12.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 236/24


It-Tlieta 15 ta’ Ġunju 2010
Internet tal-Oġġetti

P7_TA(2010)0207

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Ġunju 2010 dwar l-Internet tal-Oġġetti (2009/2224(INI))

2011/C 236 E/04

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, fit-18 ta’ Ġunju 2009, dwar l-Internet tal-Oġġetti – Pjan ta’ Azzjoni għall-Ewropa (COM(2009)0278),

wara li kkunsidra l-programm ta’ ħidma ppreżentat mill-President Spanjol tal-UE fis-27 ta’ Novembru 2009, u b'mod partikolari l-objettiv li jiġi żviluppat l-internet tal-futur,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Jannar 2009 bit-titolu “Ninvestu illum għall-Ewropa ta’ għada” (COM(2009)0036),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ prinċipji għall-protezzjoni tal-privatezza u tad-data fl-applikazzjonijiet li jużaw l-identifikazzjoni bil-frekwenza tar-radju (C(2009)3200),

wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika,

wara li kkunsidra l-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku biex ikun hemm tkabbir ekonomiku iktar mgħaġġel (COM(2008)0800),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Iżvilupp dwar Aġenda Diġitali ġdida għall-Ewropa: 2015 ue (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0154/2010),

A.

billi jitqies l-iżvilupp mgħaġġel tal-internet matul l-aħħar 25 sena u dan l-iżvilupp huwa previst li jkompli kemm rigward id-distribuzzjoni – bl-estensjoni tal-“broadband” – kif ukoll applikazzjonijiet ġodda,

B.

billi l-Internet tal-Oġġetti kapaċi jilħaq l-aspettattivi tas-soċjetà u taċ-ċittadini u billi hija meħtieġa riċerka biex wieħed jifhem x'inhuma dawk l-aspettattivi u fejn is-sensittivitajiet u t-tħassib għall-privatezza u l-informazzjoni personali jistgħu jimblukkaw l-applikazzjonijiet,

C.

billi titqies l-importanza tat-teknoloġiji tal-informatika u tal-komunikazzjoni (ICT) fil-promozzjoni tal-iżvilupp soċjali, tat-tkabbir ekonomiku u biex jiġu stimulati r-riċerka, l-innovazzjoni u l-kreattività fost il-korpi pubbliċi u privati Ewropej,

D.

billi l-UE għandha bżonn ta’ qafas komuni ta’ referenza biex tfassal u ssaħħaħ regoli dwar il-governanza tas-sistema, il-kunfidenzjalità, is-sigurtà tal-informazzjoni, il-ġestjoni etika, ir-rispett tal-ħajja privata, il-ġbir u l-ħżin ta’ data personali u l-informazzjoni għall-konsumaturi,

E.

billi t-terminu “Internet tal-Oġġetti” jirreferi għall-kunċett ġenerali tal-oġġetti (kemm artefatti elettroniċi u oġġetti għall-użu ta’ kuljum) li jistgħu jinqraw, jiġu indirizzati, li jistgħu jinstabu u/jew jiġu kontrollati mill-bogħod permezzz tal-Internet,

F.

billi titqies l-evoluzzjoni mistennija tal-Internet tal-Oġġetti matul is-snin li ġejjin, li u għalhekk teħtieġ governanza sigura, trasparenti u multilaterali,

G.

billi l-internet tal-futur se jmur lil hinn mill-fruntieri tradizzjonali tad-dinja virtwali preżenti minħabba rabta mad-dinja tal-oġġetti fiżiċi,

H.

billi jitqiesu l-vantaġġi u l-għadd akbar ta’ applikazzjonijiet li jinvolvu t-teknoloġiji tal-RFID u teknoloġiji oħra relatati mal-Internet tal-Oġġetti fil-livell ta’ “bar codes” u tal-istrixxi manjetiċi, li jista' jkollhom interface ma’ netwerks oħra – bħal netwerks tal-mowbajls – kif ukoll l-evoluzzjonijiet mistennija meta tkun inħolqot l-interface ma’ sensuri li jkejlu affarijiet bħall-ġeolokalizzazzjoni (eż. is-sistema satellitari Galileo), it-temperatura, id-dawl, il-pressjoni u l-forza tal-gravità; billi l-introduzzjoni taċ-ċipep RFID fuq skala kbira għandha twassal għal tnaqqis kbir fl-ispiża unitarja tagħhom kif ukoll fin-nefqa tal-apparati li jaqraw,

I.

billi t-teknoloġija RFID tista' tkun ikkunsidrata bħala katalista u aċċelleratur għall-iżvilupp ekonomiku tal-industrija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni,

J.

billi t-teknoloġija tal-RFID u teknoloġiji oħra marbuta mal-IoT diġà qed ikunu applikati fis-setturi tal-produzzjoni, tal-loġistika u tal-katina tal-provvista, qed joffru vantaġġi rigward l-identifikazzjoni u t-traċċabilità tal-prodotti u għandhom potenzjal interessanti għall-iżviluppi li din it-teknoloġija tipprevedi f'ħafna setturi oħra, bħal dawk tas-saħħa, tat-trasport u tal-effiċjenza tal-enerġija, tal-ambjent, tan-negozju u tal-ġlieda kontra l-iffalsifikar,

K.

