12.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 236/125


Il-Ħamis 17 ta’ Ġunju 2010
L-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar l-ewwel pakkett ferrovjarju

P7_TA(2010)0240

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar l-ewwel pakkett ferrovjarju (2001/12/KE, 2001/13/KE u 2001/14/KE)

2011/C 236 E/21

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-tieni rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-monitoraġġ tal-iżvilupp tas-suq ferrovjarju (COM(2009)0676) u d-dokument ta’ ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni mehmuż miegħu (SEC(2009)1687),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2001 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE dwar l-iżvilupp tal-ferroviji tal-Komunità (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2001 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE dwar l-għoti ta’ liċenzji għal impriżi ferrovjarji (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2007 dwar l-implimentazzjoni tal-ewwel pakkett ferrovjarju (4),

wara li kkunsidra l-mistoqsija tad-9 ta’ Marzu 2010 lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar l-ewwel pakkett ferrovjarju (Nri 2001/12/KE, 2001/13/EC u 2001/14/EC) (O-0030/2010 – B7-0204/2010),

wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi l-ewwel pakkett ferrovjarju, li kien adottat fl-2001 u li fih tliet direttivi dwar l-iżvilupp tal-ferroviji tal-Komunità, dwar l-għoti ta’ liċenzji għal impriżi ferrovjarji u dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji, u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà, kellu l-għan li jagħti nifs ġdid lill-industrija tal-ferroviji billi jkun l-ewwel pass lejn il-ħolqien ta’ żona ferrovjarja Ewropea integrata, u li jipprovdi struttura finanzjarja soda biex dan ikun jista' jsir,

B.

billi d-direttivi dwar l-ewwel pakkett ferrovjarju kellhom jiġu trasposti fil-liġijiet nazzjonali fil-15 ta’ Marzu 2003, iżda billi l-Kummissjoni stenniet sa Ġunju 2008 qabel nediet proċeduri għal ksur tar-regoli kontra l-Istati Membri minħabba implimentazzjoni ħażina jew mhix sħiħa tal-ewwel pakkett ferrovjarju,

C.

billi, abbażi tat-tieni rapport tal-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-iżvilupp tas-suq ferrovjarju, sehem il-ferroviji fit-trasport ma żdiedx iżda stabbilizza biss għal-livell baxx ta’ madwar 10 % fis-suq tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija u għal anqas minn 7 % għat-trasport tal-passiġġieri fl-2002,

1.

Jiddeplora l-fatt li l-biċċa l-kbira tat-22 Stat Membru naqsu milli jimplimentaw sew it-tliet Direttivi dwar l-ewwel pakkett ferrovjarju; iqis li dan in-nuqqas żamm l-iżvilupp tas-sehem tal-ferroviji fit-trasport b'mod ġenerali;

2.

Ifakkar li l-Parlament kien diġà enfasizza fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2007 li implimentazzjoni sħiħa tal-ewwel pakkett ferrovjarju kienet prijorità assoluta; għalhekk mhuwa kuntent xejn li din il-prijorità ma tħarsitx mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri fosthom l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Latvja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, l-Isvezja, is-Slovenja u s-Slovakkja;

3.

Jiddispjaċih li l-Kummissjoni tilfet ħames snin biex tieħu azzjoni kontra dan in-nuqqas u stenniet sa Ġunju 2008 qabel ma bagħtet ittri ta’ avviż formali u sa Ottubru 2009 biex tibgħat opinjonijiet motivati għal implimentazzjoni ħażina jew mhix sħiħa tal-ewwel pakkett ferrovjarju; jiddispjaċih li l-Kummissjoni Ewropea ma ffokatx biżżejjed il-monitoraġġ tagħha fuq is-sisien finanzjarji tas-sistema ferrovjarja; għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex bla dewmien tibda proċeduri legali kontra t-22 Stat Membru li ma implimentawx l-ewwel pakkett ferrovjarju;

4.

Iħeġġeġ lit-22 Stat Membru biex iħarsu l-leġiżlazzjoni Ewropea bla aktar dewmien; huwa konvint li dawk l-Istati Membri għadhom qed ifixklu l-kompetizzjoni ġusta fis-suq ferrovjarju billi ma jimplimentawx id-direttivi tal-ewwel pakkett ferrovjarju;

5.

