15.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 81/45


L-Erbgħa, 5 ta’ Mejju 2010
Aġenda Diġitali ġdida għall-Ewropa: 2015.eu

P7_TA(2010)0133

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Mejju 2010 dwar id-definizzjoni ta' Aġenda Diġitali ġdida għall-Ewropa: 2015.eu (2009/2225(INI))

2011/C 81 E/08

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem “Rapport dwar il-Kompetittività Diġitali tal-Ewropa: Kisbiet ewlenin tal-istrateġija i2010 mill-2005 sal-2009” (COM(2009)0390),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ewropew Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat għar-Reġjuni intitolat “In-Negozju Transkonfinali san-Negozju Elettroniku tal-Konsum fl-UE” (COM(2009)0557),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2006 dwar soċjetà tal-informazzjoni Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2007 – Lejn politika barranija Ewropea komuni dwar l-ispettru tar-radju (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2007 dwar il-bini ta' politika Ewropea dwar il-broadband (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ġunju 2007 dwar il-kunfidenza tal-konsumatur fl-ambjent diġitali (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A7-0066/2010),

A.

billi t-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) xterdu prattikament f'kull aspett ta' ħajjitna u huma marbutin bis-sħiħ max-xewqa tagħna għal ekonomija aktar sinjura u kompetittiva, għall-ħarsien tal-ambjent tagħna u għal soċjetà aktar demokratika, miftuħa u inklussiva,

B.

billi l-Ewropa għandu jkollha rwol ewlieni fil-ħolqien u fl-applikazzjoni tal-ICT, fil-kisba ta' aktar valur għaċ-ċittadini u għan-negozji tagħha; billi l-użu tal-ICT jikkontribwixxi biex isaħħaħ l-isfidi strutturali attwali, bil-kisba ta' tkabbir ekonomiku sostanzjali,

C.

billi l-Ewropa tista' taħsad il-benefiċċji ta' din ir-rivoluzzjoni diġitali biss jekk kull ċittadin tal-UE jiġi mobilizzat u jingħata s-setgħa biex jipparteċipa bis-sħiħ fis-soċjetà diġitali l-ġdida u jekk il-persuna titqiegħed fil-qalba tal-azzjoni ta' politika; billi din ir-rivoluzzjoni diġitali ma tistax tibqa' titqies bħala evoluzzjoni minn passat industrijali iżda pjuttost bħala proċess ta' bidla radikali,

D.

billi l-iżvilupp tas-soċjetà diġitali għandha tkun inklussiva u aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE u għandha tkun megħjuna b'politiki effettivi mmirati lejn l-għeluq tad-diskrepanza diġitali fl-UE, bl-għoti tas-setgħa lill-aktar ċittadini b'ħiliet elettroniċi sabiex jużaw bis-sħiħ l-opportunitajiet offruti mill-ICTs,

E.

billi l-broadband huwa disponibbli għal aktar minn 90 % tal-popolazzjoni tal-UE, jabbonaw fih 50 % tal-familji biss,

F.

billi s-swieq kompetittivi tal-komunikazzjonijiet huma importanti biex jiżguraw li l-utenti jirċievu l-benefiċċji kollha possibbli f'dawk li huma għażla, kwalità u prezzijiet għall-but ta' kulħadd,

G.

billi l-potenzjal tal-Ewropa huwa marbut b'mod li ma jistax jinfired mill-ħiliet tal-popolazzjoni, fil-forza tax-xogħol u fl-organizzazzjonijiet tagħha; billi, mingħajr ħiliet, it-teknoloġiji u l-infrastrutturi tal-ICT jistgħu jwasslu biss għal valur miżjud ekonomiku u soċjali limitat,

H.

billi l-ICT tista' tkun potenzjatur kbir fl-isforzi għal żvilupp pożittiv u sostenibbli fil-pajjiżi madwar id-dinja u fil-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi,

I.

billi ċ-ċittadini se jżommu lura milli jinteraġixxu, jesprimu l-opinjoni tagħhom bil-libertà u jidħlu għal transazzjonijiet kummerċjali jekk ma jkollhomx fiduċja biżżejjed fil-qafas legali ta' dan l-ispazju diġitali l-ġdid; billi l-garanzija u l-infurzar tad-drittijiet fundamentali f'dan il-kuntest hi kundizzjoni essenzjali għall-fiduċja min-naħa taċ-ċittadini, billi l-garanzija tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR) u drittijiet oħra hija kundizzjoni essenzjali għall-fiduċja min-naħa tan-negozju,

J.

billi ċ-ċiberkriminalità, bħal pereżempju l-inċitazzjoni biex jitwettqu attakki terroristiċi, atti kriminali bbażati fuq il-mibegħda u pornografija tat-tfal żdiedu, u qed jipperikolaw l-individwi inklużi t-tfal,

K.

billi l-industriji kulturali u kreattivi Ewropej ma għandhomx biss rwol essenzjali fil-promozzjoni tad-diversità kulturali, il-pluraliżmu tal-midja u d-demokrazija parteċipattiva fl-Ewropa, iżda jikkostitwixxu wkoll forza ewlenija fit-tkabbir sostenibbli u l-irkupru ekonomiku fl-Unjoni Ewropea, billi għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ispeċifiċitajiet kulturali u lingwistiċi fid-dibattitu dwar it-twaqqif ta' suq uniku fis-settur tal-kontenut kreattiv,

L.