billi, bħas-sistemi kollha tas-saħħa elettronika, it-tfassil, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ sistemi li jippermettu l-RFID jeħtieġu l-involviment dirett ta’ professjonisti tal-kura tas-saħħa, pazjenti u kumitati relevanti (pereżempju dwar protezzjoni tad-data u etika),

L.

billi t-teknoloġija tal-RFID tista' tgħin sabiex titkabbar l-effiċjenza tal-enerġija u jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett ta’ serra u tista' toffri kalkolu dwar il-karbonju fuq il-livell tal-prodott,

M.

billi jitqiesu l-vantaġġi li tista' ġġib it-teknoloġija tal-RFID u teknoloġiji oħra marbuta mal-IoT liċ-ċittadini f'termini ta’ kwalità tal-ħajja, sigurtà u benesseri, sakemm l-aspetti marbutin mal-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali jiġu mmaniġġjati b'mod korrett,

N.

billi hemm il-ħtieġa għal standards ta’ komunikazzjoni li huma sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija li huma ffukati fuq is-sigurtà u l-privatezza u qed jużaw protokolli kompatibbli jew identiċi fi frekwenzi differenti,

O.

billi l-oġġetti kollha tal-ħajja tagħna ta’ kuljum (il-biljetti tat-trasport, il-ħwejjeġ, it-telefon ċellulari, il-karozzi, eċċ.) fl-aħħar mill-aħħar kollha se jkollhom ċippa RFID, li se tikkostitwixxi f'qasir żmien importanza ekonomika ewlenija meta jiġu kkunsidrati l-applikazzjonijiet vasti tagħha,

P.

billi jitqies il-fatt li l-Internet tal-Oġġetti jippermetti li jitqiegħdu fin-netwerk biljuni ta’ magni kapaċi li jikkomunikaw u jinteraġixxu bejniethom permezz tat-teknoloġija mingħajr wajers flimkien ma’ protokolli loġiċi u fiżiċi li jindirizzaw, billi l-Internet tal-Oġġetti għandu jippermetti, permezz ta’ sistemi ta’ identifikazzjoni elettronika u ta’ tagħmir mobbli mingħajr wajers, l-identifikazzjoni b'mod dirett u mingħajr ambigwità tal-entitajiet diġitali u l-oġġetti fiżiċi sabiex tkun tista' tinkiseb, tinħażen, tiġi ttrasferita u pproċessata b'mod kontinwu d-data assoċjata magħhom,

Q.

billi l-proċess ta’ minjaturizzazzjoni tal-prodotti użati fl-Internet tal-Oġġetti jinvolvu sfidi teknoloġiċi, bħal biex jiddaħħlu l-elettronika, is-sensuri u s-sistema ta’ alimentazzjoni u trażmissjoni tal-RFID f'ċippa li ma tkunx akbar minn ftit millimetri,

R.

billi jekk fil-ġejjieni ċ-ċipep RFID (l-identifikazzjoni bil-frekwenza tar-radju) se jkollhom użu f'applikazzjonijiet aktar vasti, din it-teknoloġija tqajjem kwistjonijiet ġodda rigward il-protezzjoni tad-data personali, b'mod partikulari minħabba l-fatt li dawn huma totalment inviżibbli jew kważi inviżibbli,

S.

billi l-istandards tal-industrija huma importanti ħafna, billi l-istandardizzazzjoni tal-RFID għandha bżonn titjieb u billi l-mandat tal-istandards tal-RFID assenjat b'mod konġunt lis-CEN u lill-ETSI (Organizzazzjonijiet tal-Istandards Ewropej) fl-2009 għalhekk se jikkontribwixxu għal prodotti u servizzi aktar innovattivi bl-użu tal-RFID,

T.

billi huwa importanti li ċ-ċittadini Ewropej ikunu konxji ta’ teknoloġiji ġodda u tal-applikazzjonijiet tagħhom, inkluż l-impatt soċjali u ambjentali tagħhom, u biex jiġu promossi l-litteriżmu diġitali u l-ħiliet elettroniċi tal-konsumaturi,

U.

billi l-iżvilupp tal-Internet tal-Oġġetti għandu jkun inklusiv u aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE, u għandu jiġi appoġġat minn politiki effettivi li għandhom l-għan li jeliminaw id-differenza diġitali fi ħdan l-UE u billi aktar ċittadini jiġu mogħnija b'ħiliet elettroniċi u għarfien tal-ambjenti diġitali tagħhom,

V.

billi l-benefiċċji tal-Internet tal-Oġġetti marbuta mat-teknoloġiji għandhom jiġu msaħħa permezz ta’ sigurtà effettiva li hija karatteristika essenzjali ta’ kwalunkwe żvilupp li jirriskja li jipperikola d-data personali u l-fiduċja tal-pubbliku f'dawk li għandhom informazzjoni dwarhom,

W.

billi l-impatt soċjali tal-iżvilupp tal-Internet tal-Oġġetti mhuwiex magħruf, u jista' jkabbar id-differenza diġitali attwali jew joħloq oħra ġdida,

1.

Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u fil-prinċipju japprova l-linji ġenerali tal-pjan ta’ azzjoni għall-promozzjoni tal-Internet tal-Oġġetti;

2.

