2.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 351/48


It-Tlieta 6 ta’ Lulju 2010
Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tal-bijoskart fl-Unjoni Ewropea

P7_TA(2010)0264

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2010 dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tal-bijoskart fl-Unjoni Ewropea (2009/2153(INI))

2011/C 351 E/07

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 191 u 192 tat-Trattat FUE, li għandhom l-għan li jippromwovu livell għoli ta' ħarsien għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent,

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tal-bijoskart fl-Unjoni Ewropea (COM(2008)0811),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-25 ta' Ġunju 2009 (11462/09 tas-26 ta' Ġunju 2009),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2006 dwar l-iskart (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta' April 1999 dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma (2),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-17 ta' Jannar 2002 dwar il-pożizzjoni komuni ddefinita mill-Kunsill intiża għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi s-Sitt Programm ta' Azzjoni tal-Komunità Ambjentali (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2008 dwar l-agrikoltura sostenibbli u l-bijogass: il-ħtieġa ta' reviżjoni tad-dispożizzjonijiet tal-UE (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2009 dwar l-“2050: Il-Ġejjieni jibda llum - Rakkomandazzjonijiet għal politika integrata futura tal-UE dwar il-bidla fil-Klima” (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar l-evalwazzjoni ta' nofs il-perjodu tal-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-Ambjent u s-Saħħa (6),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2007 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għal-protezzjoni tal-ħamrija u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2007 dwar l-Istrateġija Tematika dwar il-Protezzjoni tal-Ħamrija (8),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2005 dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill sabiex jiġi adottat regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar vjeġġi ta' skart (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Settembru 2005 dwar il-parti tal-enerġija li tista' tiġġedded fl-UE u l-proposti għal azzjonijiet konkreti (10),

wara li kkunsdira l-pożizzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2007 dwar l-istrateġija tematika għar-riċiklaġġ tal-iskart (12),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għall-Biedja u Iżvilupp Rurali (A7-0203/2010),

A.

billi l-inizjattiva tal-Kummissjoni promossa fil-Green Paper tagħha tipprovdi opportunità għal azzjoni Komunitarja għall-ġestjoni tal-bijoskart,

B.

billi ġestjoni korretta tal-bijoskart iġġib magħha vantaġġi mhux biss ambjentali, iżda wkoll soċjali u ekonomiċi,

C.

billi l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Iskart tipprevedi li jistgħu jiġu stipulati regoli speċifiċi jew supplimentati dwar il-ġestjoni ta' kategoriji partikolari ta' skart permezz ta' direttivi individwali,

D.

billi d-Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma ma toffrix strumenti suffiċjenti għal ġestjoni sostenibbli tal-iskart organiku,

E.

billi r-regoli dwar il-ġestjoni tal-bijoskart huma frammentati u l-istrumenti leġiżlattivi attwali mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet iddikjarati tal-ġestjoni effikaċi tal-bijoskart; billi, konsegwentement, hija meħtieġa direttiva speċifika għall-ġestjoni tal-bijoskart; billi l-kumpilazzjoni tad-diversi regoli dwar il-ġestjoni tal-bijoskart f'leġiżlazzjoni waħda huwa fih innifsu ta' eżerċizzju ta' eċċellenza leġiżlattiva u regolamentazzjoni aħjar. Direttiva speċifika għal ġestjoni tal-bijoskart toffri aktar ċarezza, semplifikazzjoni u sorveljanza u infurzar aħjar tal-implimentazzjoni kif ukoll ċertezza ġuridika f'dan il-qasam, u b'hekk tiggarantixxi l-fiduċja għal żmien twil ta' investituri pubbliċi u privati,

F.

billi l-konklużjonijiet tal-konferenza dwar ir-riċiklaġġ tal-bijoskart fl-Ewropa, li saret f'Barċellona fil-15 ta' Frar 2010 bil-parteċipazzjoni tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Parlament Ewropew (13), iddikjaraw li huwa neċessarju li naġixxu biex noħolqu qafas leġiżlattiv Ewropew dwar il-bijoskart, minħabba li dan hu mument kruċjali biex nippromvowu tali regolamentazzjoni,

G.

billi direttiva speċifika dwar il-bijoskart għandu tkun flessibbli biżżejjed sabiex tkopri d-diversi għażliet ta' ġestjoni disponibbli, filwaqt li jitqies li hemm għadd kbir ta' varjabbli u kunsiderazzjonijiet lokali li jeħtieġ li jitqiesu,

