2.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 351/56


L-Erbgħa 7 ta’ Lulju 2010
Ir-rimunerazzjoni tad-diretturi ta’ kumpaniji elenkati u l-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji

P7_TA(2010)0265

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar ir-rimunerazzjoni tad-diretturi ta’ kumpaniji elenkati u l-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji (2010/2009(INI))

2011/C 351 E/08

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ April 2009, dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji (C(2009)3159),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ April 2009 li tikkomplementa r-Rakkomandazzjonijiet 2004/913/KE u 2005/162/KE fir-rigward tas-sistema għar-rimunerazzjoni tad-diretturi tal-kumpaniji elenkati (C(2009)3177),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE dwar ir-rekwiżiti kapitali għall-kotba tal-kummerċ u għar-rititolizzazzjonijiet, u r-reviżjoni superviżorja tal-politiki dwar ir-rimunerazzjoni (COM(2009)0362),

wara li kkunsidra l-Prinċipji għal Prattiki ta’ Kumpens Tajba tal-Forum għall-Istabbiltà Finanzjarja (FSB) tat-2 ta’ April 2009 u l-Istandards Implimentattivi li jakkumpanjawhom, tal-25 ta’ Settembru 2009,

wara li kkunsidra l-Prinċipji ta’ Livell Għoli tal-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej (CEBS) għall-Politiki ta’ Rimunerazzjoni tal-20 ta’ April 2009,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej (CEBS) dwar l-implimentazzjoni nazzjonali tal-Prinċipji ta’ Livell Għoli tas-CEBS għall-Politiki ta’ Rimunerazzjoni tal-11 ta’ Ġunju 2010,

wara li kkunsidra l-Prinċipji ta’ Kumpens u l-Metodoloġija tal-Istandards ta’ Valutazzjoni tal-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja ta’ Jannar 2010,

wara li kkunsidra d-dokument tal-OECD ta’ Frar 2010 dwar il-Governanza Korporattiva u l-kriżi finanzjarja – konklużjonijiet u prattiki tajba ġodda biex titjieb l-implimentazzjoni tal-Prinċipji,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Mejju 2010 dwar kwistjonijiet deontoloġiċi marbuta mal-ġestjoni tal-kumpaniji (1),

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Ġunju 2010 dwar it-tmexxija korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji u l-politiki ta’ rimunerazzjoni (COM(2010)0284),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Ġunju 2010 dwar l-applikazzjoni mill-Istati Membri tal-UE tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/385/KE (Rakkomandazzjoni 2009 dwar ir-rimunerazzjoni tad-Diretturi) li tikkomplementa r-Rakkomandazzjonijiet 2004/913/KE u 2005/162/KE fir-rigward tas-sistema tar-rimunerazzjoni tad-diretturi tal-kumpaniji kkwotati fil-borża (COM(2010)0285),

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Ġunju 2010 dwar l-applikazzjoni mill-Istati Membri tal-UE tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/384/KE dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji (COM(2010)0286),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonomici u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0208/2010),

A.

billi, fis-settur finanzjarju u f'xi kumpaniji elenkati, il-politiki tar-rimunerazzjoni għall-kategoriji tal-persunal li l-attività tax-xogħol tagħhom għandha impatt materjali fuq il-profil ta’ riskju tal-impriża jew tal-kumpanija kienu tali li inkoraġġew tranżazzjonijiet għall-ksib ta’ profitti fi żmien qasir, bl-iżvilupp ta’ mudelli ta’ negozju dejjem aktar riskjużi għal dak il-għan, bi ħsara għall-ħaddiema, għal min ifaddal u għall-investituri, u għat-tkabbir sostenibbli b'mod ġenerali,

B.

billi l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar it-tmexxija korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji u l-politiki ta’ rimunerazzjoni tenfasizza li n-nuqqas ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll effikaċi kkontribwixxa b'mod sinifikanti għal teħid tar-riskji eċċessiv min-naħa tal-istituzzjonijiet finanzjarji, u li l-governanza korporattiva għandha tqis l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, li tiddependi mill-azzjonijiet ta’ ħafna parteċipanti,

C.

