bilanċ tal-kontijiet pubbliċi tagħhom u biex jiffinanzjaw l-investiment pubbliku bl-isfruttar ta’ sorsi finanzjarji;

143.

Jinnota, b’ripetizzjoni tal-ħidma mwettqa minn Mario Monti, li ż-żidiet fid-dħul pubbliku marbuta ma’ prestazzjoni ekonomika tajba ġeneralment wasslu għal tnaqqis fit-taxxi; jinnota li t-tassazzjoni fuq ix-xogħol għandha titnaqqas sabiex tikber il-kompetittività Ewropea; jappoġġja l-proposti ta’ Mario Monti għall-ħolqien ta’ Grupp tal-Politika Fiskali, li għandu jiġbor flimkien rappreżentanti minn Stati Membri, bħala mezz importanti biex jitħeġġeġ id-djalogu bejn il-pajjiżi Ewropej; jistieden lill-grupp ta’ politika biex primarjament jiddiskuti l-qafas għal sistema fiskali li għandha tindirizza miri ambjentali u tappoġġja l-effiċjenza ta’ riżorsi; jilqa’ l-proposta għal direttiva dwar bażi komuni konsolidata għal taxxa fuq il-korporazzjonijiet fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2011;

144.

Jirrikonoxxi li s-sovranità tal-Istati Membri fl-għażla ta’ kif jixtiequ jiġbru t-taxxi hi forza ta’ tmexxija qawwija ta’ titjib istituzzjonali u tkabbir ekonomiku; iqis essenzjali t-tnaqqis ta’ taxxi dwar ix-xogħol, kemm minħabba dawk anqas ixxurtjati u ukoll biex tippermetti lill-klassijiet medji jgħixu deċentement mill-qligħ ta’ ħidmiethom;

145.

Jipproponi struttura fiskali mmirata għat-tnaqqis tal-piż fuq ix-xogħol u biex jitħeġġu u jinħolqu inċentivi għall-impjieg, l-innovazzjoni u l-investiment fit-tul;

Il-koeżjoni reġjonali, ekonomika u soċjali

146.

Iqis li l-politika ta’ koeżjoni għandha titqies bħala wieħed mill-pilastri tal-politika ekonomika tal-Unjoni, li tikkontribwixxi għall-istrateġija ta’ ivestiment fit-tul tal-UE;

147.

Jinnota li l-politika ta’ koeżjoni saret element essenzjali fil-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku, billi hi politika pubblika li tista’ tintuża bħala rispons għall-kriżi u biex tindirizza t-tħeġġiġ tat-talba fuq perjodu ta’ żmien qasir, filwaqt li fl-istess ħin tinvesti fit-tkabbir u l-kompetittività, fit-tul;

148.

Iqis li s-saħħa tal-politika ta’ koeżjoni li torbot flimkien l-irkupru mat-tkabbir fit-tul ġejja mit-tliet karatteristiċi bażiċi tagħha: tistipula linjigwida strateġiċi bħala kundizzjonijiet għat-trasferiment ta’ riżorsi, li huma obbligatorji kemm għall-Istati Membri u għar-Reġjuni; tagħti lok lill-Istati Membri u r-reġjuni jfasslu interventi skont l-esiġenzi lokali; u għandha l-kapaċità li ssegwi u tappoġġja l-kisba tal-miri;

149.

Jenfasizza li l-impatt irregolari tal-kriżi madwar it-territorju Ewropew tirrifletti punti ta’ tluq kompetittivi u livelli differenti ta’ rikors għal miżuri kontra l-kriżi, u dan ifisser prospetti fit-tul differenti; jinnota li l-effetti tal-kriżi jistgħu jwasslu għal tnaqqis fil-koeżjoni territorjali jekk ma jiġux indirizzati permezz ta’ politiki mmirati lejn problemi partikolari b’mod divrenzjat. Jinnota li f’xi pajjiżi l-aktar effettwati mill-kriżi, il-koeżjoni politika rrapreżentat l-parti ewlenija tal-investiment pubbliku globali;

150.

Iqis li l-istrateġija ta’ wara l-kriżi għandha tkun aktar effettiva jekk ir-reġjuni u l-bliet jiġu involuti fl-implimentazzjoni tagħha; il-governanza fl-livelli differenti toffri spazju ta’ politika usa’, li jippermetti promozzjoni aktar effettiva ta’ irkupru ekonomiku fl-UE, peress li l-livelli reġjonali u lokali tal-governanza Ewropea għandhom il-kapaċità li jitraduċu l-għanijiet strateġiċi ġenerali Ewropej fi speċifiki partikolari għat-territorju tagħhom u għandhom il-kapaċità li jiġbdu l-għodod ta’ politika li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom u l-entużjażmu tas-sħab kollha – kummerċjali, mid-dinja akkademika u s-soċjetà ċivili;

151.

Jinnota li llum hemm ħafna għodod ta’ politika fil-livelli ta’ governanza lokali u reġjonali. Kemm l-innovazzjoni, li tista’ ġġib magħha żidiet fil-produttività u għażliet ekoloġiċi, u li jistgħu joħloqu talbiet u swieq ġodda, jeħtieġu iffokar lokali u reġjonali u approċċ integrat ibbażat fuq il-post għal politiki ta’ investiment u tkabbir; reġjun, belt, raħal jew żona rurali tista’ tkun post fejn jinġiebu flimkien is-sħab kollha, kif ukoll l-elementi meħtieġa biex tinstab soluzzjoni;

152.