Huwa tal-opinjoni li d-diffużjoni tal-Internet tal-Oġġetti tippermetti titjib fl-interazzjoni bejn in-nies u l-oġġetti u bejn l-oġġetti stess, li tista' twassal għal benefiċċju enormi għaċ-ċittadini tal-UE jekk tirrispetta s-sigurtà, il-protezzjoni tad-data u l-privatezza;

3.

Jaqbel mal-Kummissjoni li tagħti importanza lis-sikurezza, is-sigurtà, il-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza taċ-ċittadini u l-governanza tal-Internet tal-Oġġetti, minħabba li r-rispett tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali, flimkien mat-trasparenza u l-interoperabbiltà, huma l-uniċi mezzi għall-IoT biex jikseb aċċettazzjoni soċjali usa'; jitlob lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-partijiet interessati Ewropej u internazzjonali kollha biex jittrattaw it-theddid relatat mas-sigurtà ċibernetika; jitlob lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet internazzjonali eżistenti kollha tas-sigurtà ċibernetika, inkluża l-Konvenzjoni dwar ir-Reati Ċibernetiċi tal-Kunsill tal-Ewropa;

4.

Jemmen bis-sħiħ li l-protezzjoni tal-privatezza tikkostitwixxi valur bażiku u li l-utenti kollha għandu jkollhom kontroll fuq id-data personali tagħhom; għalhekk jitlob li d-Direttiva għall-Protezzjoni tad-Data tiġi adattata fid-dawl tal-ambjent diġitali attwali;

5.

Japprezza l-fatt li l-Kummissjoni qed tirreaġixxi fi żmien xieraq għall-iżviluppi l-ġodda f'dan is-settur biex b'hekk is-sistema politika tkun tista' tistabbilixxi regoli fi stadju bikri biżżejjed;

6.

Jenfasizza li prekundizzjoni għall-promozzjoni tat-teknoloġija hija l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet legali biex isaħħu r-rispett għal valuri fundamentali u għall-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza;

7.

Jenfasizza li kwistjonijiet dwar is-sigurtà u l-privatezza għandhom jiġu indirizzati mill-istandards futuri li għandhom jiddefinixxu karatteristiċi differenti tas-sigurtà biex jipprovdu servizzi ta’ kunfidenzjalità, ta’ integrità jew ta’ disponibilità;

8.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tikkoordina x-xogħol tagħha dwar l-Internet tal-Oġġetti max-xogħol kollu tagħha dwar l-aġenda diġitali;

9.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tmexxi evalwazzjoni tal-impatt dwar l-użu tal-infrastruttura attwali tan-netwerk tal-“Internet” għall-applikazzjonijiet u l-ħardwer tal-Internet tal-Oġġetti, f'termini ta’ konġestjoni tan-netwerk u ta’ sigurtà tad-data, sabiex jiġi determinat jekk l-applikazzjonijiet u l-ħardwer tal-Internet tal-Oġġetti humiex kumpatibbli u xierqa;

10.

Huwa tal-opinjoni li fis-snin li ġejjin, l-iżvilupp tal-Internet tal-Oġġetti u tal-applikazzjonijiet tiegħu se jkollu impatt ewlieni fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini Ewropej u fuq id-drawwiet tagħhom, u dan se jwassal għal firxa wiesgħa ta’ tibdiliet ekonomiċi u soċjali;

11.

Jemmen li huwa meħtieġ li jinbena Internet tal-Oġġetti inklusiv, li mill-bidunett jevita r-riskju – kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll f'dak reġjonali – ta’ żvilupp, firxa u użu mhux ugwali ta’ teknoloġiji tal-Internet tal-Oġġetti; jinnota li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma tikkunsidrax biżżejjed dawn il-kwistjonijiet li idealment għandhom jiġu trattati qabel ma l-Internet tal-Oġġetti jiġi żviluppat aktar;

12.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tqis reġjuni anqas żviluppati tal-Unjoni fil-kuntest tal-ippjanar tal-ICT u l-Internet tal-Oġġetti; jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw il-kofinanzjament għall-implimentazzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji u proġetti oħra tal-ICT f'reġjuni bħal dawn sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tagħhom u tiġi evitata l-esklużjoni tagħhom minn proġetti Ewropej komuni;

13.

Jenfasizza li, waqt li l-użu taċ-ċipep RFID jista' jkun effikaċi fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar, il-ħtif ta’ trabi mis-swali tal-maternità u l-identifikazzjoni tal-annimali, kif ukoll f'firxa ta’ oqsma oħra, iċ-ċipep jistgħu wkoll ikunu ta’ periklu u joħolqu kwistjonijiet etiċi għaċ-ċittadini u għas-soċjetà, u għalhekk jeħtieġ li jinstabu salvagwardji xierqa kontrihom;

14.

Jenfasizza l-importanza tal-istudju tal-effetti soċjali, etiċi u kulturali tal-Internet tal-Oġġetti, fid-dawl tat-trasformazzjoni potenzjalment estensiva taċ-ċivilizzazzjoni li tiġi kkawżata minn dawn it-teknoloġiji; huwa għalhekk tal-opinjoni li huwa importanti li r-riċerka soċjoekonomika u d-dibattitu politiku dwar l-Internet tal-Oġġetti jmorru id f'id mar-riċerka teknoloġika u mal-avvanzi tagħha, u jitlob lill-Kummissjoni biex twaqqaf panil ta’ esperti li jmexxi studju fid-dettall ta’ dawn l-aspetti u jipproponi qafas etiku għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji u applikazzjonijiet relatati;

15.