billi l-istrutturi mhux adattati ta’ rimunerazzjoni ta’ wħud mill-istituzzjonijiet finanzjarji li jagħtu inċentiv eċċessiv u imprudenti lit-teħid tar-riskji kellhom sehem fl-akkumulazzjoni tar-riskji li wasslu għall-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali attwali, u huma għalhekk kwistjoni ewlenija ta’ tħassib għal min ifassal il-politiki u għar-regolaturi,

D.

billi l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom iqisu, b'mod integrat, bħala parti mir-responsabbiltà soċjali korporattiva tagħhom, l-ambjent soċjali li taħdem fih l-istituzzjoni, kif ukoll l-interessi tal-partijiet kollha involuti, bħall-klijenti, l-azzjonisti u l-impjegati tagħha,

E.

billi tnedew għadd ta’ inizjattivi fil-livell globali, Ewropew u nazzjonali biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-prattiki tar-rimunerazzjoni problematiċi, u billi strateġija globali kkoordinata hija essenzjali biex mhux biss tiggarantixxi l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd, iżda biex tiżgura wkoll il-kompetittività globali tal-Ewropa u tippromwovi l-kompetizzjoni sostenibbli u ġusta bejn is-swieq,

F.

billi l-Prinċipji tal-FSB għal Prattiki Tajba ta’ Kumpens li ġew approvati mill-mexxejja tal-G20 stabbilew ħames elementi għal prattiki tajba ta’ rimunerazzjoni, u wara li kkunsidra l-importanza li tiġi promossa l-implimentazzjoni simultanja ta’ dawn il-prinċipji,

G.

billi l-prinċipji miftiehma u l-miżuri li diġà ttieħdu rigward il-politika ta’ rimunerazzjoni jeħtieġ li jkunu riveduti l-ħin kollu u li, f'każ ta’ bżonn, jiġu adattati bil-għan li jinħolqu kundizzjonijiet uniformi fl-Ewropa kollha u jiżguraw il-kompetittività dinjija tal-industrija finanzjarja Ewropea,

H.

billi diversi studji xjentifiċi, kif ukoll l-esperjenza prattika, urew l-impatt limitat ta’ rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni, u dan jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit strument aktar b'saħħtu biex jiġi żgurat li l-prinċipji jiġu osservati,

I.

billi r-rapport tal-Kummissjoni jiddikjara li, minkejja l-ispinta lejn riforma sostanzjali fil-qasam tal-politiki ta’ rimunerazzjoni mogħtija mill-kriżi, 16-il Stat Membru biss applikaw għalkollox jew parzjalment ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Rimarki ġenerali

1.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi meħuda mill-Kummissjoni u mill-FSB dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur finanzjarju u fil-kumpaniji elenkati b'mod ġenerali; huwa tal-fehma, madankollu, li d-daqs tal-impriża finanzjarja, u għalhekk il-kontribuzzjoni tal-attività tagħha għar-riskju sistemiku, għandhom jitqiesu proporzjonalment meta tiġi imposta fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji regolamentazzjoni addizzjonali fi kwistjonijiet ta’ politika ta’ rimunerazzjoni u ta’ rekwiżiti kapitali;

2.

Jinnota l-proposti tar-rapport dwar id-direttivi tar-rekwiżiti kapitali li jipproponu prinċipji vinkolanti dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur finanzjarju;

Governanza effikaċi ta’ kumpens

3.

Jenfasizza li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni għandhom jiddeċiedu jekk istituzzjoni finanzjarja, jew kumpanija elenkata, għandux ikollha kumitat għar-rimunerazzjoni; huma għandhom jagħmlu dan b'mod li jkun xieraq għad-daqs tagħhom, għall-organizzazzjoni interna kif ukoll għan-natura, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom; hu tal-fehma li fejn is-superviżur ikun qiesu xieraq, il-politika tar-rimunerazzjoni għandha tiġi determinata mill-kumitat ta’ rimunerazzjoni, li għandu jkun indipendenti u responsabbli għall-azzjonisti u għas-superviżuri, u għandu jaħdem mill-qrib mal-kumitat tal-kumpanija għar-riskju fl-evalwazzjoni tal-inċentivi maħluqa mis-sistema ta’ kumpens;

4.

