20.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 308/86


Il-Ħamis 9 ta’ Settembru 2010
Id-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja, b’mod partikolari l-każ ta’ Haythan Al-Maleh

P7_TA(2010)0316

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Settembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja, b’mod partikolari l-każ ta’ Haythan Al-Maleh

2011/C 308 E/16

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, b’mod partikolari dawk tat-8 ta’ Settembru 2005 dwar il-priġunieri politiċi fis-Sirja (1), tal-15 ta’ Ġunju 2006 dwar id-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja (2), tal-24 ta’ Mejju 2007 dwar id-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja (3), u tas-17 ta’ Settembru 2009 dwar is-Sirja: il-każ ta’ Muhannad Al-Hassani (4),

wara li kkunsidra r-rapport tiegħu li fih ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament lill-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, min-naħa l-oħra, adottat fl-10 ta’ Ottubru 2006,

wara li kkunsidra r-rapport tiegħu dwar il-politiki tal-UE favur id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem adottat fis-17 ta’ Ġunju 2010,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Ftehim Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966, li s-Sirja hi firmatarju tiegħu,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Kastigi Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra tal-1975, li ġiet irratifikata mis-Sirja fit-18 ta’ Settembru 2004,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1998,

wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit ta’ Pariġi għall-Mediterran tat-13 ta’ Lulju 2008,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton, tas-27 ta’ Lulju 2010, dwar każijiet Sirjani marbuta mad-drittijiet tal-bniedem,

wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

konxju mill-importanza tar-rabtiet politiċi, ekonomiċi u kulturali li hemm bejn l-Unjoni Ewropea u s-Sirja,

B.

billi s-Sur Haythan Al-Maleh, avukat tad-drittijiet tal-bniedem Sirjan u li għandu 80 sena, ġie arrestat mill-uffiċjali tas-Servizz ta’ Intelliġenza Ġenerali fl-14 ta’ Ottubru 2009, inżamm iżolat sal-interrogazzjoni tiegħu mill-Prosekutur Militari fl-20 ta’ Ottubru 2009, u ġie kkundannat mit-tieni Qorti Militari ta’ Damasku fl-4 ta’ Lulju 2010 għal tliet snin ta’ priġunerija minħabba l-akkuża ta’ “trasferiment ta’ aħbarijiet foloz u esaġerati li jdgħajfu s-sentimenti nazzjonali” skont l-Artikolu 285 u 286 tal-Kodiċi Kriminali Sirjan, minkejja l-fatt li t-tribunali militari mhumiex kompetenti biex jipproċessaw ċivili,

C.

billi, skont ir-rapporti tal-missjonijiet ta’ monitoraġġ tal-proċessi organizzati minn organizzazzjonijiet internazzjonali tas-soċjetà ċivili, il-proċess tas-Sur Al-Maleh naqas milli jilħaq l-istandards internazzjonali ta’ korrettezza, inkluż id-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt għal difiża,

D.

billi s-Sur Al-Maleh, li jsofri mill-problemi tal-artrite, tad-dijabete u tat-tirojde qed jiġi mċaħħad minn aċċess regolari għall-mediċi; billi s-saħħa tiegħu marret drastikament lura matul is-sajf 2010,

E.

billi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem prominenti oħra, inkluż is-Sur Muhannad Al-Hassani u s-Sur Ali Al-Abdullah, għadhom priġunieri fil-pajjiż,

F.

billi l-prosekuzzjoni u l-kundanna tas-Sur Al-Maleh fuq akkużi marbuta ma’ stqarrijiet pubbliċi li għamel fuq is-sistemi legali u politiċi fis-Sirja u tas-Sur Muhannad Al-Hassani dwar akkużi marbuta mal-attivitajiet professjonali tiegħu bħala avukat, inkluż l-osservazzjoni tiegħu u r-rappurtaġġ dwar smigħ pubbliku quddiem il-Qorti tas-Sigurtà Statali, jirrappreżentaw forma ta’ kastig għax eżerċitaw id-dritt leġittimu tagħhom għal-libertà ta’ espressjoni kif ipprovdut mill-ICCPR, li s-Sirja hi firmatarju tiegħu,

G.

billi l-prattiki ta’ fastidju, restrizzjoni tal-libertà ta’ moviment u arrest arbitrarju regolarment jintużaw mill-awtoritajiet Sirjani kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; billi dawn il-prattiki jmorru kontra r-rwol importanti tas-Sirja fir-reġjun,

H.