Jesprimi, għalhekk, it-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ progress fid-devoluzzjoni tal-poter lill-komunitajiet peress li l-komunitajiet lokali u rurali joffru opportunitajiet f’termini ta’ ekonomija, impjiegi u bini tal-komunità, u l-għoti ta’ appoġġ għal dawn il-komunitajiet jippermetti t-tnaqqis tal-esklużjoni bit-tisħiħ tat-tessut tal-komunità u b’konsegwenza taż-żieda tal-kapaċità ta’ assorbiment tagħha;

153.

Jinnota, li hekk kif ir-reġjuni ser ikomplu jżidu fl-importanza tagħhom fit-tmexxija tal-aġenda ekonomika tal-UE, is-self lokali għandu jissaħħaħ, u dan jista’ jiġi stimolat permezz ta’ banek reġjonali b’saħħithom; jinnota li r-regolamentazzjoni tal-industrija tas-servizzi finanzjarji għandha tikkunsidra l-ħtieġa ta’ stimolu tal-intraprenditorja u l-finanzjament għall-SMEs, u li l-appoġġ finanzjarju għall-SMEs fil-politika ta’ koeżjoni għandu jersaq lejn il-finanzjament ta’ kapital spekulattiv, li jippermetti parteċipazzjoni akbar tas-settur bankarju u użu aktar effiċjenti tal-fondi strutturali;

154.

Jitlob għal riforma ulterjuri tal-istruttura tal-politika ta’ koeżjoni attwali sabiex il-fondi jkunu jistgħu jinħarġu b’aktar ħeffa u effiċjenza lill-Istati Membri, reġjuni u bliet; jinnota li tenħtieġ aktar flessibilità u li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra dan kollu fit-tfassil ta’ politika ta’ koeżjoni futura;

155.

Iqis essenzjali li kull strateġija ta’ investiment fit-tul tal-UE appoġġjata mill-politika ta’ koeżjoni tkun marbuta mar-riżultati f’termini ta’ kompetittività, innovazzjoni, ħolqien tal-impiegi, tkabbir ekoloġiku u titjib fil-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fil-livell Ewropew, speċjalment bejn Stati Membri qodma u ġodda;

UE 2020

156.

Jitlob li l-istrateġija UE 2020 għal kisba ta’ kunċett politiku wiesa’ għall-ġejjieni tal-UE bħala Unjoni kompetittiva, soċjali u sostenibbli, tqiegħed lin-nies u l-ħarsien tal-ambjent fiċ-ċentru tat-tfassil tal-politika;

157.

Iqis li jekk dawn l-għanijiet għandhom jinkisbu, wasal iż-żmien li l-politiki makro-ekonomiċi tagħna jiġu kordinati b’attenzjoni, bl-għoti ta’ prijorità lill-potenzjal ta’ tkabbir tal-Unjoni u l-iffokar fuq mudell ta’ żvilupp inklussiv u sostenibbli, li mingħajru l-ebda waħda mill-problemi tagħna ma tista tiġi solvuta; iqis li din għandha tkun il-mira tal-istrateġija UE 2020 il-ġdida;

158.

Jirrikonoxxi li, biex jiġi evitat li t-tweġibiet għall-kriżi tal-euro jwasslu għal perjodu twil ta’ staġnar ekonomiku, l-Unjoni għandha, fl-istess ħin, timplimentata strateġija biex taċċellera t-tkabbir ekonomiku sostenibbli, flimkien ma’ riformi mmirati għar-restawr u titjib tal-kompetittività;

159.

Jinnota l-ħames miri ewlenin maqbula mill-Kunsill Ewropew dwar ir-rata tal-impjiegi, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, il-livelli tal-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali; jenfasizza li dawn il-miri ewlenin m’għandhomx jiġu fformulati fil-qafas ta’ strateġija tal-iżvilupp sostenibbli u koerenti li tiġbor flimkien l-aġenda tal-politika ekonomika, dik soċjali u ambjentali;

160.

Iqis li l-edukazzjoni għandha titqiegħed fil-qalba tal-istrateġija ekonomika tal-Unjoni, bil-għan li tgħolli l-kwalità ġenerali tal-livelli kollha ta’ edukazzjoni u taħriġ fl-UE, bil-ġbir flimkien ta’ eċċellenza u ekwità u r-riforma tal-mudell edukattiv; jemmen li l-edukazzjoni għandha titqies bħala benefiċċju pubbliku f’għajnejn l-Unjoni, b’investiment fl-aspetti kollha tas-sistema tal-edukazzjoni, fil-kwalità ta’ edukazzjoni u fit-twessigħ tal-aċċess għall-edukazzjoni għolja; jipproponi d-dħul ta’ taħriġ tul il-ħajja fil-livell Ewropew permanenti u inklussiv li permezz tiegħu l-programmi Erasmus u Leonardo għall-edukazzjoni u l-mobilità fit-taħriġ għandhom isiru aktar aċċessibbli; jinnota l-ħtieġa ta’ żieda urġenti fil-livell ta’ investiment fil-qasam tar-Riċerka u l-Iżvilupp, b’mod partikolari minħabba l-valutazzjoni ta’ nofs il-perjodu tas-Seba’ Programm Qafas u tal- perspettivi finanzjarji tal-UE li jmiss;

161.