billi s-soċjetà demokratika Ewropea, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fid-dibattitu pubbliku u l-aċċess għall-informazzjoni fid-dinja diġitali jiddependu minn settur ġurnalistiku vibranti u kompetittiv bħala r-raba' pilastru tad-demokrazija,

M.

billi n-nuqqas ta' progress fil-ħolqien, it-tixrid u l-użu tal-ICT huwa responsabbli għal dewmien fit-tkabbir u l-produttività, u billi negozji ġodda b'potenzjal ta' tkabbir għoli li jaħdmu fil-qasam tal-innovazzjoni tal-ICT għandhom pressjoni kbira biex jistabbilixxu pożizzjoni sostenibbli fis-suq,

N.

billi s-setturi privati u pubbliċi jeħtieġu li jinvestu fi pjattaformi u servizzi innovattivi ġodda bħal pereżempju, cloud computing, saħħa elettonika, miters intelliġenti, mobilità intelliġenti, eċċ.; billi t-tisħiħ tas-suq uniku Ewropew iżid l-interess fl-investimenti fl-ekonomija tal-Ewropa u fis-swieq, u jwassal għal aktar ekonomiji ta' skala,

O.

billi għadna ma ksibniex suq uniku diġitali li jaħdem b'mod sħiħ għal servizzi online u tal-komunikazzjonijiet fl-Ewropa; billi l-moviment ħieles ta' servizzi diġitali u l-kummerċ elettroniku transkonfinali llum il-ġurnata hu mxekkel bil-qawwi minn regoli frammentarji fil-livell nazzjonali, billi l-kumpaniji Ewropej u s-servizzi pubbliċi se jiksbu benefiċċji ekonomiċi u soċjali mill-użu ta' servizzi u applikazzjonijiet avvanzati tal-ICT,

P.

billi, filwaqt li l-Internet huwa l-aktar kanal bl-imnut li qed jikber malajr, id-divarju bejn il-kummerċ elettroniku domestiku u dak transkonfinali fl-UE qed jikber, billi jeżisti potenzjal konsiderevoli għall-iffrankar sostanzjali ta' flus permezz tan-negozju elettroniku transkonfinali għaċ-ċittadini tal-UE, kif imsemmi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-negozju transkonfinali san negozju elettroniku tal-konsum fl-UE (COM(2009)0557),

1.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposta għal aġenda u pjan ta' azzjoni diġitali ambizzjużi li tippermetti lill-Ewropa timxi 'l quddiem lejn soċjetà diġitali miftuħa u aktar sinjura li toffri opportunitajiet ekonomiċi, soċjali u kulturali liċ-ċittadini kollha; jipproponi li dan il-qafas il-ġdid jissejjaħ “aġenda 2015.eu” u għandu jissejjes fuq il-mudell ta' spirali ta' suċċess 2015.eu;

2.

Jisħaq l-importanza ta' sforzi kontinwi lejn aċċess minn kullimkien u b'veloċità għolja għall-broadband fiss u mobbli għaċ-ċittadini u l-konsumaturi kollha, inkluż il-ħarsien tal-kompetizzjoni għall-benefiċċju tal-konsumatur; jenfasizza li dan jeħtieġ politiki mmirati li jippromovu l-kompetizzjoni u l-investiment u l-innovazzjoni effikaċi f'infrastrutturi ta' aċċess mtejba u ġodda u f'għażla għall-konsumatur dwar l-għoti tal-aċċess, fuq termini ġusti u bi prezzijiet kompettitivi għaċ-ċittadini kollha, irrispettivament mill-post, biex b'hekk jiġi żgurat li l-ebda ċittadin Ewropew ma jiġi eskluż;

3.

Jemmen li kull familja fl-UE għandu jkollha aċċess broadband għall-Internet bi prezzijiet kompetittivi sal-2013; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jippromwovu kull strumenti ta' politika disponibbli biex jingħata aċċess għall-broadband b'veloċità għolja liċ-ċittadini Ewropej kollha, inkluż l-użu tal-Fondi Strutturali Ewropej u tad-dividend diġitali għall-estensjoni tal-kopertura u l-kwalità tal-broadband mobbli; barra minn hekk, jitlob, lill-Istati Membri sabiex jagħtu spinta ġdida lill-istrateġija Ewropea għall-aċċess għall-broadband b'veloċità għolja, l-iktar bl-aġġornament tal-miri nazzjonali għall-kopertura tal-broadbend b'veloċità għolja;

4.

Jinnota li hemm xi ambigwitajiet fir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li jista' jkollhom effett fuq is-servizzi tal-broadband appoġġjati mill-Komunità, partikolarment fir-rigward tal-kapaċità tal-awtoritajiet pubbliċi li jikkonsolidaw ir-rekwiżiti għan-netwerk tagħhom bħala l-bażi għal investiment ġdid; jitlob lill-Kummissjoni biex tittratta dawn il-problemi b'urġenza;

5.

Ifakkar li għandha tingħata attenzjoni partikolari liż-żoni rurali, liż-żoni effetwati minn transizzjoni industrijali, u lill-reġjuni li jsofru minn żvantaġġi naturali jew demografiċi permanenti, b'mod partikolari r-reġjuni l-iktar imbiegħda; jikkunsidra li s-soluzzjoni adegwata li tiżgura l-provvista ta' u l-aċċess effikaċi għall-Internet bil-broadband għaċ-ċittadini ta' dawn ir-reġjuni f'ħin xieraq u bi prezz raġonevoli għandha tkun permezz ta' teknoloġiji bla fili inkluż is-satellita, li jippermettu konnettività minn kullimkien għas-sinsla tal-Internet;

6.