Jenfasizza li l-kumitat ta’ rimunerazzjoni għandu jkollu aċċess għall-kontenut tal-kuntratti, bil-kuntratti taħt l-iskrutinju ta’ dan il-kumitat ikunu mfassla b'mod li jkun possibbli li atti ta’ negliġenza serja jiġu kkastigati permezz ta’ tnaqqis mill-ħlasijiet. Negliġenza serja sseħħ meta ma tiġix rispettata, b'mod partikolari, id-diliġenza dovuta, f'liema każ il-kumitat ta’ rimunerazzjoni għandu jiżgura li t-tnaqqis ma jkunx biss ta’ natura simbolika, iżda jikkontribwixxi sostanzjalment sabiex jitħallas id-dannu kkawżat. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom ikunu mħeġġa jagħmlu użu minn malus, jiġifieri dħul mill-kumpens marbut mal-prestazzjoni bħala riżultat tal-iskoperta ta’ prestazzjoni fqira;

5.

Jemmen li l-president u l-membri tal-kumitat ta’ rimunerazzjoni li għandhom jedd jivvutaw għandhom ikunu membri tal-entità ta’ ġestjoni li ma jkunu jaqdu l-ebda funzjoni eżekuttiva fl-istituzzjoni finanzjarja jew fil-kumpanija elenkata kkonċernata. Huwa tal-fehma li d-diretturi u l-membri tal-bord għandhom jevitaw li jkunu fuq il-bordijiet ta’ kumpaniji oħrajn simultanjament jekk ikun hemm il-potenzjal li jseħħ xi kunflitt ta’ interess;

6.

Huwa tal-fehma li, fejn ikun xieraq, l-azzjonisti għandhom jingħataw l-opportunità li jikkontribwixxu għad-determinazzjoni ta’ politiki ta’ rimunerazzjoni sostenibbli, u jistgħu għalhekk jingħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni permezz ta’ vot mhux vinkolanti dwar ir-rapport ta’ rimunerazzjoni fil-laqgħa ġenerali tal-kumpanija;

7.

Jenfasizza li l-kumpens lill-membri mhux eżekuttivi tal-bord għandu jikkonsisti biss f'paga fissa u ma għandux jinkludi ħlas ibbażat fuq il-prestazzjoni jew fuq l-ishma;

8.

Jenfasizza li l-membri involuti fil-kontroll tar-riskju għandhom ikunu indipendenti mill-unitajiet tan-negozju taħt il-kontroll tagħhom, ikollhom l-awtorità xierqa u jiġu kkumpensati b'mod indipendenti mill-prestazzjoni ta’ dawn l-unitajiet tan-negozju;

Kumpens effikaċi konformi mat-teħid ta’ riskju b'mod prudenti

9.

Jenfasizza li r-rimunerazzjoni għandha tkun aġġustata għal kull tip ta’ riskju, tkun simetrika mar-riżultati tar-riskju, u sensittiva għat-tul ta’ żmien tar-riskji attwali u potenzjali li jkollhom impatt fuq il-prestazzjoni ġenerali u l-istabbiltà tal-kumpanija;

10.

Jirrimarka li d-diretturi ma għandhomx iħallu l-interessi finanzjarji personali tagħhom imexxuhom fil-ġestjoni tagħhom tal-kumpaniji elenkati; iqis li l-interessi finanzjarji personali tad-diretturi marbuta ma’ rimunerazzjoni varjabbli ħafna drabi tkun f'kunflitt mal-interess fit-tul tal-kumpanija, fosthom l-interessi tal-impjegati u tal-partijiet interessati tagħha;

11.

Jemmen li s-sistemi ta’ kumpens għandhom ikunu proporzjonati mad-daqs, mal-organizzazzjoni interna u mal-kumplessità tal-istituzzjonijiet finanzjarji u għandhom jirriflettu d-diversità bejn is-setturi finanzjarji differenti bħal dawk bankarji, tal-assigurazzjoni u tal-ġestjoni tal-fondi;

12.