Jinnota li t-trattament tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u t-trawwim ta’ tqabbil effettiv tal-kapaċitajiet u l-ħtiġijiet tas-suq għandhom ikunu punti ewlenin. jemmen fil-ħtieġa ta’ żvilupp ta’ sħubijiet pubbliċi-privati fl-edukazzjoni, u l-mobilità transkonfinali għall-istudenti u r-riċerkaturi fi skambji u internati għandha tintuża sabiex tkabbar l-attrattiva internazzjonali tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa, filwaqt li tinżamm il-mira ta’ infiq ta’ 3 % tal-PGD fuq ir-riċerka u l-iżvilupp, għandha tagħti spinta lill-innovazzjoni permezz tar-riċerka u l-edukazzjoni għolja;

162.

Iqis li l-Istrateġija UE 2020 kif proposta mill-Kummissjoni għandha tikkonċentra fuq il-ħolqien ta’ suq intern anqas burokratiku, bit-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fuq l-intrapriżi b’25 % sal-2012, u aktar immexxi mill-effiċjenza, bl-użu tal-internet bħala s-sinsla ta’ suq elettroniku madwar l-UE kollha li għandha toħloq servizzi u impjiegi ġodda;

163.

Jemmen li l-istruttura ta’ governanza tal-istrateġija Ewropa 2020 għandha tissaħħaħ biex jiġi żgurat li tilħaq l-objettiv tagħha; iqis li aktar milli l-użu kontinwu tal-metodu miftuħ ta’ kordinament fil-qasam tal-politika ekonomika, jeħtieġ użu aktar wiesa’ ta’ miżuri obbligatorji biex l-istrateġija l-ġdida tkun ta’ suċċess; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jressqu strateġija ekonomika għall-irkupru ekonomiku bbażata primarjament fuq strumenti tal-UE u mhux fuq inizjattivi intergovernattivi;

164.

Jirrikonoxxi li governanza tajba jew gvern ekonomiku waħidhom mhumiex biżżejjed biex jagħtu lill-UE l-istrateġija ta’ tkabbir li teħtieġ biex tifaċċja l-kriżi u tlaħħaq mal-kompetizzjoni globali; jinsab konvint madankollu li 10 snin tal-UEM urew – fil-kuntest uniku tal-Euro – il-ħtieġa assoluta għal din l-istrateġija;

165.

Jinsisti li l-istrateġija UE 2020 għandha tinkludi mira għat-tnaqqis bin-nofs tal-faqar fl-UE, u jirrimarka li l-maġġoranza tal-Ewropej li bħalissa qegħdin jgħixu fil-faqar jew li jinsabu f’riskju ta’ faqar huma nisa, partikolarment nisa ikbar fl-età, nisa imigranti, ommijiet mingħajr sieħeb u dawk li jieħdu ħsieb persuni oħra; huwa tal-fehma, barra minn hekk, li għandha tiddaħħal perspettiva tul il-ħajja minħabba li l-faqar tal-ġenituri għandu impatt dirett fuq ħajjet it-tfal, l-iżvilupp u l-futur tagħhom;

166.

Jitlob għal strateġija kontra l-faqar ambizzjuża u fit-tul, bil-għan li titnaqqas l-inegwaljanza u l-esklużjoni soċjali, b’miri estensivi għat-tnaqqis tal-faqar u tal-faqar fix-xogħol; Jipproponi politika ta’ qafas tal-UE dwar skemi ta’ dħul minimu, b’kunsiderazzjoni tas-sussidjarjetà, il-prattiki differenti, in-negozjar kollettiv u tal-liġijiet nazzjonali fl-Istati Membri, fuq il-bażi ta’ kriterji Ewropej fuq skala li tirrifletti l-livell tal-għajxien f’kull Stat Membru; jitlob ukoll għal allokazzjoni tat-tfal bl-għan imsemmi aktar ’il fuq tat-tnaqqis tal-faqar, l-inugwaljanzi u l-esklużjoni soċjali;

167.

Iqis li l-Istati Membri għandhom iżommu dibattiti fil-parlamenti nazzjonali rispettivi tagħhom qabel l-adozzjoni tal-programmi ta’ stabbiltà u tkabbir tagħhom (UE 2020);

L-innovazzjoni

168.

Jinnota li t-Tabella ta’ Innovazzjoni tal-Kummissjoni turi li l-Ewropa għadha lura ħafna f’termini ta’ riċerka u innovazzjoni, meta mqabbla mal-Ġappun u l-Istati Uniti;

169.

Iqis li flimkien mal-finanzjament għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, l-Unjoni Ewropea teħtieġ tieħu approċċ proattiv u kordinat dwar il-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni u għandha tkun fuq quddiem nett tas-setturi tal-impjieg il-ġodda u fl-attrattiva tal-investiment privat;

170.

Jinnota li t-transizzjoni għal ekonomija aktar effiċjenti fl-enerġija bħala mezz ta’ tkabbir tas-sigurtà enerġetika tal-UE għandha tkun waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri; iqis li l-UE għandha tħeġġeġ l-innovazzjoni fil-ħolqien tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, billi tagħti importanza lil sorsi lokali b’livell baxx ta’ karbonju;

171.

Iqis li l-interkonnessjonijiet tan-netwerk tal-enerġija huma essenzjali għall-funzjonament tas-suq intern fis-settur tal-enerġija, kif ukoll għall-ġenerazzjoni tal-enerġija aktar estensiva minn sorsi rinnovabbli; jenfasizza l-importanza ta’ żvilupp ta’ grid intelliġenti;

172.

Jinnota li l-SMES għandhom ikunu s-sinsla fl-iżvilupp tat-teknoloġiji rinnovabbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija; jinnota li l-ħolqien ta’ strumenti finanzjarji biex titħeġġeġ l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-innovazzjoni fl-enerġija rinnovabbli huma kruċjali;

173.