Josserva li t-teknoloġija tal-RFID u teknoloġiji oħra marbuta mal-Internet tal-Oġġetti użati għat-tikkettjar intelliġenti tal-prodotti u l-oġġetti għall-konsum, u għal sistemi ta’ komunikazzjoni bejn oġġetti u persuni, tista' tintuża kullimkien u hija fil-prattika inviżibbli u silenzjuża; għalhekk jitlob li fil-futur, din it-teknoloġija tkun soġġetta għal evalwazzjonijiet iktar dettaljati min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea rigward b'mod partikolari:

l-impatt tar-“radiowaves” u mezzi oħra li jippermettu l-identifikazzjoni tat-teknoloġiji fuq is-saħħa;

l-impatt taċ-ċipep u tar-riċiklaġġ tagħhom fuq l-ambjent;

il-privatezza u l-fiduċja tal-utent;

ir-riskji miżjuda dwar is-siġurtà ċibernetika;

il-preżenza ta’ ċipep intelliġenti fi prodotti speċifiċi;

id-dritt għas-“silenzju taċ-ċipep” li jipprovdi awtorizzazzjoni u kontroll tal-utent;

il-garanziji għall-pubbliku rigward il-protezzjoni matul il-ġbir u l-ipproċessar tad-data personali;

l-iżvilupp ta’ struttura u infrastruttura addizzjonali ta’ netwerk għall-applikazzjonijiet u l-ħardwer tal-Internet tal-Oġġetti;

l-iżgurar tal-aqwa protezzjoni possibbli għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE minn kwalunkwe tip ta’ attakki ċibernetiċi onlajn;

l-impatt ta’ kampijiet elettromanjetiċi fuq l-annimali, b'mod partikolari l-għasafar fil-bliet;

l-armonizzazzjoni ta’ standards reġjonali;

l-iżvilupp ta’ standards teknoloġiċi miftuħin u l-interoperabbiltà bejn sistemi differenti;

u, jekk ikun meħtieġ, li tkun soġġetta għal regolamentazzjoni speċifika fil-livell Ewropew;

16.

Jenfasizza li l-konsumaturi għandhom id-dritt għall-privatezza b'għażla opt-in u/jew privatezza integrata fil-programm, b'mod partikolari permezz tal-użu ta’ komponenti li huma diżattivati awtomatikament fil-ħin tal-bejgħ, sakemm il-konsumaturi jaqblu espliċitament mod ieħor; f'dan ir-rigward jinnota l-opinjoni maħruġa mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data; jinnota li l-privatezza u s-sigurtà jridu jitqiesu mill-aktar stadju bikri possibbli waqt l-iżvilupp u t-tħejjija ta’ kwalunkwe teknoloġija tal-Internet tal-Oġġetti; jenfasizza li l-applikazzjonijiet RFID għandhom jitħaddmu b'konformità mar-regoli tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jitlob lill-Kummissjoni biex tirrifletti dwar id-dritt taċ-ċittadini li jagħżlu prodotti li ma jkunux mgħammra bl-Internet tal-Oġġetti jew li jagħżlu li, meta jridu, ikunu jistgħu jaqtgħu il-konnessjoni minn mal-ambjent marbut man-netwerk tagħhom;

17.

Jinnota li filwaqt li tags tal-RFID passiva huma limitati fid-distanzi li jkopru, it-tags tal-RFID attiva jistgħu jittrażmettu data fuq distanzi ħafna akbar; jisħaq f'dan ir-rigward fuq il-fatt li jridu jitfasslu linji gwida ċari għal kull tip individwali ta’ RFID;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiċċara l-kwistjoni dwar lil min tappartieni d-data miġbura awtomatikament u interpretata minn magni u dwar min għandu l-poter li jiddisponi minnha;

19.

Jistieden lill-manifatturi biex jiżguraw id-dritt għas-“silenzju taċ-ċipep” billi jaraw li t-tags tal-RFID ikunu jistgħu jitneħħew jew inkella jkunu jistgħu jintfew mingħajr diffikultà mill-konsumatur wara l-bejgħ; jisħaq fuq il-fatt li l-konsumaturi jridu jkunu infurmati dwar il-preżenza ta’ tags tal-RFID passiva jew attiva, il-firxa li fiha l-qari huwa possibbli, it-tip ta’ data maqsuma – jew irċevuta jew trażmessa – mill-apparat u l-użu ta’ dik id-data, u li din l-informazzjoni trid tkun immarkata b'mod ċar fuq kull pakkett u mniżżla f'iżjed dettall fi kwalunkwe dokumentazzjoni;

20.

Jitlob lill-operaturi tal-applikazzjoni RFID biex jieħdu l-passi kollha raġonevoli biex jiżguraw li d-data ma tirrelatax ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli permezz ta’ xi mezz li jista' jintuża jew minn operatur tal-applikazzjoni RFID jew minn xi persuna oħra, ħlief f'każ li tali data tkun ipproċessata f'konformità mal-prinċipji u r-regoli legali applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data;

21.