billi l-applikazzjoni kontinwa tal-Liġi ta’ emerġenza effettivament tillimita liċ-ċittadini fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal-libertà ta’ espressjoni, assoċjazzjoni u assemblea,

I.

billi l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja, min-naħa l-oħra, għadu jrid jiġi ffirmat; billi l-iffirmar ta’ dan il-Ftehim ġie pospost fuq rikjesta tas-Sirja minn Ottubru 2009; billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem jikkostitwixxu parti essenzjali ta’ dan il-Ftehim,

J.

billi s-sħubija fost il-pajjiżi parteċipanti fl-Unjoni għall-Mediterran hi bbażata fuq l-impenn li jkunu rrispettati bis-sħiħ id-drittijiet demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem, u l-libertajiet fundamentali, kif minqux fil-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem,

1.

Jesprimi tħassib serju dwar il-qagħda tas-Sur Haythan Al-Maleh u jistieden lill-awtoritajiet Sirjani biex jeħilsuh minnufih u mingħajr kundizzjonijiet, u jiggarantixxu f’kull ċirkostanza l-benesseri fiżiku u psikoloġiku tiegħu;

2.

Jistieden lill-Gvern Sirjan biex iqis mill-ġdid il-każijiet kollha ta’ priġunieri tal-kuxjenza, f’konformità mal-Kostituzzjonai nazzjonali u l-impenji internazzjonali tal-pajjiż, u jeħles minnufih il-priġunieri tal-kuxjenza, inkluż is-Sur Muhannad Al-Hassani, is-Sur Ali Al-Abdullah, is-Sur Anour Al-Bunni u s-Sur Kamal Labwani;

3.

Jistieden lill-awtoritajiet Sirjani biex iwaqqfu kull persekuzzjoni jew fastidju tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-familji tagħhom, u jiżguraw li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ikunu liberi li jwettqu l-attivitajiet tagħhom mingħajr tfixkil jew intimidazzjoni;

4.

Jistieden lill-awtoritajiet Sirjani biex jimxu mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-impenji internazzjonali li l-pajjiż daħal għalihom liberament u li jiggarantixxu l-libertà ta’ opinjoni u ta’ espressjoni kif ukoll id-dritt għal proċess ġust, u jiżguraw li l-priġunieri jkunu ttrattati tajjeb u mhux soġġetti għal torturi jew maltrattament u jkun permess aċċess rapidu, regolari u mhux limitat għall-avukati, it-tobba u l-familji tagħhom,

5.

Jistieden lill-awtoritajiet Sirjani jiżguraw il-funzjonament trasparenti tas-sistema ġudizzjarja, b’mod speċjali l-Qorti Suprema għas-Sigurtà Statali;

6.

Itenni l-istedina tiegħu għar-revoka tal-istat ta’ emerġenza fis-Sirja, stabbilit iżjed minn 40 sena ilu;

7.

Iqis li l-prospettiva tal-iffirmar ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni toffri opportunità importanti biex jiġu indirizzati vjolazzjonijiet attwali tad-drittijiet tal-bniedem u jissaħħaħ il-proċess ta’ riforma fis-Sirja; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħmlu użu sħiħ minn din il-pożizzjoni ta’ vantaġġ importanti billi jadottaw Pjan ta’ Azzjoni bilaterali għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija li jistipula b’mod ċar it-titjib speċifiku marbut mad-drittijiet tal-bniedem li mistenni mill-awtoritajiet Sirjani;

8.

Jenfasizza li, skont l-Artikolu 218 tat-TFUE, il-Parlament għandu jkun infurmat bis-sħiħ fl-istadji kollha tan-negozjati ta’ ftehimiet internazzjonali; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tirrapporta lura lill-Parlament dwar il-qagħda tad-diskussjonijiet mal-awtoritajiet Sirjani marbuta mal-iffirmar tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni;

9.

Jilqa’ d-djalogu kontinwu bejn l-Unjoni Ewropea u s-Sirja u jittama li l-isforzi kontinwi jwasslu għal titjib mhux biss fil-qagħda ekonomika u soċjali fis-Sirja, li diġà hu l-każ, iżda anki fil-qasam politiku u f’dak tad-drittijiet tal-bniedem;

10.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, u lill-Gvernijiet u lill-Parlament tar-Repubblika Għarbija tas-Sirja.


(1)  ĠU C 193 E, 17.8.2006, p. 349.

(2)  ĠU C 300 E, 9.12.2006, p. 519.

(3)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 485.

(4)  ĠU C 224 E, 19.8.2010, p. 32.