Iqis li għandha tingħata prijorità lill-investiment fit-tiġdid tad-djar għall–bejgħ u fit-trasport pubbliku, biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija u l-faqar tal-enerġija u biex jitneda ċirku virtuż;

174.

Jipproponi transizzjoni gradwali, ġusta u ekwa lejn l-ekonomija ekoloġika; jemmen li t-telf ta’ impjiegi kaġun tat-transizzjoni għandhom jiġu antiċipati b’miżuri li jagħtu spinta lit-taħriġ u jtejbu l-ħiliet tal-ħaddiema fit-teknoloġiji l-ġodda; jinnota li l-faqar tal-fjuwil hu ta’ tħassib sinifikanti dejjem akbar;

175.

Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa u tipproponi mekkaniżmu li bih l-SMEs u innovaturi oħrajn jiġu offruti finanzjament li jnaqqas ir-riskju fi sħubiji pubbliċi u privati, permezz ta’ fondi ta’ ekwità privati, fejn il-flus mill-Bank Ewropew tal-Investiment, flimkien mal-finanzi pubbliċi mill-Istati Membri, bl-appoġġ ta’ mekkaniżmi ta’ garanzija tar-riskju mill-Fond Ewropew tal-Investiment, mqassma permezz tal-fondi ta’ ekwità privati, li jippermettu lill-proġetti jkabbru l-investiment privat għal madwar 80 %;

176.

Jappoġġja l-ħolqien ta’ istituzzjonijiet finanzjarji li jipprovdu finanzjament għall-proġetti ta’ innovazzjoni madwar l-Unjoni, li huma essenzjali għat-tkabbir sostenibbli fil-futur;

177.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem biex telimina l-ostakli amministrattivi u ttejjeb il-kundizzjonijiet għall-innovazzjoni, pereżempju bil-ħolqien ta’ privattiva unika tal-UE. Jinnota li programmi għat-tisħiħ tal-kompetittività u t-tiswir ta’ ekonomija sostenibbli, intenzjonati tajjeb, mhumiex qegħdin jaħdmu sew minħabba li l-SMEs, l-universitajiet u l-kumpaniji multinazzjonali qed jiġu skuraġġuti milli jipparteċipaw fi programmi Ewropej;

178.

Jinnota li l-politiki fiskali u monetarji mhumiex sostitut għal riforma strutturali, li għandha tindirizza d-dgħjufija sottostanti tal-ekonomija Ewropea – djun u defiċits dejjem akbar, popolazzjoni aktar anzjana, il-probabbiltà ta’ żieda qawwija fl-inflazzjoni jew proċess ta’ deflazzjoni, il-probabbiltà kbira ta’ żieda ġdida qawwija fl-inflazzjoni, ir-riskji għall-industriji maħluqa minn politiki ta’ tibdil fil-klima, speċjalment minħabba l-inċertezza dwar miri u standards ġodda, produttività baxxa u nuqqas ta’ kompetittività; jitlob għal effiċjenza akbar fl-użu ta’ finanzi pubbliċi, kemm fil-livell Ewropew u f’dak nazzjonali; iqis li d-differenzi fiż-żmien u l-intensità tal-kriżi, kif ukoll, il-pożizzjonijiet fiskali u monetarji ex-ante differenti tal-Istati Membri individwali għandhom jingħataw kunsiderazzjoni fl-adozzjoni ta’ politiki u miri kordinati; jemmen li dawn l-isforzi għandhom iwasslu għal konverġenza reali mħaffa bejn l-ekonomiji nazzjonali;

179.

Iqis li l-istrateġija Ewropea ta’ rebħ għandha tkun bbażata fuq politiki fiskali sodi li jħeġġu l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-impjegabbiltà tal-ħaddiema - dan hu l-unika mezz kif tista’ tingħata spinta sostenibbli lill-produttività, l-impjiegi u t-tkabbir;

180.

Jinnota li l-indirizzar tat-tibdil fil-klima u l-iskarsezza tar-riżorsi u l-waqfien tat-telf tal-bijodiversità huma kundizzjonijiet ewlenin għall-futur tat-tkabbir ekonomiku Ewropew; jinnota, għalhekk, li dan it-tkabbir għandu jkun bbażat fuq id-distinzjoni bejn it-tkabbir ekonomiku u l-użu tar-riżorsi, għall-innovazzjonijiet ekoloġiċii u l-progress ekonomiku ekoloġikament sostenibbli;

181.

Jilqa’ l-istrateġija adottata fl-2007 mill-Kunsill Ewropew immirata għaż-żieda tal-indipendenza enerġetika tal-UE u t-tfassil ta’ impenji speċifiċi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; iqis li l-kriżi enfasizzat aktar l-importanza ta’ din l-istrateġija; iqis, madankollu, li biex din l-istrateġija tkun ta’ suċċess, teħtieġ azzjoni aktar ambizzjuża mill-Unjoni li tmur lil hinn mill-miżuri li jirregolaw is-suq intern;

L-impjiegi

182.

Iqis li waħda mill-akbar sfidi li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea hi ż-żamma tal-kompetittività, iż-żieda fit-tkabbir u l-ġlieda kontra r-rata għolja ta’ qgħad tagħha;

183.

Itenni li l-impjieg ta’ kwalità għolja għandu jkun prijorità ewlenija tal-istrateġija 2020 u li enfasi aktar qawwija fuq swieq tax-xogħol li jaħdmu sewwa u fuq il-kundizzjonijiet soċjali hija kruċjali biex titjieb il-prestazzjoni fl-impjiegi; jitlob, għalhekk, li titfassal aġenda ġdida li tippromwovi x-xogħol deċenti, tiżgura d-drittijiet tal-ħaddiema madwar l-Ewropa u ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol;

184.