Jenfasizza li, sakemm iċ-ċippa li tkun fil-prodotti mibjugħin ma jkollhiex applikazzjonijiet maħsubin lil hinn mill-punt tal-bejgħ, din għandha tkun mgħammra b'apparat tekniku inkorporat fil-fabbrikazzjoni tagħha, u li jkun jiggarantixxi n-newtralizzazzjoni tagħha u jillimita wkoll il-konservazzjoni tad-data;

22.

Jemmen li l-konsumaturi għandhom jingħataw l-għażla opt-in jew opt-out għall-Internet tal-Oġġetti, inkluża l-abilità ta’ opt-out għat-teknoloġiji individwali tal-Internet tal-Oġġetti mingħajr ma jieqfu jaħdmu applikazzjonijiet jew mezzi oħra fit-totalità tagħhom;

23.

Jenfasizza l-ħtieġa tal-ogħla livell possibbli tas-sigurtà tal-mezzi u l-iktar sistemi ta’ trażmissjoni sikuri li għandhom jiġu inklużi fit-teknoloġiji kollha tal-Internet tal-Oġġetti għall-prevenzjoni ta’ frodi u sabiex ikunu permessi mezzi proprji għall-awtentiċità u l-awtorizzazzjoni tal-identità; jinnota l-potenzjal għal frodi tal-identifikazzjoni u tal-prodott billi jiġu kklownjati tags tal-Internet tal-Oġġetti u billi tiġi interċettata data maqsuma; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura l-iżvilupp ta’ sistema trasparenti tal-Internet tal-Oġġetti li tqis l-aspetti li ġejjin b'mod partikolari:

l-aċċenn espliċitu għall-preżenza tal-mezzi li jippermettu l-identifikazzjoni u t-traċċabilità;

il-miżuri ta’ sigurtà li jiżguraw li l-utenti awtorizzati biss jista' jkollhom aċċess għad-data;

il-possibilità mogħtija lill-konsumaturi u lill-awtoritajiet li jassenjaw sabiex ikunu jistgħu jiċċekkjaw il-leġibilità tad-data u l-funzjonament tas-sistema;

24.

Iqis li hija prijorità li jiġu żgurati qafas regolatorju globali u skadenzi preċiżi fil-livell Ewropew biex jiġu stimulati u faċilitati l-investimenti pubbliċi u privati fir-rigward tal-Internet tal-Oġġetti u tan-netwerks intelliġenti li jinħtieġu għall-appoġġ tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda;

25.

Jinnota li filwaqt li l-RFIDs huma importanti, teknoloġiji oħra jiffurmaw ukoll parti mill-Internet tal-Oġġetti; jenfasizza li r-riċerka dwar kwistjonijiet ta’ finanzjar u governanza għandha wkoll tirrigwarda dawn it-teknoloġiji;

26.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-użu tal-applikazzjonijiet tal-Internet tal-Oġġetti għall-avvanz ta’ numru ta’ inizjattivi kurrenti tal-UE bħal pereżempju “ICT għall-effiċjenza fl-enerġija”, “miters intelliġenti”, “ittikkettjar tal-enerġija”, “prestazzjoni tal-enerġija tal-bini” u “protezzjoni minn prodotti mediċinali u prodotti oħra ffalsifikati”;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni biex timmonitorja t-theddidiet ġodda possibbli li jirriżultaw mill-vulnerabilità ta’ sistemi li għandhom ħafna interkonnessjonijiet;

28.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel iktar sforzi biex tiżgura li t-teknoloġiji relatati mal-Internet tal-Oġġetti jkunu jinkludu r-rekwiżiti tal-utent (pereżempju l-għażla li tiġi skonnettjata l-funzjoni tat-traċċabilità) u jkunu jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi; ifakkar, f'dan il-kuntest, fir-rwol prinċipali tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) biex tiżgura s-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni u, konsegwentement, tal-Internet tal-Oġġetti, li se jgħin sabiex jissaħħu l-aċċettazzjoni u l-fiduċja fost il-konsumaturi;

29.

Huwa tal-opinjoni li l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet ġodda u t-tħaddim attwali u l-potenzjal tan-negozju tal-Internet tal-Oġġetti se jimxu id f'id mal-fiduċja li l-konsumaturi Ewropej se juru fis-sistema, u jindika li l-fiduċja tkun preżenti meta jiġu kjarifikati t-theddidiet potenzjali għall-privatezza u s-saħħa;

30.

Jenfasizza li din il-fiduċja għandha tkun ibbażata fuq qafas legali ċar, inklużi regoli li jirregolaw il-kontroll, il-ġbir, l-ipproċessar u l-użu ta’ data miġbura u trażmessa mill-Internet tal-Oġġetti u t-tipi ta’ kunsens meħtieġa mill-konsumaturi;

31.

Jemmen li l-Internet tal-Oġġetti jinkorpora ħafna benefiċċji għan-nies b'diżabilitajiet u jista' jirrappreżenta mezz li bih jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ u li bih jingħataw servizzi ta’ kura assertivi; jenfasizza f'dan il-kuntest li bl-għajnuna ta’ din it-teknoloġija, persuni għomja jew bi problemi fil-vista jistgħu jesperjenzaw l-ambjent tagħhom aħjar permezz tal-użu ta’ mezzi elettroniċi ta’ għajnuna; madankollu, jenfasizza li jeħtieġ li jittieħdu miżuri sabiex jiġu żgurati l-protezzjoni tal-privatezza, l-iffaċilitar tal-installazzjoni u l-operazzjoni kif ukoll il-provvista tal-informazzjoni dwar servizzi bħal dawn lill-konsumaturi;

32.