H.

jinnota l-potenzjal mhux esplorat tal-bijoskart ġestit skont politiki ferm differenti differenti politiki f'kull Stat Membru; billi titjib fil-ġestjoni ta' dan l-iskart huwa meħtieġ sabiex ikun hemm ġestjoni effiċjenti u sostenibbli tar-riżorsi; billi l-ġbir separat tal-bijoskart għandu jiġi intensifikat sabiex jintlaħqu l-miri għar-riċiklaġġ u għall-enerġiji li jiġġeddu u b'hekk jingħata kontribut għall-ilħuq tal-għanijiet tal-istrateġija UE 2020, partikolarment fl-ambitu tal-objettiv fundamentali tal-effiċjenza tar-riżorsi,

I.

billi l-ġbir separat jippermetti, b'mod partikolari, l-aħjar ġestjoni ta' ċerti tipi ta' bijoskart, jiġifieri l-iskart tal-kċejjen fil-livell tal-konsumatur u tal-catering u anke l-iskart bijodegradabbli u tajjeb għall-kompostaġġ mir-ristoranti li jużaw platti li jintremew,

J.

billi l-kompostaġġ tal-iskart organiku jippermetti r-riċiklaġġ ta' prodotti bijodegradabbli u li jistgħu isiru kompost li huma diġà koperti minn inizjattiva Komunitarja (Inizjattiva ta' Swieq Gwida - Lead Market Initiative),

K.

billi jeħtieġ li jiġu definiti standards ta' kwalità fuq il-livell tal-UE għat-trattament tal-bijoskart u għall-kwalità tal-kompost; billi r-regolamentazzjoni tal-parametri tal-kwalità għall-kompost, li tinkludi approċċ integrat li jiggarantixxi t-traċċabilità, il-kwalità u s-sikurezza fl-użu, se jagħmilha possibbli li tinbena l-fiduċja tal-konsumatur f'dan il-prodott; billi l-kompost għandhom jiġi klassifikat skont il-kwalità tiegħu, sal-punt li l-użu tal-kompost ma jipproduċi l-ebda effett ta' ħsara għall-ħamrija u għall-ilma tal-pjan, u partikolarment għall-prodotti agrikoli li jikbru f'dik il-ħamrija,

L.

billi, minħabba l-implimentazzjoni fqira tagħhom, l-objettivi stabbiliti biex il-bijoskart ma jibqax jintrema fil-landfills jirrikjedu linji gwida leġiżlattivi addizzjonali biex jintlaħqu,

M.

billi miżuri ta' protezzjoni jistgħu jkunu neċessarji biex jiggarantixxu li l-użu tal-kompost ma jirriżultax fi tniġġis tal-ħamrija jew tal-ilma tal-pjan,

N.

billi l-possibilitajiet għall-użu ta' kompost ta' kwalità fqira sabiex ma jsirx ħsara lill-ambjent jew lil saħħet il-bniedem għandhom jiġu kkunsidrati u valutati wkoll, u billi, fil-livell ta' UE, id-definizzjoni korretta tal-possibilitajiet għall-użu ta' kompost ta' kwalità fqira u d-definizzjoni ta' meta l-kompost jitqies bħala prodott u meta jitqies bħal skart jagħmlu iktar faċli biex l-Istati Membri jorjentaw ruħhom meta jiġu biex jiddeċiedu dwar kwistjonijiet marbuta mal-użu tal-kompost,

O.

billi Ewropa effiċjenti mil-lat tar-riżorsi hija punt essenzjali tal-Istrateġija Ewropa 2020 u għaldaqstant għandha titħeġġeġ l-effiċjenza tar-riżorsi; billi r-riċiklaġġ tal-bijoskart jikkontribwixxi għaż-żieda tal-effiċjenza tar-riżorsi,

P.

billi l-bijoskart umdu jbaxxi l-effiċjenza tal-inċinerazzjoni; billi l-inċinerazzjoni tal-bijoskart hija indirettament inkoraġġita mid-Direttiva dwar l-elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli; billi l-bijoskart jista' jagħti kontribut aħjar għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima bis-saħħa tar-riċiklaġġ tiegħu f'kompost biex titjieb il-kwalità tal-ħamrija u s-sekwestru tal-karbonju li attwalment mhuwiex promoss mid-Direttiva dwar elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija li tiġġedded,