Jitlob li l-Kummissjoni tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku informazzjoni konkreta dwar l-elementi li ma ġewx implimentati għalkollox f'kull Stat Membru, speċjalment rigward l-indipendenza tal-amministraturi tal-infrastruttura, in-nuqqas ta’ twaqqif ta’ korp regolatorju indipendenti u n-nuqqas ta’ implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħlas għall-aċċess għall-binarji; barra minn hekk, jitlob lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament bl-interpretazzjonijiet legali differenti li hemm bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar l-indipendenza tal-amministraturi tal-infrastruttura (Artikoli 4(2) u 14(2) tad-Direttiva 2001/14/KE);

L-indipendenza tal-amministraturi tal-infrastruttura

6.

Jisħaq li l-amministratur tal-infrastruttura għandu jingħata biżżejjed indipendenza, billi dan għandu rwol ewlieni, skont id-Direttiva 2001/14/KE fl-għoti ta’ aċċess ġust għall-kapaċità tal-infrastruttura lill-applikanti kollha permezz tal-allokazzjoni ta’ kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja u l-ġbir ta’ ħlasijiet għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà;

7.

Iqis li l-indipendenza tal-amministratur tal-infrastruttura hija prekundizzjoni sabiex l-operaturi kollha jkunu ttrattati b'mod ġust, trasparenti u mhux diskriminatorju; jenfasizza li huwa fatt partikolarment inkwetanti ma ngħatawx biżżejjed salvagwardji legali u prattiċi biex jiggarantixxu l-indipendenza tal-amministraturi tal-infrastruttura, speċjalment meta jkunu parti minn impriża ferrovjarja li tmexxi wkoll attivitajiet ta’ trasport ferrovjarju;

8.

Jitlob li l-Istati Membri li ma jħarsux din id-dispożizzjoni jisseparaw b'mod ċar il-kompitu essenzjali tal-allokazzjoni tal-kapaċità fin-netwerk ferrovjarju nazzjonali minn kull operatur ferrovjarju uffiċjali permezz tal-miżuri funzjonali u legali meħtieġa kollha, billi dan in-nuqqas ta’ indipendenza jista' jxekkel determinazzjoni vera tal-użu tal-infrastrttura min-naħa tal-amministratur tal-infrastruttura;

In-nuqqas ta’ setgħat tal-korpi regolatorji

9.

Huwa inkwetat minħabba l-fatt li ma ngħatawx biżżejjed setgħat u riżorsi lill-korpi regolatorji u dan iwassal għal nuqqas ta’ kontroll tal-problemi tal-kompetizzjoni f'kull suq nazzjonali;

10.

Jitlob lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar is-setgħat tal-korpi regolatorji li jeħtieġ li jissaħħu mill-Istati Membri sabiex jiġu ggarantiti setgħa vera biex jimmonitorjaw is-swieq ferrovjarji rispettivi tagħhom;

11.

Iqis li dan in-nuqqas li jitwaqqfu korpi regolatorji verament indipendenti fl-Istati Membri jfixkel l-implimentazzjoni kif suppost tal-ewwel pakkett ferrovjarju;

Qafas għall-finanzjament u l-ħlas tal-infrastruttura

12.

Jinnota li dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-finanzjament tal-infrastruttura u t-tħassir tad-djun tal-ferroviji ġew inklużi fil-ewwel pakkett ferrovjarju (Artikolu 9 tad-Direttiva 2001/12/KE);

13.

Jiddispjaċih li l-livell ta’ investiment fl-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja jibqa' fil-biċċa l-kbira insuffiċjenti f'ħafna Stati Membri, filwaqt li l-kwalità tal-infrastruttura eżistenti sejra lura f'bosta każijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimmobilizzaw ir-riżorsi meħtieġa biex jiżguraw li jiġu żviluppati proġetti ġodda tat-trasport ferrovjarju u li l-infrastruttura eżistenti tinżamm b'mod adegwat;

Ħlas għall-aċċess għall-binarji

14.