Jemmen li l-istrateġija l-ġdida għandha tenfasizza aktar ix-xogħol deċenti, inkluż il-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, u ukoll l-iżgurar li persuni li bħalissa huma esklużi mis-suq tax-xogħol ikunu jistgħu jiksbu aċċess għalih;

185.

Jemmen li l-istrateġija l-ġdida għandha tħeġġeġ swieq tax-xogħol li jtejbu l-inċentivi u l-kundizzjonijiet għall-persuni li qed jaħdmu filwaqt li, fl-istess ħin, iżżid l-inċentivi għal min iħaddem biex jimpjega u jżomm il-persual;

186.

Jinnota l-importanza li nħarsu lejn il-kompetittività dejjem tonqos tal-Ewropa fuq livell globali. b’kunsiderazzjoni tan-nuqqasijiet ta’ impjiegi fuq perjodu fit-tul, huwa importanti li nħarsu lil hinn mill-kriżi u nesploraw l-iskemi Ewropej li jippermettu l-migrazzjoni tal-għarfien u l-prevenzjoni ta’ telf tal-aqwa mħuħ Ewropej (“brain drain”);

187.

Iqis il-ħtieġa aktar qawwija għal azzjoni soda u determinata dwar l-impjiegi, minħabba r-riskju li l-irkupru ekonomiku fl-Unjoni jista’ ma jkunx akkumpanjat mill-ħolqien sostenibbli ta’ impjiegi;

188.

Iħeġġeġ lill-Unjoni torbot l-azzjonijiet tagħha dwar l-impjiegi ma’ miżuri għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, flimkien ma suq intern li jaħdem sew għall-ħaddiema fl-UE, sabiex il-kriżi ma tkomplix tkabbar l-inugwaljanzi;

189.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiksbu rata ta’ impjiegi ta’ 75 % għall-irġiel u n-nisa sal-2020, permezz ta’ tnaqqis tas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u bit-tisħiħ tal-isforzi għar-rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol, ir-responsabilitajiet ta’ kura u l-ħajja tal-familja;

190.

Iqis li l-isforzi ta’ appoġġ għall-ħolqien ta’ impjiegi għandhom ikunu immirati fuq l-impjieg taż-żagħżagħ, li konsegwentement jitlob għad-disponibilità ta’ programmi sensittivi għall-ġeneru li jagħnu liż-żgħażagħ bil-ħiliet meħtieġa fl-ekonomija reali;

191.

Jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu swieq tax-xogħol inklussivi u kompetittivi li jipprovdu flessibilità akbar għal dawk li jħaddmu filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw benefiċċji tal-qgħad xierqa flimkien ma’ appoġġ attiv għall-impjegabbiltà mill-ġdid f’każ tat-telf ta’ impjieg;

192.

Jemmen li, filwaqt li l-edukazzjoni għandha tibqa’ responsabbiltà tal-Istati Membri, jeħtieġu investimenti tal-UE u rikonoxximent ta’ kwalifiki madwar l-UE f’kull aspett tas-sistema tal-edukazzjoni, fil-kwalità tal-edukazzjoni u fit-twessigħ tal-aċċess għall-edukazzjoni ogħla; jipproponi d-dħul ta’ sistema permanenti u inklussiva ta’ linjigwida ta’ taħriġ tul il-ħajja fil-livell Ewropew li permezz tagħha l-programmi tal-Unjoni, Erasmus u Leonardo għall-edukazzjoni u l-mobilità fit-taħriġ, għandhom isiru aktar aċċessibbli;

193.

Jinnota li l-impjieg hu wieħed mill-fatturi ewlenin fl-ekonomija għaliex jikkontribwixxi għall-qawwa ta’ infiq; iqis li l-UE għandha tfittex li twettaq l-għan ta’ impjieg sħiħ u ta’ kwalità għolja u li l-funzjonament sostenibbli tas-suq intern jiddependi fuq suq tax-xogħol li joffri xogħol deċenti u li jmexxi ’l quddiem l-kawża tal-innovazzjoni;

194.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex permezz ta’ miżuri ta’ poltika marbutin mas-suq tax-xogħol, jindirizzaw id-dimensjonijiet ċikliki u fit-tul tal-qgħad;

195.

Huwa tal-fehma li l-Ewropa teħtieġ tkabbir sod biex issostni s-sistema soċjali tagħha, li tikkontribwixxi għall-kompetittività tal-ekonomija soċjali Ewropea tas-suq;

196.

Jinnota l-importanza tal-iffaċilitar tal-mobilità, li jagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji biex jsibu l-ħiliet li jeħtieġu u biex is-suq intern jaħdem aħjar, inkluż fi żmien ta’ kriżi; jinnota li l-mobilità tal-ħaddiema timxi id f’id mat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol;

Il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda bil-promozzjoni tal-SMEs

197.

Jinnota li l-SMEs u l-intraprendituri għandhom rwol sinifikanti fl-ekonomiji kollha u huma l-ħallieqa ewlenin ta’ impjieg u dħul, u mexxejja tal-innovazzjoni u t-tkabbir; jemmen li l-SMEs huma kruċjali fl-iżvilupp fil-futur, it-tkabbir u l-benesseri fl-UE, u li l-kompetittività tal-UE fil-konfront tad-dinja tista’ tissaħħaħ bil-prijoritizzar tal-SMEs;

198.