Ifakkar li l-obbligi tas-servizz universali jikkorrispondu għal ġabra minima ta' servizzi ta' kwalità speċifika li l-utent aħħari, għandu jkollu aċċess aċċess għalihom bi prezz raġonevoli mingħajr tgħawwiġ tal-kompetittività u l-impożizzjoni ta' piż żejjed fuq il-konsumaturi u l-operaturi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex mingħajr dewmien tressaq ir-reviżjoni tant mistennija tagħha tas-servizz universali;

7.

Jenfasizza l-importanza li jkun iggarantit aċċess għall-utenti b'diżabilità aħħarin, ta' livell ekwivalenti daqs dak disponibbli għall-utenti aħħarin l-oħrajn, kif imħeġġeġ mill-Parlament Ewropew fir-reviżjoni tiegħu tad-Direttiva dwar is-Servizz Universali u d-Drittijiet tal-Utenti; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel ħilitha biex tqis il-ħtiġijiet tal-utenti b'diżabilità fl-“Aġenda 2015.eu”;

8.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex twettaq evalwazzjoni tal-impatt biex teżamina kif tista' sseħħ il-portabilità tan-numru madwar l-UE kollha;

9.

Jenfasizza l-importanza li l-Ewropa tibqa l-“kontinent mobbli” fid-dinja u li jiġi żgurat li 75 % tal-abbonati tat-telefown ċellulari jkunu utenti tal-broadband bla fili b'aċċess għal servizzi bla fili b'veloċità għolja sal-2015;

10.

Ifakkar il-ħtieġa li jitħaffef it-tixrid armonizzat tal-ispettru tad-dividend diġitali b'mod mhux diskriminatorju u mingħajr kompromess għas-servizzi ta' xandir eżistenti u mtejba;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex permezz tal-Kumitat għall-Ispettru tar-Radju tindirizza r-rekwiżiti prattiċi u tekniċi biex tiżgura d-disponibilità fil-ħin tal-ispettru, bi flessibilità suffiċjenti, biex jippermetti t-tixrid ta' teknoloġiji u servizzi ġodda, inklużi l-broadband bla fili; jistieden lill-Kummissjoni biex tirraporta dwar l-iżvilupp tas-suq tal-kompetizzjoni u tal-ispettru;

12.

Jenfasizza l-ħtieġa għal aktar evalwazzjoni u riċerka f'interferenza potenzjali bejn l-utenti attwali u futuri tal-ispettru sabiex jitnaqqsu l-konsegwenzi potenzjalment negattivi għall-konsumaturi;

13.

Jikkunsidra li hekk kif qegħdin jiżdiedu r-rati ta' aċċess għall-Internet, l-Istati Membri għandhom jippruvaw jiksbu konnessjoni ta' 50 % tad-djar fl-UE ma' netwerks b'veloċità għolja sal-2015 u ta' 100 % sal-2020, li jippermettu esperjenza affidabbli u mtejba tal-utent aħħari f'konformità mal-istennijiet u l-ħtiġijiet tal-konsumatur; ifakkar il-ħtieġa ta' qafas ta' politika xieraq għall-kisba ta' dawn l-għanijiet li jippermettu investiment privat, filwaqt li titħares il-kompetizzjoni u tissaħħaħ l-għażla tal-konsumatur;

14.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jittrasponu l-qafas regolatorju dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi qabel it-terminu stabbilit u jimplimentawh bis-sħiħ u biex fl-istess ħin jagħtu s-setgħa lir-regolaturi nazzjonali; jenfasizza li l-qafas il-ġdid jipprovdi għal ambjent regolatorju prevedibbli u konsistenti li jistimula l-investiment u jippromovi s-swieq kompetittivi għan-netwerks, prodotti u servizzi tal-ICT li jikkontribwixxu għal suq uniku mtejjeb għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni; jinsisti li kull gwida dwar l-applikazzjoni tal-pakkett tat-telekomunikazzjonijiet għall-Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss jeħtieġ li jkollu effett globali fuq il-kunċetti introdotti fid-direttivi biex jitrawwem it-tixrid ta' dawn in-netwerks;

15.

Iqis li huwa meħtieġ li tiżdied l-effikaċja tal-koordinazzjoni regolatorja billi jiżgura li l-BEREC ikun operazzjonali bis-sħiħ mill-aktar fis possibbli;

16.

Jitlob lill-partijiet interessati biex jadottaw mudelli miftuħa għall-iskjerar tan-netwerk tal-komunikazzjoni biex jgħin iżid l-innovazzjoni u jixpruna d-domanda;

17.

Ifakkar il-ħtieġa għat-trasparenza u l-prevedibilità tar-regolazzjoni u jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tintegra prinċipji ta' Regolazzjoni Aħjar fit-tħejjija ta' inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi, b'mod partikolari permezz ta' evalwazzjonijiet tal-impatt immirati u f'waqthom;

18.

Ifakkar li l-interoperabilità u l-aċċessibilità huma marbuta bejniethom u huma l-blokki li fuqhom se tinbena soċjetà tal-informazzjoni effiċjenti, sabiex il-prodotti, l-infrastrutturi u s-servizzi joperaw bejniethom sabiex l-Ewropej jkunu jistgħu jaċċedu għas-servizzi u d-data irrispettivament mis-softwer li jużaw;

19.