Q.

billi l-proċess ta' diġestjoni anaerobika għall-produzzjoni ta' bijogass proċess effiċjenti ta' rkupru ta' enerġija; billi d-diġestat tiegħu tista' għaldaqstant tintuża għall-produzzjoni tal-kompost,

R.

billi l-għan ewlieni tal-ġestjoni xierqa tal-bijoskart għandu jkun ir-riżultat, li jfisser li l-għażliet teknoloġiċi kollha għall-ġestjoni tal-bijoskart jistgħu jinżammu miftuħa biex iħeġġu l-innovazzjoni, ir-riċerka xjentifika u l-kompetittività,

S.

billi teżisti sinerġija sinifikanti bejn il-tranżizzjoni lejn soċjetà ta' riċiklaġġ li tiżviluppa ekonomija b'livell baxx ta' karbonju u l-potenzjal għall-ħolqien ta' impjiegi ħodor f'dan il-qasam, u b'konsegwenza ta' dan jeżisti bżonn biex l-approprjazzjonijiet jiġu allokati għar-riċerka dwar l-impatt fuq l-ambjent tax-xogħol tal-ġbir u tal-ġestjoni tal-bijoskart,

T.

billi l-Kummissjoni u lill-Istati Membri għandhom jippromwovu attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni ambjentali fil-qasam tal-bijoskart, b'mod partikolari fl-iskejjel, sabiex titrawwem il-ġestjoni sostenibbli tal-iskart solidu urban u ssir sensibilizzazzjoni pubblika dwar il-vantaġġi tal-ġbir separat; billi l-muniċipalitajiet u l-impriżi muniċipali jiżvolġu rwol importanti fil-qasam tal-konsulenza u informazzjoni lill-pubbliku dwar il-prevenzjoni tal-iskart,

U.

billi l-bijoskart jirrappreżenta 'l fuq minn 30 % tal-iskart solidu urban; billi l-volum tal-bijoskart qed jiżdied fl-Unjoni Ewropea, u jirrappreżenta sors sinifikanti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u effetti ambjentali oħra negattivi meta jintrema fil-landfills, f'kundizzjonijiet li minħabba fihom il-ġestjoni tal-iskart hija llum ir-raba' sors l-aktar importanti ta' gassijiet serra,

V.

billi mhux il-bijoskart li joriġina mid-djar biss qiegħed ikun ittrattat b'mod sostenibbli fil-prattika,

W.

billi l-ġestjoni ta' dan it-tip ta' skart għandu jkun strutturat skont il-'ġerarkija tal-iskart': il-prevenzjoni u t-tnaqqis, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ, it-tipi oħra ta' rkupru, b'mod partikolari għal skopijiet ta' enerġija, u bħala l-aħħar għażla, it-tfigħ fil-landfills (skont il- Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart), li skontha r-riċiklaġġ tal-bijoskart huwa preferibbli mill-inċinerazzjoni, billi mhux biss jevita l-formazzjoni ta' gass metanu, iżda wkoll jikkontribwixxi fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima billi jissekwestra l-karbonju u jtejjeb il-kwalità tal-ħamrija; billi l-prevenzjoni hi l-għan prijoritarju fil-ġestjoni tal-bijoskart u tagħti lok, b'mod partikolari, li jiġi evitat l-iskart tal-ikel u l-iskart aħdar, pereżempju permezz tat-titjib fl-ippjanar ta' ġonna pubbliċi bi pjanti u siġar b'livell baxx ta' manutenzjoni,

X.

billi, jekk irridu navvanzaw lejn ġestjoni tal-bijoskart effikaċi mil-lat ambjentali, jeħtieġ li l-kwistjoni titqies minn perspettiva integrata fil-politiki fil-qasam tal-enerġija u ħarsien tal-ħamrija, konformi mal-objettivi ta' mitagazzjoni tat-tibdil fil-klima; billi vantaġġ ulterjuri huwa kkostitwit mill-konservazzjoni tal-bijodiversità meta l-bijoskart ittrattat jintuża bħala sostitut għall-pit u b'hekk jitħarsu l-ekosistemi ta' artijiet mistagħdra,

Y.

billi d-diġestjoni anaerobika li tipproduċi l-bijogass mill-bijoskart tista' tagħti kontribut siewi lill-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi fl-UE u għall-ilħuq sostenibbli tal-objettivi tal-UE fil-qasam tal-enerġiji li jiġġeddu,