Jisħaq fuq il-fatt li spejjeż li jirriżultaw – bħall-konsum tal-elettriku tal-applikazzjoni u t-tħejjija tal-affarijiet – iridu jkunu trasparenti għall-konsumatur;

33.

Iqis li l-Internet tal-Oġġetti u l-proġetti ICT b'mod ġenerali jeħtieġu kampanji ta’ informazzjoni mifruxa sabiex iċ-ċittadini jkollhom spjegazzjoni tal-iskop tal-implimentazzjoni tagħhom; jenfasizza li l-għoti ta’ informazzjoni u edukazzjoni lis-soċjetà dwar l-użi potenzjali u l-benefiċċji ċari ta’ prodotti bħall-RFID huma kruċjali sabiex il-proġett jiġi evitat milli jinftiehem ħażin u milli jfalli biex jiġbed l-appoġġ taċ-ċittadini; jenfasizza li sabiex isir użu sħiħ tal-Internet tal-Oġġetti, kemm għal benefiċċju individwali kif ukoll għal dak komuni, l-utenti għandhom ikunu mgħallma u provduti b'ħiliet elettroniċi meħtieġa biex jifhmu dawn it-teknoloġiji l-ġodda, u jkunu motivati u kapaċi jagħmlu użu xieraq minnhom;

34.

Jinnota li l-Internet tal-Oġġetti se jwassal għall-ġbir ta’ ammonti tassew kbar ta’ data; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposta għall-adattament ta’ Direttiva Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Data sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tad-data miġbura u trażmessa mill-Internet tal-Oġġetti;

35.

Jemmen li prinċipju ġenerali għandu jiġi adottat fis-sens li t-teknoloġiji tal-Internet tal-Oġġetti għandhom jiġu ddisinjati b'tali mod li jinġabar u jintuża biss ammont assolutament minimu ta’ data meħtieġa sabiex titwettaq il-funzjoni tagħhom u sabiex jiġi evitat milli jinġabar data supplimentari;

36.

Jitlob għal ammont sinifikanti ta’ data kondiviża mill-Internet tal-Oġġetti biex tkun anonima qabel ma tiġi trażmessa sabiex tiġi żgurata l-privatezza;

37.

Ifakkar lill-Kummissjoni li f'partijiet oħra tad-dinja, u b'mod partikulari fl-Ażja, qed isir progress aktar mgħaġġel f'dan is-settur u li jeħtieġ li matul it-tfassil tar-regoli applikabbli fis-sistema politika kif ukoll meta jiġu stabbiliti r-regoli li jirregolaw l-istandards tekniċi tal-Internet tal-Oġġetti, jiġi adottat approċċ proattiv u tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib mal-kumplament tad-dinja;

38.

Jenfasizza li, biex tissaħħaħ l-ekonomija Ewropea, jaqbel li jsir investiment fit-teknoloġiji l-ġodda tal-informatika u tal-komunikazzjoni bħala mezz biex jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku u li jippermetti l-aċċess għal sistemi u applikazzjonijiet ġodda għal numru dejjem jikber ta’ ċittadini u impriżi Ewropej; jenfasizza li l-Ewropa għandha tkun fuq quddiem nett fl-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-internet; jipproponi li l-baġit tal-UE għar-riċerka tal-ICT jirdoppja u li l-baġit għall-użu tal-ICT jiżdied b'erba' darbiet iktar fil-Perspettiva Finanzjarja li jmiss;

39.

Jenfasizza li r-riċerka se jkollha rwol ewlieni sabiex toħloq kompetizzjoni bejn il-fornituri ta’ kapaċitajiet ta’ komputazzjoni li hija meħtieġa sabiex l-applikazzjonijiet tal-Internet tal-Oġġetti jiffunzjonaw f'ħin reali;

40.

Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżomm u żżid il-finanzjament tal-proġetti ta’ riċerka tas-Seba' Programm ta’ Qafas fil-qasam tal-Internet tal-Oġġetti, bil-għan li jissaħħaħ is-settur Ewropew tal-ICT, u japprova l-użu tal-Programm ta’ Qafas għall-Innovazzjoni u l-Kompetittività biex titħeġġeġ id-diffużjoni tal-ICT; speċjalment, jitlob għall-iżvilupp ta’ proġetti pilota li jista' jkollhom effett pożittiv immedjat fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini Ewropej fl-oqsma tas-saħħa elettronika, tat-tagħlim elettroniku, tal-kummerċ elettroniku, tal-aċċessibilità elettronika, u tal-effiċjenza tal-enerġija; madankollu jinsab imħasseb dwar il-burokrazija assoċjata mal-Programm ta’ Qafas u jitlob lill-Kummissjoni biex teliminaha billi terġa' tfassal il-proċessi tal-Programm ta’ Qafas u toħloq bord tal-utenti;

41.