Jinsisti li l-kompetenzi diġitali huma kruċjali għall-soċjetà diġitali inklussiva u li kull ċittadin tal-UE għandu jingħata ħiliet u s-sjieda diġitali xierqa u jkollu l-inċentivi biex jiżviluppahom; jenfasizza li l-kompetenzi diġitali jistgħu jgħinu l-inklużjoni fis-soċjetà ta' persuni żvantaġġjati (jiġifieri nies anzjani u dawk bi dħul baxx); jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jittrattaw it-tieni qsim diġitali ġdid, id-differenzi bejn gruppi differenti tas-soċjetà fir-rigward tal-litteriżmu diġitali u l-użu tal-Internet; jenfasizza l-impenn ewlieni għat-tnaqqis bin-nofs tal-litteriżmu diġitali u tal-lakuni fil-kompetenzi sal-2015;

20.

Jitlob li jiġu rispettati t-trasparenza, l-aċċessibilità u l-ugwaljanza tal-opportunitajiet fl-użu tas-sistemi tal-ICT, bil-għan li jiġi faċilitat l-użu tagħhom għall-ikbar ammont possibbli ta' ċittadini Ewropej;

21.

Jenfasizza li l-iskejjel primarji u sekondarji kollha għandu jkollhom konnessjonijiet tal-Internet ta' kwalità sal-2013 u konnessjonijiet tal-Internet b'veloċità għolja sal-2015, bl-appoġġ tal-politika reġjonali u tal-koeżjoni; jenfasizza li t-taħriġ fl-ICT u t-tagħlim elettroniku għandhom ikunu parti integrali tal-attivitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja sabiex jippermettu programmi ta' edukazzjoni u taħriġ aħjar u aċċessibbli;

22.

Jirrikonoxxi l-importanza tat-tagħlim elettroniku bħala metodu ta' edukazzjoni adattat għall-innovazzjonijiet tal-ICT li jista' jissodisfa l-bżonnijiet ta' persuni li m'għandhomx aċċess faċli għall-metodi edukattivi konvenzjonali, iżda jenfasizza li l-bżonn li jkun hemm skambju ta' informazzjoni bejn l-għalliema, l-istudenti u partijiet oħra interessati huwa prerekwiżiti essenzjali. hu tal-fehma li skambji internazzjonali għandhom ukoll jiġu inkoraġġuti sabiex stabbilimenti edukattivi jerġgħu jiksbu r-rwol importanti tagħhom fil-promozzjoni tal-ftehim bejn il-popli;

23.

Jirrakkomanda l-introduzzjoni tal-kunċett ta' litteriżmu diġitali fis-sistemi edukattivi, li għandu jsir sa mil-livell ta' qabel l-iskola primarja, b'mod parallel mal-lingwi barranin, bl-għan li jitrawmu utenti kapaċi minn kmieni kemm jista' jkun;

24.

Jinnota l-importanza li ċ-ċittadini tal-UE jkunu mogħnija b'ħiliet diġitali biex jgħinuhom ħalli jisfruttaw bis-sħiħ il-benefiċċji ta' parteċipazzjoni fis-soċjetà diġitali; itenni l-ħtieġa li jiżgura li l-għarfien, il-ħiliet, il-kompetenza u l-kreattività tal-ħaddiema Ewropej jilħqu l-ogħla standards globali u li jkunu aġġornati ta' spiss; jemmen li l-litteriżmu u l-kompetenzi diġitali għandhom ikunu aspetti ċentrali tal-politiki tal-UE peress li huma l-ixprun ewlieni għas-soċjetà tal-innovazzjoni Ewropea;

25.

Jipproponi t-tnedija ta' “Pjan ta' azzjoni dwar il-litteriżmu diġitali” fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, li għandu jinkludi: opportunitajiet speċifiċi ta' taħriġ dwar il-litteriżmu diġitali għal nies qiegħda u għal gruppi li huma f'riskju ta' esklużjoni; inċentivi għall-inizjattivi mis-settur privat sabiex jipprovdu taħriġ dwar ħiliet diġitali lill-impjegati kollha; inizjattiva mifruxa mal-Ewropa kollha bl-isem ta' “Ħaddem rasek online!” sabiex tiffamiljarizza lill-istudenti, inklużi dawk impenjati fit-tagħlim tul il-ħajja u t-taħriġ professjonali, mal-użu sigur tal-ICT u tas-servizzi online; u skema ta' ċertifikazzjoni komuni tal-ICT fil-livell tal-UE;

26.

Jitlob lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jispiraw professjonisti żgħażagħ sabiex jagħżlu karriera fl-ICT; fl-istess ħin jitlob lill-Istati Membri biex jagħmlu aktar enfazi fil-programmi edukattivi nazzjonali tagħhom dwar suġġetti tax-xjenzi naturali, bħall-matematika u l-fiżika, għall-istudenti tal-iskola primarja; huwa tal-opinjoni li, ladarba hemm ħtieġa reali u urġenti għal azzjoni biex tintlaħaq it-talba għal ħiliet tal-ICT fl-Ewropa anki fit-terminu qasir għal medju, hija meħtieġa bażi tad-data għall-monitoraġġ tal-ħiliet elettroniċi aħjar; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jieħdu azzjonijiet oħra biex tinħoloq din il-bażi tad-data;

27.