Z.

billi l-bijoskart għandu jitqies bħala riżorsa naturali ta' valur li jista' jintuża għall-produzzjoni ta' kompost ta' kwalità għolja, u b'hekk jgħin fil-ġlieda kontra d-degradazzjoni tal-ħamrija fl-Ewropa, iż-żamma tal-produttività tal-ħamrija, jitnaqqas l-użu ta' fertilizzanti kimiċi fl-agrikoltura, u speċjalment ta' dawk abbażi ta' fosfru, u jsaħħu l-kapaċità tal-ħamrija li żżomm l-ilma,

AA.

billi fl-Istati Membri jintużaw sistemi differenti ta' ġestjoni tal-iskart, u billi t-tfigħ fil-landfills għadu l-aktar metodu użat ta' rimi ta' skart solidu urban fl-Unjoni Ewropea, minkejja li huwa l-agħar għażla għall-ambjent,

AB.

billi l-produzzjoni ta' fjuwil għal finijiet ta' trasport mill-bijoskart toffri vantaġġ ambjentali sinifikanti,

AC.

billi r-riċerka xjentifika u l-innovazzjoni teknoloġika fil-qasam tal-ġestjoni tal-bijoskart għandhom jiġu mħeġġa,

AD.

billi l-ġbir separat bħalissa jagħmilha possibbli li tkun evitata l-kontaminazzjoni u jgħin biex jintlaħaq l-għan ta' kisba ta' kompost ta' kwalità għolja, jipprovdi materjali ta' kwalità għar-riċiklaġġ tal-bijoskart u jagħmel l-irkupru tal-enerġija aktar effiċjenti,

AE.

billi l-istudji disponibbli u l-esperjenzi fid-diversi Stati Membri juru huwa importanti li l-ġbir separat ikun kemm pratikabbli kif ukoll sostenibbli mil-lat ambjentali u ekonomiku u li għandu jsir obbligatorju; billi l-ġbir separat għandu jkun il-prerekwiżit għall-produzzjoni ta' kompost ta' kwalità għolja,

Leġiżlazzjoni

1.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tirrevedi l-leġiżlazzjoni eżistenti applikabbli għall-bijoskart bil-ħsieb li, b'mod konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, tfassal proposta għal direttiva speċifika sal-aħħar tal-2010, inkluż fost l-oħrajn;

it-twaqqif ta' sistema ta' ġbir separat obbligatorja għall-Istati Membri, ħlief fejn dan ma jkunx għażla xierqa mil-lat ambjentali u ekonomiku,

ir-riċiklaġġ tal-bijoskart,

sistema ta' klassifikazzjoni tal-kwalità tad-diversi tipi ta' kompost li ġejjin mill-bijoskart;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi kwantifikazzjoni skont il-Pjan Nazzjonali dwar l-Emissjonijiet tat-tnaqqis ekwivalenti għal CO2 miksub mir-riċiklaġġ u mill-kompostaġġ;

3.

Jinnota li qafas tal-Unjoni Ewropea tal-ġejjieni jipprovdi gwida u ċarezza legali għal bosta Stati Membri u jinkoraġġihom biex jinvestu fil-qasam tal-ġestjoni tal-iskart bijoloġiku; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja lill-Istati Membri fl-introduzzjoni ta' sistemi ta' separazzjoni tal-iskart u biex iddaħħal xi għanijiet li jorbtu u li jkunu ambizzjużi għar-riċiklaġġ ta' dan l-iskart;

4.

Ifakkar li s-Sitt Programm ta' Azzjoni tal-Komunità Ambjentali 2001-2010 tat-22 ta' Lulju 2002, fl-Artikolu 8(2)(iv) tiegħu kien jipprevedi l-obbligu għall-Kummissjoni biex tiżviluppa leġiżlazzjoni dwar l-iskart bijodegradabbli bħala azzjoni ta' prijorità biex jintlaħaq l-objettiv ta' użu sostenibbli u amministrazzjoni tar-riżorsi naturali u tal-iskart, iżda li anke wara tmien snin ma tressqet l-ebda proposta leġiżlattiva, mhux aċċettabbli;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha, tfassal sistema mtejba għall-ġestjoni tal-bijomassa fir-rigward tar-riċiklaġġ tal-bijoskart miġbur separatament, l-użu tal-kompostaġġ għal benefiċċju agrikolu u ekoloġiku, l-alternattivi ta' trattament mekkaniku/bijoloġiku, u l-użu tal-bijoskart bħala sors għall-ġenerazzjoni tal-enerġija; iqis li din il-valutazzjoni tal-impatt għandha tintuża bħala bażi għat-tħejjija ta' qafas legali tal-Unjoni Ewropea ġdid dwar l-iskart bijodegradabbli;