Jemmen li wasal iż-żmien li nħarsu lejn il-futur u nitgħallmu mil-lezzjonijiet tal-passat, sabiex fuq medda ta’ żmien niksbu l-bidliet strutturali li jwasslu biex l-SMEs tagħna jsiru aktar kompetittivi u lesti biex jiffaċċjaw id-diffikultajiet addizzjonali kaġun ta’ ambjent globalizzat u l-kapaċità tal-kompetituri tagħna li jippenetraw swieq aktar innovattivi, sabiex b’hekk potenzjalment jiġu garantiti impjiegi għal bosta fost l-aktar membri vulnerabbli tal-ħaddiema u l-familji tagħhom;

199.

Jirrikonoxxi li t-tifsira tal-SMEs attwali fl-UE teħtieġ tiġi eżaminata mill-ġdid u li l-kriterju dwar in-numru ta’ impjegati għandu jitbaxxa, sabiex jitħallew politiki aktar speċifiċi immirati għall-SMEs;

200.

Jagħraf li l-ambizzjoni maħsuba biex tmexxi l-industrija u l-SMEs għall-innovazzjoni ma tistax tinkiseb biss permezz ta’ titjib fl-aċċess għall-kapital b’mod ġenerali, iżda għandu jkun hemm ukoll l-għan għad-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament;

201.

Huwa tal-fehma li, fil-kuntest tal-irkupru, għandha tingħata attenzjoni partikolari għar-rwol tal-SMEs f’termini ta’ produttività u l-ħolqien ta’ strutturi ġodda, u għalhekk, għandhom jiġu implimentati mekkaniżmi li jevitaw il-ħruġ tal-SMEs mis-suq, milli jżidu l-qgħad u jtawlu d-dgħjufija ekonomika; iqis li għandha tiġi żgurata wkoll id-distribuzzjoni effiċjenti tal-Fond Soċjali Ewropew;

202.

Iqis li l-SMEs għandhom jitqiesu bħala muturi għal investimenti iżgħar ffinanzjati mill-fondi ta’ koeżjoni; jemmen, f’dan ir-rigward, li l-allokazzjoni ta’ fondi għall-universitajiet u l-promozzjoni ta’ sħubijiet mal-SMEs, huma kruċjali;

203.

Jagħraf li s-suq intern tal-UE jgħin il-ħolqien ta’ ambjent kummerċjali fertili madwar l-Unjoni, filwaqt li fl-istess ħin jibbenefika l-konsumaturi; hu konxju, madankollu, li l-SMEs jiffaċċjaw numru kbir ta’ sfidi biex joperaw fis-suq intern u spiss joperaw ’l isfel mill-iskala ta’ effiċjenza tagħhom, u li, speċjalment fil-livell mikro, l-SMEs jeħtieġu appoġġ sabiex ikunu jistgħu joperaw madwar is-suq intern, u l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-opportunitajiet għandu jitjieb għal-livell li fih jistgħu jinħolqu pjattaformi transEwropej, u hu biss f’dak il-mument li l-SMEs jistgħu jesploraw opportunitajiet kummerċjali, jsibu kumplimentarjetajiet u fl-aħħar nett, isibu l-mezz biex jiksbu aċċess għas-swieq fi ħdan l-Unjoni;

204.

Iqis li ż-żamma ta’ ċittadinanza attiva u produttiva wara l-irtirar hi, fost affarijiet oħrajn, fl-interess ekonomiku tal-Ewropa u li t-telf tal-għarfien espert tagħhom jista’ jittaffa billi ċ-ċittadini anzjani jitħeġġew jibqgħu attivi permezz ta’ strutturi u netwerks anqas formali bbażati fuq l-involviment ċiviku tagħhom u billi dawn jingħaqdu ma’ parteċipanti ekonomiċi u mad-dinja akkademika; jemmen li l-SMEs huma dawk li l-iktar jistgħu jibbenefikaw mill-konsultazzjoni ta’ netwerks ta’ strutturi informali bħal dan, peress li l-maġġoranza tal-SMEs isibuha diffiċli jħallsu għal dawn is-servizzi mill-konsulenzi li huma attivi fl-ekonomiji. jinnota li l-għerf akkumulat miċ-ċittadini anzjani għandu jitqassam għall-benefiċċju ta’ kulħadd, bil-ħolqien ta’ netwerk fil-livell tal-UE;

205.

Jitlob lill-Unjoni tippromwovi n-netwerk tagħha tal-SMEs – li jinsabu fuq quddiem nett fil-ħolqien tal-impjiegi – billi tiffaċilità l-aċċess tagħhom għall-kreditu, b’mod partikolari permezz ta’ appoġġ għal skemi ta’ garanzija u għall-ħolqien ta’ prodotti standard ġodda li jiġbru flimkien is-self u ekwità għall-intrapriżi ż–żgħar; jitlob lill-Unjoni toħloq Fond ta’ Garanzija tal-UE għall-SMEs; jitlob ukoll, għall-valutazzjoni tal-iskemi ta’ finanzjament eżistenti, b’mod speċjali tal-programm CIP, u għal sforzi dedikati biex self iffinanzjat mill-UE isir aċċessibbli għall-intrapriżi kollha fl-Istati Membri u għall-iżvilupp ta’ servizi għall-SMEs u għall-istrutturi ta’ djalogu soċjali;

206.