Jemmen li l-Internet tal-Oġġetti għandu potenzjal kbir fir-rigward tal-iżvilupp tal-ekonomija u tal-produzzjoni, tat-titjib tal-kwalità tas-servizzi u tal-ottimizzazzjoni tas-sistemi loġistiċi u tal-ktajjen tad-distribuzzjoni, tal-ġestjoni tal-inventarju u l-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda fil-qasam tal-impjieg u tal-impriżi;

42.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tivvaluta kwalunkwe impatt li jista' jkollha l-istrateġija proposta tagħha fuq il-produttività u l-kompetittività tal-impriżi Ewropej fis-suq internazzjonali.

43.

Jemmen li l-Internet tal-Oġġetti jista' jikkontribwixxi biex il-flussi tal-kummerċ bejn l-UE u pajjiżi terzi jiġu ffaċilitati permezz tal-espansjoni tas-swieq u s-sigurtà tal-garanziji tal-kwalità għall-prodotti kkummerċjati;

44.

Jenfasizza li, min-naħa l-waħda, it-teknoloġiji RFID jippermettu lill-industriji Ewropej li jikkontrollaw il-volum ta’ prodotti fiċ-ċirkolazzjoni (jiġifieri l-produzzjoni sseħħ biss meta jeħtieġ u, konsegwentement, jitħares l-ambjent) u, min-naħa l-oħra, joffru mezzi effettivi għall-ġlieda kontra l-piraterija u l-iffalsifikar, peress li se jkun possibbli li jiġu traċċati l-prodotti kkonċernati;

45.

Iqis li, bl-applikazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda fil-proċessi tal-produzzjoni, se tiżdied l-effiċjenza tar-riżorsi u l-prodotti għall-konsum se jkunu iżjed kompetittivi fis-suq;

46.

Jenfasizza li djalogu internazzjonali intensiv u pjanijiet ta’ azzjoni konġunti huma meħtieġa fir-rigward tal-Internet tal-Oġġetti. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-effetti tal-Internet tal-Oġġetti fuq il-kummerċ internazzjonali;

47.

Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tkompli tissorvelja u tevalwa l-bżonn għal spettri armonizzati addizzjonali għal raġunijiet speċifiċi tal-Internet tal-Oġġetti, billi jitqiesu l-karatteristiċi u kapaċitajiet differenti ta’ diversi frekwenzi elettromanjetiċi, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex meta jkunu se jiġu stabbiliti l-objettivi ta’ koordinazzjoni u ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni permezz tal-Programmi Multiannwali dwar Politika tal-Ispettru tar-Radju tikkunsidra l-ħtiġijiet tal-Internet tal-Oġġetti; jenfasizza li tali spettri għandhom jibqgħu ta’ sjieda pubblika u li l-użu tagħhom għandu jkun regolat b'tali mod li jħeġġeġ u jgħin l-iffinanzjar ta’ aktar riċerka u żvilupp teknoloġiku f'dan il-qasam; jemmen li spettri mhux illiċenzjati għandhom jippermettu li jkun hemm l-użu ta’ teknoloġiji u servizzi ġodda (użu ta’ netwerk mingħajr wajers) sabiex titrawwem l-innovazzjoni;

48.

Jenfasizza l-periklu tal-inċertezza legali fil-każ ta’ “cloud computing”;

49.

Huwa tal-opinjoni li l-involviment fil-livelli politiċi kollha (UE, nazzjonali u reġjonali) huwa prerekwiżit essenzjali għall-iżvilupp u l-użu effettiv tal-Internet tal-Oġġetti; jenfasizza r-rwol ewlieni li se jkollhom l-awtoritajiet u l-bliet reġjonali u lokali fl-iżvilupp tal-Internet tal-Oġġetti billi jiżguraw li jmur lil hinn mill-aspett purament privat; ifakkar ukoll li l-awtoritajiet lokali jkunu jistgħu jagħmlu użu estensiv mill-Internet tal-Oġġetti, bħal pereżempju fl-organizzazzjoni tat-trasport pubbliku, il-ġbir tal-iskart, il-kalkolu tal-livelli tat-tniġġis u l-immaniġġjar tat-traffiku; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkonsulta lil-livelli politiċi kollha fix-xogħol tagħha fir-rigward tal-Internet tal-Oġġetti fi spirtu ta’ governanza fuq diversi livelli;

50.

Jinnota li l-informazzjoni provduta mit-teknoloġiji tal-Internet tal-Oġġetti trid tkun traċċabbli, verifikabbli u li tista' tkun ikkoreġuta fil-każ li sistema bbażata fuqha jkollha xi ħsara; jenfasizza li ladarba dawn it-teknoloġiji huma inkorporati f'sistemi ta’ sikurezza, bħal pereżempju l-kontroll tat-traffiku u r-regolazzjoni tat-temperatura, informazzjoni ħażina tista' tpoġġi l-ħajjiet f'riskju;

51.

Jenfasizza li teknoloġiji ġodda huma kruċjali sabiex jiġu ssimplifikati sistemi ta’ trasport, jiżdiedu l-kwalità u l-effiċjenza tat-trasport, jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti u jiġu ffaċilitati kurituri ekoloġiċi, u li l-RFID tista' toffri mezzi innovattivi sabiex jitwettqu operazzjonijiet kummerċjali filwaqt li jitjieb is-sodisfazzjon tal-konsumatur;

52.