Użu

6.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi kriterji flimkien mal-Istati Membri għall-produzzjoni u l-użu ta' kompost ta' kwalità għolja u biex jiġi adottati rekwiżiti minimi għall-prodotti finali, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, li jippermetti l-klassifikazzjoni tal-kwalità għat-tipi differenti ta' użu għad-dviersi tipi ta' kompost miksuba permezz tat-trattament tal-bijoskart fil-qafas ta' strateġija bbażata fuq approċċ integrat li jiggarantixxi mhux biss il-kwalità iżda wkoll it-traċċabilità tal-prodotti u l-użu sikur tagħhom;

Enerġija

7.

Iqis li d-diġestjoni anaerobika hija speċjalment utli għall-bijoskart billi tipproduċi sustanzi b'ħafna nutrijenti għat-titjib tal-ħamrija, diġestat kif ukoll bijogass, li jikkostitwixxi enerġija li tiġġedded li tista' tinbidel f'bijometanu jew tintuża biex tiġġenera livell minimu ta' elettriku meħtieġ;

8.

Iqis li, prerekwiżit kruċjali biex l-inċinerazzjoni tal-bijoskart issir alternattiva possibbli fil-ġerarkija tat-trattament tal-iskart hi li din tiġi kombinata mal-irkupru tal-enerġija;

9.

Jenfasizza li fl-irkupru tal-bijoskart għall-produzzjoni tal-enerġija wieħed għandu jżomm f'moħħu l-effiċjenza tal-enerġija u s-sostenibilità tal-iżvilupp u li dawn il-prodotti, għalhekk, prinċipalment għandhom jintużaw bl-aktar mod effiċjenti; itenni għaldaqstant li l-ġbir separat tal-iskart huwa essenzjali għall-konformità mad-Direttiva dwar il-Landfills (14) jipprovdi materjal ta' kwalità għar-riċiklaġġ tal-bijoskart u jtejjeb l-effikaċja tal-irkupru tal-enerġija;

10.

Jinnota li bil-għan li jiżdiedu r-rati ta' skart li ma jintefax fil-landfills, ta' riċiklaġġ u ta' ġenerazzjoni ta' biogass, l-istrumenti teknoloġiċi kollha u l-għażliet kollha li jimmassimizzaw ir-riċiklaġġ tar-riżorsi jew il-ġenerazzjoni tal-bijogass għandhom jitħallew miftuħa;

11.

Iqis li l-bijoskart huwa riżors li jiġġedded prezzjuż għall-produzzjoni tal-elettriku u tal-bijofjuwil għat-trasport u għan-netwerk tal-gass permezz konverżjoni tal-bijogass f'bijometanu (prinċipalment metanu – 50 sa 70 % – u d-diossidu tal-karbonju), u jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza u tippromwovi modi ta' kif il-bijoskart jintuża biex jiġi prodott il-bijogass;

12.

Jenfasizza li jeħtieġ li jiżdied is-sehem tal-iskart li ma jispiċċax fil-landfills; jinnota, f'dan il-kuntest, li l-bijoskart jista' jgħin fl-ilħuq tal-objettiv tal-UE ta' sehem tal-enerġija li tiġġedded ta' mill-anqas 20 % sal-2020 kif ukoll għall-objettiv tad-Direttiva tal-UE dwar il-Kwalità tal-Fjuwil; ifakkar li d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli tappoġġa l-użu ta' kull tip ta' bijomassa, inkluż il-bijoskart għal finijiet ta' enerġija, bħala sors tal-enerġija rinnovabbli, u li l-bijofjuwils mill-iskart jiswew doppju fl-ilħuq tal-objettiv ta' sehem tal-enerġija li tiġġedded ta' 10 % fit-trasport; għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri biex fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom jikkunsidraw l-irkupru tal-enerġija mill-partijiet bijodegradabbli tal-iskart bħala parti mill-politika integrata tal-ġerarkija tal-iskart, u jħeġġiġhom biex jiskambjaw ideat dwar l-aħjar prattiki;