Jenfasizza li l-arranġamenti għall-ġestjoni tar-riskju operattiv tal-maniġment għoli, ta’ dawk li jieħdu r-riskji u l-karigi ta’ kontroll għandhom jiġu riveduti mis-superviżur, u jkunu soġġetti għal kontrolli bir-reqqa min-naħa tiegħu; iqis li dawn il-proċeduri għandhom japplikaw ukoll għal dak il-persunal li r-rimunerazzjoni totali tiegħu, fosthom il-provvedimenti għall-pensjoni, tqiegħdu fl-istess livell ta’ dawn il-kategoriji ta’ persunal;

13.

Iqis li l-livelli ta’ rimunerazzjoni varjabbli għandhom ikunu bbażati fuq kriterji ta’ prestazzjoni predeterminati u li jistgħu jitkejlu, u għandhom jippromwovu s-sostenibbiltà fit-tul tal-kumpanija;

14.

Jenfasizza li r-rimunerazzjoni relatata mal-prestazzjoni għandha torbot id-daqs tal-ammont globali ta’ bonus mal-prestazzjoni ġenerali u l-bażi kapitali tad-ditta, filwaqt li r-rimunerazzjoni individwali tal-impjegati marbuta mal-prestazzjoni għandha tkun ibbażata fuq taħlita tal-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-individwu, tal-unità tan-negozju kkonċernata u tar-riżultati globali tal-istituzzjoni;

15.

Iqis li l-interessi finanzjarji personali tad-diretturi marbuta ma’ rimunerazzjoni varjabbli ħafna drabi tkun f'kunflitt mal-interess fit-tul tal-kumpanija, fosthom l-interessi tal-impjegati u tal-partijiet interessati tagħha; jenfasizza li l-politika dwar ir-rimunerazzjoni tad-diretturi u ta’ membri oħra tal-persunal li għandhom responsabbiltà għal deċiżjonijiet riskjużi għandha tkun konsistenti ma’ sistema bbilanċjata u li taħdem sewwa għall-ġestjoni tar-riskju, u li għandu jkun hemm proporzjon adegwat bejn il-ħlasijiet fissi u dawk varjabbli; isejjaħ b'urġenza għall-introduzzjoni ġenerali ta’ miżuri tat-tnaqqis, jew saħansitra għall-irtirar, tal-komponenti varjabbli tar-rimunerazzjoni tal-kategoriji tal-persunal li l-prestazzjoni tagħhom tkun responsabbli għal deterjorament tar-riżultati tal-kumpanija tagħhom;

16.

Huwa tal-fehma li ma għandhomx jitqiesu biss il-miżuri kwantitattivi, iżda għandhom jitqiesu wkoll il-kriterji ta’ prestazzjoni marbuta mal-kwalità u l-ġudizzju uman sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ kumpens varjabbli;

17.

Iqis li l-bonusijiet iggarantiti m'għandhomx ikunu parti mill-pjanijiet ta’ kumpens;

18.

Huwa tal-fehma, mhux biss għal raġunijiet etiċi iżda wkoll fl-interess tal-ġustizzja soċjali u s-sostenibbiltà ekonomika, li d-differenza bejn l-ogħla rimunerazzjoni ta’ kumpanija u dik l-aktar baxxa għandha tkun raġonevoli;

19.

Jenfasizza li l-kumpaniji għandhom jistabbilixxu proċedura interna, approvata mis-superviżur, biex jindirizzaw dawk il-konflitti li jistgħu jseħħu bejn il-ġestjoni tar-riskju u l-unitajiet operattivi;

20.

Jenfasizza l-ħtieġa li dawn il-prinċipji għandhom jiġu estiżi għar-rimunerazzjoni tal-ħaddiema kollha li l-attivitajiet professjonali tagħhom ikollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-kumpanija li jaħdmu magħha, fosthom il-maniġment għoli, dawk li jieħdu r-riskji u l-karigi ta’ kontroll u dak il-persunal li r-rimunerazzjoni totali tiegħu, inklużi l-provvedimenti tal-pensjoni, tqiegħdu fl-istess kategorija;

21.

Jenfasizza li l-assigurazzjoni tad-diretturi u tal-uffiċjali mfassla biex tipproteġi d-diretturi, l-uffiċjali u l-amministraturi għolja tal-kumpaniji minn talbiet li jiġu minn deċiżjonijiet u azzjonijiet riskjużi jew negliġenti meħuda waqt il-ġestjoni tan-negozju tagħhom mhijiex konformi ma’ ġestjoni tar-riskju sostenibbli fil-qasam tar-rimunerazzjoni;

Struttura bbilanċjata tal-pakkett ta’ rimunerazzjoni

22.