Jenfasizza li ċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom jiġu mgħarrfa dwar id-drittijiet diġitali bażiċi u l-obbligi tagħhom permezz ta' Karta Ewropea tad-drittijiet taċ-ċittadini u tal-konsumaturi fl-ambjent diġitali; jemmen li din il-Karta għandha tikkonsolida l-acquis Komunitarju, inkluż, b'mod partikolari, d-drittijiet tal-utenti dwar il-ħarsien tal-privatezza, l-utenti vulnerabbli u l-kontenut diġitali kif ukoll l-iżgurar tal-interoperabilità ta' prestazzjoni xierqa; jerġa' jtenni d-drittijiet fl-ambjent diġitali għandhom jitqiesu fi ħdan il-qafas globali ta' drittijiet fundamentali;

28.

Jemmen bis-sħiħ li l-ħarsien tal-privatezza huwa valur ewlieni u li l-utenti kollha għandu jkollhom kontroll tad-data personali tagħhom, inkluż id-dritt li “jintesew”; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex ma tikkunsidrax biss il-ħarsien ta' kwistjonijiet ta' data u ta' privatezza bħal dawn, iżda l-aktar il-ħtiġijiet speċifiċi ta' minuri u adulti żgħażagħ fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposta għall-adattament tad-Direttiva għall-Ħarsien tad-Data għall-ambjent diġitali attwali;

29.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni ulterjuri sabiex itejbu s-sigurtà diġitali, sabiex jiġġieldu kontra ċ-ċiberkriminalità u l-ispam, għat-tisħiħ tal-kunfidenza tal-utenti u għall-iżgurar taċ-ċiberspazju tal-Unjoni Ewropea kontra kull tip ta' krimini u ksur; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jipparteċipaw u jsaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali f'dan il-qasam; Ifakkar lill-Istati Membri li kważi nofshom għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità u jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha sabiex jirratifikaw u jimplimentaq din il-Konvenzjoni;

30.

Jitlob lill-Istati Membri biex jieħdu passi bl-għan l-identifikazzjoni elettronika sigura tkun disponibbli għal kulħadd fl-Ewropa;

31.

Jinsisti dwar il-ħarsien ta' Internet miftuħ, fejn iċ-ċittadini u l-utenti tan-negozju jkollhom id-dritt għall-aċċess u t-tixrid ta' informazzjoni jew tħaddim ta' applikazzjonijiet u servizzi tal-għażla tagħhom, kif jipprovdi l-qafas regolatorju rivedut; jitlob lill-Kummissjoni, lill-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u lill-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali (NRAs) sabiex jippromwovu d-dispożizzjonijiet ta' “newtralità tan-net”, sabiex isegwu mill-qrib l-implimentazzjoni, u tirrapporta lill-Parlament qabel tmiem l-2010; Jikkunsidra li l-leġiżlazzjoni tal-UE għandha tħares id-dispożizzjoni “sempliċiment passaġġ” stabbilità fid-Direttiva dwar il-Kummerċ elettroniku (2000/31/KE) bħala mezz ewlieni li jippermetti kompetizzjoni ħielsa u miftuħa fis-suq diġitali;

32.

Jenfasizza li l-pluraliżmu, il-libertà tal-istampa u r-rispett għad-diversità kulturali huma valuri ewlenin u għanijiet aħħara tal-Unjoni Ewropea; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li l-politiki kollha tal-UE proposti jkunu f'konformità ma' dawn il-valuri u għanijiet;

33.

Jilqa b'sodisfazzjon l-implimentazzjoni mgħaġġla tal-leġiżlazzjoni dwar ir-roaming; jenfasizza l-ħtieġa ulterjuri għal monitoraġġ kontinwu tal-prezzijiet tar-roaming ċellulari fl-UE, inklużi dawk dwar ir-roaming tad-data; jistieden lill-BEREC sabiex twettaq analiżi indipendenti dwar metodi oħra minbarra l-kontroll tal-prezzijiet li jistgħu jintużaw sabiex jinħoloq suq kompetittiv intern għar-roaming; jistieden lill-Kummissjoni sabiex fuq il-bażi tal-analiżi tal-BEREC u tar-reviżjoni tagħha stess, tipproponi soluzzjoni fit-tul għall-problema tar-roaming qabel l-2013, sabiex tiżgura suq tar-roaming li jaħdem tajjeb, mibni fuq il-konsumatur u kompetittiv li jwassal għal prezzijiet orħos;

34.

Jenfasizza li s-servizzi diġitali jistgħu jikkrontribwixxu biex l-Ewropa tagħmel użu sħiħ mis-suq intern; Jitlob għal politika effettiva għas-suq uniku diġitali li twassal għal servizzi online fl-Ewropa li jkunu aktar kompetittivi, aċċessibbli, transkonfinali u trasparenti li jipprovdu l-ogħla livell possibbli ta' ħarsien tal-konsumatur u li jtemmu d-diskriminazzjoni territorjali; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE biex ineħħu l-ostakli regolatorji ewlenin għal transazzjonijiet transkonfinali online sal-2013; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tkompli l-evalwazzjoni kontinwa tal-acquis Komunitarju li jaffettwa s-suq uniku diġitali u biex tipproponi azzjoni leġiżlattiva immirata dwar l-impedimenti ewlenin;

35.

Isejjaħ għal studju dwar regoli armonizzati fi ħdan l-UE biex jippromwovu suq komuni fil-cloud computing u l-kummerċ elettroniku;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra miżuri biex tkompli żżid it-trasparenza tat-termini u tal-kundizzjonijiet u l-effikaċja tal-infurzar u l-indennizz transkonfinali; jenfasizza li l-iżvilupp b'suċċess ta' kummerċ online jeħtieġ distribuzzjoni effikaċi ta' prodotti u beni, u għalhekk jenfasizza l-ħtieġa għal implimentazzjoni rapida tat-Tielet Direttiva dwar il-Posta (2008/6/KE);

37.