Huwa tal-opinjoni li l-użu tal-Internet tal-Oġġetti f'konnessjoni man-natura jista' jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ekoloġiċi billi tiżdied l-effiċjenza tal-enerġija u għalhekk ukoll il-protezzjoni ambjentali, kif ukoll għal titjib fir-relazzjoni bejn l-ICTs u n-natura;

53.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel minn kollox biex tistabbilixxi normi internazzjonali komuni għall-istandardizzazzjoni tal-RFID u teknoloġiji oħra tal-Internet tal-Oġġetti u tal-applikazzjonijiet tagħhom bl-għan li jiġu ffaċilitati l-interoperabilità u infrastruttura trasparenti u teknoloġikament newtrali; jenfasizza li, mingħajr standards ċari u rikonoxxuti bħal ma huma t-TCP5/IP6 fid-dinja tal-internet, it-tixrid tal-Internet tal-Oġġetti lil hinn mis-soluzzjonijiet tal-RFID ma jistax jilħaq skala globali;

54.

Japprova l-proposta li tiġi adottata kemm jista' jkun malajr il-verżjoni 6 tal-Protokoll tal-Internet (IPv6) li fil-futur se tkun il-bażi għall-espansjoni u s-simplifikazzjoni tal-internet;

55.

Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li, fl-2010, tippreżenta komunikazzjoni dwar is-sigurtà, ir-rispett tal-privatezza u dwar il-fiduċja fis-soċjetà tal-informatika; jisħaq fuq l-importanza ta’ din il-komunikazzjoni u tal-miżuri proposti bil-għan li jissaħħu r-regoli rigward l-aspetti tas-sigurtà tal-infomazzjoni, tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data personali; jitlob lill-Kummissjoni biex tinvolvi b'mod attiv il-partijiet interessati kollha, inklużi l-ENISA u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data;

56.

Jemmen fl-importanza li wieħed jiżgura li d-drittijiet fundamentali kollha – mhux il-privatezza biss – jiġu protetti fil-proċess tal-iżvilupp tal-Internet tal-Oġġetti;

57.

Jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet għax-xogħlijiet u r-responsabilitajiet tal-aġenziji amministrattivi pubbliċi, leġiżlattivi u tal-infurzar tal-liġi fir-rigward tal-Internet tal-Oġġetti;

58.

Jitlob lill-Kummissjoni biex taħdem bir-reqqa għall-applikazzjoni korretta tar-regolamenti Ewropej diġà adottati f'dan il-qasam, u biex tippreżenta, sa tmiem is-sena, kalendarju għal-linji gwida li biħsiebha tipproponi fil-livell tal-UE biex jissaħħu s-sikurezza tal-Internet tal-Oġġetti u l-applikazzjonijiet tal-RFID;

59.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tniedi djalogu soċjali fir-rigward tal-Internet tal-Oġġetti, biex tiġi provduta informazzjoni dwar l-effetti pożittivi u negattivi tat-teknoloġiji l-ġodda fuq il-ħajja ta’ kuljum; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex timpenja ruħha f'konsultazzjoni proattiva mas-settur Ewropew tal-industrija, u biex tħeġġu jkollu rwol prinċipali fid-disinn u l-proposti ta’ teknoloġiji innovattivi, standardizzati u interoperabbli;

60.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvolvi lill-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), safejn huwa adegwat, fil-pjan ta’ azzjoni tal-Internet tal-Oġġetti;

61.

Jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex taġġornah b'mod regolari dwar l-iżviluppi tad-djalogu li qed isir mal-operaturi tas-settur u mal-partijiet ikkonċernati, kif ukoll dwar l-inizjattivi li biħsiebha tieħu;

62.

Jemmen li l-Kummissjoni għandha teżamina l-possibilità ta’ tnaqqis ulterjuri fl-ispejjeż tar-roaming tad-data;

63.

Jenfasizza li l-governanza tal-Internet tal-Oġġetti għandha żżomm il-burokrazija f'livelli minimi u tassoċja lill-partijiet interessati relevanti kollha fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u għalhekk jitlob għal regolament proprju u adegwat fil-livell tal-UE;

64.

Jitlob lill-Kummissjoni biex, flimkien mas-sħab tal-kummerċ tagħha, tikkontribwixxi b'mod attiv għad-definizzjoni u t-twaqqif ta’ prinċipji u regoli għall-governanza tal-Internet tal-Oġġetti f'forums internazzjonali bħal ma hija l-Organizzazzjoni tal-Kummerċ Dinji;

65.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiċċara liema aspetti tal-governanza tal-Internet hija tħoss li hemm bżonn li jiġu rregolati bħalissa fir-rigward tal-Internet tal-Oġġetti u liema sistema tista' tiżgura l-interess pubbliku ġenerali;

66.

Għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza l-kwistjonijiet marbuta mal-governanza tal-Internet tal-Oġġetti bl-għajnuna tal-operaturi tas-settur; iqis, barra minn hekk, bħala essenzjali li jiġu analizzati l-aspetti marbuta mas-sistemi tas-sikurezza tal-Wi-Fi;

67.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  2009/2225(INI), rapport Del Castillo, A7-0066/2010.