Jenfasizza li għandu jkun hemm bilanċ xieraq bejn ir-rimunerazzjoni varjabbli u dik fissa;

23.

Jissuġġerixxi li r-rimunerazzjoni varjabbli għandha titħallas biss jekk din tkun sostenibbli fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja u tal-bażi kapitali tal-istituzzjoni u tkun iġġustifikata fid-dawl tal-prestazzjoni fit-tul tal-kumpanija; iqis li għall-istituzzjonijiet finanzjarji, l-awtorità superviżorja kompetenti għandu jkollha d-dritt li tillimita l-ammont totali tar-rimunerazzjoni varjabbli biex jissaħħaħ il-kapital azzjonarju;

24.

Jenfasizza li proporzjon sostanzjali tal-komponent varjabbli tar-rimunerazzjoni għandu jiġi ddifferit għal perjodu suffiċjenti; id-daqs tal-proporzjon u t-tul tal-perjodu tad-differiment għandhom jiġu stabbiliti skont iċ-ċiklu tan-negozju, in-natura tan-negozju, ir-riskji tiegħu u l-attivitajiet tal-membru tal-persunal ikkonċernat; ir-rimunerazzjoni dovuta skont arranġamenti differiti għandha ssir dritt akkwistat mhux aktar mgħaġġel minn dik dovuta fuq bażi prorata; tal-anqas 40 % tal-komponent varjabbli tar-rimunerazzjoni għandu jiġi differit; fil-każ ta’ komponent varjabbli tar-rimunerazzjoni ta’ ammont partikolarment kbir, tal-anqas 60 % tal-ammont għandu jiġi differit u l-perjodu ta’ differiment m'għandux ikun ta’ anqas minn ħames snin;

25.

Jemmen li proporzjon sostanzjali tal-kumpens varjabbli għandu jingħata fi strumenti li ma jinkludux flus kontanti bħal dejn subordinat, kapital kontinġenti, ishma jew strumenti marbuta mal-ishma, sakemm dawn l-istrumenti joħolqu inċentivi marbuta mal-ħolqien ta’ valur fit-tul u mal-limiti taż-żmien tar-riskju;

26.

Iqis li l-politiki ta’ rimunerazzjoni għandhom japplikaw għar-rimunerazzjoni totali, inklużi l-pensjonijiet u s-salarji, biex jiġi evitat l-“arbitraġġ tal-bonus”; hu tal-fehma, barra minn hekk, li l-“bonusijiet tal-pensjoni” għandhom jingħataw fi strumenti li ma jinkludux flus kontanti bħal dejn subordinat, kapital kontinġenti, ishma jew strumenti marbuta mal-ishma, biex jiġu allinjati l-inċentivi fit-tul;

27.

Jissuġġerixxi li jiġi stabbilit limitu massimu ekwivalenti għal sentejn tal-komponent fiss tal-paga tad-diretturi għall-benefiċċji tat-tluq (“paraxuts tad-deheb”) fil-każ ta’ terminazzjoni bikrija, u l-projbizzjoni tal-benefiċċji tat-tluq fil-każ ta’ nuqqas ta’ prestazzjoni jew ta’ tluq volontarju;

28.

Jitlob li titqies l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa meta jiġu determinati l-politiki tal-ħlasijiet;

29.

Itenni l-ħtieġa li kull forma ta’ diskriminazzjoni fl-impriżi tkun sanzjonata, b'mod partikolari fid-definizzjoni tal-politiki ta’ rimunerazzjoni, fl-evoluzzjoni tal-karrieri u fil-proċess ta’ reklutaġġ tad-diretturi;

Kontroll superviżorju effikaċi u l-involviment tal-partijiet interessati

30.

Jemmen li d-ditti għandhom jiżvelaw informazzjoni ċara, komprensiva u fil-ħin dwar il-prattiki tagħhom ta’ kumpens u li l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni kollha li jeħtieġu biex jevalwaw il-konformità mal-prinċipji applikabbli;

31.