Jemmen li l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-ambjent diġitali meħtieġ għall-intrapriżi, b'mod partikolari għall-SMEs; jistieden lill-Istati Membri sabiex joħolqu “one-stop-shops” għall-VAT sabiex jiffaċilitaw il-kummerċ elettroniku transkonfinali għall-SMEs u l-intraprendituri u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja l-użu mifrux ta' riċevuti elettroniċi;

38.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li, sal-2015, tal-anqas 50 % tal-akkwisti pubbliċi kollha jitwettqu b'mezzi elettroniċi, kif stabbilit mill-Pjan ta' Azzjoni maqbul fil-Konferenza Ministerjali dwar il-Gvern-e li saret f'Manchester fl-2005;

39.

Hu tal-opinjoni li, wara kważi għaxar snin mill-adozzjoni tagħhom, id-Direttivi dwar il-qafas ta' ħidma legali għas-soċjetà tal-informazzjoni jidher li għadda żmienhom minħabba l-kumplessità akbar tal-ambjent online, l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda u l-fatt li d-data taċ-ċittadini tal-UE kulma jmur dejjem aktar qed jiġu pproċessati barra mill-UE; jemmen li billi l-kwistjonijiet legali mqajma minn xi Direttivi jistgħu jissolvew permezz ta' tiġdid gradwali, Direttivi oħra għandhom bżonn ta' reviżjoni aktar radikali u li għandha tiġi promossa l-adozzjoni ta' qafas internazzjonali għall-protezzjoni tad-data;

40.

Jenfasizza l-valur potenzjali tal-bidla diġitali tas-servizzi pubbliċi (gvern-e) għaċ-ċittadini u l-impriżi, li tiggarantixxi provvista aktar effikaċi u personalizzata ta' servizzi pubbliċi; jitlob lill-Istati Membri sabiex jaħtfu l-għodda tal-ICT sabiex itejbu t-trasparenza u l-kontabilità tal-azzjoni tal-gvern u biex jikkontribwixxu għal demokrazija aktar parteċipattiva li tinvolvi l-gruppi soċjo-ekonomiċi kollha, tkabbar l-għarfien ta' utenti ġodda u l-ħolqien ta' fiduċja u kunfidenza; jitlob lill-Istati Membri sabiex ifasslu pjanijiet nazzjonali għall-bidla diġitali tas-servizzi pubbliċi, li għandhom jinkludu miri u miżuri biex is-servizzi pubbliċi jkunu kollha online u aċċessibbli għal persuni b'diżabilità sal-2015;

41.

Jenfasizza l-importanza tal-broadband għas-saħħa taċ-ċittadini Ewropej waqt li jippermetti l-użu ta' teknoloġiji tal-informazzjoni dwar is-saħħa effiċjenti, billi jtejbu l-kwalità tal-kura, u ġeografikament jestendu l-kura tas-saħħa għal żoni rurali insulari, fil-muntanji u popolati b'mod spars, jiffaċilitaw il-kura fid-dar u jnaqqsu trattamenti mhux meħtieġa u trasferimenti tal-pazjenti għaljin; ifakkar li l-broadband jista' jgħin biex iħares liċ-ċittadini Ewropej billi jiffaċilita u jippromwovi informazzjoni u proċeduri tas-sikurezza pubblika u r-reazzjoni għad-diżastri u l-irkupru;

42.

Jinnota li t-teknoloġiji tal-ICT huma ta' importanza partikoalri għal persuni b'diżabbiltà, li għandhom ħtieġa akbar minn ta' ħaddieħor għall-assistenza teknoloġika fl-attivitajiet tagħhom ta' kuljum; iqis li l-persuni b'diżabbiltà għandhom id-dritt jaqsmu, fuq termini ugwali, fl-iżvilupp rapidu ta' prodotti u servizzi dderivati mit-teknoloġiji l-ġodda, ġaladarba dan jippermettilhom jissieħbu f'soċjetà tal-informazzjoni inklussiva u bla ostakli;

43.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' żvilupp tal-“Ħames Libertà” biex tippermetti l-moviment ħieles ta' kontenut u għarfien, u biex sal-2015 jinkiseb qafas legali sempliċi u ta' użu faċli għall-konsumatur għall-aċċess tal-kontenut diġitali fl-Ewropa, li jagħti ċertezza lill-konsumaturi u jiżgura bilanċ bejn id-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet u l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-kontent u l-għarfien; iħeġġeġ lill-UE, sabiex fid-dawl tal-pass tal-iżvilupp teknoloġiku, tħaffef id-dibattitu dwar id-dritt tal-awtur u tanalizza l-impatt ta' titolu tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur skont l-Artikolu 118 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE sabiex tipprovdi ħarsien uniformi tad-drittijiet intelletwali tal-awtur madwar l-Unjoni kollha, sew online kif ukoll offline;

44.