Riċerka u innovazzjoni

13.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu u jappoġġaw ir-riċerka xjentifika u l-innovazzjoni teknoloġika fil-qasam tal-ġestjoni tal-bijoskart;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq aktar riċerka dwar il-ġestjoni tal-metodi ta' trattament tal-bijoskart biex tikkwantifika aħjar il-benefiċċji relatati mal-ħamrija, kif ukoll l-irkupru tal-enerġija u l-impatti ambjentali;

Kuxjenza u informazzjoni

15.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu attivitajiet ta' qawmien ta' kuxjenza ambjentali fil-qasam tal-bijoskart, b'mod partikolari fl-iskejjel u fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla, sabiex jiġu promossi sistemi aqwa ta' xejriet tal-imġiba għall-prevenzjoni tal-iskart, biex titrawwem il-ġestjoni sostenibbli tal-bijoskart u tal-iskart solidu muniċipali u r-riċiklaġġ kif ukoll dwar il-vantaġġi tal-ġbir separat u t-trattament bioloġiku tal-bijoskart; jenfasizza, f'dan il-kuntest, is-sehem importanti tal-bliet, il-komunitajiet u l-impriżi lokali fil-konsulenza u l-forniment ta' informazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-iskart min-naħa taċ-ċittadini;

Aspetti ambjentali

16.

Iqis li l-bijoskart ittrattat għandu jintuża għall-konservazzjoni tal-materjal organiku u għat-tlestija taċ-ċikli tan-nutrijenti, speċjalment iċ-ċiklu tal-fosfat, billi jiġi riċiklat fil-ħamrija, u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħraf li għandu jiġi eżaminat il-kontribut tal-politiki għall-mitigazzjoni tat-tnaqqis mgħaġġel b'mod li mhux aċċettabbli tar-riżorsi dinjija tal-fosfat;

17.

Jisħaq li l-bijoskart li ma jkunx fih elementi niġġiesa jeħtieġ jitqies bħala riżors naturali ta' valur li jista' jintuża biex jiġi prodott kompost ta' kwalità;

18.

Iqis li l-ġejjieni tal-agrikultura jiddependi wkoll fuq il-konservazzjoni u r-restawr tal-fertilità tal-ħamrija; jinnota li l-użu ta' kompost ta' kwalità fl-agrikultura jista' jgħin sabiex jippreserva il-produttività tal-art, iżid iż-żamma tal-ilma u l-kapaċità ta' ħżin tal-karbonju u jnaqqas l-użu ta' fertilizzanti sintetiċi; jenfasizza r-rwol tal-Istati Membri fl-iżgurar tal-użu ta' kompost ta' kwalità fl-art agrikola;

19.

Jinnota li fil-proċess ta' bdil ta' materjal organiku f'kompost il-gassijiet li joħorġu mill-materjal maħżun jiġu kkontrollati b'diffikultà kbira, u dan jirrappreżenta periklu serju għall-ambjent u l-atmosfera; ifakkar li l-kompostaġġ kif xieraq – partikolarment tal-iskart organiku muniċipali – jinvolvi l-protezzjoni tal-ilma ta' taħt l-art mill-iskular tal-ilma mill-impjant tal-kompost;

20.

Jenfasizza li, bl-għan li jinkisbu l-objettivi f'diversi livelli (jiġu miġġielda t-tisħin tal-klima, id-degradazzjoni tal-ħamrija u l-erożjoni tal-ħamrija; il-kisba tal-objettivi tal-enerġija rinnovabbli), kombinazzjoni ta' kompostaġġ u fermentazzjoni ta' bijoskart miġbur separatament, jekk tkun fattibbli, żgur li għandha vantaġġi u għandha tiġi mħeġġa;

21.

Jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni biex tipproponi objettivi nazzjonali fir-rigward tar-riċiklaġġ tal-bijoskart biex jillimitaw l-ammont ta' bijoskart disponibbli għas-soluzzjonijiet ta' ġestjoni tal-iskart li l-anqas huma mixtieqa, ngħidu aħna r-rimi f'terraferma u l-inċinerazzjoni;

Konformità mad-Direttiva dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma

22.