Jitlob lill-Unjoni timmira għal kompożizzjoni aktar ibbilanċjata ta’ finanzjament għall-SMEs; jinnota li is-sehem ta’ swieq kapitali fil-finanzjament tal-SMEs għandu jiżdied; huwa tal-fehma li għandu jiżdied u jitħeġġeġ is-sehem ta’ finanzjament ta’ SMEs permezz ta’ swieq ta’ kapital, kapital spekulattiv, investituri formali (angel investors) u sħubijiet pubbliċi u privati. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jnaqqsu b’mod sinifikanti l-burokrazija għall-akkwist pubbliku tal-SMEs u l-formalitajiet burokratiċi, mossa li hi essenzjali għall-ġid tal-SMEs;

207.

Iħeġġeġ il-ħolqien ta’ swieq tal-ishma speċjalizzati li jieħdu ħsieb l-interessi partikolari tal-SMEs u li għandhom ostakli baxxi għad-dħul, bil-għan li jiġi ffaċilitat il-proċess ta’ ekwità; iqis li l-SMEs għandhom jiffukaw aktar fuq l-ekwità, u f’dan l-isfond jipproponi t-tneħħija ta’ inċentivi fiskali negattivi għaż-żewġ naħat tas-suq - għall-investituri u għas-suq;

208.

Jitlob lill-Istati Membri tal-UE jikkunsidraw sforzi għall-kordinament fiskali fir-rigward tal-SMEs; jemmen li t-twettiq tas-suq intern biex joffri finanzjament transkonfinali u opportunitajiet kummerċjali għall-SMEs hu kruċjali għat-trawwim tal-irkupru tal-UE;

209.

Jenfasizza l-konnessjoni organika bejn l-industrija u l-innovazzjoni u konsegwentement mal-edukazzjoni hi mixtieqa ħafna. l-innovaturi, inkluż l-SMEs, jeħtieġ li jkunu minn ta’ quddiem nett fl-investimenti fil-livell Ewropew u f’dak nazzjonali. Jinnota li peress li l-SMEs innovattivi ġodda, minnhom infushom, għandhom profil għoli ta’ riskju ta’ falliment, jenħtieġ li l-finanzjament u l-attivitajiet konsegwenti tagħhom jitqiesu mill-ġdid. Jenfasizza li peress li dawn in-negozji innovattivi ġodda jinsabu fl-aktar pożizzjoni diffiċli fir-rigward tal-ksib ta’ finanzjament mis-sistema bankarja, jeħtieġ li jitfasslu skemi ta’ garanziji tal-kreditu partikolari għal din il-kategorija.

210.

Jipproponi li l-Kummissjoni għandha toħloq proġett “SME Wieħed – Impjieg Wieħed” bil-ħolqien ta’ strument finanzjarju ġdid fil-livell tal-UE sabiex tħeġġeġ l-attivitajiet tal-SMEs fl-Unjoni; iqis li għandha tinkiseb kompożizzjoni aktar ibbilanċjata ta’ finanzjament tal-SMEs;

211.

Jitlob għar-riforma tad-dokument dwar l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, inkluż permezz ta’ dispożizzjonijiet obbligatorji li għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri kollha, u l-ħolqien ta’ Att Soċjali dwar in-Negozji ż-Żgħar ġdid, li jservi biex isaħħaħ l-ekonomija soċjali tas-suq Ewropew fiż-żmien ta’ wara l-kriżi;

212.

Jirrakomanda l-ħolqien ta’ uffiċċju uniku (one-stop shop); uffiċċji uniċi huma meħtieġa f’rabta ma’ kull kwistjoni amministrattiva għall-SMEs. Huwa tal-fehma li tnaqqis fil-piż amministrattiv merfugħ mill-SMEs, bħall-introduzzjoni ta’ element soċjali fil-leġiżlazzjoni Ewropea rilevanti għall-SMEs, hu kruċjali. Jemmen li l-Ewropa teħtieġ li ssir l-iktar reġjun favorevoli għall-SMEs fid-dinja;

L-iżvilupp

213.

Jinnota li għalkemm xi pajjiżi emerġenti u li qegħdin jiżviluppaw jidher li evitaw l-agħar effetti tal-kriżi, 40 % tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, madankollu, ġew esposti bil-qawwa għall-effetti tal-kriżi finanzjarja, u b’riżultat ta’ dan hu stmat li madwar 90 miljun persuna spiċċaw fil-faqar;

214.

Jitlob għall-konferma mill-ġdid ta’ impenn ta’ 0,7 % mill-Introjtu Nazzjonali Gross tal-Istati Memrbi għall-għajnuna tal-iżvilupp u għat-tfittxija ta’ sorsi ta’ finanzjament innovattivi addizzjonali biex tingħalaq id-diskrepanza ta’ finanzjament kaġun tal-ekonomiji li qed jiċkienu fid-dinja li qed tiżviluppa;

215.

Jitlob lill-kumpaniji Ewropej, b’mod speċjali lill-multinazzjonali, biex jiżguraw li l-kumpaniji sottokontraenti tagħhom fil-katina ta’ produzzjoni jkunu soċjalment responsabbli;

Il-governanza globali

216.

Jirrikonoxxi n-nuqqasijiet u l-problemi maħluqa min-nuqqas ta’ setgħat vinkolanti b’mod legali, u n-nuqqas ta’ konnessjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarja u ekonomika globali; jilqa’, b’konsegwenza, l-inizjattivi għat-tisħiħ tal-effettività, l-firxa u l-kontabilità globali tal-IMF u ta’ istituzzjonijiet oħra tan-NU, permezz ta’ riforma, sabiex dawn ikunu jistgħu jingħataw il-mandat li jservu ta’ pjattaforma għall-inizjattivi ta’ kordinament tas-settur ekonomiku u finanzjarju globali u biex, jingħataw is-setgħat biex jistipulaw regoli vinkolanti b’mod legali f’forma ta’ konvenzjonijiet internazzjonali, fejn meħtieġ;

217.