Jitlob li l-impriżi statali, bħal kumpaniji oħra, iħaddmu trasparenza totali dwar il-politiki tagħhom dwar il-pagi u l-bonusijiet;

32.

Jitlob, ukoll, għall-pubblikazzjoni tad-dettalji tal-arranġamenti tal-kumpaniji rigward il-pensjonjiet u l-pensjonijiet supplimentari, inklużi dawk tal-impriżi statali;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rakkomandazzjonijiet tagħha tat-30 ta’ April 2009 dwar l-istruttura tal-ħlasijiet u l-allinjament tar-riskju kif jirrikjedu l-prinċipji stabbiliti mill-Bord dwar l-Istabbiltà Finanzjarja u approvati mill-G20 f'Settembru 2009;

34.

Jistieden lill-Kummissjoni tadotta prinċipji vinkolanti b'saħħithom dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur finanzjarju, li jkomplu jibnu fuq il-proposti dwar il-banek fir-rapport dwar is-CRD, kif ukoll sistema li twassal biex jixxandru dawk il-kumpaniji elenkati, ibbażata fuq proċedura ta’ “jew tikkonforma jew tispjega”, li ma josservawx dawn il-prinċipji;

35.

Iħeġġeġ lis-superviżuri fis-settur finanzjarju jimplimentaw il-Prinċipji dwar il-Kumpens u l-Metodoloġija għall-Valutazzjoni tal-Istandards proposti mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja f'Jannar 2010;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu struttura internazzjonali komuni biex jixxandar l-għadd tal-individwi li jaqilgħu aktar minn EUR 1 miljun, li tinkludi l-elementi prinċipali tas-salarju, il-bonus, l-għotja għal servizz fit-tul u l-kontribuzzjoni għall-pensjoni;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-rwoli tal-awdituri interni u esterni bħala sehem biex jiġi żgurat l-ispettru sħiħ ta’ governanza korporattiva effikaċi;

38.

Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga t-tisħiħ tar-rwoli tad-diretturi mhux eżekuttivi, inkluż biex jiġi żgurat li l-kumpaniji jipprovdu taħriġ kontinwu kif ukoll pakketti ta’ rimunerazzjoni indipendenti li jirriflettu r-rwol indipendenti tad-diretturi mhux eżekuttivi kif ukoll jipprovdu s-setgħat lis-superviżuri biex iwettqu l-intervisti ta’ “persuni approvati”;

39.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-proposti leġiżlattivi tagħha, tiċċara r-rwol tal-awtoritajiet superviżorji fil-politika ta’ rimunerazzjoni;

40.

Jenfasizza li r-rimunerazzjoni varjabbli m'għandhiex titħallas permezz ta’ vetturi jew ta’ metodi li jiffaċilitaw l-evitar tal-ħlas ta’ taxxa fuq id-dħul għal din ir-rimunerazzjoni;

41.

Jitlob li jiġi żgurat li, meta r-rimunerazzjoni tkun qiegħda tiġi regolata, dan ma jsirx bi ħsara għad-drittijiet fundamentali garantiti mit-Trattati, partikolarment id-dritt tas-sħab soċjali – skont il-liġijiet u l-prattiki nazzjonali – li jikkonkludu u jinfurzaw il-ftehimiet kollettivi;

42.

Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet biex tkun evitata kriżi finanzjarja ġdida, filwaqt li jitqiesu l-inizjattivi li ħadu korpi internazzjonali, bħall-G20 u l-FMI;

43.

Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri jfakkru lill-kumpaniji elenkati u lill-kumpaniji tas-servizzi finanzjarji fir-responsabbiltà soċjali tagħhom, fit-tħassir tal-immaġni tagħhom u fil-ħtieġa li jagħtu eżempju tajjeb fi ħdan soċjetà internazzjonali ta’ prosperità;

44.

Iqis li l-issuktar tan-negozju jew iż-żamma ta’ fergħat f'territorji li ma jikkooperawx imorru kontra l-interessi fit-tul tal-kumpaniji b'mod ġenerali, u jitlob l-iżvilupp ta’ strateġija Ewropea għall-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali bil-għan li d-dikjarazzjonjiet tal-G-20 ta’ Londra u Pittsburgh jiġu implimentati;

*

* *

45.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet regolatorji tal-UE u nazzjonali.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2010)0165.