Jirrikonoxxi l-fatt li l-industriji kreattivi u kulturali Ewropej mhux biss għandhom rwol essenzjali fil-promozzjoni tad-diversità kulturali, tal-pluraliżmu tal-midja u tad-demokrazija parteċipattiva fl-Ewropa, iżda huma wkoll mezz importanti ta' tkabbir sostenibbli fl-Ewropa, u għalhekk jista' jkollhom rwol deċiżiv fl-irkupru ekonomiku tal-UE; jirrikonoxxi l-bżonn li jitrawwem ambjent li jkompli jħeġġeġ l-industrija kreattiva; jistieden f'dan ir-rigward lill-Kummissjoni biex timplimenta l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali fl-inizjattivi politiċi kollha relatati mal-Aġenda Diġitali;

45.

Jenfasizza li aġenda diġitali Ewropea għandha tippromwovi l-produzzjoni u t-tixrid ta' kontenut ta' kwalità għolja u b'diversità kulturali fl-UE sabiex iċ-ċittadini tal-UE jingħataw inċentivi biex jadottaw teknoloġiji diġitali bħall-Internet, u biex il-benefiċċji kulturali u soċjali li jistgħu jgawdu minnhom iċ-ċittadini tal-UE permezz ta' dawk it-teknoloġiji jkunu kbar kemm jista' jkun; jirrakkomanda li titnieda kampanja ta' informazzjoni fil-livell tal-UE sabiex jinkiseb livell ogħla ta' għarfien, partikolarment permezz tal-iżvilupp u t-tixrid ta' kontenut kulturali diġitali; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra, fil-programm ta' ħidma leġiżlattiva tagħha, il-possibbiltà li l-Istati membri jitħallew japplikaw rata mnaqqsa tal-VAT għad-distribuzzjoni online tal-prodotti kulturali;

46.

Jenfasizza li l-Internet, li joffri ħafna opportunitajiet ġodda għat-tixrid ta' u l-aċċess għall-prodotti ta' ħidma kreattiva, jqiegħed ukoll sfidi ġodda għas-sigurtà taċ-ċiberspazju tal-Unjoni Ewropea kontra forom ġodda ta' kriminalità u ksur; jinnota li s-sanzjonijiet, bħala waħda mill-għodod possibbli fil-qasam tad-drittjiet tal-awtur, għandhom ikunu mmirati lejn l-isfruttaturi kummerċjali qabel iċ-ċittadini individwali, bħala punt ta' prinċipju;

47.

Jemmen li, fid-dawl tat-teknoloġiji l-ġodda, tal-mezzi l-ġodda għat-twassil diġitali u l-bidliet fl-aġir tal-konsumaturi, l-UE teħtieġ li tippromwovi linji ta' politika min-naħa tal-provvista u għandha tikkunsidra l-iżvilupp ulterjuri tar-regoli dwar il-liċnezjar u l-ikklerjar; jitlob għal sistema ta' ġestjoni trasparenti tad-drittijiet u ta' ikklerjar imtejba, aktar effiċjenti u aktar konsistenti għax-xogħolijiet mużikali u awdjoviżivi u għal aktar trasparenza u kompetizzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tal-ġbir tal-ġestjoni tad-drittijiet;

48.

Jenfasizza li għandha tingħata iktar attenzjoni, fl-Aġenda Diġitali ġdida, lid-diġitalizzazzjoni tal-patrimonju kulturali uniku tal-Ewropa u lit-titjib tal-aċċess taċ-ċittadini għalih; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipprovdu appoġġ finanzjarju adegwat għall-politika ta' diġitalizzazzjoni tal-UE, billi jħeġġeġ kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri biex isibu soluzzjonijiet adegwati għall-ostakli legali attwali;

49.

Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-ġejjieni tal-proġett a diġitali Ewropea jekk ma jsirux tibdiliet radikali fl-oqsma tal-format diġitali tal-librerija u l-ġestjoni, l-effiċjenza, il-fattibbiltà, is-siwi u l-medjatizzazzjoni fuq skala kbira tal-proġett;

50.

Jikkunsidra li, flimkien mal-iskjerament konsistenti tal-ICT, hu essenzjali li tiġi promossa l-eċċellenza fir-riċerka fl-ICT u li jitħeġġeġ l-investiment pubbliku u privat fir-riċerka u l-innovazzjoni ta' riskju għoli u kollaborattiva fl-ICT; jisħaq li l-Ewropa għandha tkun fuq quddiem nett fl-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-Internet, cloud computing, ambjenti intelliġenti u superkompjuters, u ta' applikazzjonijiet tal-ICT b'livelli baxxi ta' karbonju; jipproponi l-irduppjar tal-baġit tal-UE għar-riċerka dwar l-ICT u l-multiplikazzjoni b'erba' darbiet tal-baġit dwar it-tħaddim tal-ICT, fil-Perspettiva Finanzjarja li jmiss;

51.

Jiddeplora l-fatt li, fir-rigward ta' li jinġibed, jiġi żviluppat u jinżamm it-talent akkademiku fl-ICT, l-Ewropa għadha lura meta mqabbla ma' swieq oħra ewlenin u ġġarrab telf sostanzjali tal-imħuħ minħabba kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol għall-akkademiċi u r-riċerkaturi fl-Istati Uniti; jisħaq li, biex tindirizza din il-problema, l-Ewropa jeħtiġilha taħdem mad-dinja akkademika, flimkien mal-industrija, biex tiżviluppa programm vitali ta' żvilupp tal-karrieri li jappoġġa r-rwol kruċjali tal-komunità tar-riċerka xjentifika fi strateġija wiesgħa u ta' klassi dinjija għall-innovazzjoni fl-ICT;

52.