Ifakkar li l-ġestjoni ta' skart bħal dan għandha tkun strutturata skont ġerarkija tal-metodi ta' ġestjoni tal-iskart inġenerali: prevenzjoni, riċiklaġġ, tipi oħra ta' rkupru, fosthom għal finijiet enerġetiċi u, bħala l-aħħar għażla, ir-rimi f'terraferma (Direttiva 1999/31/KE, Artikolu 5 u d-Direttiva 2008/98/KE) (15); jitlob għal superviżjoni aktar stretta mill-Kummissjoni sabiex jiġu rispettati u applikati l-istandards rigward ir-rimi fil-landfills mal-Unjoni Ewropea kollha;

23.

Jinnota li bħalissa l-Istati Membri individwali għandhom miżuri leġiżlattivi nazzjonali u sistemi ta' ġestjoni tal-iskart differenti, u li r-rimi fil-landfills għadu l-metodu ta' rimi tal-iskart solidu muniċipali l-aktar użat fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Istati Membri iżidu l-kooperazzjoni tagħhom u l-iskambji tal-prattiki tajba fil-qasam tal-ġestjoni tal-bijoskart;

24.

Iqis li t-trattament mekkaniku bijoloġiku (MBT) jirrappreżenta mod effettiv biex ma jintremewx kwantitajiet konsiderevoli ta' skart li jinten fil-landfills u minflok jintużaw bħala kompost, għad-diġestjoni anerobika u l-irkupru tal-enerġija;

Aspetti ekonomiċi

25.

Iqis li jinħtieġu inċentivi finanzjarji biex jiġu estiżi dan il-ġbir separat u sistemi oħra ta' ġestjoni tal-bijoskart li jimmassimizzaw l-irkupru tar-riżorsi;

26.

Jenfasizza li jinħtieġ titjib fil-ġestjoni tal-iskart u armonizzazzjoni tal-istandards ta' kwalità għall-kompost, sabiex jitħeġġeġ l-iżvilupp ta' suq Ewropew għall-kompost;

27.

Huwa tal-fehma li l-prinċipju “min iħammeġ iħallas” għandu jittieħed bħala bażi għar-rimborż tal-ispejjeż addizzjonali ġejjin mid-dħul ta' materjal dannuż fil-ħamrija, sabiex l-impatti esterni tal-applikazzjoni tal-bijoskart ma jinġarrux mill-bdiewa;

28.

Jisħaq fuq il-fatt li, f'bosta Stati Membri, diġà teżisti xi infrastruttura, imma jinħtieġu inċentivi finanzjarji għall-ħolqien u l-istabbiliment ta' swieq potenzjali tal-kompost u tal-materjal diġerit, tal-bijoenerġija u tal-bijofjuwils, li ġejjin mill-bijoskart;

29.

Jenfasizza l-vantaġġ ambjentali tal-produzzjoni tal-fjuwils għat-trasport mill-bijoskart; jistieden lill-Istati Membri, fid-dawl tal-ġerarkija tal-iskart, biex iqisu dan meta jimplimentaw id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart riveduta, u lill-Kummissjoni biex tirrifletti dan fil-linji gwida ta' implimentazzjoni tagħha;

30.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinkludi f'kull studju tal-impatt, attwali jew addizzjonali, li twettaq f'dan ir-rigward, liema tip ta' inċentivi ekonomiċi, fondi jew għajnuniet jistgħu jiġu mobilizzati jew maħluqa għall-iżvilupp u l-impjant tat-teknoloġiji li jippermettu l-ġestjoni xierqa tal-bijoskart;

*

* *

31.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 114, 27.4.2006, p. 9.

(2)  ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1.

(3)  ĠU C 271 E, 7.11.2002, p. 154.

(4)  ĠU C 66 E, 20.3.2009, p. 29.

(5)  ĠU C 67 E, 18.3.2010, p. 44.

(6)  ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 18.

(7)  ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 281.

(8)  ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 138.

(9)  ĠU C 272 E, 9.11.2006, p. 59.

(10)  ĠU C 227 E, 21.9.2006, p. 599.

(11)  ĠU C 286 E, 27.11.2009, p. 81.

(12)  ĠU C 287 E, 29.11.2007, p. 135.

(13)  Nota tas-Segretarjat tal-Kunsill, 9 ta' Marzu 2010, dokument tal-Kunsill 7307/10.

(14)  Direttiva 1999/31/KE, Premessa 17.

(15)  ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.