Jinnota li l-indipendenza tal-amministraturi tal-infrastruttura u setgħat u riżorsi ggarantiti għall-korpi regolatorji huma prekundizzjonijiet għall-ħlas għall-aċċess għall-binarji sodisfaċenti; ifakkar li dawn il-ħlasijiet infrastrutturali għandhom ikunu kkalkulati b'mod ġust, trasparenti u konsistenti u jipprovdu viżibilità suffiċjenti għall-impriżi ferrovjarji;

15.

Jesprimi l-preokkupazzjonijiet tiegħu rigward l-implimentazzjoni insuffiċjenti tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħlasijiet infrastrutturali, speċjalment rigward in-nuqqas ta’ skemi ta’ rendiment sabiex jittejjeb ir-rendiment tan-netwerk ferrovjarju u tas-sistemi tariffarji bbażati fuq l-ispejjeż diretti tas-servizzi ferrovjarji, kif ukoll rigward in-nuqqas ta’ determinazzjoni indipendenti tal-ħlasijiet infrastrutturali min-naħa tal-amministratur tal-infrastruttura;

16.

Jiddispjaċih li, minħabba dan in-nuqqas ta’ implimentazzjoni, il-ħlasijiet infrastrutturali jidhru li mhumiex marbuta direttament mal-ispejjeż tas-servizzi ferrovjarji u li s-suq ferrovjarju jista' ma jkunx jiflaħ għal dawn il-ħlasijiet għoljin; jinnota li dan il-livell għoli ta’ ħlasijiet infrastrutturali jista' jfixkel id-dħul fis-suq ta’ operaturi mhux uffiċjali u li l-Kummissjoni rċeviet diversi lmenti minn operaturi dwar l-aċċess għat-terminals u għas-servizzi ferrovjarji;

17.

Iqis li l-prinċipji għall-ħlas għall-aċċess għall-binarji li japplikaw għat-trasport ferrovjarju u dak bit-toroq għandhom jikkonverġu biex tiġi stabbilita bażi reali tal-istess kundizzjonijiet għal kulħadd fost il-mezzi ta’ trasport; jenfasizza li dawn il-kundizzjonijiet ugwali jippermettu li s-sistema tat-trasport Ewropew tkun aktar sostenibbli u aktar effiċjenti u timmassimizza l-kompetittività ambjentali ferrovjarja;

Ir-reviżjoni tal-ewwel pakkett ferrovjarju

18.

Jisħaq li implimentazzjoni xierqa u kif suppost tal-ewwel pakkett ferrovjarju hija kundizzjoni fundamentali biex jinħoloq netwerk ferrovjarju Ewropew u li l-prijorità assoluta tal-Kummissjoni Ewropea għandha tkun li tara li din l-implimentazzjoni sseħħ billi tuża l-proċeduri legali kollha għad-dispożizzjoni tagħha;

19.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tal-ewwel pakkett ferrovjarju sa Settembru tal-2010; jitlob lill-Kummissjoni biex f'din ir-reviżjoni tagħti prijorità lill-problemi tal-indipendenza tal-amministraturi tal-infrastruttura, tan-nuqqas ta’ setgħat u riżorsi tal-korpi regolatorji kif ukoll tipproponi prinċipju xieraq għall-ħlas għall-aċċess għall-infrastruttura li jistimula l-investiment pubbliku u privat fis-settur ferrovjarju;

20.

Iqis li l-ftuħ b'suċċess tas-swieq fis-settur tat-trasport ferrovjarju jippependi mill-implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet stipulati fl-ewwel pakkett ferrovjarju; aktar liberalizzazzjoni tas-suq ferrovjarju m'għandux inaqqas mill-kwalità tas-servizz tat-trasport ferrovjarju u għandu jissalvagwardja l-obbligi tas-servizz pubbliku; sakemm is-swieq jinfetħu għalkollox, għandu jkun applikat il-prinċipju tar-reċiproċità;

21.

Jitlob lill-Kummissjoni tirreaġixxi jew tagħti tagħrif dwar it-talbiet fil-paragrafi 3, 5, 10 u 16 fi ħdan it-tfassil mill-ġdid tal-ewwel pakkett ferrovjarju jew l-aktar tard sa tmiem l-2010;

*

* *

22.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 75, 15.3.2001, p. 1.

(2)  ĠU L 75, 15.3.2001, p. 26.

(3)  ĠU L 75, 15.3.2001, p. 29.

(4)  ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 551.