20.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 308/88


Il-Ħamis 9 ta’ Settembru 2010
In-nuqqas ta’ proċess trasparenti għall-Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA) u kontenut potenzjalment oġġezzjonabbli

P7_TA(2010)0317

Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Settembru 2010 dwar in-nuqqas ta’ proċess trasparenti għall-Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA) u kontenut potenzjalment oġġezzjonabbli

2011/C 308 E/17

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 123 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi n-negozjati marbutin mal-Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA) għadhom għaddejjin,

B.

billi r-rwol ta’ kodeċiżjoni tal-Parlament f’materji kummerċjali u l-aċċess li għandu għad-dokumenti tan-negozjati huma ggarantiti mit-Trattat ta’ Lisbona,

1.

Huwa tal-fehma li l-ftehim propost ma għandux indirettament jimponi l-armonizzazjoni tad-dritt tal-UE fuq il-jeddijiet tal-awtur, il-privattivi jew it-trademark, u li l-prinċipju tas-sussidjarjetà għandu jkun irrispettat;

2.

Jiddikjara li l-Kummissjoni għandha minnufih tagħmel pubblikament disponibbli d-dokumenti kollha marbutin man-negozjati li għaddejjin bħalissa;

3.

Huwa tal-fehma li l-ftehim propost ma għandux iġiegħel li jkun hemm limitazzjonijiet fuq is-smigħ xieraq ġudizzjarju jew idgħajjef il-jeddijiet fundamentali bħalma huwa l-jedd tal-espressjoni u l-jedd għall-privatezza;

4.

Jisħaq li r-riskji ekonomiċi u ta’ innovazzjoni għandhom jiġu vvalutati qabelma jiddaħħlu s-sanzjonijiet kriminali fejn ġa jeżistu miżuri ċivili;

5.

Huwa tal-fehma li dawk li jipprovdu s-servizz tal-internet ma għandhomx ikunu responsabbli għad-data li jitrażmettu jew jospitaw permezz tas-servizzi tagħhom sa tal punt li tkun meħtieġa s-sorvelja, jew il-filtraġġ, ta’ tali data;

6.

Jindika li kull miżura mmirata lejn it-tisħiħ tal-poteri tal-ispezzjonijiet transkonfinali u l-qbid tal-beni ma għandhomx jiddanneġġaw l-aċċess globali għal mediċini legali, siguri u li għandhom prezz li jiflaħ għalih kulħadd;

7.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-dikjarazzjoni, flimkien mal-ismijiet tal-firmatarji (1), lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  Il-lista tal-firmatarji hija ppublikata fl-Anness 1 tal-Minuti tad-9 ta’ Settembru 2010 (P7_PV(2010)09-09(ANN1)).