Huwa tal-fehma li l-isfidi globali tal-UE jinkludu t-tqabbil tas-saħħa ekonomika tagħha mal-importanza tagħha fid-dinja meta titkellem b’vuċi waħda; jemmen li wieħed mill-proġetti ewlenin tal-politika barranija tal-UE għandu jkun li tfittex li tirriforma l-NU u l-istituzzjonijiet marbutin man-NU f’istituzzjonijiet globali, bi spinta politika reali dwar kwistjonijiet ta’ tħassib internazzjonali bħat-tibdil fil-klima, is-superviżjoni u r-regolamentazzjoni finanzjarja, it-tnaqqis tal-faqar u l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju;

218.

Jitlob lill-Kunsill Ewropew ilaqqa’ samit tal-G20 ddedikat biss għar-riforma meħtieġa mill-governanza fil-livell dinji;

219.

Jikkundanna bil-qawwa r-rwol li għandhom ir-rifuġji fiskali biex iħeġġu u jisfruttaw l-evitar tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u tal-ħruġ illegali ta’ kapital mill-pajjiżi; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Membri jiġġieldu kontra r-rifuġji fiskali, l-evażjoni tat-taxxa u l-ħruġ illegali ta’ kapital, bħala prijorità ewlenija; jitlob lill-UE żżid l-azzjoni tagħha u tieħu miżuri konkreti u immedjati - bħalma huma sanzjonijiet - kontra rifuġji fiskali, l-evażjoni tat-taxxa u l-ħruġ illegali ta’ kapital; jitlob lill-Kunsill ifassal pjan għall-għeluq tar-rifuġji fiskali, fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti u ta’ korpi internazzjonali oħrajn fejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha huma membri;

220.

Jirrakkomanda li flimkien mat-titjib tal-governanza u l-operat tal-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja, għandhom isiru sforzi għat-tisħiħ tal-ftehimiet ta’ governanza internazzjonali għal taqsimiet oħra tas-suq; jipproponi li r-regoli tal-BCBS għandu jidħol fis-seħħ f’forma ta’ trattati internazzjonali;

221.

Jinnota l-progress dwar il-governanza fiskali mwettaq mill-OECD u fil-G20, iżda jipproponi azzjoni urġenti u b’saħħitha għat-tisħiħ tal-konsegwenzi legali u ekonomiċi ta’ imblukkar ta’ ġurisdizzjonijiet mhux kooperattivi mill-OECD; jitlob għal miżuri mgħaġġla u prattiċi għall-iskambju ta’ informazzjoni awtomatiku u multilaterali bħala proċedura standard madwar id-dinja, bil-għan li titjieb it-trasparenza fiskali u jiġu miġġielda l-frodi u l-evażjoni fiskali;

222.

Jipproponi li wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-UE għandha issir firmatarja diretta tal-konvenzjonijiet tal-ILO u għandha tiffirma l-konvenzjonijiet kollha adottati mill-ILO s’issa;

Konklużjoni

223.

Jikkonkludi li neħtieġu aktar Ewropa; iqis il-ħtieġa urġenti għal tmexxija politika u intelletwali sabiex il-proġett Ewropew jerġa’ jinġieb fi triqtu; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni teħtieġ tagħmel użu sħiħ tad-drittijiet ta’ inizjattiva tagħha fl-oqsma ta’ kompetenzi konġunti, b’mod partikolari fil-politiki tal-enerġija, biex b’hekk issaħħaħ lill-UE għall-isfidi li ġejjin; jemmen li l-proġett ta’ suq intern eko-soċjali li jikkaraterizza l-Unjoni għandu jitwettaq; iħeġġeġ it-tisħiħ tal-mekkaniżmi għall-governanza ekonomika fl-Unjoni, speċjalment mill-aspett ta’ kontabilità aħjar, il-ġestjoni tal-kontinġenzi u l-kordinament tal-politika ekonomika u tal-impjiegi; Jiddikjara li l-aġenda ta’ riforma finanzjarja u ta’ superviżjoni għandha titmexxa ‘il quddiem malajr kemm jista’ jkun, billi tindirizza mhux biss n-nuqqasijiet osservati fil-kriżi, iżda ukoll il-ħtieġa li titfassal sistema finanzjarja li tappoġġja l-ekonomija reali, għaliex din twassal għal stabbiltà finanzjarja u tħeġġeġ it-tkabbir ekonomiku, l-investiment fit-tul, il-ħolqien tal-impjieg, il-koeżjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar; Iqis il-ħtieġa li s-sistemi fiskali jitfasslu mill-ġdid b’mod ġust, b’mod li jiskoraġixxu ż-żieda ta’ spinta eċċessiva u jippromwovu l-ġustizzja soċjali, l-ispirtu ta’ intrapriża u l-innovazzjoni; Jitlob għar-rivitalizzazzjoni tal-ekonomija tas-suq soċjali sostenibbli u l-valuri li tħaddan;

224.

Huwa impenjat fi ħdan il-Qafas tal-Kumitat Speċjali għall-Kriżi Finanzjarja, Ekonomika u Soċjali, biex iwettaq l-għanijiet stipulati fil-mandat tiegħu u b’kooperazzjoni mill-qrib mal-parlamenti nazzjonali, bil-għan li jiġu adottati rakkomandazzjonijiet konġunti;

*

* *

225.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Eurogroup, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri u lis-sħab soċjali.


(1)  ĠU C 230 E, 26.8.2010, p. 11.