Jikkunsidra li sal-2015 l-istituzzjonijiet u l-infrastrutturi Ewropej tar-riċerka kollha għandhom jingħaqdu permezz tan-netwerk tat-trażmissjoni Gbps b'veloċità tassew għolja, waqt li tinħoloq intranet għall-komunità tar-riċerka Ewropea;

53.

Isejjaħ għal aktar investiment fl-użu ta' softwer b'sors miftuħ fl-UE;

54.

Jitlob li jsir investiment ġdid fir-riċerka sabiex jiġu implimentati aħjar l-istrumenti diġitali eżistenti, biex jiġi garantit l-aċċess taċ-ċittadini kollha għall-prodotti kulturali;

55.

Hu mħasseb bil-burokrazija żejda fil-Programm Kwadru tal-UE (FP); jitlob lill-Kummissjoni biex telimina l-burokraija żejda billi terġa tfassal il-proċessi tal-Programm Qafas bla ma tipperikola l- programm, u billi toħloq bord tal-utenti;

56.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta mal-Istati Membri b'liema mod id-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE dwar il-kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi u t-traspożizzjoni tagħhom jistgħu jappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni u, fejn xieraq, biex tidentifika l-aħjar prattiki; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw l-iżvilupp ta' indikaturi tal-innovazzjoni f'kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi;

57.

Ifakkar li l-kompetittivita fil-ġejjieni tal-Ewropa u l-kapaċità tagħha li tirkupra mill-kriżi ekonomika attwali fil-parti l-kbira jiddependu minn kemm hija kapaċi tiffaċilita l-iskjerament ġenerali u effikaċi tal-ICT fl-impriżi; jinnota madankollu li l-SMEs għandhom lura ħafna meta mqabbla ma' impriżi kbar u jiġbed attenzjoni speċjali għall-garanziji li għandhom jingħataw lil mikroimpriżi u impriżi żgħar biex jiżguraw li ma jiċċaħdux mill-benefiċċji tal-iżvilupp tal-ICTs; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jżidu l-appoġġ tal-SMEs fir-rigward tal-użu tal-għodod tal-ICT biex ikattru l-produttività tagħhom;

58.

Jappella lill-Kummissjoni biex tressaq pjan diġitali biex tippromwovi opportunitajiet tan-negozju online, primarjament immirati biex joffru alternattivi għal dawk in-nies li reċentement spiċċaw bla xogħol fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja. hu tal-fehma li l-pjan għandu jikkonsisti fid-disponibiltà ta' softwer u ħardwer għal but ta' kulħadd flimkien ma' konnessjoni tal-Internet b'xejn u konsulenza b'xejn;

59.

Jikkunsidra li l-aġenda 2015.eu għandha timmira biex tintegra l-ICT għall-ilħiq ta' ekonomija b'livelli baxxi ta' karbonju; jitlob l-isfruttar tat-teknoloġiji tal-ICT sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' 20-20-2- tal-istrateġija għall-Bidla fil-Klima; jikkunsidra li l-implimentazzjoni ta' applikazzjonijiet bħalma huma l-grids intelliġenti tal-enerġija, il-kejl intelliġenti, il-mobbiltà intelliġenti, il-ġestjoni intelliġenti tal-ilma u s-saħħa-e jeħtieġ li jitqiesu bħala inizjattivi ewlenin ta' 2015.eu; jindika wkoll li l-impatt tas-settur tal-ICT għandu jitnaqqas b'50 % sal-2015;

60.

Iqis li l-kummerċ internazzjonali għandu jkun immexxi mill-prinċipju tal-kummerċ ġust, bil-għan li jilħaq bilanċ tajjeb bejn il-ftuħ tas-swieq u l-protezzjoni leġittima ta' diversi setturi ekonomiċi, b'attenzjoni partikolari fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u dawk soċjali;

61.

Jikkunsidra li s-sjieda tal-aġenda 2015.eu mil-livelli politiċi u ġeografiċi kollha (UE, nazzjonali u reġjonali) fl-ispirtu tal-gvernanza fuq diversi livelli, kif ukoll il-viżibilità politika, huma prerekwiżiti essenzjali għall-implimentazzjoni effettiva; f'dan ir-rigward jipproponi l-organizzazzjoni perjodika ta' Samits dwar l-Aġenda Diġitali biex jirrivedu l-progress fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri u jġeddu l-ispinta politika;

62.

Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni b'mod speċifiku għall-ħtieġa li jitfasslu objettivi u miri SMART (speċifiċi, li jistgħu jitkejlu, adegwati, realistiċi u bi skadenzi fissi) u għall-adozzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni li jimmobbilizza l-istrumenti adegwati kollha tal-UE: finanzjament, strumenti semilegali, infurzar u, fejn meħtieġ, leġiżlazzjoni mmirata fl-oqsam ta' politika rilevanti kollha (jiġifieri l-politiki tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni, il-koeżjoni); jistieden lill-Kummissjoni sabiex twettaq reviżjoni regolari tal-kisbiet tal-istrateġija 2015.eu fuq il-bażi ta' firxa wiesgħa ta' indikaturi li jippermettu analiżi kwantitattiva u kwalitattiva tal-impatti soċjali u ekonomiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lll-Istati Membri biex jiżguraw koordinament adegwat fost il-programmi tal-UE, dawk nazzjonali u dawk reġjonali f'dan il-qasam;

63.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.


(1)  ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 133.

(2)  ĠU C 287 E, 29.11.2007, p. 364.

(3)  ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 87.

(4)  ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 370.